Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
16 ta’ Lulju 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2000/31/KE – Artikolu 1(5) – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjoni ta’ attivitajiet tal-logħob tal-flus – Reklamar relatat mal-logħob tal-flus – Hosting ta’ tali reklamar – Artikolu 14 – Sistema ta’ responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting – Rwol attiv – Kuntratt kummerċjali konkluż bejn fornitur ta’ servizz ta’ hosting u riċevitur tas-servizz”
Fil-Kawża C‑421/24,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Ġunju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura
Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (AGCOM)
vs
Google Ireland Limited
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, F. Schalin, M. Gavalec u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: E. Sartori, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Settembru 2025,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Google Ireland Ltd, minn F. Angeloni, A. Bellan, M. Berliri u G. Gelera, avvocati,
– għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn R. Guizzi u F. Varrone, avvocati dello Stato,
– għall-Gvern Belġjan, minn C. Jacob u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn V. Ramognino, avocat, kif ukoll de R. Verbeke u P. Vlaemminck, advocaten,
– għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová kif ukoll minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,
– għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, L. Medeiros u A. Silva Coelho, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, P. A. Messina u J. Szczodrowski, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Novembru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Google Ireland Ltd (iktar ’il quddiem “Google”), kumpannija rregolata mid-dritt Irlandiż, u l-Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (l-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“AGCOM”) dwar multa imposta minn din tal-aħħar fuq Google għar-reklamar u l-promozzjoni ta’ siti tal-logħob tal-flus.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Il-premessi 12, 16, 40 u 42 tad-Direttiva 2000/31 jistipulaw:
“(12) Huwa meħtieġ li jkunu esklużi ċerti attivitajiet minn din id-Direttiva, fuq il-bażi li l-libertà li jkunu ipprovduti servizzi f’dawn l-oqsma ma tistax, f’dan l-istadju, tkun garantita permezz tat-Trattat [FUE] jew ta’ leġislazzjoni sekondarja eżistenti; esklużi dawk l-attivitajiet li ma jfixklux xi strumenti li jistgħu juru li jkunu meħtieġa għall-funzjonament xieraq tas-suq intern; [...]
[...]
(16) L-esklużjoni ta’ attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard mill-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva tkopri biss logħob tax-xorti, lotteriji u tranżazzjonijiet ta’ imħatri, li jinvolvu t-tqegħid ta’ mħatri b’valur monetarju; din ma tkoprix kompetizzjonijiet promozzjonali jew logħob fejn l-iskop ikun li jinkoraġġixxi l-bejgħ ta' merkanzija jew servizzi u fejn il-pagamenti, jekk dawn jeżistu, iservu biss biex ikunu akkwistati l-merkanzija jew is-servizzi reklamati.
[...]
(21) L-iskop ta’ qasam ikkordinat huwa mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni futura fil-Komunità li tirrigwarda servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni u għal leġislazzjoni futura adottata f’livell nazzjonali bi qbil mal-liġi tal-Komunità; il-qasam kordinat ikopri biss ħtiġijiet li jirrigwardjaw attivitajiet online bħal ma hija informazzjoni minn, reklamar online, xiri online, kuntratti online u ma tikkonċernax il-ħtiġijiet legali ta' Stati Membri li jirrigwardaw oġġetti bħal ma huma normi ta’ sigurtà, obbligu ta' tikkettjar, jew responsabbilità għal oġġetti, jew il-ħtiġijiet ta' Stati Membri li jirrigwardaw il-kunsinna jew it-trasport ta’ oġġetti, inkluża d-distribuzzjoni ta' prodotti mediċi; [...]
[...]
(42) L-eżenzjonijiet mir-responsabbilità stabbilita f’din id-Direttiva jkopru biss każi meta l-attività ta’ dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni tkun limitata għall-proċess tekniku ta’ operat u tagħti aċċess għal qafas ta’ komunikazzjoni li fuqu informazzjoni disponibbli minn partijiet terzi tkun trasmessa jew temporanjament maħżuna, bl-iskop biss li tagħmel it-trasmissjoni aktar effiċjenti; din l-attività hija sempliċement teknika, awtomatika u passiva fin-natura, li timplika li dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni la jkollu tagħrif u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni li tkun trasmessa jew maħżuna.”
4 L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Għan u qasam ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:
“1. Din id-Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas-suq intern billi tassigura l-moviment liberu bejn l-Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni.
2. Din id-Direttiva tressaq, sal-limiti meħtieġa għall-akkwist tal-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1, ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni li jirrigwardaw is-suq intern, l-istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir-responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill-qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri.
[...]
5. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika fil-:
(a) qasam tat-tassazzjoni;
(b) kwistjonijiet li jirrigwardaw servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni koperti bid-Direttivi 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)] u 97/66/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 1997 dwar l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjoni (ĠU 1998, L 24, p. 1)];
(ċ) kwistjonijiet li jirrigwardaw ftehim jew prattiċi regolati b’liġi dwar kartell;
(d) dawn l-attivitajiet li ġejjin ta’ servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni:
– l-attivitajiet ta’ nutara jew professjonijiet ekwivalenti sal-limiti li dawn jinvolvu konnessjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika,
– ir-rappreżentanza ta’ klijenti u d-difiża ta’ l-interessi tagħhom quddiem il-qrati,
– attivitajiet ta’ logħob li jinvolvu mħatri b’valur monetarju f’logħob tax-xorti, inklużi lotteriji u transazzjonijiet ta’ logħob ta’ l-ażżard.”
5 L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Suq intern”, jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“1. Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu ikun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.
2. L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.”
6 It-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2000/31, dwar ir-responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz, tinkludi l-Artikoli 12 sa 15 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 14 tagħha, intitolat “Benefiċċju”, jipprevedi:
“1. Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:
(a) dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti; jew
(b) dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.
2. Il-paragrafu 1 m’għandux ikun applikabbli meta dak li jirċievi s-servizz ikun jaġixxi permezz ta’ l-awtorità jew tal-kontroll ta’ dak li jipprovdi.
3. Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni.”
Id-dritt Taljan
7 L-Artikolu 9 tad-decreto-legge n.°87 – Disposizioni urgenti per la dignità dei lavoratori e delle imprese (id-Digriet Liġi Nru 97 - Dispożizzjonijiet Urġenti fil-Qasam tad-Dinjità tal-Ħaddiema u tal-Impriżi), tat‑12 ta’ Lulju 2018 (GURI Nru 161, tat‑13 ta’ Lulju 2018) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 87/2018”) jipprojbixxi kull forma ta’ reklamar, inkluż reklamar indirett, fir-rigward ta’ logħob jew ta’ mħatri li jinvolvu rebħ jew logħob tal-ażżard fi flus, ikun liema jkun u bi kwalunkwe mezz. inklużi avvenimenti sportivi, kulturali jew artistiċi, ix-xandiriet tat-televiżjoni jew tar-radju, l-istampa ta’ kuljum u perjodika, il-pubblikazzjonijiet b’mod ġenerali, il-posters u l-kanali ta’ informazzjoni diġitali u telematiċi, inklużi l-midja soċjali. Fil-każ ta’ ksur ta’ din il-projbizzjoni, il-prinċipal, il-proprjetarju tal-mezzi jew tas-sit fejn dan ir-reklamar jixxandar jew tas-sit ta’ destinazzjoni, u l-organizzatur tal-attività jew avveniment, huwa dovuti jħallsu multa amministrattiva ta’ ammont ugwali għal 20 % tal-valur tal-isponsorizzazzjoni jew tar-reklamar u, fi kwalunkwe każ, ta’ EUR 50 000 jew iktar.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2022, l-AGCOM, l-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet Taljana, imponiet fuq Google multa amministrattiva fl-ammont ta’ EUR 750 000 għal ksur tal-Artikolu 9 tad-Digriet Liġi Nru 87/2018, li jipprojbixxi kull forma ta’ reklamar, anki indirett, relatat mal-logħob tal-flus, taħt kwalunkwe forma u fuq kwalunkwe mezz li jkun.
9 L-AGCOM ikkritikat lil Google talli ppermettiet, permezz ta’ videos ippubblikati minn kreatur ta’ kontenut fuq ħames kanali tal-pjattaforma ta’ videos online YouTube (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma YouTube”), il-promozzjoni ta’ siti internet tal-logħob tal-flus. Barra minn hekk, kull waħda minn dawn il-kanali kienet turi videos li kienu jistiednu lill-utent, tkun xi tkun l-età tiegħu, jibgħat videos li juru r-rebħ tiegħu stess, b’mod li jippermetti lil dan il-kreatur ta’ kontenut, għal remunerazzjoni mħallsa lil dan l-utent, ixandar videos li juru l-aħjar rebħ miksub. Minbarra l-impożizzjoni ta’ multa, l-AGCOM ordnat lil Google tneħħi mill-pjattaforma YouTube 630 video mill-imsemmi kreatur ta’ kontenut kif ukoll il-videos ta’ dan tal-aħħar li għandhom kontenut analogu li jiksru wkoll il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 9 tad-Digriet Liġi Nru 87/2018.
10 Google ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja). Din il-qorti qieset li Google ma kinitx kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Digriet Liġi Nru 87/2018. Fil-fatt, l-imsemmija qorti kklassifikat is-servizzi offruti mill-pjattaforma YouTube bħala servizzi ta’ hosting u minn dan iddeduċiet li Google kellha tibbenefika mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan li jittrasponu l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31.
11 L-AGCOM appellat mid-deċiżjoni mogħtija mill-istess qorti quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan l-appell, l-AGCOM issostni li d-Direttiva 2000/31 ma tapplikax għar-reklamar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-attivitajiet ta’ logħob tal-flus.
12 Google ssostni, għall-kuntrarju, li l-imsemmija direttiva hija applikabbli. L-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(5) tal-istess direttiva ma tikkonċernax lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, iżda biss lill-fornituri ta’ servizzi ta’ logħob tal-flus. Barra minn hekk, Google tqis li hija ma hijiex obbligata, fil-kwalità tagħha ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, tivverifika l-kontenut tal-videos li huma ppubblikati fuq il-pjattaforma YouTube tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni tal-AGCOM tfisser ċensura u tirrestrinġi kemm il-libertà tal-espressjoni tal-utenti ta’ din il-pjattaforma kif ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ Google.
13 Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/31 għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Mit-tieni sentenza tal-premessa 21 tagħha jirriżulta li r-reklamar online għandu jitqies li huwa attività online, fis-sens ta’ din id-direttiva. B’hekk, jista’ jiġi dedott mit-tielet inċiż tal-Artikolu 1(5)(d) tal-imsemmija direttiva li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried iħalli barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva l-attivitajiet kollha tas-settur tal-logħob tal-flus, inkluż ir-reklamar online tagħhom.
14 Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva 2000/31 hija applikabbli għall-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tieni domanda dwar il-portata tas-sistema derogatorja ta’ responsabbiltà, prevista fl-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva.
15 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk Google tistax tibbenefika minn din is-sistema, peress li hija iffirmat mal-kreatur tal-kontenut inkwistjoni ftehim ta’ sħubija kummerċjali (“YouTube Partner Program”, iktar ’il quddiem is-“sħubija kummerċjali”) li fil-kuntest tiegħu Google ma tillimitax ruħha li jkollha rwol purament tekniku u newtrali fir-rigward tal-kontenut imqiegħed online. Din is-sħubija kummerċjali tipprevedi, minn naħa, qsim tad-dħul iġġenerat mir-reklamar imxandar qabel kull video ta’ dan il-kreatur ta’ kontenut u miġbur minn Google. Min-naħa l-oħra, Google tirċievi direttament il-ħlasijiet tal-abbonati tal-kanali tal-imsemmi kreatur ta’ kontenut u tipproċedi għal trasferiment lil dan tal-aħħar. Għall-finijiet tal-konklużjoni tal-imsemmija sħubija kummerċjali, l-istess kreatur ta’ kontenut għandu jissodisfa ċerti kundizzjonijiet stabbiliti minn Google. B’mod partikolari, huwa għandu jaqbeż il-limiti f’termini ta’ numru ta’ abbonati u ta’ sigħat ta’ wiri tal-videos tiegħu. Barra minn hekk, qabel ma tikkonkludi tali ftehim ta’ sħubija kummerċjali ma’ kreatur ta’ kontenut fuq il-pjattaforma YouTube, Google twettaq ukoll kontroll tal-kontenut tal-videos billi teżamina s-suġġett tal-kanal, il-videos l-iktar li jarawhom jew l-iktar reċenti u l-metadata (titoli, deskrizzjonijiet, eċċ.) ta’ dawn il-videos. Madankollu, dan il-kontroll ma jikkonsistix f’kontroll komplet tal-videos kollha tal-kanal.
16 Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 huwa applikabbli biss għal fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li għandu rwol “newtrali”, li sempliċement għandu rwol purament tekniku. Issa, fil-fehma ta’ din il-qorti, fid-dawl tal-kontroll tal-kontenut tal-kreaturi eżerċitat minn Google u tal- “ottimizzazzjoni” tal-attività kummerċjali ta’ dawn il-kreaturi permezz tat-tqassim tal-qligħ ma’ dawn tal-aħħar, il-pożizzjoni ta’ Google ma tistax titqies li hija “newtrali”.
17 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ddeċidiet li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Abbażi tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2000/31/KE [...], is-sistema ta’ responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ hosting prevista fl-Artikolu 14 tal-istess direttiva hija applikabbli għal attivitajiet relatati mar-reklamar online għal logħob jew imħatri b’rebħ fi flus kif ukoll għal reklamar ta’ logħob tal-ażżard? Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda (jiġifieri billi tqis li d-Direttiva 2000/31 tapplika kemm għar-responsabbiltà ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għar-reklamar online għal logħob jew imħatri b’rebħ fi flus kif ukoll għal reklamar ta’ logħob tal-ażżard), il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti risposta, skont l-Artikolu 267 TFUE, għad-domanda preliminari segwenti:
2) Is-sistema ta’ responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE hija applikabbli għal fornitur ta’ servizzi ta’ hosting bħal Google f’dak li jirrigwarda l-kontenut ippubblikat mill-operaturi ta’ kanali YouTube li magħhom Google kkonkludiet ftehim ta’ sħubija kummerċjali deskritt iktar ’il fuq ?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
18 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet inċiż tal-Artikolu 1(5)(d) tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jikkonsisti fil-hosting online ta’ videos jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta dawn il-videos jinkludu reklamar għal logħob tal-flus jinvolvi mħatri ta’ valur monetarju f’logħob tal-ażżard, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
19 Għandu jitfakkar li mill-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li din id-direttiva hija intiża li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Minn naħa, hija toħloq qafas legali li jiżgura l-moviment liberu tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u li jikkonsisti b’mod partikolari fl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva li jipprovdi li, fil-kuntest tal-qasam ikkoordinat, is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni huma rregolati biss fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huma stabbiliti l-fornituri ta’ dawn is-servizzi. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva tipprevedi, b’mod partikolari fil-Kapitoli II u III tagħha, dispożizzjonijiet li wettqu, sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ dan l-għan, l-approssimazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għal dawn is-servizzi (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2026, WebGroup Czech Republic et, C‑188/24 u C‑190/24, EU:C:2026:492, punt 54).
20 L-Artikolu 1(5)(d) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi li din id-direttiva ma hijiex applikabbli għall-“attivitajiet” tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni elenkati f’din id-dispożizzjoni, li fosthom hemm, fit-tielet inċiż tagħha, “attivitajiet ta’ logħob li jinvolvu mħatri b’valur monetarju f’logħob tax-xorti, inklużi lotteriji u transazzjonijiet ta’ logħob ta’ l-ażżard.” Barra minn hekk, il-premessa 16 tal-imsemmija direttiva tippreċiża li l-eċċezzjoni fit-tielet inċiż ma tkoprix il-kompetizzjonijiet promozzjonali jew logħob fejn l-iskop ikun li jinkoraġġixxi l-bejgħ ta’ merkanzija jew servizzi u fejn il-pagamenti, jekk dawn jeżistu, iservu biss biex ikunu akkwistati l-merkanzija jew is-servizzi rreklamati.
21 Skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 20, u tad‑19 ta’ Diċembru 2024, Ford Italia, C‑157/23, EU:C:2024:1045, punt 42).
22 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem tat-tielet inċiż tal-Artikolu 1(5)(d) tad-Direttiva 2000/31, mill-kuntest ta’ fiha tinsab din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-għan segwit mill-imsemmija dispożizzjoni, jirriżulta li din għan imfittex mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-esklużjoni li hija tipprevedi tkopri mhux biss il-logħob tal-flus bħala tali, iżda wkoll l-attivitajiet intrinsikament marbuta ma’ dan il-logħob tal-flus, u b’mod partikolari l-attività li tikkonsisti fir-reklamar online għal-logħob tal-flus, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.
23 Fil-fatt, minn naħa, kemm din l-esklużjoni kif ukoll l-esklużjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva huma fformulati f’termini wiesgħa, li jindika li l- “oqsma”, “kwistjonijiet” u “attivitajiet” imsemmija fiha għandhom jinftiehmu b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Airbnb Ireland, C‑674/20, EU:C:2022:303, punt 29).
24 Min-naħa l-oħra u fuq kollox, mill-premessa 12 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-Artikolu 1(5) tagħha huwa intiż sabiex jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ċerti attivitajiet fid-dawl tal-fatt li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’dawn l-oqsma ma tistax, f’dan l-istadju, tiġi ggarantita fid-dawl tat-Trattat FUE jew tad-dritt sekondarju eżistenti. Fil-fatt, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-attivitajiet ta’ logħob tal-flus li jinvolvu mħatri li għandhom valur monetarju f’logħob tal-ażżard, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni tal-logħob tal-ażżard tagħmel parti mill-oqsma li fihom jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa, f’dawn l-oqsma, skont l-iskala ta’ valuri partikolari għalih, ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġu protetti l-interessi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2023, Recreatieprojecten Zeeland et, C‑695/21, EU:C:2023:144, punt 14 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
25 Issa, sabiex jiġi ggarantit il-marġni ta’ manuvra li l-Istati Membri għandu jkollhom sabiex ikunu jistgħu jirregolaw b’mod effettiv il-qasam tal-logħob tal-flus skont l-iskali ta’ valuri tagħhom stess, dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jirregolaw l-attivitajiet kollha intrinsikament marbuta ma’ dan il-qasam, inkluż ir-reklamar relatat miegħu, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.
26 Minn dan isegwi li t-tielet inċiż tal-Artikolu 1(5)(d) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma hijiex applikabbli għall-attività li tikkonsisti fir-reklamar online għal-logħob tal-flus, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
27 Madankollu, minn dan ma jirriżultax li l-attività ta’ hosting online ta’ tali reklamar hija koperta wkoll lill-esklużjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 1(5)(d) tad-Direttiva 2000/31.
28 Fil-fatt, kuntrarjament għall-attività li tikkonsisti fir-reklamar online għal-logħob tal-flus, l-attività ta’ hosting online ma hijiex intrinsikament marbuta ma’ dan il-logħob tal-flus. Din l-aħħar attività, li tikkonsisti sempliċement fil-ħażna ta’ kontenut ipprovdut minn riċevitur tas-servizz, hija, bħala prinċipju, newtrali fir-rigward tal-kontenut maħżun u ma hijiex differenti skont in-natura tal-kontenut. B’hekk, l-attività ta’ hosting online ta’ reklamar ta’ logħob tal-flus, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma hijiex differenti minn attività ta’ hosting ta’ tipi oħra ta’ reklamar jew b’mod iktar wiesa’, ta’ kontenut ieħor. B’mod partikolari, din l-attività ma għandhiex rabta diretta ma’ dan il-logħob tal-flus u ma hijiex intiża li tippromwovi dan il-logħob.
29 F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif jenfasizza, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex neċessarju li tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-attività ta’ hosting online ta’ reklamar ta’ logħob tal-flus sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu, jekk ikunu jixtiequ u skont l-iskali ta’ valuri tagħhom stess, politika ta’ espansjoni kkontrollata tal-logħob tal-flus.
30 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tielet inċiż tal-Artikolu 1(5)(d) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jikkonsisti fil-hosting online ta’ videos jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva anki meta dawn il-videos jinkludu reklamar għal logħob tal-flus li jinvolvi mħatri b’valur monetarju f’logħob tal-ażżard, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
Fuq it-tieni domanda
31 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal operatur ta’ pjattaforma ta’ videos online, li ffirma, ma’ persuna li tuża din il-pjattaforma sabiex ixandar videos fuq kanal speċifiku, ftehim ta’ sħubija kummerċjali li jipprevedi qsim ta’ dħul mir-reklamar u li, fil-kuntest tal-firma jew tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim, wettaq eżami tal-kontenut ta’ dan il-kanal, u b’mod partikolari tat-tema prinċipali tiegħu, tal-videos l-iktar li rawhom, jew l-iktar reċenti, jew anki tal-metadata ta’ dawn il-videos.
32 L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta’ provvista ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li tikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, il-fornitur ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni maħżuna fuq talba ta’ riċevitur tas-servizz. F’dan ir-rigward, il-fornitur ma għandux effettivament ikun jaf bl-attività jew bl-informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ talba għad-danni, ta’ fatti jew ta’ ċirkustanzi li skonthom l-attività jew l-informazzjoni illegali hija apparenti, jew, jekk għandu tali għarfien, il-fornitur għandu jaġixxi malajr, mill-mument li fih ikollu din l-informazzjoni jew dan l-għarfien, sabiex ineħħi l-informazzjoni jew sabiex jagħmel l-aċċess għaliha impossibbli.
33 Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “hosting” li tinsab f’dan l-Artikolu 14(1) ma tipprekludix li servizz li għandu wkoll bħala għan it-tixrid jew il-kondiviżjoni tal-informazzjoni maħżuna jista’ jaqa’, taħt ċerti kundizzjonijiet, taħt dan il-kunċett. Madankollu, il-fatt li s-servizz ipprovdut minn operatur jinkludi l-ħażna tal-informazzjoni trażmessa lilu ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġi konkluż li dan is-servizz jaqa’, fi kwalunkwe ċirkustanza, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2026, WebGroup Czech Republic et, Kawżi magħquda C‑188/24 u C‑190/24, EU:C:2026:492, punti 106 u 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
34 Sabiex dan ikun il-każ, huwa essenzjali li l-fornitur tas-servizz ikkonċernat ikun “intermedjarju li jipprovdi servizz”, fis-sens tal-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31. Fil-fatt, mill-premessa 42 tal-imsemmija direttiva jirriżulta, f’dan ir-rigward, li d-derogi fil-qasam tar-responsabbiltà previsti minnha jkopru biss il-każijiet fejn l-attività tal-fornitur ta’ servizzi fil-kuntest tas-soċjetà tal-informazzjoni tkun limitata għall-proċess tekniku ta’ operat u ta’ provvista ta’ aċċess għal network ta’ komunikazzjoni. Dejjem skont din il-premessa 42, din l-attività għandha natura purament teknika, awtomatika u passiva, li timplika li dan il-fornitur la għandu l-għarfien u lanqas il-kontroll tal-informazzjoni trażmessa jew maħżuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 105, kif ukoll tas‑16 ta’ Ġunju 2026, WebGroup Czech Republic et, C‑188/24 u C‑190/24, EU:C:2026:492, punt 108).
35 Għaldaqstant, sabiex jiġi evalwat jekk l-operatur ta’ pjattaforma ta’ videos online jistax jiġi eżentat, konformement mal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, mir-responsabbiltà tiegħu taħt id-dritt ta’ Stat Membru, għal videos li jinkludu reklamar għal logħob tal-flus ipprojbit minn dan id-dritt, għandu jiġi eżaminat, minn qabel, jekk ir-rwol eżerċitat minn dan l-operatur huwiex newtrali, jiġifieri jekk l-aġir tiegħu huwiex purament tekniku, awtomatiku u passiv, li jimplika l-assenza ta’ għarfien jew ta’ kontroll tal-kontenut li huwa jaħżen, jew jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmi operatur għandux rwol attiv ta’ natura li jagħtih għarfien jew kontroll ta’ dan il-kontenut (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 106, kif ukoll tas‑16 ta’ Ġunju 2026, WebGroup Czech Republic et, Kawżi magħquda C‑188/24 u C‑190/24, EU:C:2026:492, punt 109).
36 Fid-dawl tal-premessa 42 tad-Direttiva 2000/31, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ta’ għarfien u ta’ kontroll għandhom jinftiehmu bħala kundizzjojonijiet alternattivi u awtonomi minn xulxin (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2026, WebGroup Czech Republic et, Kawżi magħquda C‑188/24 u C‑190/24, EU:C:2026:492, punt 110).
37 B’hekk, minn naħa, l-operatur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jikkontrolla l-informazzjoni maħżuna huwa eskluż mill-benefiċċju tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, anki jekk ma jsirx jaf b’din l-informazzjoni minħabba l-awtomatizzazzjoni tal-ipproċessar tagħha. Issa, huwa b’mod partikolari permezz tal-algoritmu użat li tali operatur jeżerċita kontroll fuq l-informazzjoni maħżuna. Sakemm ikun iddetermina minn qabel, permezz ta’ dan l-algoritmu, il-kundizzjonijiet għat-tixrid jew nuqqas ta’ tixrid ta’ tali informazzjoni, huwa irrilevanti li dan l-operatur ma jwettaqx huwa stess interventi addizzjonali li jkollhom l-effett li jippromwovu, jimmodifikaw jew iħassru informazzjoni maħżuna għall-finijiet tat-tixrid tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2026, WebGroup Czech Republic et, Kawżi magħquda C‑188/24 u C‑190/24, EU:C:2026:492, punt 111 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
38 F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li għalkemm, lil hinn minn sempliċi kategorizzazzjoni u indiċjar tal-informazzjoni bl-għan tal-aċċessibbiltà aħjar tagħha, l-algoritmu użat jiddetermina, fl-interess tal-operatur jew tas-servizz tiegħu, taħt liema kundizzjonijiet, b’liema mod u f’liema ordni ta’ prijorità din l-informazzjoni tiġi mxerrda jew le, l-imsemmi operatur jeżerċita kontroll fuqha, b’tali mod li s-servizz li huwa jipproponi ma jistax jiġi kklassifikat bħala “servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz”, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2026, WebGroup Czech Republic et, Kawżi magħquda C‑188/24 u C‑190/24, EU:C:2026:402, punt 112 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
39 Min-naħa l-oħra, meta l-attività tal-operatur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni timplika li dan ikollu għarfien tal-kontenut li huwa jagħmel hosting, dan l-operatur huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 14, mingħajr ma jkun neċessarju li jintwera li huwa jeżerċita wkoll kontroll ta’ dan il-kontenut.
40 F’dan ir-rigward, il-fatt li l-operatur ta’ pjattaforma online jkollu għarfien, b’mod inċidentali jew aċċidentali, bl-eżistenza ta’ kontenut illegali speċifiku fost sett ta’ videos ippubblikati fuq il-pjattaforma tiegħu, ma huwiex biżżejjed sabiex dan jitqiegħed barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess Artikolu 14. L-istess japplika meta tali operatur jiġi informat minn terz li tali kontenut ġie ppubblikat fuq il-pjattaforma tiegħu. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, li kieku dan l-operatur kellu jiġi eskluż minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 ikun imċaħħad minn effett utli peress li din id-dispożizzjoni tippermetti preċiżament lill-fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jibbenefika mill-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni meta, peress li jkollu għarfien b’kontenut illegali, jaġixxi malajr sabiex ineħħi dan il-kontenut jew sabiex jagħmel l-aċċess għall-imsemmi kontenut impossibbli.
41 Bl-istess mod, mill-implimentazzjoni, mill-operatur ta’ pjattaforma ta’ videos online, ta’ miżuri tekniċi intiżi sabiex jiġu identifikati, fost il-videos ikkomunikati lill-pubbliku fuq din il-pjattaforma, kontenut li jikser dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali, ma jistax jiġi dedott li dan l-operatur għandu rwol attiv li jeskludih mill-benefiċċju tas-sistema ta’ eżenzjoni prevista mill-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 109).
42 Barra minn hekk, ma jistax jitqies li hija biss attività tal-operatur ta’ pjattaforma online li twasslu sabiex ikollu għarfien eżawrjenti tal-kontenut kollu mtella’ fuq il-pjattaforma tiegħu li tista’ ċċaħħadha mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31.
43 Għall-kuntrarju, meta l-attività tal-operatur ta’ pjattaforma online twasslu sabiex ikun jaf il-kontenut essenzjali mtella’ minn utent fuq din il-pjattaforma, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31.
44 Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonstata, dan huwa l-każ meta l-operatur ta’ pjattaforma online jkun ta assistenza, li b’mod partikolari kienet tikkonsisti fl-ottimizzazzjoni tal-preżentazzjoni tar-reklami ppubblikati fuq din il-pjattaforma jew fil-promozzjoni tagħhom. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, l-operatur ma kienx jokkupa pożizzjoni newtrali ta’ intermedjarju, iżda kellu rwol attiv ta’ natura li jagħtih għarfien jew kontroll fuq il-kontenut ta’ dawn ir-reklami. Huwa ma jistax għalhekk jinvoka, fir-rigward tal-imsemmija avviżi, id-deroga mir-responsabbiltà msemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 116).
45 Dan huwa wkoll il-każ meta l-operatur ta’ pjattaforma ta’ videos online jeżamina, bl-għan li jikkonkludi ftehim ta’ tqassim ta’ dħul, it-tema prinċipali ta’ kanal ta’ videos, il-videos li l-iktar rawhom, jew l-iktar reċenti ta’ dan il-kanal, jew ukoll il-metadata ta’ dawn il-videos. Anki jekk dan l-eżami tal-kontenut, kemm jekk awtomatizzat kif ukoll jekk imwettaq minn persuni fiżiċi, huwa intiż sabiex jivverifika li l-kreatur ta’ kontenut li jitlob dan il-ftehim ta’ sħubija kummerċjali josserva r-regoli stabbiliti mill-pjattaforma sabiex jaċċedi għal tali sħubija, huwa jagħti lill-operatur ta’ din il-pjattaforma għarfien konkret tal-kontenut essenzjali ta’ sett ta’ videos, b’tali mod li ma jistax jippretendi li jeżerċita attività purament teknika, awtomatika u passiva u għalhekk ikollu rwol ta’ intermedjarju newtrali.
46 F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kuntest tal-ftehim ta’ sħubija kummerċjali konkluż bejn l-operatur tal-pjattaforma YouTube u ċerti kreaturi ta’ kontenut li jippubblikaw videos fuq kanal maħluq fuq din il-pjattaforma, Google twettaq, fil-kuntest tal-konklużjoni jew tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim, eżami tal-kontenut essenzjali ta’ dan il-kanal, u b’mod partikolari, tat-tema prinċipali tiegħu, tal-videos li l-iktar jarawhom jew l-iktar reċenti, jew anki tal-metadata ta’ dawn il-videos. Dan l-eżami tal-kontenut, kemm jekk awtomatizzat kif ukoll jekk imwettaq minn persuni fiżiċi, huwa, b’mod partikolari, intiż sabiex jivverifika li l-kreatur ta’ kontenut li jitlob dan il-ftehim ta’ sħubija kummerċjali josserva r-regoli stabbiliti mill-pjattaforma sabiex jaċċedi għal tali sħubija u għalhekk jiżdied mal-kontrolli standard li huma implimentati mingħajr distinzjoni għall-videos kollha mtella’ fuq il-pjattaforma YouTube. L-imsemmi eżami jirrigwarda wkoll l-oriġinalità u l-kwalità tal-kontenut. Huwa biss jekk dawn il-kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-kontenut jiġu osservati li l-kreatur tal-kontenut ikkonċernat jista’ jibbenefika mis-sistema ta’ tqassim tad-dħul mir-reklamar proposta minn Google.
47 F’dawn iċ-ċirkustanzi u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li, billi eżaminat il-kanali YouTube inkwistjoni fil-kawża prinċipali, Google ma setgħetx raġonevolment ma kellhiex għarfien li dawn kellhom bħala suġġett prinċipali l-logħob tal-flus u tal-ażżard u li kien fihom numru ta’ videos li jirreklamaw tali logħob, bi ksur tal-Artikolu 9 tad-Digriet Liġi Nru 87/2018.
48 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għall-operatur ta’ pjattaforma ta’ videos online, li ffirma, ma’ persuna li tuża din il-pjattaforma sabiex ixarrad videos fuq kanal iddedikat, ftehim ta’ sħubija kummerċjali li jipprevedi qsim ta’ dħul mir-reklamar u li, fil-kuntest tal-firma jew tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim, wettaq eżami tal-kontenut ta’ dan il-kanal, u b’mod partikolari, tat-tema prinċipali tiegħu, tal-videos l-iktar viżibbli jew l-iktar reċenti, jew anki tal-metadata ta’ dawn il-videos.
Fuq l-ispejjeż
49 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jikkonsisti fil-hosting online ta’ videos jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva anki meta dawn il-videos jinkludu reklamar għal logħob tal-flus li jinvolvi mħatri b’valur monetarju f’logħob tal-ażżard, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
2) L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31
għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma japplikax għall-operatur ta’ pjattaforma ta’ videos online, li ffirma, ma’ persuna li tuża din il-pjattaforma sabiex ixandar videos fuq kanal iddedikat, ftehim ta’ sħubija kummerċjali li jipprevedi qsim ta’ dħul mir-reklamar u li, fil-kuntest tal-firma jew tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-ftehim, wettaq eżami tal-kontenut ta’ dan il-kanal, u b’mod partikolari, tat-tema prinċipali tiegħu, tal-videos l-iktar viżibbli jew l-iktar reċenti, jew anki tal-metadata ta’ dawn il-videos.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.