SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
8 ta’ Lulju 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1072/2009 – Artikolu 1(5)(d) – Artikolu 8 – Trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq li jitlaq minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor – Trasport b’kabotaġġ wara dan it-trasport internazzjonali fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru – Restrizzjonijiet – Rekwiżit ta’ liċenzja Komunitarja u, jekk ikun il-każ, ta’ awtorizzazzjoni ta’ trasport – Eċċezzjonijiet – Trasport b’kabotaġġ wara trasport internazzjonali għall-kont proprju – Kundizzjonijiet”
Fil-Kawża C‑937/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura
KA,
fil-preżenza ta’:
Staatsanwaltschaft Köln,
Bundesamt für Güterverkehr,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn N. Wahl, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal KA, minn S. Domaradzki, adwokat, |
|
– |
għall-Bundesamt für Güterverkehr, minn A. Marquardt, bħala aġent, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u C. Vrignon, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009, L 300, p. 72, rettifika fil-ĠU 2018, L 241, p. 14). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, KA, u l-Bundesamt für Güterverkehr (l-Uffiċċju Federali tat-Trasport ta’ Merkanzija, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“BAG”), dwar l-impożizzjoni ta’ multa għall-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasport b’kabotaġġ. |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
Il-premessi 13 u 15 tar-Regolament Nru 1072/2009 jgħidu li:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi li: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq internazzjonali tal-merkanzija bil-kiri jew b’kumpens għall-vjaġġi li jsiru fit-territorju [tal-Unjoni Ewropea]. […] 4. Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport bit-triq nazzjonali tal-merkanzija li jitwettaq fuq bażi temporanja minn trasportatur mhux residenti kif previst fil-Kapitolu III. 5. It-tipi ta’ trasport u vjaġġi mingħajr tagħbija li ġejjin, magħmulin b’rabta ma’ tali trasport m’għandhomx jeħtieġu liċenzja tal-Komunità u għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe awtorizzazzjoni għat-trasport:
[…] 6. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 m’għandhomx jaffettwaw il-kondizzjonijiet li taħthom kull Stat Membru jawtorizza liċ-ċittadini tiegħu biex jingaġġaw fl-attivitajiet imsemmija f’dak il-paragrafu.” |
|
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
[…]” |
|
6 |
Il-Kapitolu II tal-istess regolament, intitolat “Trasport internazzjonali”, jinkludi l-Artikolu 3 tiegħu, li jipprevedi li: “It-trasport internazzjonali għandu jkun soġġett għall-pussess ta’ liċenza Komunitarja u, jekk ix-xufier huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, flimkien mal-attestazzjoni ta’ xufier.” |
|
7 |
L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1072/2009, intitolat “Liċenza Komunitarja”, li jinsab ukoll fil-Kapitolu II tiegħu, huwa fformulat kif ġej: “1. Il-liċenza Komunitarja għandha tinħareġ minn Stat Membru, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, lil kwalunkwe trasportatur li jġorr merkanzija bit-triq b’kera jew b’kumpens li:
2. Il-liċenza Komunitarja għandha tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-istabbiliment għal perijodi ta’ mhux aktar minn għaxar snin li jiġġeddu. […]” |
|
8 |
Il-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kabotaġġ”, jinkludi l-Artikolu 8 tiegħu, li jipprevedi li: “1. Kull trasportatur b’kiri jew qligħ, li huwa detentur ta’ liċenza Komunitarja u li x-xufier tiegħu, jekk ikun ċittadin ta’ pajjiż terz, ikollu l-attestazzjoni tax-xufier, ikun intitolat, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu, iwettaq operazzjonijiet ta’ kabotaġġ. 2. Ladarba l-merkanzija li tinġarr tul vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel tiġi kkunsinjata, it-trasportaturi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikun permessi jwettqu, bl-istess vettura, jew, fil-każ ta’ vetturi mgħaqqdin, il-vettura bil-mutur ta’ dik l-istess vettura, sa tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ wara t-trasport internazzjonali minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz għall-Istat Membru ospitanti. […] 3. Servizzi nazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija mwettqin fl-Istat Membru ospitanti minn trasportatur mhux residenti għandhom jitqiesu li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament biss jekk it-trasportatur jista’ jipproduċi prova ċara tat-trasport internazzjonali li jkun dieħelu ta’ kull operazzjoni konsekuttiva ta’ kabotaġġ imwettqa. L-evidenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi mill-inqas id-dettalji li ġejjin għal kull operazzjoni:
4. Ma għandu jkun meħtieġ l-ebda dokument addizzjonali biex tingħata prova li l-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu kienu sodisfati. 5. Kull trasportatur li jkun intitolat fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit, skont il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, li jagħmel l-operazzjonijiet ta’ trasport bit-triq tal-merkanzija b’kiri jew bi ħlas li huma speċifikati fl-Artikolu 1 (5)(a), (b) u ((c) għandu jitħalla, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu, li jagħmel, skont ma jkun il-każ, operazzjonijiet ta’ kabotaġġ tal-istess għamla jew l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ permezz ta’ vetturi fl-istess kategorija. 6. Il-permess sabiex isiru l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, fil-qafas tat-tipi ta’ tagħbija msemmijin fl-Artikolu 1(5)(d) u (e), m’għandux ikun ristrett.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
9 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa proprjetarju ta’ impriża stabbilita fil-Polonja, li timmanifattura kontenituri tal-ippakkjar tal-injam u li twettaq trasport ta’ merkanzija. Din l-impriża għandha liċenzja Komunitarja. |
|
10 |
Fl‑10 ta’ Lulju 2018, trakk irreġistrat fil-Polonja, li jappartjeni lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, kien suġġett għal spezzjoni mal-ġenb tat-triq meta kien qed jittrasporta karti u kartun minn punt ta’ tagħbija li jinsab f’Krostitz (il-Ġermanja) sa punt ta’ ħatt li jinsab fi Schwedt-sur-Oder (il-Ġermanja). Ġie kkonstatat li huwa kien qiegħed iwettaq trasport b’kabotaġġ attestat permezz tad-dokumenti xierqa, jiġifieri nota ta’ kunsinna, ordni ta’ trasport u folja tal-użin. |
|
11 |
Waqt din l-ispezzjoni mal-ġenb tat-triq, ġiet ippreżentata polza tal-vjeġġ imsejħa “CMR” (Cargo Movement Requirement) sabiex jiġi ġġustifikat li t-trasport b’kabotaġġ kkonċernat kien seħħ wara trasport internazzjonali minn Stat Membru ieħor lejn l-Istat Membru ospitanti, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009. Mid-dokument hekk ippreżentat jirriżulta li, fl-istess jum, it-trakk ikkonċernat kien ittrasporta, mill-fabbrika tal-impriża li tappartjeni lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li tinsab fil-Polonja, merkanzija mmanifatturata u mibjugħa minn din l-impriża lil klijent li jinsab fi Freital (il-Ġermanja). |
|
12 |
Fid‑9 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, fil-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju tat-trasportatur, instema’ mill-BAG. Hemmhekk huwa ddikjara li t-trasport b’kabotaġġ, li kien twettaq fit-triq lura lejn il-Polonja, kien awtorizzat skont l-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 1072/2009, peress li kien seħħ wara trasport internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d) ta’ dan ir-regolament. |
|
13 |
Il-BAG qies li l-Artikolu 1(5)(d) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 ma setgħux jingħaqdu flimkien. Fil-fehma tiegħu, jekk trasportatur li wettaq trasport internazzjonali ta’ merkanzija għall-kont proprju, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d) ta’ dan ir-regolament, li jitlaq minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, kien awtorizzat iwettaq trasport b’kabotaġġ wara dan it-trasport internazzjonali, skont l-Artikolu 8(2) tiegħu, dan irendi diffiċli, jew saħansitra impossibbli, il-kontroll mill-awtoritajiet kompetenti tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasport b’kabotaġġ, peress li t-trasportatur li jwettaq trasport internazzjonali ta’ merkanzija għall-kont proprju ma jkunx suġġett għar-rekwiżit ta’ detenzjoni ta’ liċenzja Komunitarja jew ta’ produzzjoni tal-provi msemmija fl-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament. |
|
14 |
Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2018, il-BAG impona fuq ir-rikorrent fil-kawża prinċipali multa fl-ammont ta’ EUR 1250 għal ksur tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport b’kabotaġġ. |
|
15 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
16 |
Din il-qorti tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk trasportatur li, skont l-Artikolu 1(5)(d) tar-Regolament Nru 1072/2009, ikun wettaq trasport internazzjonali ta’ merkanzija li jitlaq Stat Membru lejn Stat Membru ieħor huwiex awtorizzat iwettaq trasport b’kabotaġġ wara dan it-trasport internazzjonali fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament. Hija tistaqsi, b’mod iktar partikolari, dwar il-kwistjoni jekk tali trasport internazzjonali jikkostitwixxix trasport internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament. Fil-fehma tagħha, din il-kwistjoni ma tidhirx li hija ttrattata b’mod uniformi fl-Istati Membri, b’mod partikolari fil-Polonja u fil-Ġermanja. |
|
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Köln (il-Qorti Distrettwali ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(2) tar-[Regolament Nru 1072/2009] għandha tiġi interpretata fis-sens li jikkostitwixxi wkoll trasport internazzjonali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni meta dan it-trasport iseħħ fil-kuntest ta’ trasport skont l-Artikolu 1(5)(d) ta’ dan ir-regolament?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
18 |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, billi jsostni li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hekk mitluba ma hijiex neċessarja għar-riżoluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula lilha. |
|
19 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huma biss il-qrati nazzjonali, li ġew aditi bit-tilwima u li għandhom jassumu r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu s-sentenza tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod ċar li l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punti 28 u 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
20 |
Issa, f’dan il-każ, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(5)(d) u tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009, mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, tikkonċerna problema ta’ natura ipotetika, jew ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda li saritilha. Għall-kuntrarju, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tesprimi, b’mod motivat, dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati u tipprovdi, f’dan ir-rigward, espożizzjoni tal-fatti ddettaljata. |
|
21 |
Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
22 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi t-tilwima li biha ġiet adita. F’dan il-kuntest, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu t-tilwimiet li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati espressament fid-domandi magħmula lilha minn dawn il-qrati (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Crespo Rey, C‑2/17, EU:C:2018:511, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Konsegwentement, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) u tal-Artikolu 1(5)(d) tar-Regolament Nru 1072/2009, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, Crespo Rey, C‑2/17, EU:C:2018:511, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk trasportatur li jkun wettaq trasport internazzjonali ta’ merkanzija għall-kont proprju, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d) tar-Regolament Nru 1072/2009, li jitlaq minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor huwiex awtorizzat iwettaq trasport b’kabotaġġ wara dan it-trasport internazzjonali fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament. |
|
25 |
Barra minn hekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jirrikonoxxi huwa stess li, qabel ma ntuża sabiex jitwettaq it-trasport b’kabotaġġ li kien suġġett għal spezzjoni mal-ġenb tat-triq, it-trakk tiegħu ttrasporta merkanzija mmanifatturata u mibjugħa minnu mill-fabbrika tiegħu fil-Polonja, lejn l-impriża tal-klijent li xtrahom, li tinsab fil-Ġermanja, liema fatt ma huwiex ikkontestat. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li tali trasport jikkostitwixxi trasport internazzjonali ta’ merkanzija għall-kont proprju, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d)(i) sa (v) tar-Regolament Nru 1072/2009, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit stabbilit fil-punt (v), marbut man-natura anċillari ta’ dan it-trasport fil-kuntest tal-attivitajiet kollha tal-impriża. |
|
26 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża, essenzjalment, sabiex isir magħruf jekk ir-Regolament Nru 1072/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li trasportatur ta’ merkanzija bit-triq li jkun wettaq trasport internazzjonali ta’ merkanzija għall-kont proprju, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d) ta’ dan ir-regolament, li jitlaq minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, huwiex awtorizzat iwettaq trasport b’kabotaġġ wara dan it-trasport internazzjonali fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) u (4) tiegħu, ir-Regolament Nru 1072/2009 japplika, b’mod partikolari, għat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq f’isem ħaddieħor għall-vjaġġi mwettqa fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll għat-trasporti b’kabotaġġ li, skont l-Artikolu 2(6) ta’ dan ir-regolament, huma ddefiniti bħala “trasport nazzjonali għall-kiri jew għall-kumpens imwettaq fuq bażi temporanja fi Stat Membru ospitanti”. |
|
28 |
Ir-Regolament Nru 1072/2009 jistabbilixxi, fil-Kapitolu II tiegħu, ir-regoli li għalihom huwa suġġett it-trasport internazzjonali. Dan il-Kapitolu II jinkludi l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li jgħid li “[i]t-trasport internazzjonali għandu jkun soġġett għall-pussess ta’ liċenza Komunitarja u, jekk ix-xufier huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, flimkien mal-attestazzjoni ta’ xufier”. |
|
29 |
L-Artikolu 1(5)(a) sa (e) tar-Regolament Nru 1072/2009 jipprevedi, madankollu, li, fil-kuntest ta’ ċerti tipi ta’ trasport, it-trasportaturi ta’ merkanzija bit-triq ma humiex suġġetti għar-rekwiżit ta’ liċenzja Komunitarja u huma meħlusa minn kull awtorizzazzjoni ta’ trasport. Dan huwa l-każ tat-trasport postali mwettaq fil-kuntest ta’ sistema ta’ servizz universali (Artikolu 1(5)(a) ta’ dan ir-regolament), tat-trasport ta’ vetturi li jkunu ġarrbu ħsarat jew li ma għadhomx jaħdmu (Artikolu 1(5)(b) tal-imsemmi regolament), tat-trasport ta’ merkanzija permezz ta’ vettura bil-mutur li l-massa bit-tagħbija permissibbli tagħha, li jinkludi anke t-toqol tal-karrijiet, ma jeċċedix it-3.5 tunnellati (Artikolu 1(5)(ċ) tal-istess regolament) u tat-trasport ta’ merkanzija permezz ta’ vettura bil-mutur imwettaq għall-kont proprju (l-Artikolu 1(5(d) tar-Regolament Nru 1072/2009) jew tat-trasport ta’ prodotti mediċinali jew ta’ artikoli oħra li huma meħtieġa għall-kura medika, partikolarment fil-każi ta’ diżastri naturali (Artikolu 1(5(e) tar-Regolament Nru 1072/2009). |
|
30 |
Mill-qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta li t-trasport internazzjonali ta’ merkanzija mwettaq għall-kont proprju, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d) tar-Regolament Nru 1072/2009, ma huwiex suġġett għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3 tiegħu. |
|
31 |
Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1072/2009, intitolat “Kabotaġġ”, jistabbilixxi r-regoli dwar it-trasport b’kabotaġġ. Dan il-Kapitolu III jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipju Ġenerali”, li jistabbilixxi r-regoli ġenerali applikabbli għat-trasport b’kabotaġġ. |
|
32 |
Għandu jiġi osservat li dan l-Artikolu 8 jipprevedi regoli distinti għal dak li jirrigwarda l-permess sabiex jitwettaq trasport b’kabotaġġ, skont jekk dan iseħħx wara trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq imwettaq f’isem ħaddieħor jew wara trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq imwettaq għall-kont proprju. |
|
33 |
Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1072/2009 jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali li “[k]ull trasportatur b’kiri jew qligħ, li huwa detentur ta’ liċenza Komunitarja u li x-xufier tiegħu, jekk ikun ċittadin ta’ pajjiż terz, ikollu l-attestazzjoni tax-xufier, ikun intitolat, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu, iwettaq operazzjonijiet ta’ kabotaġġ”. |
|
34 |
Minn dan jirriżulta li t-trasportaturi li jkunu wettqu trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq f’isem ħaddieħor, li jitlaq minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, huma awtorizzati jwettqu, fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, trasport b’kabotaġġ wara dan it-trasport internazzjonali jekk josservaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1072/2009. |
|
35 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 1072/2009 jipprovdi li l-permess sabiex jitwettaq trasport b’kabotaġġ, fil-kuntest tat-trasport imsemmi fl-Artikolu 1(5)(d) ta’ dan ir-regolament, ma huwa suġġett għal ebda restrizzjoni. |
|
36 |
Sa fejn, kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “trasport b’kabotaġġ” huwa ddefinit, għall-finijiet tar-Regolament Nru 1072/2009, bħala “trasport nazzjonali għall-kiri jew għall-kumpens”, l-Artikolu 8(6) ta’ dan ir-regolament ma jistax ikopri trasport b’kabotaġġ mwettaq għall-kont proprju, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d) tal-imsemmi regolament, kuntrarjament għal dak li l-BAG, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. |
|
37 |
L-Artikolu 8(6) tar-Regolament Nru 1072/2009 għandu, fir-realtà, jinftiehem bħala li jistabbilixxi deroga mill-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
38 |
Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(5)(d) tar-Regolament Nru 1072/2009, it-trasport internazzjonali ta’ merkanzija mwettaq għall-kont proprju ma huwiex, kif ġie osservat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, suġġett għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament. |
|
39 |
Għalhekk, mill-qari tal-Artikolu 1(5)(d) tar-Regolament Nru 1072/2009 flimkien mal-Artikolu 8(6) tiegħu jirriżulta li t-trasportaturi li jkunu wettqu trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq għall-kont proprju, li jitlaq minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, huma awtorizzati jwettqu, fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, trasport b’kabotaġġ, mingħajr ma jkunu suġġetti għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
40 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li trasportatur ta’ merkanzija bit-triq li jkun wettaq trasport internazzjonali ta’ merkanzija għall-kont proprju, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d) tar-Regolament Nru 1072/2009, li jitlaq minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, huwa awtorizzat, skont l-Artikolu 8(6) ta’ dan ir-regolament, iwettaq trasport b’kabotaġġ wara dan it-trasport internazzjonali fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, mingħajr ma jkun suġġett għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament. |
|
41 |
Għal dak li jirrigwarda l-modalitajiet relatati ma’ dan it-trasport b’kabotaġġ, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 8(2) sa (5) tar-Regolament Nru 1072/2009 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom it-trasportaturi jistgħu jwettqu tali trasport. |
|
42 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009, “[l]adarba l-merkanzija li tinġarr tul vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel tiġi kkunsinjata, it-trasportaturi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikun permessi jwettqu, bl-istess vettura, jew, fil-każ ta’ vetturi mgħaqqdin, il-vettura bil-mutur ta’ dik l-istess vettura, sa tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ wara t-trasport internazzjonali minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz għall-Istat Membru ospitanti”. Din id-dispożizzjoni tippreċiża, barra minn hekk, li “[l]-aħħar ħatt tul operazzjoni tal-kabotaġġ qabel it-tluq mill-Istat Membru ospitanti għandu jsseħħ fi żmien sebat ijiem mill-aħħar ħatt fl-Istat Membru ospitanti waqt il-vjaġġ internazzjonali li jkun dieħel”. |
|
43 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jipprevedi li, “[f]il-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, it-trasportaturi jistgħu jwettqu wħud mill-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, jew kollha kemm huma, permessi taħt dak is-subparagrafu fi kwalunkwe Stat Membru bil-kondizzjoni li jkunu limitati għal operazzjoni ta’ kabotaġġ waħda għal kull Stat Membru fi żmien tlett ijiem mid-dħul mhux mgħobbi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru”. |
|
44 |
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1072/2009 jistabbilixxi li “[s]ervizzi nazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija mwettqin fl-Istat Membru ospitanti minn trasportatur mhux residenti”, jiġifieri t-trasport b’kabotaġġ, għandhom jitqiesu li jikkonformaw ma’ dan ir-regolament “biss jekk it-trasportatur jista’ jipproduċi prova ċara tat-trasport internazzjonali li jkun dieħelu ta’ kull operazzjoni konsekuttiva ta’ kabotaġġ imwettqa”. |
|
45 |
Dawn il-provi, li huma mniżżla fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(3)(a) sa (g) tar-Regolament Nru 1072/2009, jinkludu l-elementi segwenti għal kull trasport: l-isem, l-indirizz u l-firma ta’ min qiegħed jibgħat (Artikolu 8(3)(a) ta’ dan ir-regolament), l-isem, l-indirizz u l-firma tat-trasportatur (Artikolu 8(3)(b) tal-imsemmi regolament), l-isem u l-indirizz tad-destinatarju kif ukoll il-firma u d-data tal-kunsinna ladarba l-merkanzija tkun waslet (Artikolu 8(3)(ċ) tal-istess regolament), il-post u d-data tat-teħid tal-merkanzija u l-post fejn għandha tiġi kkunsinnata (Artikolu 8(3)(d) tar-Regolament Nru 1072/2009), id-deskrizzjoni użata s-soltu dwar in-natura tal-merkanzija u l-metodu tal-imballaġġ, u, fil-każ ta’ merkanzija perikoluża, id-deskrizzjoni ġeneralment irrikonoxxuta tagħhom kif ukoll l-għadd ta’ pakketti u l-marki speċjali u n-numri tagħhom (Artikolu 8(3)(e) ta’ dan ir-regolament), il-massa gross tal-merkanzija jew il-kwantità tiegħu espressa mod ieħor (Artikolu 8(3)(f) tal-imsemmi regolament) kif ukoll il-pjanċi tan-numru tal-vettura u tat-trejler (Artikolu 8(3)(g) tal-istess regolament). |
|
46 |
L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 1072/2009 jipprevedi li ma huwiex meħtieġ dokument addizzjonali li jipprova li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament huma ssodisfatti. |
|
47 |
Għandu jiġi osservat li, anki jekk l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1072/2009 jirreferi għat-“trasportaturi msemmijin fil-paragrafu 1” ta’ dan l-Artikolu 8 u li, kif ġie osservat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament ma huwiex applikabbli għat-trasportaturi li jkunu wettqu trasport internazzjonali ta’ merkanzija għall-kont proprju, dan il-fatt ma jistax jikkontesta l-fatt li l-modalitajiet relatati mat-trasport b’kabotaġġ previsti fl-Artikolu 8(2) sa (4) tal-imsemmi regolament huma intiżi li japplikaw għat-trasport b’kabotaġġ kollu, peress li, mid-definizzjoni tiegħu stess, dan it-trasport jitwettaq f’isem ħaddieħor, irrispettivament mill-fatt jekk dan iseħħx wara t-trasport internazzjonali ta’ merkanzija mwettaq f’isem ħaddieħor jew wara t-trasport internazzjonali ta’ merkanzija mwettaq għall-kont proprju. |
|
48 |
Fil-fatt, kif juri l-użu tal-kliem “ikun intitolat, permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu” jew ukoll dak tal-kliem “[i]l-permess sabiex isiru l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ”, rispettivament, fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1072/2009 u fl-Artikolu 8(6) tiegħu, dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw biss il-permess sabiex jitwettaq trasport b’kabotaġġ. |
|
49 |
Barra minn hekk, minkejja li, bħat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija għall-kont proprju, it-trasport ta’ merkanzija bit-triq f’isem ħaddieħor previst fl-Artikolu 1(5)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 1072/2009 ma humiex suġġetti għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament, it-trasportaturi huma awtorizzati jwettqu trasport b’kabotaġġ tal-istess tip jew trasport b’kabotaġġ b’vetturi tal-istess kategorija bil-kundizzjoni li dawn josservaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III tal-istess regolament, dwar il-kabotaġġ. Konsegwentement, dan it-trasport b’kabotaġġ huwa, fi kwalunkwe każ, suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1072/2009. |
|
50 |
Konsegwentement, il-modalitajiet relatati mat-trasport b’kabotaġġ previsti fl-Artikolu 8(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1072/2009 japplikaw, mhux biss għat-trasport b’kabotaġġ wara trasport internazzjonali ta’ merkanzija f’isem ħaddieħor, iżda wkoll għat-trasport b’kabotaġġ wara trasport internazzjonali ta’ merkanzija għall-kont proprju, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d) tar-Regolament Nru 1072/2009. |
|
51 |
Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan imfittex mir-Regolament Nru 1072/2009. Fil-fatt, il-fatt li t-trasport b’kabotaġġ kollu, inkluż dak li jseħħ wara trasport internazzjonali għall-kont proprju, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d) tar-Regolament Nru 1072/2009, jiġi suġġett għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) sa (4) ta’ dan ir-regolament, jippermetti li jiġi żgurat l-effett utli tar-regoli stretti li jirregolaw it-trasport b’kabotaġġ sa fejn dan jevita li dan it-trasport jitwettaq b’mod li joħloq attività permanenti jew kontinwa fi ħdan l-Istat Membru ospitanti u jiggarantixxi għalhekk in-natura temporanja tal-kabotaġġ, li, skont il-premessi 13 u 15 tiegħu, jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1072/2009. |
|
52 |
Minn dan isegwi li, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tar-Regolament Nru 1072/2009, it-trasportaturi li jkunu wettqu trasport internazzjonali ta’ merkanzija għall-kont proprju, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d) ta’ dan ir-regolament, li jitlaq minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, huma awtorizzati jwettqu, fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, trasport b’kabotaġġ wara dan it-trasport internazzjonali, bil-kundizzjoni madankollu li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) sa (4) tal-imsemmi regolament jiġu osservati. |
|
53 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument invokat mill-BAG u mill-Gvern Taljan li jgħid li, sa fejn it-trasportaturi li jwettqu trasport internazzjonali ta’ merkanzija għall-kont proprju ma humiex obbligati jkollhom liċenzja Komunitarja u, jekk ikun il-każ, attestazzjoni tax-xufier, huwa impossibbli, fil-kuntest ta’ trasport b’kabotaġġ wara dan it-trasport internazzjonali, li tiġi kkontrollata l-osservanza tar-regoli dwar it-trasport b’kabotaġġ, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009, u li tiġi żgurata n-natura temporanja tat-trasport b’kabotaġġ. |
|
54 |
Għall-kuntrarju, mill-elementi tal-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li huwa possibbli li t-trasportaturi li, wara li jkunu wettqu trasport internazzjonali għall-kont proprju, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d) tar-Regolament Nru 1072/2009, li jitlaq minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, jwettqu wara dan trasport b’kabotaġġ fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, jiġu obbligati jipproduċu provi li juru b’mod ċar dan it-trasport internazzjonali kif ukoll kull trasport b’kabotaġġ imwettaq sussegwentement, konformement mal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, f’dan il-każ, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, fil-kwalità tiegħu ta’ trasportatur, kien f’pożizzjoni, waqt l-ispezzjoni mal-ġenb tat-triq li għalih kien suġġett it-trakk tiegħu, li jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti l-polza tal-vjeġġ li turi b’mod ċar it-trasport internazzjonali għall-kont proprju lejn l-Istat Membru kkonċernat kif ukoll id-dokumenti xierqa relatati mat-trasport b’kabotaġġ wara dan it-trasport internazzjonali mwettaq fit-territorju ta’ dan tal-aħħar. |
|
55 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li r-Regolament Nru 1072/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur li jkun wettaq trasport internazzjonali ta’ merkanzija għall-kont proprju, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d) ta’ dan ir-regolament, li jitlaq minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, huwa awtorizzat, skont l-Artikolu 8(6) tal-imsemmi regolament, iwettaq trasport b’kabotaġġ wara dan it-trasport internazzjonali fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, bil-kundizzjoni madankollu li jiġu osservati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) sa (4) tal-imsemmi regolament. |
Fuq l-ispejjeż
|
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija għandu jiġi interpretat fis-sens li trasportatur li jkun wettaq trasport internazzjonali ta’ merkanzija għall-kont proprju, fis-sens tal-Artikolu 1(5)(d) ta’ dan ir-regolament, li jitlaq minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, huwa awtorizzat, skont l-Artikolu 8(6) tal-imsemmi regolament, iwettaq trasport b’kabotaġġ wara dan it-trasport internazzjonali fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat Membru, bil-kundizzjoni madankollu li jiġu osservati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) sa (4) tal-imsemmi regolament. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.