52010DC0499

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu SEG(2010) 1094 /* COM/2010/0499 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 21.9.2010

KUMM(2010) 499 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 tad-29 ta' April 2004 u dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tiegħu

SEG(2010) 1094

INTRODUZZJONI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) 866/2004 dwar reġim skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll 10 mal-Att tal-Adeżjoni[1] (minn hawn ’il quddiem: Ir-Regolament tal-Linja l-Ħadra, RLĦ) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. Ir-Regolament jiddefinixxi t-termini li taħthom id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tal-UE japplikaw fir-rigward tal-moviment ta’ persuni, oġġetti u servizzi minn fuq il-Linja bejn iż-żoni tar-Repubblika ta’ Ċipru li fihom il-gvern m'għandux kontroll effettiv u ż-żoni li fihom għandu kontroll. Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn ir-regoli, l-applikazzjoni tagħhom ġiet estiża għall-konfini bejn dawn iż-żoni u ż-Żona Bażi Sovrana fil-Lvant tar-RU (ŻBSL)[2]

Dan ir-rapport ikopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Mejju 2009 sat-30 ta' April 2010 iżda r-rapport li jmiss se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Diċembru 2010 sabiex il-perjodu ta’ rappurtar ikun konformi mas-sena kalendarja (sabiex jintużaw statistiċi annwali). Matul il-perjodu ta’ rappurtar il-Kummissjoni ma pproponiet l-ebda emenda għar-Regolament u ma ħadet l-ebda Deċiżjoni ġdida dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni.

Il-Kummissjoni żammet djalogu kostruttiv mal-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika ta’ Ċipru u mal-Amministrazzjoni taż-Żona ta’ Bażi Sovrana, fuq il-livell ta’ ħidma, fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Regolament.

PERSUNI LI JAQSMU L-LINJA

Il-qsim fil-postijiet ta’ qsim awtorizzati

Ir-Regolament jipprovdi qafas legali stabbli għall-moviment ħieles ta’ ċittadini Ċiprijotti, ta' ċittadini oħra tal-UE u ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-Linja l-Ħadra (minn hawn 'il quddiem “il-Linja”) fil-postijiet ta’ qsim awtorizzati. Kien hemm nuqqas żgħir fin-numru ta' Ċiprijotti Griegi u Ċiprijotti Torork li qasmu meta mqabbel mas-sena preċedenti. Skont id-dejta disponibbli mir-Repubblika ta’ Ċipru, 670,910 (is-sena preċedenti: 730,310) qsim minn Ċiprijotti Griegi f’175,671 vettura (is-sena preċedenti: 193,909) qasmu miż-żoni kkontrollati mill-gvern għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 1,185,073 (is-sena preċedenti: 1,287,126) qsim minn Ċiprijotti Torok f’ 424,537 vettura (preċedenti: 451,334) mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru għaż-żoni kkontrollati mill-gvern matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ[3] Madankollu, in-numru ta’ ċittadini tal-UE mhux Ċiprijotti u ċittadini minn pajjiżi terzi li qasmu l-linja żdied b’66% fil-mija. Skont id-dejta mill-PulizijaPulizija tar-Repubblika ta’ Ċipru (minn hawn ‘il quddiem: CYPOL), matul il-perjodu ta’ rappurtar qsim ulterjuri ta’ 1,228,880 qsim ġew effettwati minn ċittadini tal-UE mhux Ċiprijotti u ċittadini minn pajjiżi terzi (qabel 739,097). 72% minn dan il-qsim (889,081) sar fi Triq Ledra fil-punt ta’ qsim pedonali li fetaħ f’April 2008. Il-punt ta’ qsim fi Triq Ledra huwa l-post li minnu qasmu l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini mhux Ċiprijotti (prinċipalment turisti) matul il-perjodu.

Dawn iċ-ċifri huma b’mod ġenerali konformi ma’ dawk miġbura mill-komunità Ċiprijotta Torka jiġifieri 630,116 qsim minn Ċiprijotti Griegi f' 202,352 vettura minn żoni kkontrollati mill-gvern għall-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u 1,489,466 qsim minn Ċiprijotti Torrok f’ 564,791 vettura mit-Tramuntana ta’ Ċipru għal żoni kkontrollati mill-gvern.

Madanakollu, iċ-ċifri minn CYPOL imsemmija hawn fuq, ma jinkludux dejta dwar persuni u vetturi li qegħdin jaqsmu fil-punti ta’ qsim Pergamos u Strovilia , mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru għal goż-ŻBS [4] Iżda l-amministrazzjoni ŻBS ma għandhiex statistiċi ddettaljati fir-rigward ta' dawn iż-żewġ punti ta' qsim. Madanakollu, stimi dwar iż-ŻBS, li huma msejsa fuq informazzjoni minn sorsi Ċiprijotti Torok, jirrapportaw li 97,395 Ċiprijott Grieg qasmu għall-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru u 556,382 Ċiprijott Tork qasmu għaż-ŻBS. Ma hemm l-ebda informazzjoni dwar jekk dawn iċ-Ċiprijotti Torok komplewx jivvjaġġjaw miż-ŻBS għaż-żona kkontrollata mill-gvern.

In-numru ta’ persunal CYPOL li qegħdin jaħdmu direttament fil-punti ta’ qsim tnaqqsu minn 67 fl-2008 għal 63 fl-2009 u għal 59 fl-2010. L-ebda inċident maġġuri ma ġie rappurtat fir-rigward tal-qsim ta’ kuljum li sar.

Migrazzjoni illegali minn fuq l-Linja l-Ħadra u l-ażil

Ċifri maħruġa minn CYPOL min-Mejju 2009 sa April 2010 jindikaw il-migrazzjoni illegali minn fuq il-Linja mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru għaż-żoni kkontrollati mill-gvern, naqset b’54%. 2,546 migrant illegali nqabdu fi ħdan iż-żoni kkontrollati mill-gvern (minn barra dawk li ma tħallewx jaqsmu minn fuq il-punti ta' qsim li jinsabu fuq il-Linja l-Ħadra) ċifra iżgħar minn 5,560 immigrant illegali li nqabdu s-sena ta' qabel. 11-il persuna daħlu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern u 16-il persuna daħlet permezz taż-ŻBS tal-Lvant, biex b’hekk in-numru totali ta’ immigranti illegali li nqabdu kien ta’ 2,573. CYPOL indika li nuqqas fil-prospetti ta' impjieg minħabba li l-ekonomija taċ-Ċipru hija aktar għajjiena minn qabel hija x’aktarx ir-raġuni għal dan in-nuqqas. Il-maġġoranza tal-migranti illegali li nqabdu kienu ċittadini mis-Sirja, l-Iran, il-Ġeorġja, il-Pakistan, il-Bangladexx, u r-Repubblika tal-Moldova[5]kif ukoll mit-territorju okkupat tal-Palestina (Anness VIII). Normalment, migranti illegali jinqabdu matul kontrolli li jsiru tul il-Linja l-Ħadra, u f’ajruporti meta jkunu se jipprovaw jitilqu minn Ċipru. Normalment, ċittadini minn pajjiżi terzi li qegħdin ifittxu li jiksbu protezzjoni internazzjonali huma identifikati fi stazzjonijiet tal-Pulizija waqt li jkunu qegħdin japplikaw għall-ażil.

L-evalwazzjoni ta’ CYPOL tar-rotta ta’ dħul ta’ migranti illegali fiż-żoni kkontrollati mill-gvern hija bbażata fuq l-istess kriterji bħas-snin ta’ qabel, prinċipalment permezz ta’ dokumenti (viżas, timbri ta’ dħul/eżitu fuq il-passaport mit-Turkija jew “viża” jew “permess ta’ residenza” tat-“TRNC”), dikjarazzjonijiet li saru minn immigranti iżda wkoll evidenza oħra bħal gazzetti Ċiprijotti u karti tal-flus Torok.

1,311-il persuna applikaw għall-ażil fir-Repubblika ta’ Ċipru. Permezz ta’ proċeduri ta’ Ażil ġodda l-proċess tqassar minn sitt xhur għal tlieta. Madanakollu, l-ebda persuna li daħlet fiż-żoni kkontrollati mill-gvern matul il-perjodu ma ngħatat status ta’ refuġjat[6].

Il-biċċa l-kbira tal-migranti illegali jaslu f’żoni kkontrollati mill-gvern minn fuq it-Turkija u l-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru (erba’ kumpaniji tal-avjazzjoni minn 11-il ajruport fit-Turkija; laneċ minn erba’ portijiet fit-Turkija lejn Kyrenia u Famagusta). CYPOL irrapporta wkoll każijiet ta’ migranti li qegħdin jaslu fir-Repubblika ta’ Ċipru fuq dgħajjes tas-sajd u speedboats (u li allegatament jinvolvu ħlasijiet sa €2,000 għal dawk li daħħluhom fil-pajjiż b’mod illegali).

Skont l-informazzjoni mill-komunità Torka Ċiprijotta, 72 immigrant illegali Sirjan inżammu fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru. Żewġ ċittadini Sirjani ma ngħatalhomx permess li jaqsmu l-Linja għal ġol-parti tat-Tramuntana ta' Ċipru f’punti ta’ qsim uffiċjali. Matul il-perjodu ta’ referenza, 619 persuna ġew “deportati” mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru[7]

Il-lanċa Latakia (Siria) – Famagusta ma jsalpax f’ ħinijiet fissi, jiġifieri 16-il darba bejn il-15 ta’ April u l-04 ta’ Ottubru 2009. Matul dan il-perjodu madwar 1,600 persuna (75% ċittadini Sirjani) użaw din il-lanċa biex jaslu fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru, u b’dan il-mod evitaw trażitu minn fuq it-Turkija. L-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru għandhom suspett li għadd kbir ta’ immigranti illegali użaw din ir-rotta. Il-konnessjoni bil-lanċa reġgħet bdiet f’Ġunju 2010. L-awtoritajiet jibqgħu jħeġġu l-Gvern Sirjan biex jagħlaq il-konnessjoni bil-lanċa, peress li t-tħaddim tal-port ta’ Famagusta ġie ddikjarat bħala illegali mill-Gvern tar-Repubblika ta’ Ċipru.

Dejta preċiża dwar il-persuni li ntbagħtu luru mill-punti ta’ qsim mhijiex disponibbli, iżda CYPOL jikkalkula ċifra ta’ madwar 2,000 persuna matul dan il-perjodu.

L-ebda kooperazzjoni diretta ma teżisti dwar il-ħarsien tal-liġi u l-immigrazzjoni bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u l-komunità Ċiprijotta Torka. Madanakollu, iż-żewġ naħat jiltaqgħu fi ħdan il-qafas ta’ kumitat tekniku bilaterali dwar il-kriminalità u l-kwestjonijiet kriminali taħt awspiċji tan-NU, li l-uffiċċju tiegħu jinsab fiż-żona ta' lqugħ fl-ajruport ta' Nicosia. Dan iservi ta’ mekkaniżmu għal kondiviżjoni tal-informazzjoni u għal inizjattivi konġunti dwar il-kriminalità u l-kwestjonijiet kriminali. Matul il-perjodu ta’ rappurtar, każ uniku ġie trattat b’mod konġunt.

CYPOL iddeskriva l-kooperazzjoni bejnha u bejn dipartimenti tal-gvern rilevanti oħra u l-amministrazzjoni taż-ŻBS, bħala tajba ħafna. 316 każ ta’ impjieg illegali ġew żvelati “f’ispezzjonjiet dwar impjieg” li saru b’mod konġunt mal-Ministeru tax-Xogħol u l-Assigurazzjoni Soċjali.

Id-Dipartiment CYPOL dwar il-Barranin u l-Immigrazzjoni jimpjega 315 uffiċjal li għandhom 36 vettura għad-dispożizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, żewġ ħelikopters funzjonali bis-sħiħ huma disponibbli għal titjiriet ta’ sorveljanza. Fil-punti ta’ qsim, tagħmir li juża raġġi ultra-violet huwa disponibbli flimkien ma’ konnessjonijiet għal databases tal-Gvern (p.e. “Stop-List”, Reġistru Ċivili, Reġistrazzjoni tal-Vetturi, eċċ.) u konnessjonijiet għas-sistema tal-intranet CYPOL u għall-internet.

Operazzjonijiet ta’ kontroll tul il-Linja jinkludu għassa regolari bl-ajru u fuq l-art, bi nhar u bil-lejl. Għases fuq l-art (mobbli jew bil-mixi) isiru minn uffiċjali ta’ stazzjonijiet tal-Pulizijapulizija lokali li għandhom ġurisdizzjoni, f’żoni fil-viċinanza tal-Linja[8]. Barra minn hekk, uffiċjali mid-Dipartiment tal-Barranin u l-Immigrazzjoni CYPOL u mill-Iskwadri Diviżjonali CYPOL jagħmlu għassa mal-Linja kuljum. Skwadra Speċjali CYPOL mid-Diviżjoni tal-PulizijaPulizija ta’ Larnaka hija preżenti b’mod permanenti fiż-żona vulnerabbli ta’ Pergamos – Pyla (ara infra taħt iż-ŻBSL). L-Unità ta’ Avjazzjoni CYPOL wettqet madwar 115-il siegħa fuq il-ħelikopter f’titjiriet ta’ għassa minn fuq il-Linja matul il-perjodu. Kemm l-għassa li saret fuq l-art kif ukoll dik mill-ajru ġiet ikkoordinata mill-Kwartieri ġenerali ta’ CYPOL.

Peress li l-Linja ma titqiesx bħala fruntiera esterna, ix-xiri ta’ tagħmir mhuwiex eliġibbli għal finanzjament taħt il-Fond għall-Fruntieri Esterni[9]Madanakollu, il-persunal ta’ CYPOL jipparteċipa fil-programmi ta’ taħriġ kollha tal-FRONTEX[10] p.e. dwar l-kxif ta’ dokumenti personali foloz.

Iż-Żona Bażi Sovrana tal-Lvant (ŻBSL)

B’mod ġenerali, l-immigrazzjoni illegali minn fuq iż-ŻBSL naqset matul il-perjodu. Uffiċjali taż-ŻBS jiddiskrivu l-kooperazzjoni bejn ir-Repubblika ta’ Ċipru u d-Dwana u l-Immigrazzjoni taż-ZBS f’din iż-żona, bħala eċċellenti. Matul il-perjodu ta’ rappurtar, 1,174 persuna ma tħallewx jaqsmu, u l-maġġoranza tagħhom kienu ċittadini Torok. Barranin oħra kienu turisti mill-Istati Uniti tal-Amerika, l-Awstralja, l-Iran, ir-Russja, l-Iżrael, il-Bjelorussja u s-Serbja li daħlu permezz tal-ajruport Tymbou/Ecran fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u li ma kinux jafu bir-rekwiżiti biex tidħol fir-Repubblika taċ-Ċipru.[11]

Total ta’ 17-il immigrant illegali nqabdu fi ħdan iż-ŻBSL, li sitta minnhom daħlu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern b’mod illegali iżda baqgħu hemm wara li skadew il-viżas tagħhom[12] Il-11 li għad baqa’ daħlu fil-ġżira mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru u qasmu l-Linja b’mod illegali[13] Erbgħa minnhom daħlu fin-naħa tat-Tramuntana ta’ Ċipru permezz tal-ajruport Tymbou/Ecran.

Bogħod mill-punti ta’ qsim, il-Pulizija taż-ŻBS twettaq għases irregolari, ibbażati fuq ir-riskju u mmexxija mill-intelliġenza, għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali. Dawn l-għases huma supplimentati minn għases mid-Dwana taż-ŻBS u assi militari. Is-servizz tad-Dwana taż-ŻBS għandu attwalment madwar 40 persunal operattiv li qegħdin jaħdmu bix-xift 24/7 għal 365 ġurnata kull sena biex ikunu koperti ż-żewġ punti ta’ qsim approvati f’Pergamos u Strovilia.

Bejn l-1 ta’ Marzu 2009 u l-31 ta’ Marzu 2010, saru 385 għassa tul iż-ŻBS – iż-żona tal-Linja l-Ħadra. Normalment, l-għases isiru diversi drabi matul il-ġurnata. . Id-Dwana taż-ŻBS għandha fil-pussess tagħha tagħmir għall-wirja tal-immaġni fid-dlam (kameras, tagħmir ta’ rrekordjar, vetturi moħbija) għal kxif ta’ moviment minn fuq il-Linja. Dan it-tagħmir huwa mobilizzat fuq bażi regolari f’diversi lokalitajiet ta’ riskju għoli. It-tagħmir huwa disponibbli wkoll biex bih jiġu żvelati traċċi ta’ narkotiċi u splussivi. Klieb imħarrġa fil-kxif tad-droga huma mobilizzati wkoll f’punti ta’ qsim. Tagħmir li juża raġġi ultra-violet biex jaqra l-passaporti, jintuża wkoll f’punti ta’ kontroll.

Diversi “punti ta’ qsim” mhux awtorizzati fi jew ħdejn il-villaġġ ta’ Pergamos (li jinsabu parzjalment fiż-ŻBS u parzjalment fin-naħa tat-Tramuntana ta’ Ċipru), li għadhom qegħdin jintużaw mir-residenti lokali u mill-bdiewa, huma b’mod partikolari diffiċli biex jiġu kkontrollati. Kif imsemmi f’rapporti ta’ qabel dwar il-Linja l-Ħadra, dawn “il-punti ta’ qsim” mhux awtorizzati jibqgħu żona ta’ tħassib. Il-kwestjoni għandha bżonn tiġi indirizzata fil-pront miż-ŻBS b’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(2) tal-Protokoll Nru 3 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003[14]

QSIM TA’ OġġETTI

Il-valur tal-kummerċ

Skont l-Art 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1480/2004[15]il-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka (minn hawn ‘il quddiem: KtKĊT) kif ukoll l-awtoritjiet tar-Repubblika ta' Ċipru rrapportaw fuq bażi għal kull xahar dwar it-tip, il-volum u l-valur tal-oġġetti li għalihom inħarġu dokumenti li jakkumpanjaw. Iż-Żewġ rapporti jinkludu oġġetti li qasmu minn fuq iż-żoni kkontrollati mill-gvern minn fuq il-punti ta’ qsim ta’ Pergamos u Strovilia taħt l-awtorità tal-Amministrazzjoni taż-ŻBS.

Skont ir-rapporti mill-KtKĊT, il-valur totali tal-oġġetti li għalihom inħarġu dokumenti li jakkumpanjaw fil-perjodu, jammonta għal €6,267,082 filwaqt li l-valur tal-prodotti li fil-verità ġew negozjati kien €5,579,720[16].

Skont ir-rapporti pprovduti mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru, il-valur totali tal-oġġetti li attwalment qasmu minn fuq il-Linja naqas b’ 16.8% (€878,702) għal €5,232,328[17], meta mqabbel ma’ €6,111,030 fil-perjodu ta’ qabel, prinċipalment minħabba tnaqqis konsiderevoli fil-kummerċ tal-patata. F’perjodi ta’ rappurtar preċedenti mill-2007, il-patata kienet l-akbar komponent uniku tal-kummerċ tal-Linja l-Ħadra (sa 30% tal-kummerċ totali). Madanakollu, minħabba problemi tat-temp u n-nuqqas ta’ disponibbiltà taż-żerriegħa tal-patata ċertifikata fir-rigward ta’ patata sekondarja, din iċ-ċifra waqgħet għal 14% matul dan il-perjodu ta’ rappurtar.

F’Mejju u Ġunju tal-2009 ntlaħaq l-akbar volum fil-kummerċ (€726,836 u €891,830), fejn iż-żerriegħa tal-patata primarja kienet il-prodott prinċipali ta’ negozju matul dawn ix-xahrejn, jiġifieri 40% u 47% rispettivament, tal-volum tal-kummerċ għal kull xahar. Il-valur tal-kummerċ waqa’ f’daqqa għal €342,033 f’Awwissu u tela’ u niżel bejn €240,000 u €480,000 sa April 2010.

Minkejja li mhuwiex kopert mill-iskop tar-RLĦ, il-kummerċ fiż-żoni kkontrollati mill-gvern fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru naqas għal €708,196 fil-perjodu ta’ rappurtar (minn €1,095,060), skont ċifri mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta' Ċipru. Għalhekk, il-Kummerċ bejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern u l-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru jirrappreżenta 13.5% mill-kummerċ fid-direzzjoni opposta (17.9% fil-perjodu ta’ rappurtar preċedenti). Madanakollu, huwa stmat li fl-2009, Ċiprijotti Torok xtraw oġġetti b'valur ta' €43 miljun fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-bejgħ bl-imnut, fiż-żoni kkontrollati mill-gvern, filwaqt li ddaħħlu fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru bħala parti mill-bagalji personali tagħhom. L-istess ammont intnefaq minn Ċiprijotti Griegi fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-bejgħ bl-imnut fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru[18]

Il-komunità Ċiprijotta Torka tibqa’ tapplika reġim tal-kummerċ, li, fil-prinċipju, “jirrifletti” ir-restrizzjonijiet tar-RLĦ. Madanakollu, dan ir-regim mhux dejjem huwa applikat b’mod konsistenti, u b'hekk huwa diffiċli biex ikunu stabbiliti relazzjonijiet tal-kummerċ sostenibbli. Il-protezzjoni ta’ negozju lokali hija ddikkjarata apertament miċ-Ċiprijotti Torok, bħala r-raġuni ewlenija. F'diversi okkażjonijiet, negozjanti Ċiprijotti Torok ma tħallewx idaħħlu prodotti fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru minn fuq il-Linja l-Ħadra. L-obbjezzjonijiet tagħhom għal dan it-trattament ġew rapportati lill-Kummissjoni permezz tal-Kamra tal- Kummerċ u l-Industrija ta' Ċipru.

Tipi ta' prodotti

Minn Mejju tal-2009 sa April tal-2010 oġġetti tal-ġebel bħall-irħam, briks u ġebla kienu l-aktar oġġetti negozjati, segwiti mill-ħaxix, il-ħut frisk u materjali għall-kostruzzjoni tal-bini[19]. Il-kummerċ tal-ħut frisk li ġie introdott biss matul il-perjodu ta’ rappurtar preċedenti żdied bi kważi 150% minn €307,000 għal €760,000.

97% tal-volum tal-kummerċ li qasam minn fuq il-Linja kien kummerċ bejn il-ġżejjer. Minn Diċembru 2009, skart tal-metall (ir-ramm, l-aluminju, l-azzar) b’valur ta’ €41,206 nbiegħ lir-Renju Unit u skart tal-azzar b’valur kummerċjali ta’ €86,470 nbiegħ lill-Indja. Dawn it-tranżazzjonijiet kienu jeħtieġu l-involviment ta’ kumpanija rreġistrata fiż-żoni kkontrollati mill-gvern għal trażazzjonijiet fi ħdan l-UE u formalitajiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi. Il-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka rrappurtat li fil-każ ta’ tranżazzjonijiet li saru fi ħdan l-UE, il-ħlasijiet tal-VAT kienu dovuti darbtejn, fiż-żoni kkontrollati mill-gvern u fl-Istat Membru li jirrappreżenta d-destinazzjoni finali tal-prodotti. Il-Kummissjoni qiegħda attwalment tanalizza l-kwestjoni.

Irregolaritajiet

Matul il-perjodu ta’ rappurtar, 24 każ ta’ irregolarità li jinvolvu valur totali kummerċjali ta’ €34,110 ġew rapportati mill-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru li jirrappreżenta anqas minn 1% tal-valur totali tal-kummerċ fuq il-Linja l-Ħadra. Il-prodotti kkonċernati ma tħallewx jaqsmu minn fuq il-Linja. Fi tliet każi, il-ħut frisk ġie konfiskat u meqrud peress li l-konsenji ma ssodisfawx l-istandards ta’ sikurezza tal-ikel u ma kinux tajbin għall-konsum mill-bniedem. F’każ minnhom, il-vettura u l-kaxxi li ntużaw tqiesu li ma kinux skont ir-regolamenti tal-UE dwar l-ippakkjar (it-total tal-valur tal-kummerċ relatat kien €2,016). B’mod ġenerali, skont il-proċeduri tal-UE, konsenji ta’ prodotti tal-annimali bħal ħut, li mhumiex konformi jintbagħtu lura lid-dipartimenti vetenarji tal-pajjiż minn fejn ġew. Peress li l-ebda tali dipartiment m'huwa rikonoxxut fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru, il-ħut kkonċernat ġie konfiskat u meqrud fil-punt tal-kontroll. Għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-possibbiltà li tali konsenji irregolari jistgħu jintbagħtu lura lill-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka, fil-futur.

F’sitt każijiet ta’ trasport tal-iskart, il-vettura tal-ġarr ma kellhiex permessi marbuta mal-ġestjoni tal-iskart maħruġa mid-Dipartiment tal-Ambjent tar-Repubblika ta’ Ċipru, kompetenti. Sitt trasportazzjonijiet tal-ġebel u l-ħġieġ ma kellhomx id-dokumentazzjoni neċessarja, filwaqt li f’tmien każijiet, il-materjali ta’ kostruzzjoni ma ġewx ittikkettjati skont ir-rekwiżiti ta’ ttikkettjar CE.

Fil-każijiet kollha msemmija hawn fuq li jinvolvu materjali ta’ kostruzzjoni, il-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka indikat inkonsistenzi fit-trattament ta’ konsenji parzjali. Ġie notat li konsenji parzjali ta' materjali għall-kostruzzjoni ġew rifjutati minħabba mmarkar CE nieqes filwaqt li kunsinni parzjali oħra tal-istess konsenja tħallew jgħaddu.

Ostakoli u diffikultajiet li għadhom jeżisti fir-rigward tal-moviment ta’ oġġetti

L-ostakoli għall-kummerċ minn fuq il-Linja l-Ħadra għadhom jippersistu. L-awtoritajiet tar-Repubblika ta' Ċipru jikkunsidraw li l-kwestjoni dwar il-liċenzji tas-sewqan professjonali u ċ-ċertifikati tekniċi dwar il-kundizzjoni tal-vetturi, imsemmija f’rapporti preċedenti, ġiet solvuta. L-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru jirrekjedu li fir-rigward ta’ trakkijiet, liċenzja tas-sewqan u ċertifikat tekniku dwar il-kundizzjoni tal-vettura għandhom jinkisbu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern mingħajr ħlas, iżda l-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka ma tikkunsidrax li dan ir-rekwiżit huwa ġustifikat u tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-2009 u fl-2010 fost aktar minn 3, 000 sewwieq tat-trakkijiet Ċiprijotti Torok kienu biss 48 li applikaw biex jagħmlu t-test tal-liċenzja tas-sewqan, u li minnhom għaddew 39. L-ebda applikazzjoni ma tressqet għall-ksib ta’ ċertifikat tekniku dwar il-kundizzjoni tal-vetturi. Bħala riżultat, vetturi kummerċjali ta’ ċittadini Ċiprijotti Torok u b’mod partikolari trakkijiet u karozzi tal-linja ta’ aktar minn 7.5 tunnellata, xorta waħda ma għandhomx moviment ħieles fuq il-ġżira. L-awtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru ma jirrikonoxxux dokumenti relatati ma' vetturi privati għall-ġarr tal-passeġġieri. Dan jikkaġuna żvantaġġ ekonomiku għall-kumpaniji ta’ trasport Ċiprijotti Torok, peress li fir-rigward ta’ trasportazzjonijiet ta’ aktar minn 7.5 tunnellata dawn iridu jużaw prinċipalment trakkijiet irreġistrati f’żoni kkontrollati mill-gvern (li għandhom assigurazzjoni tal-karozza Ċiprijotta Torka) li jistgħu jiċċirkolaw b’mod ħieles anke fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru. .Aċċess aktar faċli għat-trakkijiet u l-karozzi tal-linja Ċiprijotti Torok jikkontribwixxi għal żvilupp ekonomiku aktar ibbilanċjat fis-settur tat-trasport fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru.

Lanqas ma jista’ jiġi rapportat progress fir-rigward ta’ kummerċ ieħor. Hekk kif ġie rappurtat fi snin ta' qabel, negozjanti Ċiprijotti Torok irrapportaw li sabu diffikultajiet meta marru biex iqiegħdu l-prodotti tagħhom fil-ħwienet u jirriklamaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom fiż-żoni kkontrollati mill-gvern. Dawn id-diffikultajiet jirriflettu nuqqas ta’ ħeġġa mifruxa fost iċ-Ċiprijotti Griegi, biex jixtru prodotti ta’ ditta Ċiprijotta Torka u b’tali mod jikkostitwixxu ostakolu għall-kummerċ[20]. Il-kutrabandu ta’ prodotti minn fuq il-Linja naqas iżda jibqa’ mifrux u dan jirrifletti n-natura ġeografika tal-Linja li għal tulha, tikkontribwixxi għal attività klandestina. Operazzjonijiet ta’ kontroll isiru f’żoni li jinsabu qrib il-Linja sabiex jiġu solvuti b’mod partikolari kwestjonijiet staġjonali bħat-trasportazzjoni ta’ għasafar u annimali slavaġ jew trikki trakki (kif ukoll minn fuq iż-ŻBSP) lejn iż-żoni kkontrollati mill-gvern. Oġġetti oħra li ġew konfiskati jinkludu, sigaretti, xorb alkoħoliku, kwantitajiet kummerċjali ta’ ħut frisk u bebbux, kif ukoll tessuti foloz. Madanakollu, skont l-awtoritajiet tar-Reppubbliku ta’ Ċipru, il-volum ta’ kutrabandu naqas minħabba nuqqas fid-distakk bejn il-prezzijiet. L-għases ta’ CYPOL u dawk li jsiru fiż-ŻBSL tul il-Linja għandhom funzjoni doppja: kontrolli kontra l-kutrabandu u kontra l-immigrazzjoni illegali. In-numru ta’ każijiet kriminali marbuta mal-kutrabandu li ġew ippreżentati f'qrati tad-distrett kien 12 fl-2008, 11 fl-2009 u 7 fl-2010 (sa Marzu). Il-biċċa l-kbira tal-prodotti nkixfu f'punti ta' qsim awtorizzati: Pyla, SBA, żona ta’ lqugħ ħdejn Zodia u Potamia.

Fir-rigward tal-forniment tradizzjonali tal-popolazzjoni Ċiprijotta Torka fil-villaġġ ta’ Pyla, li jinsab fiż-Żona ta’ Lqugħ (Art 4 (10) RLĦ), il-kwantitajiet ta’ materjali għall-kostruzzjoni, ta’ ħut, sigaretti eċċ. huma msemmija u rrekordjati mill-amministrazzjoni taż-ŻBS. Il-villaġġ Ċiprijott Tork fil-viċin, Pergamos, huwa maqsum mill-Linja l-Ħadra u dawk iċ-Ċiprijotti Torok li qegħdin jgħixu fuq in-naħa taż-ŻBS ifittxu l-istess trattament bħal Pyla fir-rigward “tal-moviment ta’ prodotti” minn fuq il-Linja iżda dan mhuwiex permess skont ir-RLĦ li jagħmel referenza għal Pyla biss.

Il-faċilitar tal-kummerċ

Il-Kummissjoni tibqa’ tfittex modi biex issaħħaħ il-kummerċ minn fuq il-Linja l-Ħadra. Tista’ tkun prevista deċiżjoni min-naħa tal-Kummissjoni biex titneħħa l-projbizzjoni tar-regolament tal-Linja l-Ħadra biex il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli ġodda addizzjonali jitħalla jsir, fejn l-enfasi se tkun fuq prodotti tal-ħalib (ħalib u l-ġobon, jogurt, xorrox), jekk ir-riżultati tal-missjoni tal-esperti indipendenti dwar jekk il-prodotti tal-ħalib jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-UE, huma favorevoli. Prodotti oħra li l-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka wriet interess fihom huma l-ħut mill-irziezet tal-ħut u l-bebbux.

Il-Kummissjoni qiegħda teżamina wkoll il-possibbiltà li temenda r-regoli ta’ implikazzjoni[21] tar-RLĦ billi tneħħi l-obbligu li l-patata għandha tiġi kkultivata direttament minn żerriegħa tal-patata ċċertifikata. Dan jagħti lok għall-kummerċ ta’ patata sekondarja li ġiet prodotta taħt il-kontroll tal-esperti fitosanitarji indipendenti maħtura mill-Kummssjoni biex jipprovdu l-assigurazzjoni neċessarja fir-rigward tal-identità u s-saħħa ta’ din il-patata sekondarja.

Kif imsemmi hawn fuq, taħt il-punt 2.3, ċerti konsenji ta’ materjali għall-kostruzzjoni ġew rifjutati hekk kif kienu se jaqsmu minn fuq il-Linja, minħabba mmarkar CE nieqes. Ħafna negozjanti Ċiprijotti Torok ma kinux familjari mal-proċedura l-ġdida (Diċembru 2009) tar-Repubblika ta’ Ċipru, li biha l-prodotti tagħhom ikunu jistgħu jiksbu ċertifikat CE. Il-Kummissjoni organizzat żjara ta’ studju fi Brussell għal rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ Ċiprijotta Torka biex dawn ikunu jistgħu jiksbu aktar informazzjoni dwar ir-rekwiżiti marbutin mal-immarkar CE u TAIEX[22] Fir-rigward tar-rekwiżiti dwar il-lingwa użata f'dokumenti li jakkumpanjaw, l-Awtorità ta' Ċipru għas-Sorveljanza tas-Suq qablet li taċċetta dokumenti bl-Ingliż jew traduzzjonjiet ta’ dokumenti oriġinali Torok, fil-lingwa Inġliża.

Taħt awspiċji tal-proġett EDGE ffinanzjat mill-USAID, diversi azzjonijiet huma ppjanati biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ minn fuq il-Linja l-Ħadra. Dawn jinkludu Ċentru ta' Arbitraġġ bi-komunali, attvitiajiet għall-faċilitar tan-negozju u analiżi tal-kummerċ iddettaljata biex jiġi skopert potenzjal kummerċjali ulterjuri.

KONKLUżJONIJIET

Il-kontroll tal-Linja l-Ħadra f’punti ta’ qsim awtorizzati huwa sodisfaċenti. Matul il-perjodu ta’ rappurtar in-numru ta' immigranti illegali li nqabdu naqas b’aktar minn 50% mil-livell tas-sena preċedenti, iżda l-qsim illegali ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi xorta jibqa’ punt ta’ tħassib. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li tisħiħ ulterjuri tas-sorveljanza min-naħa tar-Repubblika ta’ Ċipru u l-Amministrazzjoni taż-Żona Bażi Sovrana se tkun importanti biex tkun tista’ tiġi solvuta l-problema tal-migrazzjoni illegali. Ir-Repubblika ta’ Ċipru tixtieq tevita kull miżura li possibbilment twassal biex il-Linja l-Ħadra tieħu d-dehra ta’ fruntiera esterna.

Il-punti ta' qsim mhux awtorizzati fiż-żoni ŻBS jibqgħu qasam ta’ tħassib. Din il-kwestjoni għandha tiġi indirizzata fil-pront miż-ŻBS.

Matul il-perjodu ta’ rappurtar attwali l-valur tal-kummerċ li għadda minn fuq il-Linja naqas għall-ewwel darba minn meta daħal fis-seħħ ir-RLĦ fl-2004 (b’17% għal €5,232,328 meta mqabbel ma’ €6,111,030 fil-perjodu ta’ rappurtar preċedenti. Ir-raġuni ewlenija wara dan it-tnaqqis hija tnaqqis fil-kummerċ tal-patata. Minbarra l-kummerċ tal-patata (li jammonta għal madwar €700,000), il-kummerċ minn fuq il-Linja l-Ħadra kien stabbli. Il-prodotti li ġew negozjati l-aktar kienu oġġetti magħmulin mill-ġebla, ħxejjex, ħut frisk u materjal għall-kostruzzjoni tal-bini. Id-daqs ġenerali tal-kummerċ bejn il-Linja l-Ħadra xorta waħda jibqa’ limitat, parzjalment minħabba l-ambitu ristrett tar-Regolament innifsu.

Ostakoli għall-kummerċ se jibqgħu xorta waħda. Vetturi kummerċjali Ċiprijotti Torok, b’mod partikolari trakkijiet ta' aktar minn 7.5 tunnellata u karozzi tal-linja, ma għandhomx moviment ħieles fuq il-ġżira. L-ebda progress ulterjuri ma jista’ jiġi rapportat fir-rigward ta’ ostakoli tal-kummerċ mhux tariffarji oħra.

Fl-aħħar nett, jidher li l-kutrabandu tal-oġġetti minn fuq il-Linja naqas, iżda xorta waħda jibqa’ mifrux.

Il-konklużjoni ġenerali hija li r-Regolament dwar il-Linja l-Ħadra jibqa’ jipprovdi bażi li taħdem u li biha persuni u oġġetti jkunu jistgħu jgħaddu minn fuq żona kkontrollata mill-gvern għal oħra fir-Repubblika ta’ Ċipru. Il-Kummissjoni se tibqa’ tissorvelja l-implimentazzjoni tar-Regolament.

[1] ĠU L 161, 30.4.2004, p. 128. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 587/2008 (ĠU L 163, 24.6.2008, p. 1) - magħruf bħala r-Regolament “tal-Linja l-Ħadra”.

[2] Ara t-tielet inċiż tar-Regolament “Green Line”

[3] La-wtoritajiet tar-Repubblika ta’ Ċipru ma żammewx rekords għar-ritorn taċ-Ċiprijotti Griegi għaż-żoni kkontrollati mill-gvern jew ir-ritorn taċ-Ċiprijotti Torok għall-parti tat-Tramuntana taċ-Ċipru (ara l-Anness VII).

[4] Il-RLĦ ma fihx obbligi ta' rappurtar fir-rigward ta' dan it-traffiku.

[5] Minn issa ' l-quddiem il-Moldova

[6] Diversi persuni li daħlu fiż-żoni kkontrollati mill-gvern matul il-perjodu ta’ rappurtar preċedenti ngħataw stejtus ta’ rifjuġat matul il-perjodu ta’ rappurtar attwali.

[7] Turkija: 351, Syria:104, Moldova: 57, Iran: 12, Niġerja: 10

[8] Il-żmien li uffiċjali minn stazzjonijiet tal-puluzija lokali jqattgħu fuq għassa fuq l-art tul “il-linja l-ħadra” matul perjodu ta’ 24 siegħa huwa madwar 120 siegħa/uman.

[9] Deċiżjoni Nru 574/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perijodu mill-2007 sal-2013 bħala parti mill-programm Ġenerali “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni”, OJ L 144 of 6.6.2007, p.22

[10] Aġenzija Ewropea għall-Gestjoni ta’ Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni

[11] Turkija: 958, l-Istati Uniti Tal-Amerika: 38, l-Awstralja: 31, Iran: 27, Russja: 14, l-izrael: 12, Belarus: 12, Serbja: 10

[12] Eġittu: 2, Sirja:1, Nepal: 2, Ċina: 1

[13] Palestina; 4, Sirja: 2, Iraq: 3, Eġittu: 1, Indja: 1

[14] ĠU L 236, 23.9.2003, p. 940.

[15] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1480/2004 tal-10 ta’ Awwissu 2004, ĠU L 272, 20.8.2004, p.3.

[16] Ara l-Annessi I, II u III ta’ dan ir-rapport.

[17] 0.09% tat-total tal-importazzjonijiet tar-Repubblika ta’ Ċipru (€5,654 miljun fl-2009, sors Servizz tal-Istatistika taċ-Ċipru)

[18] Sors: Proġett Ekonomiku dwar Interdipendenza – Konsorzju Ekonomiku dwar il-Paċi, Nicosia

[19] Ara l-Annessi IV u V ta’ dan ir-rapport.

[20] Cf Hatay, Mullen, Kalimeri, "Intra-island trade in Cyprus – Obstacles, oppositions and psychological barriers", Prio Cyprus Centre 2008.

[21] Artikolu 3(1) ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1480/2004 tal-10 ta’ Awwissu 2004.

[22] Strument tal-UE għall-Assistenza Teknika u l-Iskambju tal-Informazzjoni