5.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 160/7


AVVIŻ TA’ REKLUTAĠĠ PE/289/S

DIRETTUR

(grupp ta’ funzjonijiet AD, grad 14)

Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku — Direttorat għall-Iżvilupp u s-Sostenn

(2023/C 160 A/02)

 

1.   Pożizzjoni Vakanti

Il-President tal-Parlament Ewropew iddeċiediet li tniedi proċedura għall-pożizzjoni ta’ direttur (AD, grad 14) fi ħdan id-Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku, id-Direttorat għall-Iżvilupp u s-Sostenn skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

Din il-proċedura ta’ selezzjoni, li għandha l-iskop li tagħti lill-Awtorità tal-Ħatra għażla akbar ta’ kandidati, se tiżvolġi b’mod parallel mal-proċedura interna u dik interistituzzjonali ta’ reklutaġġ.

Ir-reklutaġġ se jsir fil-grad AD 14 (2). Is-salarju bażiku huwa ta’ EUR 16 292,34 fix-xahar. Ma’ dan is-salarju bażiku, li huwa soġġett għat-taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni u eżentat mit-taxxa nazzjonali, jistgħu jiżdiedu ċerti allowances, skont il-kondizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal.

Il-kandidati għandhom jieħdu nota li dan l-impjieg huwa soġġett għar-regolament dwar il-politika tal-mobilità, li ġie adottat mill-Bureau tal-Parlament Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2018.

Dan l-impjieg jirrikjedi disponibilità kif ukoll kuntatt frekwenti ma’ nies fil-Parlament u barra minnu, b’mod partikolari mal-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-persuna reklutata bħala direttur se tkun mitluba twettaq missjonijiet frekwenti fil-postijiet tax-xogħol differenti tal-Parlament Ewropew u barra minnhom.

2.   Post tax-xogħol

Il-Lussemburgu. Dan l-impjieg jaf jiġi trasferit lejn wieħed mill-postijiet tax-xogħol l-oħra tal-Parlament Ewropew.

3.   Opportunitajiet Indaqs

Il-Parlament Ewropew japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u jaċċetta l-applikazzjonijiet mingħajr ebda diskriminazzjoni, kemm jekk tkun ibbażata fuq il-ġeneru, l-etniċità, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjonijiet politiċi jew oħrajn, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, l-orjentament sesswali, l-istat ċivili jew is-sitwazzjoni tal-familja.

4.   Deskrizzjoni tal-funzjonijiet

Bħala uffiċjal ta’ livell għoli, il-persuna reklutata bħala direttur, fid-dawl tal-linji gwida u d-deċiżjonijiet stabbiliti mill-awtorità parlamentari u mid-Direttur Ġenerali, tkun inkarigata minn dawn il-kompiti (3):

—

tiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ dipartiment kbir tas-Segretarjat Ġenerali li jinkludi diversi unitajiet li jkopru l-oqsma ta’ attività tad-direttorat, f’konformità mal-politiki tal-istituzzjoni,

—

tmexxi, tistimula, timmotiva u tikkoordina timijiet ta’ aġenti; taħdem biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi tad-dipartiment filwaqt li tiżgura servizz ta’ kwalità għolja (organizzazzjoni, ġestjoni tar-riżorsi umani u baġitarji, innovazzjoni, eċċ.) fl-oqsma ta’ attività tiegħu,

—

tippjana l-attivitajiet tad-direttorat (definizzjoni tal-objettivi u l-istrateġiji); tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti; tivvaluta s-servizzi pprovduti bl-iskop li tiggarantixxi l-kwalità tagħhom,

—

tagħti pariri lid-Direttur Ġenerali, lis-Segretarju Ġenerali u lill-Membri tal-Parlament Ewropew fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat,

—

tikkoopera mad-direttorati differenti tas-Segretarjat Ġenerali, tirrappreżenta lill-istituzzjoni u tinnegozja kuntratti jew ftehimiet fl-oqsma ta’ attività tad-direttorat,

—

tiġġestixxi u twassal fi tmiemhom proġetti speċifiċi li jistgħu jinvolvu responsabilitajiet finanzjarji,

—

twettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

5.   Rekwiżiti ta’ eliġibilità

Din il-proċedura ta’ selezzjoni hija miftuħa għall-kandidati kollha li, sad-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet, ikunu ssodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

Rekwiżiti ġenerali

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal, jeħtieġ b’mod partikolari li l-kandidati:

—

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (4),

—

igawdu mid-drittijiet ċivili tagħhom,

—

ikunu ssodisfaw kull obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar is-servizz militari,

—

joffru l-garanziji ta’ moralità mitluba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet previsti.

(b)

Rekwiżiti speċifiċi

(i)

Kwalifiki u diplomi meħtieġa

—

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni, meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ erba’ snin jew aktar,

jew

—

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ċċertifikati b’diploma rikonoxxuta uffiċjalment f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni flimkien ma’ esperjenza professjonali xierqa ta’ sena jew aktar (5) meta l-perjodu normali ta’ dawn l-istudji universitarji jkun ta’ tliet snin jew aktar.

Id-diplomi, kemm jekk maħruġa fi Stat Membru tal-Unjoni jew f’pajjiż ieħor, iridu jkunu rikonoxxuti minn korp uffiċjali ta’ Stat Membru tal-Unjoni, bħall-ministeru tal-edukazzjoni ta’ Stat Membru.

Il-kandidati li jkollhom diplomi maħruġa f’pajjiż mhux tal-UE (6) jeħtiġilhom jehmżu mal-applikazzjoni tagħhom ekwivalenza tal-UE għad-diplomi tagħhom. Għal aktar informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki mhux tal-UE fin-networks ENIC-NARIC, ara https://www.enic-naric.net/

(ii)

Esperjenza professjonali meħtieġa

Esperjenza professjonali miksuba wara li jkunu nkisbu l-kwalifiki msemmija hawn fuq:

—

tnax-il sena, li għall-inqas parzjalment ikunu nkisbu fl-oqsma ta’ attività tad-Direttorat u li jkunu jinkludu minimu ta’ sitt snin f’ambjent Ewropew u/jew internazzjonali, u minimu ta’ sitt snin f’funzjonijiet ta’ ġestjoni f’dipartiment kbir.

(iii)

Għarfien lingwistiku

Il-pożizzjoni teżiġi għarfien komplut ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (7), kif ukoll għarfien sodisfaċenti ta’ mill-inqas lingwa waħda oħra minnhom.

Il-Kumitat Konsultattiv iqis ukoll l-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

6.   Testijiet

Sabiex jgħin lill-Awtorità tal-Ħatra fl-għażla tagħha, il-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatra ta’ Uffiċjali Għolja jistabbilixxi l-lista ta’ kandidati u jirrakkomanda lill-Bureau tal-Parlament Ewropew il-persuni li għandhom jiġu mistiedna għal intervista. Il-Bureau jiffinalizza l-lista ta’ dawn il-persuni, filwaqt li l-Kumitat jagħmel l-intervisti u jippreżenta r-rapport finali tiegħu lill-Bureau għad-deċiżjoni. F’dan il-qafas, il-Bureau jkun jista’ jipproċedi għas-smigħ tal-kandidati.

L-intervisti jkunu bbażati fuq id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet, kif imsemmija fil-punt 4 ta’ dan l-avviż, kif ukoll fuq il-kapaċitajiet li ġejjin:

—

sens ta’ strateġija,

—

kapaċità maniġerjali,

—

kapaċità ta’ ppjanar bil-quddiem,

—

kapaċità ta’ reazzjoni għall-avvenimenti,

—

approċċ metikoluż,

—

kapaċità ta’ komunikazzjoni.

7.   Tressiq tal-applikazzjonijiet

Id-data li fiha jagħlqu l-applikazzjonijiet hija:

il-Ġimgħa, 26 ta’ Mejju 2023 f’12.00 (nofsinhar), ħin ta’ Brussell.

Il-kandidati huma mitluba jibagħtu, permezz ta’ email biss, f’format pdf, ittra ta’ motivazzjoni (GGħall-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, Avviż ta’ reklutaġġ numru PE/289/S) u curriculum vitae fil-format tal-Europass (8), b’indikazzjoni tar-referenza tal-avviż (PE/289/S) fis-suġġett tal-messaġġ, fl-indirizz li ġej:

PERS-EPSeniorManagement@ep.europa.eu

u jitqiesu bħala prova d-data u l-ħin tat-trażmissjoni tal-email.

Il-kandidati jeħtiġilhom jiżguraw li d-dokumenti skennjati jkunu jistgħu jinqraw.

Il-kandidati li jissejħu għal intervista jeħtiġilhom jieħdu nota li jridu jipprovdu, sad-data tal-intervista, kopji jew fotokopji tad-dokumenti li jikkonfermaw l-istudji tagħhom, kif ukoll l-esperjenza professjonali tagħhom u l-attività li jeżerċitaw fil-preżent (9) . L-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jingħata lura lill-kandidati.

Id-data ta’ natura personali li l-kandidati jibagħtu fil-qafas ta’ din il-proċedura ta’ selezzjoni se tkun ipproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), speċjalment f’dak li jirrigwarda l-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali data.


(1)  Ara r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1) emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 723/2004 (ĠU L 124, 27.4.2004, p. 1) kif ukoll mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(2)  Bħala uffiċjal, il-persuna reklutata tingħata grad skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(3)  Għall-kompiti prinċipali, ara l-Anness.

(4)  L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma: il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja.

(5)  Din is-sena ta’ esperjenza ma titqiesx għall-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali li jirreferi għaliha l-punt li jmiss.

(6)  Il-kwalifiki/diplomi Brittaniċi miksuba sal-31.12.2020 jiġu aċċettati mingħajr rikonoxximent ieħor. Għad-diplomi miksuba wara din id-data, rikonoxximent NARIC huwa meħtieġ. Fil-prattika, dan ifisser li d-diplomi Brittaniċi mogħtija mill-1 ta’ Jannar 2021 iridu jkunu akkumpanjati minn ekwivalenza mogħtija minn awtorità kompetenti ta’ Stat li jkun membru tal-UE.

(7)  Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

(8)  https://europa.eu/europass/

(9)  Dan ma japplikax għall-kandidati li jkunu fis-servizz tal-Parlament Ewropew fid-data meta jagħlqu l-applikazzjonijiet. Hija r-responsabbiltà tal-kandidati li jiżguraw li s-servizzi tal-Parlament ikollhom il-fajl komplut li jikkorrispondi għall-applikazzjoni tagħhom (f’każ li d-dokumenti rilevanti jkunu neqsin fil-Portal HRM (Streamline)).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Direttorat Ġenerali għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku — Direttorat għall-Iżvilupp u s-Sostenn

Dmirijiet prinċipali

(Dipartiment magħmul minn 196 aġent: 91 uffiċjal, 13-il aġent temporanju u 92 aġent kuntrattwali)

18.4.2023

—

Jiżgura l-koordinazzjoni tal-PSMO u l-akkwist ta’ software;

—

jiżgura l-ġestjoni, il-koordinazzjoni u l-animazzjoni tal-unitajiet u s-servizzi tad-Direttorat; jiżgura li l-attivitajiet tal-unitajiet ikunu konsistenti mad-dikjarazzjoni tal-missjoni tad-Direttorat; jieħu deċiżjonijiet dwar għażliet strateġiċi tal-IT mil-lat maniġerjali u tekniku;

—

jiżgura l-koerenza tal-proċessi interni tad-Direttorat;

—

jiżgura r-relazzjonijiet mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi u d-Direttorati Ġenerali utenti;

—

jiġġestixxi r-riskji inerenti tal-attivitajiet tad-Direttorat;

—

jiġġestixxi r-relazzjonijiet mal-fornituri attwali u prospettivi;

—

iwettaq il-funzjonijiet ta’ uffiċjal awtorizzanti b’sottodelega.

UNITÀ TAS-SOSTENN GĦALL-UTENTI

+ Ġestjoni Operattiva

+ Ġestjoni tas-Servizzi

+ Kwalità

—

Tipprovdi servizzi tal-IT ta’ kwalità għolja lill-persunal u lil aġenti oħra tal-PE, tal-APPF, tal-KEPD u tal-EDPB permezz tad-diversi timijiet operazzjonali tagħha (Service Desk, App Support, Local Logistics Support, Proximity Support, Mobile Support, Mobile Device Management, Workstation Management u Local Server Administration);

—

tipprovdi sostenn liċ-ċittadini u lill-persunal tal-Parlament għat-trasferiment ta’ telefonati, kif ukoll informazzjoni ta’ kuntatt u informazzjoni ta’ sfond dwar il-bini u l-avvenimenti tal-Parlament Ewropew;

—

tipprovdi u tiżviluppa għodod għall-ġestjoni tas-servizzi tal-ICT għall-Unità ta’ Sostenn u lil entitajiet oħra tal-PE; tiġġestixxi l-proċessi ta’ ġestjoni tal-kwalità bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet tal-ITIL; tkejjel il-prestazzjoni u l-effiċjenza tas-servizzi tal-unità kif ukoll is-sodisfazzjon tal-utenti, sabiex tipproponi titjib;

—

tipprovdi servizz ta’ dokumentazzjoni teknika; tiġġestixxi u tabbozza d-dokumentazzjoni tal-unità, inkluż il-katalgu tas-servizzi; tiġġestixxi r-relazzjonijiet mal-utenti; twettaq attivitajiet ta’ informazzjoni u kollaborazzjoni biex l-utenti jibqgħu konxji minn dak li jaffettwahom u jifhmu aħjar il-ħtiġijiet tagħhom;

—

tiddefendi l-interessi tal-utenti u taqdi rwol orizzontali fi ħdan id-diversi timijiet involuti fil-forniment ta’ servizzi tal-IT sabiex tipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-proġetti u l-objettivi tad-DĠ ITEC, filwaqt li tiżgura s-sigurtà, il-konformità u l-aspetti tal-protezzjoni tad-data għas-servizzi ġestiti mill-unità;

—

tfittex u tmexxi inizjattivi biex jittejbu s-servizzi rilevanti tal-IT, għall-utenti, filwaqt li tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati differenti; tabbozza u żżomm dokumentazzjoni għas-servizzi tal-IT ikkonċernati u taġġorna l-paġni tal-intranet rilevanti, is-siti kollaborattivi, il-gwidi għall-utenti u d-dokumentazzjoni tas-servizz.

UNITÀ TAL-ESPERJENZA DIĠITALI TAL-MEMBRI

+ Assistenza lill-Ambjent tax-Xogħol Diġitali

+ Komunikazzjoni Informatika tal-Membri

—

Tipprovdi servizz tal-IT immirat u bbażat fil-komunità għall-Membri u l-assistenti tagħhom; tiżgura l-assistenza fl-attivitajiet remoti tal-Parlament, inklużi laqgħat mill-bogħod u ibridi; tiżgura monitoraġġ tal-kwalità, ġestjoni tal-problemi, tal-inċidenti u tat-talbiet, kif ukoll djalogu mal-utenti; tiżgura d-distribuzzjoni tat-tagħmir tal-IT previst fl-allokazzjoni;

—

tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-proġetti tad-DĠ li jikkonċernaw il-Membri u l-assistenti tagħhom; tipparteċipa fil-konsolidazzjoni ta’ Parlament ibridu u aktar ċibersigurtà għall-utenti (eż. it-tisħiħ tas-servizz ta’ spyware fuq apparat mobbli);

—

tikkontribwixxi għall-aġġornament ta’ miżuri li jikkonċernaw it-tagħmir tal-IT tal-Membri u l-assistenti u s-segwitu ta’ gwidi mmirati lejn l-istess udjenza, b’mod partikolari fuq l-intranet; tiżgura l-iskjerament ta’ Teams, u toffri taħriġ fi grupp jew taħriġ personalizzat kif meħtieġ mill-Kabinetti;

—

torganizza taħriġ multilingwi, personalizzat jew fi gruppi, fuq il-post u/jew online, kif ukoll filmati/tutorials għall-Membri u l-assistenti tagħhom biex isiru jafu aktar dwar il-materjal tal-IT u l-mezzi ta’ komunikazzjoni disponibbli għalihom; tiżgura l-insegwiment tal-ħtiġijiet il-ġodda tagħhom; tħejji t-tagħmir u t-taħriġ meħtieġa matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni elettorali (tmiem u bidu tal-leġiżlatura).

UNITÀ TAS-SISTEMI INFORMATIĊI LEĠIŻLATTIVI

+ Pakkett e-Parliament

+ Soluzzjonijiet

+ Sistemi Parlamentari

+ Sistemi leġiżlattivi

—

Tipprovdi sistemi tal-IT għall-iżvolġiment tajjeb tal-attivitajiet leġiżlattivi ewlenin; tiżviluppa u żżomm aġġornati dawn is-sistemi taħt it-tmexxija tal-entitajiet ta’ governanza tal-attivitajiet leġiżlattivi; taderixxi mal-qafas strateġiku għall-applikazzjonijiet tal-IT tal-Parlament, tiġġieled l-obsolexxenza u tiġġestixxi ċ-ċiklu tal-ħajja tal-applikazzjonijiet abbażi ta’ kosteffiċjenza ottimali;

—

tiġġestixxi u timplimenta l-komponent “Mill-Parlament elettroniku għal-Leġiżlazzjoni elettronika” tal-PPP;

—

tipproċedi għal għażla u għal implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi, tiżviluppa, iżżomm aġġornati u tippromwovi tali soluzzjonijiet u toffri l-appoġġ tekniku relatat, tkun fuq quddiem nett tal-ħiliet teknoloġiċi biex tipparteċipa fl-iżvilupp ta’ proġetti mid-disinn sal-varar, u tospita l-pjattaforma tal-għodod għall-iżvilupp;

—

tattwa l-parti tal-IT tal-komponent tad-“Data Miftuħa” tal-PPP abbażi tal-ġestjoni tal-għarfien;

—

twettaq kompiti amministrattivi: riżorsi umani u finanzjarji, rapporti ta’ attività, kuntratti, laqgħat;

—

tiżviluppa, tappoġġja, iżżomm aġġornati, tippromwovi u tospita soluzzjonijiet kollaborattivi.

UNITÀ TAS-SISTEMI INFORMATIĊI TAL-IMPRIŻA

+ Sistemi għall-Membri

+ Sistemi Ċentrali

+ Sistemi tar-Riżorsi Umani

+ Sistemi tal-Ippjanar tar-Riżorsi tal-Impriża

+ Sistemi ta’ Komunikazzjoni

—

Tipprovdi servizzi għal għadd kbir ta’ applikazzjonijiet tal-IT fil-qasam tas-sistemi ċentrali, is-sistemi ERP, is-servizzi relatati mal-Membri, l-interpretazzjoni, ir-riżorsi umani, u l-preżenza tal-Parlament fuq l-Internet;

—

timplimenta l-Qafas tal-Istrateġija tal-Applikazzjonijiet tal-IT u l-Programm tal-IT tal-Parlament, b’attenzjoni partikolari għall-istrateġija “aqsam qabel tixtri u qabel tibni”;

—

tintroduċi għadd ta’ ċentri ta’ kompetenza madwar standard komuni tal-komponenti tal-IT (SAP, SAP BI, HERMES/Documentum, Siti web pubbliċi u aċċessibbiltà għall-web, għodod ta’ żvilupp front-end, eċċ.);

—

tipparteċipa fil-programmi “Programm ta’ Adozzjoni tal-Cloud għall-Applikazzjonijiet” u “Ottimizzazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja tas-Software” (DevSecOps &containers) sabiex tħeġġeġ l-użu ta’ teknoloġiji ġodda tal-“cloud” fost it-timijiet ta’ żvilupp u manutenzjoni;

—

tipparteċipa fil-programm “Obsolexxenza” għas-sostituzzjoni tal-applikazzjonijiet qodma u pjattaformi tekniċi li m’għadhomx standard.

UNITÀ TAS-SOSTENN GĦALL-PROĠETTI

+ Uffiċċju ta’ ġestjoni tas-sostenn għall-proġetti

+ Garanzija tal-Kwalità u t-Testijiet

+ Analiżi u Arkitettura Istituzzjonali

+ Selezzjoni tas-Software Istituzzjonali

—

Tiġġestixxi l-portafoll tal-IT tal-PE u tmexxi l-proċess tal-Programm Agile tal-IT;

—

tforni ttestjar funzjonali, ta’ sigurtà, ta’ apparat mobbli u tal-ergonomija għal proġetti tal-IT u attivitajiet ta’ manutenzjoni fil-PE kollu;

—

tiġġestixxi Proġetti ta’ Għażla ta’ Software tan-Negozju, bil-ħsieb li tuża mill-ġdid jew jixtri soluzzjonijiet tal-IT mis-suq u tintegrahom fix-xenarju tal-IT tal-PE;

—

tiġġestixxi u tissorvelja l-ambjent tal-ittestjar tal-integrazzjoni u s-servizzi tal-ittestjar tal-ITEC għall-validazzjoni tal-ittestjar unifikat ta’ pajsaġġi tal-applikazzjonijiet fuq skala kbira;

—

tiġġestixxi l-Proċess ta’ Għażla ta’ Software, bl-għan ta’ użu mill-ġdid jew akkwist ta’ applikazzjonijiet sempliċi desktop u għodod tekniċi;

—

tiddefinixxi, issostni u ssaħħaħ il-metodoloġiji tal-Ġestjoni tal-Proġetti għall-PE, billi tipprovdi gwida għal kull tip ta’ proġett u oqsma ta’ għarfien relatati;

—

taġġorna, iżżomm u tespandi l-katalogu tas-Software.