|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1750 |
21.7.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1750
tal-20 ta’ Lulju 2026
dwar l-istandards armonizzati EN 17476:2021 dwar apparati bi pressjoni tal-fwar tal-LPG li jinkorporaw skartoċċ orizzontali fix-xażi u EN 497:2022 dwar berners tal-gass b’diversi skopijiet u għal użu fuq barra, abbozzati b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1), il-punt (a), tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), it-tagħmir u l-fittings manifatturati f’konformità ma’ standard armonizzat, li r-referenza għalih tkun ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iridu jitqiesu konformi mar-rekwiżiti essenzjali koperti minn dak l-istandard armonizzat. |
|
(2) |
Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2023) 4789 (3), il-Kummissjoni ressqet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati eżistenti abbozzati abbażi tal-mandat ta’ standardizzazzjoni M/BC/CEN/06-89 tad-29 ta’ April 1990 biex ikun żgurat li dawn jibqgħu jirriflettu l-aktar avvanzi tekniċi ġeneralment rikonoxxuti ħalli jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426. |
|
(3) |
Abbażi ta’ din it-talba, is-CEN u s-Cenelec abbozzaw l-istandards armonizzati EN 497:2022 dwar l-ispeċifikazzjoni għall-apparati apposta li jaħdmu bil-gass likwifikat miż-żejt – berners tal-gass b’diversi skopijiet u għal użu fuq barra – Kontenituri tat-tisjir b’dijametru akbar minn 300 mm u EN 17476:2021 dwar l-ispeċifikazzjonijiet għall-apparati apposta tal-LPG – apparati bi pressjoni tal-fwar tal-LPG li jinkorporaw skartoċċ orizzontali fix-xażi kif emendat b’EN 17476:2021/A1:2022. Ir-referenzi ta’ dawk l-istandards ma ġewx ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(4) |
Fit-30 ta’ Jannar 2023, l-Iżvezja ssottomettiet oġġezzjoni formali f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 kontra l-istandard armonizzat EN 17476:2021 kif emendat b’EN 17476:2021/A1:2022. L-Iżvezja ddikjarat li l-istandard armonizzat ma jissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tal-punti 1.1, 1.4 u 3.4.1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426 għax l-istandard ma fih l-ebda rekwiżit li jiżgura li l-apparat tal-gass jaħdem b’mod sikur meta jintuża f’temperatura baxxa u meta jintuża fuq wiċċ daqsxejn imxaqleb. L-Iżvezja argumentat li għal apparat tal-gass maħsub biex jintuża fuq barra biex isaħħan, dak l-użu hu raġonevolment mistenni jkun previst u jenħtieġ li jitqies bħala normali. |
|
(5) |
Fit-13 ta’ Marzu 2023, il-Ġermanja sottomettiet oġġezzjoni formali f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 kontra l-istandard armonizzat EN 17476:2021 kif emendat b’EN 17476:2021/A1:2022. Il-Ġermanja argumentat li l-istandard armonizzat ma jissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tal-punti 1.1, 1.2, 1.3a), 1.4, 2 u 3.2.2. tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426. Skont il-Ġermanja, l-istandard ma jipprovdix biżżejjed informazzjoni dwar ir-rekwiżiti meħtieġa għat-tħaddim tal-apparati ta’ aġġustament biex jinterrompu l-provvista tal-gass ħalli jintfew il-fjammi, u għalhekk l-apparati ma jaħdmux b’mod sikur skont il-punt 1.1 ta’ dak l-Anness. Barra minn hekk, il-Ġermanja ddikjarat li, wara t-tindif tal-apparati, jaf jiġri wkoll li l-partijiet differenti jitqiegħdu lura f’posthom b’mod skorrett, u dan jikkaġuna riskji addizzjonali li ma ġewx previsti f’dak l-istandard armonizzat. Barra minn hekk, peress li l-istandard armonizzat ma fihx rekwiżit għal apparat tas-superviżjoni tal-fjammi għall-apparati li mhumiex ħiters, jekk l-apparati jintużaw bil-kontra ta’ kif inhuma maħsuba biex jintużaw, jistgħu jinħolqu riskji ta’ flussi mifruxa tal-gass u difetti fil-ventilazzjoni. Il-Ġermanja ssostni li ma ssir l-ebda distinzjoni bejn immarkar stampat u immarkar imwaħħal, li potenzjalment iwassal għal riskju ta’ ħsara jew telf tal-immarkar u b’hekk ma jirrispettax il-punt 2 ta’ dak l-Anness. Fl-aħħar nett, il-Ġermanja targumenta li l-berner u l-kapsola tal-iskartoċċ tal-gass jenħtieġ li jkunu mgħottijin biex ir-radjazzjoni tal-ogħla temperatura possibbli waqt it-tħaddim ma toħloqx kundizzjonijiet perikolużi, fir-rigward tar-rekwiżit essenzjali fil-punt 1.3.a) ta’ dak l-Anness. |
|
(6) |
L-oġġezzjonijiet formali sottomessi mill-Iżvezja u mill-Ġermanja ġew diskussi mill-Kumitat dwar l-Apparati fil-laqgħa tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2025. |
|
(7) |
Wara li eżaminat l-istandard EN 17476:2021 kif emendat b’EN 17476:2021/A1:2022, flimkien mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kumitat għall-Applikazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istandard armonizzat jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punti 1.1, 1.2, 1.3a), 1.4, 2, 3.2.2 u 3.4.1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426. |
|
(8) |
Fit-12 ta’ April 2023, il-Ġermanja sottomettiet oġġezzjoni formali f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 kontra l-istandard armonizzat EN 497:2022. Il-Ġermanja spjegat li l-istandard armonizzat ma jissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tal-punti 1.1, 1.3, 1.4, 3.2.2 u 3.2.3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426 għax l-istandard ma fih l-ebda rekwiżit għal apparat tas-superviżjoni tal-fjamma u għalhekk il-gass rilaxxat fi kwalunkwe stadju tat-tħaddim mhuwiex limitat biex tkun evitata akkumulazzjoni perikoluża ta’ gass mhux maħruq fl-apparat. In-nuqqas ta’ apparat tas-superviżjoni tal-fjamma jista’ jwassal biex il-gass ikompli jnixxi anki wara li tintefa l-fjamma, jew jekk il-gass jinxtegħel u jibda jnixxi u fl-istess ħin il-fjamma ma tkunx inxtegħlet minnufih, jista’ jkun hemm akkumulazzjoni ta’ gass li jista’ jisplodi meta mbagħad tiġi biex tinxtegħel il-fjamma, u possibbilment jikkaġuna ħruq. |
|
(9) |
L-oġġezzjoni formali sottomessa mill-Ġermanja ġiet diskussa fil-Kumitat dwar l-Apparati waqt il-laqgħa tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2025. |
|
(10) |
Wara li eżaminat l-istandard EN 497:2022, flimkien mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kumitat dwar l-Apparati, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istandard armonizzat jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punti 1.1, 1.3, 1.4, 3.2.2 u 3.2.3 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/426. |
|
(11) |
Għaldaqstant, ir-referenzi għall-istandards armonizzati EN 17476:2021 kif emendat b’EN 17476:2021/A1:2022, u EN 497:2022, jenħtieġ li ma jiġux ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni b’dan tiddeċiedi li ma tippubblikax ir-referenzi tal-istandards armonizzati EN 17476:2021 kif emendat b’EN 17476:2021/A1:2022 u EN 497:2022 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir li jaħraq karburanti gassużi u li jħassar id-Direttiva 2009/142/KE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/426/oj).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika rigward it-tagħmir u l-fittings tal-gass b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1750/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)