SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

30 ta’ April 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikoli 4 u 5 – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratti ta’ self ipotekarju – Klawżola ta’ kummissjoni għall-ftuħ tas-self – Natura ċara u li tinftiehem tal-klawżoli”

Fil-Kawża C‑39/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 6 de Ceuta (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 6 ta’ Ceuta, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Jannar 2024, fil-proċedura

Justa

vs

Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn S. Rodin (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Spielmann,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA, minn M. Á. Cepero Aránguez, J. M. Martínez Gimeno u C. Vendrell Cervantes, abogados,

–

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz, P. Kienapfel u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 60, p. 34, rettifika fil-ĠU 2015, L 246, p. 11).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Justa u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali dwar kummissjoni għall-ftuħ ta’ self.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13

3

Skont il-kliem tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

4

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas mal-adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, meta mqabbla mas-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi [li jinftiehem] u ċar.”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi [li jinftiehem] u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2).”

Id-Direttiva 2014/17

6

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/17, intitolat “Obbligi tal-kondotta ta’ negozju meta jiġi pprovdut kreditu lill-konsumaturi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jesiġu li meta jiġu manifatturati prodotti ta’ kreditu jew meta jingħataw, jiġu intermedjati jew jiġu provduti servizzi konsultattivi dwar il-kreditu u, fejn ikun il-każ, servizzi anċillari lill-konsumaturi jew meta jiġi implimentat kuntratt ta’ kreditu, il-kreditur, l-intermedjarju tal-kreditu jew ir-rappreżentant maħtur jaġixxu onestament, b’ġustizzja, bi trasparenza u professjonalment, filwaqt li jqisu d-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi […]”.

7

Skont il-kliem tal-Artikolu 43(1) ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti ta’ kreditu eżistenti qabel il‑21 ta’ Marzu 2016.”

Id-dritt Spanjol

Il-Liġi 5/2019

8

L-Artikolu 14 tal-Ley 5/2019, reguladora de los contratos de crédito inmobiliario (il-Liġi 5/2019, li Tirregola l-Kuntratti ta’ Kreditu Immobiljari), tal‑15 ta’ Marzu 2019 (BOE Nru 65, tas‑16 ta’ Marzu 2019), jipprevedi:

“3.   L-ispejjeż jistgħu jiġu mgħoddija fuq il-prezz u l-kummissjonijiet jistgħu jinġabru biss għal servizzi marbutin ma’ self li jkun ġie espressament aċċettat jew mitlub minn persuna li tissellef jew minn persuna li tissellef potenzjali, bil-kundizzjoni li dawn ikunu għal servizzi effettivament ipprovduti jew għal spejjeż imġarrba li jistgħu jiġu pprovati.

4.   Jekk tiġi miftiehma kummissjoni għall-ftuħ, din għandha tkun dovuta darba biss u għandha tinkludi l-ispejjeż kollha marbutin mal-eżami, mal-ipproċessar jew mal-għoti tas-self jew spejjeż simili oħra inerenti fl-attività tal-persuna li ssellef li jirriżultaw mill-għoti tas-self. Fil-każ ta’ self iddenominat f’muniti barranin, il-kummissjoni għall-ftuħ għandha tinkludi wkoll kull kummissjoni tal-kambju li tikkorrispondi għall-ewwel użu tas-self.”

Id-digriet tal-Ministeru tal-Presidenza dwar it-Trasparenza tal-Kundizzjonijiet Finanzjarji tas-Self Ipotekarju

9

Il-paragrafu 4 tal-Anness II tal-Orden del Ministerio de la Presidencia sobre transparencia de las condiciones financieras de los prestamos hipotecarios (id-Digriet tal-Ministeru tal-Presidenza dwar it-Trasparenza tal-Kundizzjonijiet Finanzjarji tas-Self Ipotekarju), tal‑5 ta’ Mejju 1994 (BOE Nru 112, tal‑11 ta’ Mejju 1994, p. 14444), intitolat “Kummissjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“1. Kummissjoni għall-ftuħ – L-ispejjeż kollha tal-istudju tas-self, tal-għoti jew tal-ipproċessar tas-self ipotekarju, jew spejjeż simili oħra inerenti għall-attività tal-entità li ssellef ikkawżati mill-għoti tas-self, għandhom b’mod obbligatorju jiġu integrati f’kummissjoni unika, imsejħa kummissjoni għall-ftuħ, li għandha titħallas darba biss. L-ammont tagħha, kif ukoll il-forma u d-data tal-ħlas tagħha, għandhom jiġu speċifikati f’din il-klawżola.

[…]”.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Fit‑3 ta’ Novembru 2005, Justa kkonkludiet, permezz ta’ att awtentiku, ma’ Banco Bilbao Vizcaya Argentaria kuntratt ta’ kreditu b’garanzija ipotekarja.

11

Konformement mal-Artikolu 4(1) ta’ dan il-kuntratt, il-persuna li tissellef kellha tħallas, mal-firma tiegħu, kummissjoni għall-ftuħ li tikkorrispondi għal 0.25 % tal-kapital misluf.

12

Justa ressqet rikors kontra Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, quddiem il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 6 de Ceuta (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 6 ta’ Ceuta), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż, b’mod partikolari, għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola li tipprevedi l-kummissjoni għall-ftuħ.

13

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, dik il-qorti tosserva li, fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, interpretat id-Direttiva 93/13 f’dak li jirrigwarda l-istħarriġ tan-natura inġusta u tar-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżola, li tinsab f’kuntratt ta’ self irregolat mid-dritt Spanjol, li timponi fuq il-persuna li tissellef il-ħlas ta’ kummissjoni għall-ftuħ. Hija tippreċiża li, wara dik is-sentenza, diversi qrati nazzjonali taw deċiżjonijiet li jannullaw il-klawżoli li jipprevedu tali kummissjoni, u dan wassal sabiex it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tressaq talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda, mill-ġdid, din il-klawżola u li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self) (C‑565/21, EU:C:2023:212).

14

Il-Qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma’ din l-aħħar sentenza

15

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tad‑29 ta’ Mejju 2023 (816/2023, ES:TS:2023:2131), li fiha din tal-aħħar qieset li l-kummissjoni għall-ftuħ, li hija remunerazzjoni tal-ispejjeż tal-istudju, tal-għoti, jew tal-ipproċessar tas-self jew tal-kreditu ipotekarju, ma taqax taħt is-suġġett prinċipali ta’ kuntratt ta’ self u tista’, għalhekk, tkun is-suġġett ta’ stħarriġ mill-qorti nazzjonali abbażi tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, filwaqt li tippreċiża li klawżola li tipprevedi din il-kummissjoni ma hijiex, fiha nnifisha, ta’ natura inġusta. Għalhekk, hija dik il-qorti li għandha tiżgura ruħha li l-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem in-natura tas-servizzi pprovduti bħala korrispettiv tal-ispejjeż previsti, li jivverifika li ma jkunx hemm sovrappożizzjoni bejn id-diversi spejjeż previsti, li jsir suffiċjentement konxju, mill-informazzjoni pprovduta mill-istabbiliment finanzjarju skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, mill-kontenut ekonomiku u mill-funzjonament tal-klawżola, anki jekk il-persuna li ssellef ma hijiex obbligata tispeċifika fil-kuntratt in-natura tas-servizzi kollha pprovduti bħala korrispettiv tal-kummissjoni għall-ftuħ, u l-qorti nazzjonali għandha, f’dan ir-rigward, tieħu inkunsiderazzjoni l-attenzjoni partikolari li l-konsumatur medju jagħti lil klawżola ta’ dan it-tip. Barra minn hekk, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) timponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tivverifika li l-ispiża tal-kummissjoni għall-ftuħ ma tkunx sproporzjonata meta mqabbla mal-ammont tas-self u dan fid-dawl tal-ispiża medja ta’ tali kummissjoni.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no6 de Teruel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 6 ta’ Ceuta) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprekludi l-interpretazzjoni mogħtija mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) fir-rigward tal-kummissjoni ta’[għall-] ftuħ, li tgħid li s-sempliċi indikazzjoni fl-att ipotekarju tal-ammont tal-klawżola u l-fatt li dan l-ammont ma jaqbiżx il-limitu stabbilit huma suffiċjenti sabiex ikun jista’ jitqies li din il-klawżola ma hijiex ta’ natura inġusta minħabba nuqqas ta’ trasparenza, fid-dawl tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [93/13], anki jekk din il-klawżola ma tkun tinkludi ebda indikazzjoni dwar il-kontenut u dwar id-data?

2)

Jekk il-konsumatur jiġi informat minn qabel dwar il-klawżola inkwistjoni u jekk din il-klawżola ma titqiesx li taqa’ taħt l-attività ta’ self bankarju, kif indikat fid-Direttiva [2014/17], u jekk jitqies li din ma hijiex relatata mal-interessi ordinarji nnifishom, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti fatturi u li jiġu speċifikati, fl-aħħar mill-aħħar, is-servizzi relatati magħhom qabel ma dawn l-ispejjeż jingħaddew lill-konsumatur, u l-fatt li l-imsemmija fatturi ma jinħarġux u li l-imsemmija servizzi ma jiġux speċifikati jmur kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, sa fejn dan jaffettwa t-trasparenza fis-sens materjali tal-klawżola msemmija iktar ’il fuq?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

17

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni Ewropea jesprimu dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari jew, minn tal-inqas, tat-tieni domanda preliminari magħmula.

18

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari, imqajma mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, din hija bbażata fuq il-fatt li din it-talba ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-qorti tar-rinviju ma ddeskrivietx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Hija tkompli tesponi li l-problema li fuqha huma bbażati d-domandi preliminari diġà ġiet indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self) (C‑565/21, EU:C:2023:212), b’tali mod li risposta għal dawn id-domandi ma hijiex iktar neċessarja.

19

Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet it-tilwima, u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja eventwali, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Booking.com u Booking.com (Deutschland), C‑264/23, EU:C:2024:764, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali fil-każ biss li jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Booking.com u Booking.com (Deutschland), C‑264/23, EU:C:2024:764, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

F’dan il-każ, id-domandi magħmula jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 93/13 u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/17. Barra minn hekk, minn qari globali tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet b’mod suffiċjentement preċiż il-kuntest fattwali u ġuridiku tat-tilwima fil-kawża prinċipali, li fih tressqet din it-talba, sabiex ikun possibbli kemm li l-partijiet ikkonċernati jippreżentaw osservazzjonijiet, konformement mal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija talba. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju semmiet b’mod ċar il-ġurisprudenza nazzjonali inkwistjoni u d-dubji li hija kellha dwar il-kompatibbiltà tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tad‑29 ta’ Mejju 2023 (816/2023, ES:TS:2023:2131) mad-Direttiva 93/13, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self) (C‑565/21, EU:C:2023:212). Dawn id-dubji jistgħu jiġu dedotti wkoll mill-formulazzjoni tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju u jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tan-natura trasparenti ta’ klawżola li tipprevedi kummissjoni għall-ftuħ. Dawn jeħtieġu preċiżazzjonijiet addizzjonali għas-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self) (C‑565/21, EU:C:2023:212).

22

Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà eċeppita mill-konvenuta fil-kawża prinċipali għandha tiġi miċħuda.

23

Fir-rigward tal-inammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni jqisu li d-Direttiva 2014/17, li hija s-suġġett ta’ din id-domanda, ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali.

24

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konsegwenzi ta’ klassifikazzjoni tas-servizzi rremunerati mill-kummissjoni għall-ftuħ li teskludihom, skont id-Direttiva 2014/17, mill-attività ta’ self bankarju. Din id-domanda hija bbażata fuq l-ipoteżi li din id-direttiva hija applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

25

Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/17, din id-direttiva ma tapplikax għall-kuntratti ta’ kreditu fis-seħħ fil‑21 ta’ Marzu 2016. Issa, il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fit‑3 ta’ Novembru 2005.

26

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2014/17, li tagħha qiegħda, essenzjalment, tintalab l-interpretazzjoni fit-tieni domanda preliminari, ma hijiex applikabbli ratione temporis għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 19 u 20 ta’ din is-sentenza, it-tieni domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

Fuq il-mertu

28

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li; fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kummissjoni għall-ftuħ hija remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar tas-self jew tal-kreditu ipotekarju jew servizzi simili oħra; tqis li l-klawżola li timponi tali kummissjoni fuq il-persuna li tissellef tissodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza mingħajr ma tispeċifika fid-dettall la s-servizzi pprovduti bħala korrispettiv għal din il-kummissjoni u lanqas iż-żmien neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ dawn is-servizzi.

29

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda tirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura ċara u li tinftiehem, u, għaldaqstant, it-trasparenza, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, ta’ klawżola li tistabbilixxi kummissjoni għall-ftuħ bħal dik inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

30

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klawżoli kuntrattwali li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt”, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, għandhom jinftiehmu bħala li huma dawk li jistabbilixxu obbligi essenzjali ta’ dan il-kuntratt u li, bħala tali, jikkaratterizzawh. Min-naħa l-oħra, il-klawżoli li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla ma’ dawk li jiddefinixxu l-essenza stess tar-relazzjoni kuntrattwali ma jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punti 35 u 36, kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2024, Profi Credit Bulgaria (Servizzi anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu), C‑714/22, EU:C:2024:263, punt 60).

31

L-obbligi essenzjali ta’ kuntratt ta’ kreditu huma li l-persuna li ssellef tobbliga ruħha, prinċipalment, li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna li tissellef ċertu ammont ta’ flus, u din tal-aħħar tobbliga ruħha, min-naħa tagħha, prinċipalment li tħallas lura, bħala regola ġenerali bl-interessi, dan l-ammont fl-iskadenzi previsti (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Profi Credit Bulgaria (Servizzi anċillari għall-kuntratt ta’ kreditu), C‑714/22, EU:C:2024:263, punt 61).

32

Fis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578, punt 64), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kummissjoni għall-ftuħ ma tistax titqies li hija obbligu essenzjali ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju biss minħabba l-fatt li hija inkluża fl-ispiża totali tiegħu.

33

Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli jirriżulta li l-kummissjoni għall-ftuħ tkopri r-remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar tas-self jew tal-kreditu jew ta’ servizzi simili oħra inerenti għall-attività tal-persuna li ssellef li tkun ikkawżata mill-għoti tas-self jew tal-kreditu.

34

Fid-dawl tal-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, l-obbligu li tali servizzi jiġu rremunerati ma jistax jitqies li jaqa’ taħt l-obbligi prinċipali li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu kif identifikati mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, ikun kuntrarju għal dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni stretta jekk fil-kunċett ta’ “suġġett prinċipali tal-kuntratt” jiġu inklużi l-prestazzjonijiet kollha li jkunu sempliċement marbuta mas-suġġett prinċipali nnifsu u li għalhekk ikollhom natura anċillari, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Dan espost, l-istess rekwiżit ta’ trasparenza bħal dak previst fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jinsab ukoll fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li jipprevedi li l-klawżoli kuntrattwali bil-miktub għandhom ikunu mfassla “[dejjem]” b’mod ċar u li jinftiehem. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ trasparenza li jinsab fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet għandu l-istess portata bħal dak li jinsab fit-tieni waħda minnhom (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għaldaqstant, sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tingħata risposta utli, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li; fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-kummissjoni għall-ftuħ hija remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar tas-self jew tal-kreditu ipotekarju jew servizzi simili oħra; tqis li l-klawżola li timponi tali kummissjoni fuq il-persuna li tissellef tissodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza mingħajr ma din il-klawżola ma tispeċifika fid-dettall la s-servizzi pprovduti bħala korrispettiv għal din il-kummissjoni u lanqas iż-żmien neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ dawn is-servizzi.

37

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li r-rekwiżit ta’ trasparenza previst fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 ma għandux jinftiehem bħala limitat biss għan-natura li tinftiehem ta’ dawn il-klawżoli fuq livell formali u grammatikali, iżda li, bil-kontra ta’ dan, peress li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata permezz ta’ din id-direttiva hija msejjsa fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ tfassil ċar u li jinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza, impost mill-imsemmija direttiva, għandu jinftiehem b’mod estensiv (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għalhekk, l-imsemmi rekwiżit ma għandux jinftiehem bħala li jimponi biss li l-klawżola kkonċernata tkun tista’ tinftiehem mill-konsumatur fuq livell grammatikali, iżda bħala li jimponi wkoll li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra, b’tali mod li l-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn dawn il-klawżoli (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Minn din il-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-persuna li ssellef hija obbligata tispeċifika fid-dettall, fil-kuntratt ikkonċernat, in-natura tas-servizzi kollha pprovduti bħala korrispettiv tal-ispejjeż previsti fi klawżola kuntrattwali waħda jew iktar. Madankollu, fid-dawl tal-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 hija intiża li tagħti lill-konsumatur minħabba l-fatt li jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew tal-fornitur f’dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ nnegozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, huwa meħtieġ li n-natura tas-servizzi effettivament ipprovduti tkun tista’ raġonevolment tinftiehem jew tiġi dedotta mill-kuntratt ikkunsidrat fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, il-konsumatur għandu jkun f’pożizzjoni li jivverifika li ma jkunx hemm sovrappożizzjoni bejn id-diversi spejjeż jew bejn is-servizzi li għalihom dawn l-ispejjeż jikkostitwixxu r-remunerazzjoni (sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 43, kif ukoll tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 32).

40

F’dan ir-rigward, fil-punt 70 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Caixabank u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C‑224/19 u C‑259/19, EU:C:2020:578), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-istabbiliment finanzjarju kkomunikax lill-konsumatur elementi suffiċjenti sabiex dan tal-aħħar jikseb għarfien tal-kontenut u tal-funzjonament tal-klawżola li tobbligah iħallas kummissjoni għall-ftuħ, kif ukoll tar-rwol tiegħu fil-kuntratt ta’ self. B’dan il-mod, il-konsumatur ikollu aċċess għar-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-remunerazzjoni li tikkorrispondi għal din il-kummissjoni u għalhekk ikun jista’ jevalwa l-portata tal-obbligu tiegħu u, b’mod partikolari, l-ispejjeż totali tal-imsemmi kuntratt (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Il-qorti kompetenti għandha tevalwa n-natura ċara u li tinftiehem ta’ klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-punti kollha ta’ fatt rilevanti u, b’mod partikolari, tal-formulazzjoni tal-klawżola eżaminata, tal-informazzjoni li l-istabbiliment finanzjarju ta lill-persuna li tissellef, inkluża dik li huwa obbligat jipprovdi konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, kif ukoll tar-reklamar imwettaq minn dan l-istabbiliment fir-rigward tat-tip ta’ kuntratt konkluż, u dan filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ attenzjoni li jista’ jkun mistenni minn konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 40).

42

F’dak li jirrigwarda l-mument li fih għandha tingħata l-informazzjoni lill-konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-provvista, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, tal-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u dwar il-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ibercaja Banco, C‑452/18, EU:C:2020:536, punt 47, u tat‑12 ta’ Jannar 2023, D. V. (Onorarji ta’ avukat–Prinċipju ta’ tariffa fis-siegħa (C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 39).

43

F’dak li jirrigwarda kuntratt ta’ servizzi legali ffatturati fis-siegħa, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li għalkemm bejjiegħ jew fornitur ma jistax ikun mistenni li jinforma lill-konsumatur dwar il-konsegwenzi finanzjarji finali tal-impenn tiegħu, li jiddependu fuq ġrajjiet futuri, imprevedibbli u indipendenti mir-rieda ta’ dan il-bejjiegħ jew fornitur, xorta jibqa’ l-fatt li l-informazzjoni li huwa għandu l-obbligu li jikkomunika qabel il-konklużjoni tal-kuntratt għandha tippermetti li l-konsumatur jieħu d-deċiżjoni tiegħu bi prudenza u b’għarfien sħiħ, minn naħa, tal-possibbiltà li tali ġrajjiet iseħħu u, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi li dawn jistgħu jiġġeneraw fir-rigward tat-tul tal-provvista tas-servizzi legali kkonċernati (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, D. V. (Onorarji ta’ avukat) – Prinċipju ta’ tariffa fis-siegħa (C‑395/21, EU:C:2023:14, punt 43).

44

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-klawżola li timponi fuq il-persuna li tissellef kummissjoni għall-ftuħ ta’ EUR 435, ekwivalenti għal 0.25 % tal-ammont tas-self mogħti, hija ddefinita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali bħala li hija r-remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar tas-self jew tal-kreditu ipotekarju jew ta’ servizzi oħra simili. Ir-rekwiżit ta’ trasparenza, li huwa intiż prinċipalment sabiex jiżgura li l-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jevalwa l-konsegwenzi finanzjarji ta’ klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jimplikax li l-istabbiliment bankarju għandu l-obbligu li jispeċifika fid-dettall in-natura tas-servizzi kollha pprovduti bħala korrispettiv għal-kummissjoni għall-ftuħ, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, u lanqas dak li jispeċifika fid-dettall il-volum fis-siegħa ddedikat għall-provvista ta’ kull wieħed minn dawn is-servizzi, bil-kundizzjoni li l-klawżola inkwistjoni tosserva l-kuntest leġiżlattiv nazzjonali.

45

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jista’ jiġi ppreċiżat ukoll li mid-Direttiva 93/13 lanqas ma jirriżulta li l-istabbiliment bankarju huwa obbligat jipprovdi lill-konsumatur fatturi li jispeċifikaw fid-dettall in-natura tas-servizzi pprovduti, sakemm il-qorti nazzjonali tkun tista’ tistħarreġ ir-realtà ta’ dawn is-servizzi. Fil-fatt, tali obbligu ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu stess, jiffaċilita l-komprensjoni tal-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt peress li l-ħlas tal-kummissjoni għall-ftuħ isir darba biss, fil-mument tal-għoti tas-self, u peress li l-fatturazzjoni ssir wara l-iffirmar tal-imsemmi kuntratt.

46

Għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tan-natura “ċara u li tinftiehem”, fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, ta’ klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali fid-dawl tal-punti ta’ fatt rilevanti kollha u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha relatati mal-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni għandha, b’mod partikolari, tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li l-istabbiliment ipprovda lill-persuna li tissellef matul id-diversi stadji ta’ qabel l-iffirmar tal-kuntratt ta’ self, inkluża dik l-informazzjoni li huwa għandu l-obbligu li jipprovdi konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Tali eżami każ b’każ huwa iktar u iktar importanti peress li n-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali, kif meħtieġ fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13, tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali abbażi tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Kiss u CIB Bank, C‑621/17, EU:C:2019:820, punt 49). Għalhekk, bħala prinċipju, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali speċifika ma tistax tiġi preżunta, peress li tali klassifikazzjoni tiddependi kemm miċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-konklużjoni ta’ kull kuntratt, inkluża informazzjoni partikolari pprovduta minn kull bejjiegħ jew fornitur lil kull konsumatur, kif ukoll mir-realtà tas-servizzi pprovduti.

47

Fid-dawl tal-motivi esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix ġurisprudenza nazzjonali li tqis li klawżola kuntrattwali li tipprevedi, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-konsumatur għandu jħallas kummissjoni għall-ftuħ intiża bħala remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar tas-self jew tal-kreditu ipotekarju jew ta’ servizzi simili oħra, li la tinkludi d-deskrizzjoni ddettaljata tan-natura ta’ dawn is-servizzi u lanqas l-indikazzjoni tal-ħin iddedikat għat-twettiq tagħhom, tissodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza dejjem sakemm il-konsumatur ikun tabilħaqq tqiegħed f’pożizzjoni li jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi li dan jinvolvi għalih, li jifhem in-natura tas-servizzi pprovduti bħala korrispettiv tal-ispejjeż previsti fl-imsemmija klawżola u li jivverifika li ma hemm l-ebda sovrappożizzjoni bejn id-diversi spejjeż previsti fil-kuntratt jew bejn is-servizzi li dawn tal-aħħar jirremuneraw.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

ma jipprekludix ġurisprudenza nazzjonali li tqis li klawżola kuntrattwali li tipprevedi, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-konsumatur għandu jħallas kummissjoni għall-ftuħ intiża bħala remunerazzjoni tas-servizzi marbuta mal-eżami, mal-għoti jew mal-ipproċessar tas-self jew tal-kreditu ipotekarju jew ta’ servizzi simili oħra, li la tinkludi d-deskrizzjoni ddettaljata tan-natura ta’ dawn is-servizzi u lanqas l-indikazzjoni tal-ħin iddedikat għat-twettiq tagħhom, tissodisfa r-rekwiżit ta’ trasparenza dejjem sakemm il-konsumatur ikun tabilħaqq tqiegħed f’pożizzjoni li jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi li dan jinvolvi għalih, li jifhem in-natura tas-servizzi pprovduti bħala korrispettiv tal-ispejjeż previsti fl-imsemmija klawżola u li jivverifika li ma hemm l-ebda sovrappożizzjoni bejn id-diversi spejjeż previsti fil-kuntratt jew bejn is-servizzi li dawn tal-aħħar jirremuneraw.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.