Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
16 ta’ Lulju 2026 (*)
“Appell – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-aggressjoni militari kontra l-Ukraina – Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK – Artikolu 1(1) in fine u Artikolu 2(1) in fine – Miżuri restrittivi imposti fuq persuna fiżika assoċjata ma’ persuna fiżika oħra, suġġetta hija stess għal miżuri restrittivi – Kunċett ta’ ‘assoċjazzjoni’ fil-każ ta’ żewġ persuni magħquda b’rabta tal-familja – Artikolu 21 TFUE – Artikolu 45(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Libertà ta’ moviment – Miżuri restrittivi li jaffettwaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni”
Fil-Kawża C‑400/25 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑13 ta’ Ġunju 2025,
Elena Petrovna Timchenko, residenti fi Moska (ir-Russja), irrappreżentata minn S. Bonifassi, T. Bontinck, E. Fedorova u J. Goffin, avocats,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M.‑C. Cadilhac u V. Piessevaux, bħala aġenti,
konvenut fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Carpus-Carcea u C. Giolito, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei (Relatriċi), S. Rodin, N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑2 ta’ April 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑298/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2023:353), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/572 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 134), kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kontenzjużi”), u, min-naħa l-oħra, sabiex tikseb kumpens għad-dannu morali li hija allegatament ġarrbet minħabba l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi.
Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża
2 Il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża huwa espost fil-punti 2 sa 24 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dan jista’ jiġi miġbur fil-qosor u kkompletat kif ġej.
3 Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea sa mis-sena 2014 b’reazzjoni għall-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.
4 Ir-rikorrenti hija l-konjuġi ta’ Gennady Nikolayevich Timchenko, negozjant. It-tnejn huma ta’ nazzjonalità Russa u Finlandiża.
5 Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16).
6 Fl-istess jum, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).
7 Wara l-invażjoni tal-Ukraina mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa fl‑24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta, fil‑25 ta’ Frar 2022, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/329 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 50, p. 1). Fl-istess jum, din l-istituzzjoni adottat ir-Regolament (UE) 2022/330 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 51, p. 1).
Id-Direttiva 2004/38/KE
8 Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), ġiet adottata abbażi tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-Artikoli 12, 18, 40, 44 u 52 KE.
9 Il-premessa 2 tad-Direttiva 2004/38 tipprovdi:
“Il-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mil-libertajiet fundamentali fis-suq intern, li jinkludi żona mingħajr fruntieri interni, fejn il-libertà hi żgurata skont id-disposizzjonijiet tat-Trattat.”
10 L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi:
(a) il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta' residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri miċ-ċittadini ta' l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;
(b) id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta' l-Istat Membru taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;
(ċ) il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f'(a) u (b) minħabba raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.”
11 Taħt il-Kapitolu VI tal-imsemmija direttiva, intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ dħul u fuq id-dritt ta’ residenza minħabba politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika”, l-Artikolu 27 tagħha, intitolat “Prinċipji ġenerali”, huwa fformulat kif ġej:
“1. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta' moviment u residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet m' għandhomx jiġu invokati biex jaqdu għanijiet ekonomiċi.
2. Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m'għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.
Il-kondotta personali ta' l-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta' prevenzjoni ġenerali m'għandhomx jiġu aċċettati.
[...]”
12 Skont l-Artikolu 42 tal-istess direttiva, l-Istati Membri huma d-destinatarji tagħha.
Id-Deċiżjoni 2014/145
13 L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2014/145”), jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarju sabiex jipprekludu d-dħul jew il-passaġġ fi tranżitu fit-territorju tagħhom, fost oħrajn, tal-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji previsti b’mod partikolari fil-punti (a) u (b), filwaqt li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/145 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi tal-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji previsti b’mod partikolari fil-punti (a) u (d) tagħha, liema kriterji huma essenzjalment identiċi għal dawk previsti rispettivament fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(1) in fine u l-Artikolu 2(1) in fine tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedu li tali miżuri restrittivi jistgħu jiġu imposti wkoll fir-rigward, b’mod partikolari, tal-persuni fiżiċi assoċjati mal-persuni fiżiċi suġġetti huma stess għal miżuri restrittivi skont dawn il-kriterji.
14 L-Artikolu 1 tal-istess deċiżjoni, fil-verżjoni tagħha applikabbli għal din il-kawża, kien jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’:
(a) persuni fiżiċi responsabbli għal, li jappoġġaw jew li jimplimentaw azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna, jew li jostakolaw il-ħidma ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukrajna;
(b) persuni fiżiċi li jappoġġaw, b'mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna;
[...]
u persuni fiżiċi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness.
2. Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru biex jiċħad id-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.
3. Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut minn obbligu taħt id-dritt internazzjonali, jiġifieri:
(a) bħala pajjiż ospitanti għal organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;
(b) bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa minn Nazzjonijiet Uniti, jew taħt l-awspiċji tagħha;
(c) taħt ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew
(d) taħt it-Trattat ta' Konċiljazzjoni tal‑1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (Stat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.
4. Il-paragrafu 3 għandu jiġi kkunsidrat bħala li japplika wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun pajjiż ospitanti għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).
5. Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafi 3 jew 4.
6. L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat minħabba ħtieġa umanitarja urġenti, jew minħabba attendenza f'laqgħat intergovernattivi, u dawk promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta’ politika tal-miżuri restrittivi, inkluż appoġġ għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.
[...] ”
15 L-Artikolu 2(1)(a), (d) u in fine tad-Deċiżjoni 2014/145 huwa fformulat kif ġej:
“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta', jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:
(a) persuni fiżiċi responsabbli għal, li jappoġġaw jew li jimplimentaw azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna, jew li jostakolaw il-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukrajna;
[...]
(d) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw, b'mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna;
[...]
u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.”
Ir-Regolament Nru 269/2014
16 L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, b’mod partikolari, bir-Regolament 2022/330 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014”), jelenka l-kriterji li jirregolaw, fost oħrajn, l-inklużjoni, fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014, ta’ persuni fiżiċi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati konformement mal-Artikolu 2(1) tiegħu. Il-kriterji indikati fl-Artikolu 3(1)(a), (d) u in fine tar-Regolament Nru 269/2014 huma, essenzjalment, identiċi għal dawk imsemmija fil-punt preċedenti.
L-atti kontenzjużi
17 Fit‑13 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill, permezz tal-atti kontenzjużi, żamm fis-seħħ il-miżuri restrittivi adottati inizjalment kontra l-appellanti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/582 tat‑8 ta’ April 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 110, p. 55, rettifiki fil-ĠU 2022, L 141, p. 131, fil-ĠU 2023, L 39, p. 65 u fil-ĠU L, 2023/90041), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/581 tat‑8 ta’ April 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 110, p. 3, rettifiki fil-ĠU 2022, L 141, p. 130, fil-ĠU 2023, L 39, p. 64 u fil-ĠU L, 2023/90040), u dan għar-raġunijiet li ġejjin:
“[Elena] Timchenko hija mart Gennady Timchenko, li ilu żmien twil konoxxenza tal-President Vladimir Putin u wieħed mill-persuni ta’ fiduċja tiegħu.
Hija twettaq attivitajiet kummerċjali, flimkien ma’ żewġha, permezz tal-kumpanija immobiljari Sci Ruth u l-kumpanija Maples S.A., u akkwistat proprjetà immobbli flimkien ma’ żewġha, li turi rabtiet importanti ta’ proprjetà bejniethom.
Barra minn hekk, hija tipparteċipa fl-affarijiet pubbliċi ta’ żewġha permezz tat-Timchenko Foundation li hija waqqfet flimkien ma’ żewġha u li fiha għandha rwol importanti u hija assoċjata mill-qrib ma’ żewġha. Barra minn hekk, din il-fondazzjoni twettaq uħud mill-attivitajiet tagħha b’rabta mal-grupp ta’ investiment Volga Group li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ekonomija tar-Russja u għall-iżvilupp tagħha u twaqqfet minn Gennady Timchenko, li huwa wieħed mill-azzjonisti tagħha. Għalhekk Elena Timchenko tibbenefika minn żewġha, b’mod partikolari mil-lat ta’ pożizzjoni soċjali u dak finanzjarju. Għalhekk hi assoċjata ma’ Gennady Timchenko, elenkat taħt id-Deċiżjoni [2014/145] għar-raġuni, fost oħrajn, li huwa responsabbli għall-appoġġ ta’ azzjonijiet u politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna u għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju u materjali, u li jibbenefika minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.”
Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
18 Permezz ta’ rikors tal‑24 ta’ Mejju 2023, l-appellanti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikseb b’mod partikolari l-annullament tal-atti kontenzjużi. Għal dan l-għan, hija invokat sitt motivi li l-ewwel wieħed minnhom kien ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill u l-ħames wieħed fuq ksur tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ moviment previst fl-Artikolu 21 TFUE, tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri.
19 Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv li permezz tiegħu l-appellanti sostniet b’mod partikolari li l-Kunsill kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li hija kienet “assoċjata” ma żewġha skont il-kriterju previst fl-Artikolu 1(1) in fine u fl-Artikolu 2(1) in fine, tad-Deċiżjoni 2014/145 kif ukoll fl-Artikolu 3(1) in fine tar-Regolament Nru 269/2014 (iktar ’il quddiem il-“kriterju ta’ assoċjazzjoni”.) Wara li fakkret, fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, li l-kunċett ta’ “assoċjazzjoni”, fis-sens ta’ dan il-kriterju, kien ikopri b’mod partikolari membri tal-istess familja marbuta permezz ta’ interessi komuni li jmorru lil hinn mir-relazzjoni tal-familja li tgħaqqadhom, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-provi prodotti mill-Kunsill, ikkonstatat, fil-punti 81 sa 83 tal-imsemmija sentenza, li l-Kunsill seta’ validament iqis li l-appellanti kienet assoċjata ma’ żewġha fi ħdan struttura legali komuni, jiġifieri fondazzjoni, minħabba l-fatt li t-tnejn li huma kienu jeżerċitaw funzjonijiet istituzzjonali u kienu jinvolvu ruħhom fit-tmexxija tagħha, liema involviment konġunt imur lil hinn mis-sempliċi rabta tal-familja li kienet tgħaqqadhom.
20 Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll il-ħames motiv invokat mill-appellanti. Fil-punti 95 sa 97 tas-sentenza appellata, hija qieset essenzjalment li limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera taċ-ċittadini tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE u fl-Artikolu 45(1) tal-Karta setgħu jiġi imposti permezz tad-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE. Hija qieset ukoll, fil-punti 98 sa 106 ta’ din is-sentenza, li limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, bħal dawk imposti mill-miżuri restrittivi li għalihom kienet suġġetta l-appellanti, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jipprovdi li tali limitazzjonijiet għandhom ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tad-dritt ikkonċernat kif ukoll, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.
21 Barra minn hekk, peress li ċaħdet il-motivi l-oħra invokati mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.
It-talbiet tal-partijiet fl-appell
22 Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla s-sentenza appellata, inkluż sa fejn ikkundannatha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kunsill;
– tilqa’ l-appell fuq il-mertu u tannulla l-atti kontenzjużi sa fejn jikkonċernawha, u
– tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
23 Fir-replika tagħha, l-appellanti titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-adattament tal-kapijiet tat-talbiet tagħha b’mod li, fil-każ li s-sentenza appellata tiġi annullata, il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-talba għall-kumpens li hija kienet ressqet fl-ewwel istanza.
24 Il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell u
– tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.
25 Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji, l-ewwel wieħed ibbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta adottat interpretazzjoni arbitrarja u eċċessivament wiesgħa tal-kriterju ta’ assoċjazzjoni, kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi, imwettaq mill-Qorti Ġenerali, fl-interpretazzjoni tal-kriterju ta’ assoċjazzjoni fid-dawl tal-għan imfittex mill-miżuri restrittivi kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed, fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li l-Artikolu 29 TUE jagħti kompetenza lill-Kunsill sabiex jirrestrinġi l-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni u, ir-raba’ wieħed, fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta ddeċidiet li l-projbizzjoni imposta fuq l-appellanti milli tidħol u tiċċaqlaq fit-territorju tal-Istati Membri minbarra dak tar‑Repubblika tal‑Finlandja, kienet konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u kienet tosserva l-kontenut essenzjali tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza li hija tgawdi bħala ċittadina tal-Unjoni kif ukoll fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
26 Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fid-definizzjoni tal-kriterju ta’ assoċjazzjoni mogħtija fil-punt 74 tas-sentenza appellata, adottat, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, interpretazzjoni wiesgħa u imprevedibbli wisq tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” billi rrikjediet biss, fil-każ ta’ żewġ persuni magħquda permezz ta’ rabta tal-familja, l-eżistenza ta’ interessi komuni li jmorru lil hinn mis-sempliċi relazzjoni tal-familja li tgħaqqad iż-żewġ persuni assoċjati, mingħajr in-neċessità ta’ rabta permezz ta’ attività ekonomika. Filwaqt li tirrikonoxxi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest u ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali kellha tippreċiża kif, min-natura tagħhom, mill-kwalità tagħhom u mill-kwantità tagħhom, tali interessi komuni jistgħu jmorru lil hinn mis-sempliċi komunjoni ta’ interessi inerenti għal kull relazzjoni u jistabbilixxu l-eżistenza oġġettiva ta’ sovrappożizzjoni ta’ interessi komuni, filwaqt li l-appellanti tippreċiża fir-replika tagħha li tali approċċ huwa konformi ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑703/23 P, EU:C:2025:608).
27 L-appellanti żżid li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma identifikatx, fil-punti 81 sa 83 tas-sentenza appellata, liema interessi, hija u l-konjuġi tagħha, kienu jikkondividu fi ħdan il-fondazzjoni li fiha t-tnejn li huma kienu jeżerċitaw attività ta’ volontarjat, b’tali mod li r-raġunament tagħha huwa vvizzjat b’difett jew, tal-inqas, b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. B’mod partikolari, il-preżenza taż-żewġ konjuġi fi ħdan din il-fondazzjoni, l-istess bħad-daqs tal-imsemmija fondazzjoni u tal-attivitajiet karitatevoli mmexxija minnha kif ukoll l-intervent wieħed ta’ kumpannija ta’ G. Timchenko fl-istess fondazzjoni matul il-pandemija tal-COVID-19, ma jippermettux li jiġi stabbilit, fid-dawl tal-għanijiet filantropiċi segwiti mill-fondazzjoni kkonċernata, interess komuni li jmur lil hinn mill-kuntest abitwali ta’ relazzjoni tal-familja. Bl-istess mod, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tispjega la kif ir-rwol tal-appellanti fi ħdan din il-fondazzjoni seta’ jikkontribwixxi biex tingħata immaġni pożittiva taż-żewġ konjuġi u lanqas kif tali sitwazzjoni kienet tmur lil hinn minn struttura naturali tal-familja.
28 Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
29 Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali, fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” mogħtija fil-punt 74 tas-sentenza appellata, kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali fl-interpretazzjoni tagħha ta’ dan il-kunċett, għandu jitfakkar li, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali qieset essenzjalment li l-imsemmi kunċett, li t-tifsira tiegħu tiddependi dejjem mill-kuntesti u miċ-ċirkustanzi tal-kawża, kien ikopri b’mod partikolari persuni li huma, b’mod ġenerali, marbuta permezz ta’ interessi komuni ma’ persuna li tkun suġġetta għal miżuri restrittivi u li din ir-rabta ma kellhiex neċessarjament tkun fil-forma ta’ attività ekonomika, iżda kellha, meta l-persuni kkonċernati jkollhom relazzjoni tal-familja, tmur lil hinn minn din ir-relazzjoni.
30 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑703/23 P, EU:C:2025:608), tagħti deċiżjoni dwar definizzjoni tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” sostanzjalment identika għal dik mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 74 tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet, fil-punti 29 sa 34 ta’ din is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, li dan il-kunċett kellu jiġi interpretat b’mod wiesa’ skont il-kuntest u ċ-ċirkustanzi inkwistjoni u li, peress li l-eżistenza ta’ interessi komuni li jmorru lil hinn mir-relazzjoni tal-familja li tgħaqqad lill-membri tal-familja kkonċernati kellha tiġi stabbilita b’mod oġġettiv, id-definizzjoni tal-imsemmi kunċett mogħtija mill-Qorti Ġenerali ma kinitx ivvizzjata bi żball ta’ liġi u kienet konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali li jipprovdi li r-regoli tad-dritt għandhom ikunu ċari u preċiżi u l-applikazzjoni tagħhom prevedibbli għall-partijiet fil-kawża.
31 B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 34 tas-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑703/23 P, EU:C:2025:608), li din id-definizzjoni ma kinitx tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba l-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet identifikat kriterji suffiċjentement ċari u preċiżi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” fil-każ ta’ żewġ persuni magħqudin permezz ta’ rabta tal-familja. Hija indikat ukoll li, konformement ma’ dan il-prinċipju, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata ssemmi fid-dettall l-ipoteżijiet li fihom dan il-kunċett seta’ japplika.
32 Għaldaqstant, ma jistax jitqies li, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-imsemmi prinċipju billi adottat definizzjoni wiesgħa jew imprevedibbli wisq tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” jew billi naqset, f’din is-sentenza, milli tindika kif, min-natura tagħhom, mill-kwalità tagħhom u mill-kwantità tagħhom, interessi komuni jistgħu jmorru lil hinn mis-sempliċi komunjoni ta’ interessi inerenti għal kull relazzjoni tal-familja.
33 It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat ksur, fil-punti 81 sa 83 tas-sentenza appellata, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni ta’ sentenza jew ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw il-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. L-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali ma jobbligahiex, madankollu, tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, l-argumenti kollha mqajma mill-partijiet fil-kawża, u għalhekk din il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita kemm-il darba tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jidentifikaw ir-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 101 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
34 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punti 81 sa 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari wettqet klassifikazzjonijiet ġuridiċi abbażi tal-konstatazzjonijiet fattwali magħmula fil-punti 76 sa 80 ta’ din is-sentenza, li fir-rigward tagħhom l-appellanti ma tinvoka ebda żnaturament. Għaldaqstant, l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-motivi kollha li jinsabu fil-punti 76 sa 83 tal-imsemmija sentenza.
35 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti 76 sa 83 hija relatata mal-atti kontenzjużi li jipprovdu li l-appellanti “tipparteċipa fl-affarijiet pubbliċi ta’ żewġha permezz tat-Timchenko Foundation li hija waqqfet flimkien ma’ żewġha u li fiha għandha rwol importanti u hija assoċjata mill-qrib ma’ żewġha”, li jipprovdu li “din il-fondazzjoni twettaq uħud mill-attivitajiet tagħha b’rabta mal-grupp ta’ investiment Volga Group li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ekonomija tar-Russja u għall-iżvilupp tagħha u twaqqfet minn [G.] Timchenko, li huwa wieħed mill-azzjonisti tagħha” u li jipprovdu wkoll li l-appellanti “tibbenefika minn żewġha, b’mod partikolari mil-lat ta’ pożizzjoni soċjali u dak finanzjarju” u “[g]ħalhekk hi assoċjata ma’ [żewġha]”, filwaqt li dan tal-aħħar kien suġġett għal miżuri restrittivi abbażi, b’mod partikolari, tal-kriterji previsti fl-Artikolu 1(1)(a) u (b) u fl-Artikolu 2(1)(a) u (d) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif ukoll fl-Artikolu 3(1)(a) u (d) tar-Regolament Nru 269/2014.
36 F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 76 sa 80 tas-sentenza appellata, ikkonstatat, minn naħa, li l-konjuġi Timchenko kienu involuti personalment fi struttura legali komuni, jiġifieri fondazzjoni karitatevoli li ġġib isimhom stess u li twettaq diversi attivitajiet fil-livell tal-Federazzjoni Russa, li fiha huma kellhom, bħala membri fundaturi, funzjonijiet istituzzjonali u setgħat sostanzjali. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-konjuġi Timchenko kienu t-tnejn li huma jinvolvu ruħhom fit-tmexxija ta’ din il-fondazzjoni, peress li l-appellanti kienet membru tal-bord fiduċjarju tagħha u żewġha kien wettaq sinerġiji billi pprovda lill-imsemmija fondazzjoni appoġġ finanzjarju, loġistiku u relazzjonali permezz ta’ grupp li tiegħu huwa kien l-uniku azzjonist. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-punti ta’ fatt li, fil-punti 81 u 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeduċiet li l-parteċipazzjoni tal-konjuġi Timchenko fil-fondazzjoni li ġġib isimhom kienet tmur lil hinn mir-rabta tal-familja li kienet tgħaqqadhom u li l-appellanti setgħet validament tiġi kklassifikata bħala persuna “assoċjata” ma’ żewġha, fis-sens tal-kriterju ta’ assoċjazzjoni.
37 B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali, b’konformità sħiħa mal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha kif ukoll mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” mogħtija fil-punt 74 tas-sentenza appellata, spjegat li l-Kunsill seta’ validament japplika l-kriterju ta’ assoċjazzjoni għall-appellanti. Fil-fatt, mill-punti 81 u 83 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset essenzjalment li r-rwoli okkupati minn żewġ konjuġi f’fondazzjoni maħluqa minnhom, l-estent tal-parteċipazzjoni tagħhom fiha kif ukoll id-daqs ta’ din il-fondazzjoni kienu jikkostitwixxu elementi jew kriterji li, ikkunsidrati kollha flimkien, kienu jippermettu li jiġi stabbilit b’mod oġġettiv li kien hemm, permezz ta’ tali fondazzjoni, interessi komuni bejn dawn il-konjuġi li jmorru lil hinn mir-relazzjoni tal-familja li tgħaqqadhom.
38 Fir-rigward tal-ilment li jirrigwarda l-aħħar żewġ sentenzi tal-punt 83 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset li tali dimensjoni li tmur lil hinn mill-familja kienet ikkorroborata mill-fatt li l-imsemmija fondazzjoni kienet tikkontribwixxi sabiex tingħata immaġni pubblika pożittiva tal-konjuġi Timchenko, għandu jitqies, minbarra l-fatt li dan huwa lment dirett kontra motivi superfluwi tas-sentenza appellata li ma jistgħux iwasslu għall-annullament tagħha u li għalhekk huma ineffettivi (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, C‑152/18 P u C‑153/18 P, EU:C:2019:810, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li l-Qorti Ġenerali ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha peress li mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu f’dawn l-aħħar żewġ sentenzi jirriżulta li interessi komuni li jmorru lil hinn mis-sempliċi sfera privata tal-membri tal-familja kkonċernati sal-punt li jservu għall-komunikazzjoni pubblika tagħhom, għandhom jitqiesu li jmorru oġġettivament lil hinn mir-relazzjoni tal-familja li tgħaqqad lil dawn il-membri.
39 Fir-rigward tal-punt 82 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali indikat li ma kienx importanti li l-fondazzjoni Timchenko ma għandhiex skop kummerċjali u li l-attività tal-konjuġi Timchenko fiha hija volontarja, għandu jiġi rrilevat li dan il-punt 82 jirreferi espressament għall-punt 74 ta’ din is-sentenza, li jinkludi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” miġbur fil-qosor fil-punt 29 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, l-appellanti setgħet tifhem li, peress li, fil-każ ta’ żewġ persuni magħquda b’relazzjoni tal-familja, dan il-kunċett jeżiġi biss l-eżistenza ta’ interessi komuni li jmorru oġġettivament lil hinn minn tali relazzjoni, mingħajr in-neċessità li tiġi stabbilita rabta fil-forma ta’ attività ekonomika, ma kienx importanti, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-appellanti bħala persuna assoċjata ma’ żewġha, li l-interessi li hija tikkondividi miegħu jkollhom dimensjoni ekonomika. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha.
40 Fid-dawl tal-motivi preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
41 Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li ma kienx neċessarju li tiġi stabbilita rabta bejn l-attivitajiet tal-appellanti fi ħdan il-fondazzjoni Timchenko u l-invażjoni tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa minħabba li l-kriterju ta’ assoċjazzjoni ma jipprevedix l-istabbiliment ta’ tali rabta. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali allegatament ivvizzjat ir-raġunament tagħha bi żball ta’ liġi kif ukoll bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha peress li għandu dejjem jintwera li l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra persuna bħall-appellanti hija neċessarja għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija minn dawn il-miżuri restrittivi, liema għanijiet huma f’dan il-każ li ssir pressjoni fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u li tiżdied l-ispiża tal-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar fir-rigward tal-Ukraina.
42 Il-Kunsill iqis li t-tieni aggravju huwa inammissibbli minħabba l-fatt li l-punt 82 imsemmi mill-appellanti ma huwiex dak tas-sentenza appellata, iżda dak tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑361/22, EU:T:2023:502), eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑703/23 P, EU:C:2025:608). Fuq il-mertu, il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tal-appellanti.
43 Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni aggravju bħala inammissibbli sa fejn l-appellanti fir-realtà tikkontesta l-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali jew hija intiża sabiex tikseb eżami mill-ġdid tal-provi. Fuq il-mertu, din l-istituzzjoni tikkontesta l-argumenti tal-appellanti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
44 Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tieni aggravju kkontestata kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż il-punti kkritikati tas-sentenza li l-annullament tagħha jkun mitlub kif ukoll l-argumenti legali li jissostanzjaw b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appell jew tal-aggravju kkonċernat. B’mod partikolari, aggravju li l-argument tiegħu ma huwiex suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità ma jissodisfax dan ir-rekwiżit u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, b’mod partikolari peress li l-elementi essenzjali li fuqhom huwa bbażat l-aggravju ma jirriżultawx b’mod suffiċjentement koerenti u komprensibbli mit-test ta’ dan l-appell, li huwa fformulat b’mod oskur u ambigwu f’dan ir-rigward (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Hamoudi vs Frontex, C‑136/24 P, EU:C:2025:977, punti 54 u 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
45 F’dan il-każ, kif ġustament jindika l-Kunsill, il-punt 82 imsemmi mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha ma huwiex il-punt 82 tas-sentenza appellata. Dan il-punt 82 huwa dak tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑361/22, EU:T:2023:502), eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il‑Kunsill (C‑703/23 P, EU:C:2025:608). Barra minn hekk, l-argument imressaq mill-appellanti insostenn ta’ dan l-aggravju huwa dirett kontra r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punt 82 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑361/22, EU:T:2023:502).
46 Fid-dawl tal-fatt li ebda punt tas-sentenza appellata ma jinkludi raġunament identiku għal dak li jinsab fil-punt 82 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑361/22, EU:T:2023:502), u fl-assenza ta’ spjegazzjonijiet tal-appellanti dwar dan fir-replika tagħha, għandu jitqies li t-tieni aggravju la jirrigwarda punt u lanqas raġunament identifikabbli b’mod ċar fis-sentenza appellata, b’tali mod li, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kummissjoni, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
47 Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 95 u 96 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill seta’, permezz ta’ deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE, jirrestrinġi l-libertà ta’ moviment li hija tgawdi minnha fit-territorju tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 TFUE u l-Artikolu 45 tal-Karta bħala ċittadin tal-Unjoni minħabba n-nazzjonalità Finlandiża tagħha. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, limitazzjonijiet għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni mill-Istati Membri, li għandhom jiġu interpretati b’mod strett, huma possibbli biss, kif jirriżulta mill-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, fejn tali limitazzjonijiet għandhom, barra minn hekk, ikunu proporzjonati u bbażati fuq l-aġir personali tal-individwu kkonċernat.
48 Issa, la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 29 TUE u lanqas mit-Trattati ma jirriżulta li dan il-moviment liberu jista’ jiġi limitat minn miżuri restrittivi adottati abbażi ta’ dan l-Artikolu 29. Il-Qorti Ġenerali kellha għalhekk teżamina f’dan il-każ jekk, bħala istituzzjoni tal-Unjoni li tiġbor flimkien l-Istati Membri kollha, il-Kunsill kienx ivverifika li l-aġir personali tal-appellanti kien jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-saħħa pubblika tal-Istati Membri. Għalhekk, il-PESK ma tistax tintuża mill-Kunsill sabiex jintroduċi restrizzjonijiet għal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni lil hinn mill-kundizzjonijiet u mill-garanziji proċedurali li normalment japplikaw għalihom meta l-Istati Membri jistabbilixxu tali restrizzjonijiet skont id-Direttiva 2004/38, filwaqt li l-appellanti tippreċiża fir-replika tagħha li tali approċċ huwa ssostanzjat mill-Artikolu 40 TUE.
49 Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw il-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
50 Fil-punti 95 u 96 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet essenzjalment li, skont l-Artikolu 21(1) TFUE, il-libertà taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu fit-territorju tal-Istati Membri għandha tiġi eżerċitata suġġetta għal-limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati u mid-dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tagħhom, li jinkludi d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE. Issa, il-formulazzjoni, redatta f’termini wiesgħa, ta’ dan l-aħħar artikolu tagħti kompetenza lill-Kunsill, għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2) TUE, sabiex jadotta miżuri restrittivi intiżi sabiex jillimitaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni barra mill-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, u dan, indipendentement mir-regoli previsti f’dan ir-rigward mid-Direttiva 2004/38.
51 B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.
52 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ċ-ċittadini tal-Unjoni, li huma, skont l-Artikolu 9 TUE u l-Artikolu 20(1) TFUE, kull persuna fiżika li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru, għandhom id-dritt, mogħti direttament lill-Artikolu 20(2)(a) u lill-Artikolu 21(1) TFUE, li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li l-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet relatati ma’ dan id-dritt huma previsti mit-Trattati u mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tagħhom.
53 Minn dan isegwi li, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 95 tas-sentenza appellata, id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera taċ-ċittadini tal-Unjoni jista’ jiġi limitat u suġġett għal kundizzjonijiet kemm abbażi tat-Trattat FUE kif ukoll tat-Trattat UE.
54 Kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 96 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-PESK, il-Kunsill jista’, abbażi tal-Artikolu 29 TUE jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-pożizzjoni tal-Unjoni fuq kwistjoni partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika, liema pożizzjoni tista’ tinkludi miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali. F’dan il-kuntest, il-Kunsill għandu jiddefinixxi jew saħansitra jippreċiża, filwaqt li jgawdi f’dan ir-rigward minn diskrezzjoni wiesgħa u jiddeċiedi b’unanimità, l-għan tal-miżuri restrittivi li l-Unjoni tadotta fil-qasam tal-PESK. Din id-diskrezzjoni wiesgħa hija riflessa mill-portata wiesgħa tal-iskopijiet u tal-għanijiet tal-Unjoni f’dan il-qasam, kif espressi fl-Artikolu 3(5) u fl-Artikolu 21 TUE kif ukoll fid-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-PESK, b’mod partikolari fl-Artikoli 23 u 24 TUE (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punti 269 u 270 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
55 Issa, fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li għandu l-Kunsill sabiex jilħaq dawn l-għanijiet fil-qasam tal-PESK u tal-fatt li la l-formulazzjoni tal-Artikolu 29 TUE u lanqas, b’mod iktar ġenerali, dik tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati UE u FUE dwar il-PESK, ma tippreskrivi u lanqas tipprojbixxi, fiha nnifisha, l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi speċifiċi, għandu jitqies, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 95 u 96 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill huwa, bħala prinċipju, kompetenti, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, sabiex jiddeċiedi li persuni fiżiċi, anki jekk ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni u, għaldaqstant, ċittadini tal-Unjoni, la jistgħu jidħlu u lanqas jgħaddu fi tranżitu fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni, meta dawn il-persuni jissodisfaw kriterji li juru rabta oġġettiva bejn il-kategorija li jaqgħu taħtha u l-pajjiż terz li fuqu l-Unjoni għandha l-intenzjoni li teżerċita pressjoni (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 273). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 29 TUE jippermetti, bħala prinċipju, lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi li għandhom l-effett li jillimitaw, fis-sens tal-Artikolu 21(1) TFUE, id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera ta’ tali ċittadini fit-territorju tal-Istati Membri u li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw l-osservanza ta’ tali limitazzjoni.
56 Għaldaqstant, kif iddeċidiet korrettament il-Qorti Ġenerali fit-tmiem tal-punt 96 tas-sentenza appellata, ma huwiex importanti li tali limitazzjonijiet ma jikkorrispondux għal dawk previsti mid-Direttiva 2004/38, li hija intiża, konformement mal-Artikolu 1(c) u mal-Artikolu 27 tagħha, moqrija flimkien mal-Artikolu 42 tagħha, li tistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli li bis-saħħa tagħhom l-Istati Membri u mhux istituzzjoni tal-Unjoni bħall-Kunsill jistgħu huma stess jimponu dawn il-limitazzjonijiet.
57 Barra minn hekk, tali interpretazzjoni ma hijiex invalidata mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 TUE, imsemmi mill-appellanti. Skont din id-dispożizzjoni, l-implimentazzjoni tal-politika prevista fl-Artikoli 3 sa 6 TFUE ma taffettwax l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-portata rispettivi tal-kompetenzi tal-istituzzjonijiet previsti mit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni taħt il-PESK. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-Direttiva 2004/38 tirregola, kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha, il-libertà ta’ moviment tal-persuni bħala libertà fundamentali tas-suq intern li għalih l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 TFUE ma jistax jaffettwa l-portata tal-kompetenza li l-Kunsill għandu fil-qasam tal-PESK skont l-Artikolu 29 TUE.
58 Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-fatt li, waqt l-adozzjoni, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, ta’ miżuri restrittivi intiżi li jillimitaw il-moviment liberu fit-territorju tal-Istati Membri, ta’ persuni fiżiċi, inkluż jekk dawn ikunu ċittadini tal-Unjoni, il-Kunsill ma huwiex marbut mir-regoli u mill-garanziji proċedurali previsti mid-Direttiva 2004/38 ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha f’dan ir-rigward setgħa li ma hijiex limitata mid-dritt tal-Unjoni.
59 Fil-fatt, l-ewwel nett, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punti 96 u 101 tas-sentenza appellata, l-adozzjoni ta’ tali miżuri għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tad-dritt internazzjonali, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li jipprovdi li Stat Membru ma jistax jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu d-dritt li jkollhom aċċess għat-territorju tiegħu u li jirrisjedu fih. L-Istati Membri huma marbuta b’dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, A (Qsim ta’ fruntieri permezz ta’ dgħajsa ta’ rikreazzjoni), C‑35/20, EU:C:2021:813, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2014/145 jiggarantixxi l-assenza ta’ obbligu impost minn din id-deċiżjoni fuq Stat Membru li jirrifjuta l-aċċess għat-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.
60 It-tieni nett, għandu jitfakkar li kull deċiżjoni li tadotta tali miżuri abbażi tal-Artikolu 29 TUE, sabiex, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 97 tas-sentenza appellata, issir pressjoni fuq pajjiż terz sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (c) TUE, jiġifieri l-konsolidazzjoni u ż-żamma tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali kif ukoll iż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, għandha tiddefinixxi u tillimita l-għan ta’ pressjoni mfittex, il-kriterji legali li jippermettu l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi kif ukoll il-kategoriji ta’ persuni jew ta’ entitajiet koperti minn dawn il-kriterji, b’tali mod li l-miżuri restrittivi imposti f’dan ir-rigward ikunu jistgħu jilħqu, b’mod li ma jkunx manifestament inadegwat, l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punti 272 u 273 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
61 It-tielet nett, fid-dawl tal-fatt li d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri huwa wkoll dritt fundamentali sa fejn huwa ggarantit fl-Artikolu 45(1) tal-Karta, l-ostakolu magħmul, permezz ta’ deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE, għal dan id-dritt jikkostitwixxi “limitazzjoni fl-eżerċizzju” tal-imsemmi dritt, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, b’tali mod li, kif indikat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 98 tas-sentenza appellata, hija għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni.
62 Fid-dawl tal-motivi preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq ir-raba’ aggravju
L-argumenti tal-partijiet
63 Permezz tar-raba’ aggravju tagħha li għandu jinqasam f’żewġ partijiet, l-appellanti tilmenta essenzjalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta qieset li l-limitazzjoni, imposta mill-miżuri restrittivi li hija suġġetta għalihom, għad-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera li hija tgawdi bħala ċittadin tal-Unjoni kienet konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (l-ewwel parti tar-raba’ aggravju) u mar-rekwiżit li tali limitazzjoni għandha tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt (it-tieni parti tar-raba’ aggravju).
64 Fir-rigward tal-ewwel parti, il-Qorti Ġenerali, waqt l-eżami tan-natura proporzjonata tal-limitazzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera tal-appellanti, wettqet żball ta’ liġi u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi naqset milli tidentifika, fir-rigward tal-appellanti, aġir personali serju li jfixkel l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika tal-Istati Membri, kif jeżiġi l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38, jew theddida serja għal interess tal-Unjoni kif ukoll naqset milli tispjega kif tali limitazzjoni kienet xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-Kunsill, kif ġew identifikati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 97 tas-sentenza appellata.
65 Fir-rigward tat-tieni parti, l-appellanti tikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 101 u 104 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, il-portata tal-limitazzjoni tad-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera imposta mill-miżuri restrittivi li hija suġġetta għalihom, hija partikolarment sinjifikattiva, peress li tikkonċerna t-territorju ta’ 26 Stat Membru minn 27. Barra minn hekk, l-ebda waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/145 ma tieħu inkunsiderazzjoni l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u lanqas is-sitwazzjoni speċifika ta’ ċittadini tal-Unjoni li għandhom rabtiet ma’ diversi pajjiżi tal-Unjoni. Għandu jingħad ukoll li, minkejja n-natura allegatament temporanja tagħhom, il-miżuri restrittivi jistgħu jinżammu fis-seħħ kontra persuna għal diversi snin. Fl-aħħar nett, il-ġurisprudenza msemmija b’analoġija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 101 tas-sentenza appellata ma hijiex rilevanti.
66 Fir-rigward tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, il-Kunsill jikkonkludi li din il-parti hija inammissibbli minħabba l-fatt li s-siltiet ikkritikati tas-sentenza appellata ma humiex identifikati mill-appellanti, filwaqt li l-Kummissjoni tqis li l-imsemmija parti hija inammissibbli minħabba l-fatt li l-appellanti tressaq argument ġdid li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx. Fuq il-mertu, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tal-appellanti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju
67 Preliminarjament, huwa minnu li, kif isostni l-Kunsill, l-appellanti ma tidentifikax bi preċiżjoni s-siltiet tas-sentenza appellata li hija tirreferi għalihom fl-argumenti imressqa insostenn ta’ din l-ewwel parti tar-raba’ aggravju. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, wettqet żbalji ta’ liġi fl-analiżi tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi intiżi sabiex jillimitaw id-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera bħala ċittadin tal-Unjoni, mill-argumenti tagħha jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li hija tirreferi għall-punti 103 sa 106 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali wettqet din l-analiżi, filwaqt li, barra minn hekk, il-Kunsill stess identifika dawn il-punti 103 sa 106 fir-risposta tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju hija ammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.
68 It-tieni nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju u argumenti li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, ikun ifisser li dik il-parti tkun awtorizzata tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fejn jidħol appell hija limitata, tilwima iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi u għall-argumenti diskussi quddiem l-ewwel qrati (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, PT Pelita Agung Agrindustri u PT Permata Hijau Palm Oleo vs Il‑Kummissjoni, C‑112/23 P, EU:C:2024:899, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, appellant huwa intitolat li jippreżenta appell għal aggravji li jirriżultaw mis-sentenza appellata u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-korrettezza tagħha (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2025, Il‑Parlament vs TC, C‑529/23 P, EU:C:2025:521, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).
69 Fid-dawl ta’ dawn il-linji ġurisprudenzjali, għandu jitqies li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-appellanti ma tipprovax tressaq, fil-kuntest tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, argument ġdid li ma ġiex eżaminat mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, bl-argument essenzjalment fis-sens li, fl-analiżi tagħha tal-proporzjonalità tal-indħil fid-dritt fundamentali tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika jekk il-Kunsill kienx iddetermina, konformement mar-regoli tad-Direttiva 2004/38, aġir personali tagħha fil-forma ta’ theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà, l-appellanti tikkritika r-raġunament legali adottat mill-Qorti Ġenerali billi tislet il-konsegwenza tal-iżball ta’ liġi li hija wettqet meta qieset essenzjalment, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li l-Kunsill ma kienx marbut b’din id-direttiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti tressaq argument li joriġina mis-sentenza appellata stess, li konsegwentement huwa ammissibbli.
70 Minn dan isegwi li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju hija ammissibbli kollha kemm hi.
– Fuq il-mertu
71 Fir-rigward tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, għandu jiġi miċħud, l-ewwel nett, l-argument tal-appellanti li, fil-punti 103 sa 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqset b’mod żbaljat milli teżamina, fid-dawl tar-regoli tad-Direttiva 2004/38, il-proporzjonalità tal-indħil fid-dritt fundamentali tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri skont l-Artikolu 45(1) tal-Karta.
72 Fil-fatt, għandu jitfakkar, minn naħa, li, konformement mal-punti 56 sa 61 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet essenzjalment li, bl-adozzjoni, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, miżuri restrittivi intiżi sabiex jillimitaw id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza ta’ persuni fiżiċi li għandhom iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, il-Kunsill ma kienx marbut bir-regoli u mill-garanziji proċedurali previsti mid-Direttiva 2004/38.
73 Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-indħil fi dritt fundamentali bħal dak iggarantit fl-Artikolu 45(1) tal-Karta minħabba limitazzjonijiet għal dan id-dritt minn att tal-Unjoni huwiex, konformement ma’ dak li huwa meħtieġ fit-tieni sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, proporzjonat, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel, jekk dawn il-miżuri jissodisfawx għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, it-tieni, jekk humiex manifestament inadegwati fid-dawl ta’ dan l-għan, jiġifieri jekk humiex manifestament inadegwati sabiex jintlaħaq dan l-għan, u, it-tielet, jekk il-limitazzjoni kkonċernata tmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 233 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, tali analiżi ssir indipendentement mid-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2004/38.
74 Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali la wettqet żball ta’ liġi u lanqas kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta naqset milli tevalwa n-natura proporzjonata tal-limitazzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera tal-appellanti fid-dawl tar-regoli u tal-garanziji proċedurali previsti minn din id-direttiva.
75 It-tieni nett, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha billi ma vverifikatx, fl-analiżi tagħha tal-proporzjonalità tal-indħil fid-dritt fundamentali tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri minbarra dak tar-Repubblika tal-Finlandja, jekk il-projbizzjoni ta’ dħul u ta’ passaġġ fi tranżitu inkwistjoni kinitx xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-punti 97 u 102 tas-sentenza appellata, mhux ikkontestati f’dan ir-rigward fl-istadju tal-appell, fl-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq l-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet tagħhom u l-politiki tagħhom ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukraina.
76 Dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll sa fejn, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-eżami tan-natura xierqa ta’ din il-projbizzjoni jirriżulta mill-punti 105 u 106 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, billi indikat, f’dawn il-punti 105 u 106, li, fid-dawl tal-importanza tal-għan imfittex mill-miżuri restrittivi imposti fuq l-appellanti, il-limitazzjoni imposta fuq id-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri ma kinitx manifestament sproporzjonata, il-Qorti Ġenerali impliċitament iżda neċessarjament telqet mill-konstatazzjoni li l-imsemmija projbizzjoni ma kinitx manifestament inadegwata sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il‑Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 237).
77 Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 101 u 104 tas-sentenza appellata, li l-limitazzjoni magħmula għad-dritt tagħha ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, iggarantit fl-Artikolu 45(1) tal-Karta, kienet tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt.
78 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 104 tas-sentenza appellata jirrigwarda n-natura neċessarja ta’ din il-limitazzjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u li huwa biss il-punt 101 ta’ din is-sentenza li jirrigwarda l-kwistjoni tal-osservanza tal-kontenut essenzjali tal-imsemmi dritt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li t-tieni parti tar-raba’ aggravju tirrigwarda biss dan l-aħħar punt.
79 Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali previsti minn din tal-aħħar għandha, b’mod partikolari, tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet.
80 Fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-limitazzjoni imposta fuq id-dritt fundamentali tal-appellanti li tiċċaqlaq u tirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri kienet tirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt sa fejn din il-projbizzjoni, minn naħa, ma kinitx tipprekludi lill-appellanti milli tmur u tirrisjedi fl-Istat Membru li tiegħu għandha n-nazzjonalità skont il-prinċipju tad-dritt internazzjonali mfakkar fil-punt 59 ta’ din is-sentenza u affermat mill-ġdid fl-Artikolu 1(2), tad-Deċiżjoni 2014/145, u, min-naħa l-oħra, ma kinitx ta’ natura permanenti minħabba l-fatt li ż-żamma fis-seħħ tal-miżuri restrittivi li għalihom hija suġġetta l-appellanti u, għaldaqstant, ta’ din il-projbizzjoni kellha tiġi eżaminata mill-ġdid perijodikament skont l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni.
81 Mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata r-rilevanza tal-ġurisprudenza li għaliha għamlet riferiment il-Qorti Ġenerali fil-punt 101 tas-sentenza appellata, għandu jitqies li t-tieni wieħed mill-elementi msemmija f’dan il-punt 101, dwar l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145, huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-atti kontenzjużi ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali ta’ moviment liberu tal-appellanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2025, Shuvalov vs Il‑Kunsill, C‑271/24 P, EU:C:2025:180, punti 78 u 79). Fil-fatt, mir-rekwiżit ta’ eżami mill-ġdid perijodiku tal-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tal-appellanti jirriżulta li l-atti kontenzjużi la għandhom l-għan u lanqas l-effett li jtemmu d-drittijiet mogħtija lilha miċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħha jew li jaffettwaw, b’mod permanenti, il-portata ta’ dawn id-drittijiet.
82 Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt, indikat mill-appellanti, li l-eċċezzjonijiet u d-derogi previsti fl-Artikolu 1(3), (4) u (6) tad-Deċiżjoni 2014/145 jikkonċernaw, fil-parti l-kbira, persuni li jinsabu f’sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna b’rabta, b’mod partikolari, ma’ obbligi internazzjonali. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li dan il-fatt bl-ebda mod ma jaffettwa l-portata tar-rekwiżit ta’ eżami mill-ġdid perijodiku msemmi fil-punt 101 tas-sentenza appellata.
83 Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq it-talba għal adattament tat-talbiet tal-appellanti
84 Kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, l-appellanti, fir-replika tagħha, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-adattament tal-kapijiet tat-talbiet tagħha b’tali mod li, fil-każ li s-sentenza appellata tiġi annullata, il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-talba għall-kumpens li hija kienet ippreżentat fl-ewwel istanza.
85 Fid-dawl tal-fatt li dan ma seħħx peress li l-erba’ aggravji invokati mill-appellanti insostenn tal-appell tagħha huma miċħuda, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba.
86 Għaldaqstant, l-appell ġie miċħud fl-intier tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
87 Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
88 Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-appell huwa miċħud.
2) Elena Petrovna Timchenko hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.