KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑28 ta’ Novembru 2024 ( 1 )
Kawża C‑395/23 [Anikovi] ( i )
E. M. A.,
E. M. A.,
M. I. A.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il‑Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) 2019/1111 – Kamp ta’ applikazzjoni – Awtorizzazzjoni minn qorti għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil minuri – Ftehim bilaterali bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-Federazzjoni Russa – Ġurisdizzjoni”
I. Introduzzjoni
|
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża mressqa minn żewġ minuri ta’ nazzjonalità Russa, li jaġixxu bil-kunsens ta’ ommhom, li tirrisjedi fil-Ġermanja, bl-għan li jiksbu l-awtorizzazzjoni li jbigħu l-ishma li kull wieħed għandhom fi tliet proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Bulgarija. |
|
2. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rabta tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha mal-post fejn jinsabu dawn il-proprjetajiet immobbli, li tirriżulta b’mod partikolari mit-Trattat bejn ir-Repubblika Popolari tal-Bulgarija u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi dwar l-assistenza ġudizzjarja f’materji ċivili, tal-familja u kriminali ( 2 ), konkluż qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea. Din il-qorti tistaqsi kif l-applikazzjoni ta’ dan it-trattat tirrelata mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mar-Regolament (UE) 2019/1111 ( 3 ), jekk jitqies li l-kawża prinċipali taqa’ fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri. |
|
3. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet il-limiti tal-kunċett ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fi kwistjonijiet patrimonjali li jikkonċernaw minuri. Madankollu, hija ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar l-effetti tal-ftehimiet bilaterali konklużi fl-istess qasam mill-Istati Membri, qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea, ma’ Stati terzi, filwaqt li r-relazzjoni bejn ir-Regolament Brussell IIb u tali ftehimiet ma hijiex is-suġġett ta’ dispożizzjonijiet partikolari f’dan ir-regolament. |
|
4. |
Fid-dawl tan-numru kemm ta’ Stati Membri li għadhom marbuta bi ftehimiet li l-kontenut tagħhom huwa simili għal dak tat-Trattat Russu‑Bulgaru kif ukoll ta’ sitwazzjonijiet fejn x’aktarx li terġa’ tqum il-kwistjoni ta’ proprjetà li tinsab fil-Bulgarija li tappartjeni lil minuri Russi, il-kwistjoni dwar jekk dawn il-ftehimiet jidderogawx mir-Regolament Brussell IIb u, jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet, hija ta’ importanza sinjifikattiva. |
|
5. |
Din il-kawża għalhekk tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tfakkar li, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Stati terzi, għandhom japplikaw il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 351 TFUE. F’dan il-kuntest, l-inkompatibbiltà ta’ regola ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq ftehim bilaterali ma’ tali regola stabbilita fir-Regolament Brussell IIb għandha għalhekk tiġi evalwata skont kriterji li għad iridu jiġu ddefiniti. Ser nuri kif dawn il-kriterji jistgħu jirriżultaw minn interpretazzjoni b’analoġija ma’ dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar ċerti regolamenti fil-qasam tal-kooperazzjoni ċivili, li stabbilixxiet bħala limitu għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom dak ta’ ksur tal-prinċipji li fuqhom hija bbażata din il-kooperazzjoni. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. It‑Trattat FUE
|
6. |
L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jipprovdu: “Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l‑1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta’ l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m’għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Sa fejn dawn il-ftehim ma’ [ma] jkunux kompatibbli mat-Trattati, l-Istat Membru jew Stati Membri in kwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni sabiex titneħħa l-inkompatibbiltà li tista’ tinstab. Jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin sabiex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw linja komuni.” |
2. Ir‑Regolament Brussell IIb
|
7. |
Il-premessa 91 tar-Regolament Brussell IIb tipprovdi: “Huwa mfakkar li għal ftehimiet ma’ Stat terz wieħed jew aktar konklużi minn Stat Membru qabel id-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, japplika l-Artikolu 351 TFUE.” |
|
8. |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1(b) u fil-paragrafu 2(e) tiegħu, li huwa japplika fi kwistjonijiet ċivili dwar l-attribuzzjoni, l-eżerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-minuri marbuta mal-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew it-trasferiment tal-proprjetà tagħhom. |
|
9. |
L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni ġenerali” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fil-mument li l-qorti tiġi invokata.” |
|
10. |
Il-Kapitolu VIII tar-Regolament Brussell IIb, li jinkludi l-Artikoli 94 sa 99, jirregola r-rabtiet ta’ dan ir-regolament ma’ strumenti oħra. |
|
11. |
L-Artikolu 94(2) tal-imsemmi regolament, jirregola l-effetti tal-Konvenzjoni tas‑6 ta’ Frar 1931 li tinkludi d-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali privata dwar iż-żwieġ, l-adozzjoni u t-tutela, flimkien mal-Protokoll Finali tagħha, konkluża bejn ċerti Stati Membri (ir-Renju tad-Danimarka ( 4 ), ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja) u Stati terzi (ir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja). |
|
12. |
Skont l-Artikolu 98(2) tar-Regolament Brussell IIb, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni tal-effetti”: “Il-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 95 sa 97 ta’ dan ir-Regolament, u partikolarment il-Konvenzjonijiet tal-Aja tal‑1980 [ ( 5 )] u tal‑1996 [ ( 6 )], għandhom ikomplu jkollhom effett bejn l-Istati Membri li huma Parti fihom, skont l-Artikoli 95 sa 97 ta’ dan ir-Regolament.” |
|
13. |
L-Artikolu 99 ta’ dan ir-regolament jirregola r-rabtiet tiegħu mat-trattati bilaterali konklużi bejn ċerti Stati Membri tal-Unjoni (ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Malta u r-Repubblika Portugiża) u s-Santa Sede. |
B. It‑Trattat Russu‑Bulgaru
|
14. |
L-Artikolu 25 tat-Trattat Russu‑Bulgaru jipprevedi: “1. Ir-relazzjonijiet legali bejn il-ġenituri u t-tfal huma suġġetti għad-dritt tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha għandhom id-domiċilju komuni tagħhom. […] 6. L-awtoritajiet tal-Parti Kontraenti li l-minuri huwa ċittadin tagħha, jew li fit-territorju tagħha l-minuri għandu d-domiċilju jew ir-residenza tiegħu, għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni li jiddeċiedu dwar ir-relazzjonijiet legali msemmija fil-paragrafi 1, 2, 3, 4 u 5.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
15. |
L-Artikolu 30 ta’ dan it-trattat, intitolat “Forma tal-kuntratti”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu: “Il-forma ta’ tranżazzjoni ta’ proprjetà immobbli hija ddeterminata mid-dritt tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha tkun tinsab il-proprjetà immobbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
C. Id‑dritt Bulgaru
|
16. |
L-Artikolu 18 taż-Zakon za zadalzheniata i dogovorite (il-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti) ( 7 ) jipprovdi: “Il-kuntratti ta’ trasferiment ta’ proprjetà jew li jistabbilixxu drittijiet in rem oħra li jikkonċernaw proprjetà immobbli għandhom jiġu konklużi permezz ta’ att notarili.” |
|
17. |
L-Artikolu 586(1) tal-Grazhdanski protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) ( 8 ) jipprovdi: “Mal-ħruġ ta’ att notarili li jittrasferixxi dritt ta’ proprjetà jew li jistabbilixxi, jittrasferixxi, jemenda jew itemm dritt in rem ieħor fuq proprjetà immobbli, in-nutar għandu jivverifika jekk l-awtur tal-att ta’ dispożizzjoni huwiex il-proprjetarju tal-proprjetà u jekk il-kundizzjonijiet partikolari tat-tranżazzjoni humiex issodisfatti.” |
|
18. |
Skont l-Artikolu 130(3) tas-Semeen kodeks (il-Kodiċi tal-Familja) ( 9 ): “It-twettiq ta’ att ta’ trasferiment ta’ proprjetà immobbli, proprjetà mobbli permezz ta’ tranżazzjoni formali u depożiti kif ukoll titoli li jappartjenu lill-wild, huwa permess bl-awtorizzazzjoni tar-Rayonen sad [il-Qorti Distrettwali] tal-indirizz attwali tal-minuri, bil-kundizzjoni li l-att ta’ trasferiment ma jmurx kontra l-aħjar interessi tal-minuri.” |
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
19. |
Żewġ minuri ( 10 ) ta’ nazzjonalità Russa, li r-residenza abitwali tagħhom tinsab fil-Ġermanja, jixtiequ, bil-kunsens ta’ ommhom, ibigħu l-partijiet indiviżi tad-dritt għal proprjetà li huma għandhom, bħalha, fi tliet proprjetajiet immobbli li jinsabu fil-Bulgarija, bil-prezz tal-bejgħ jiġi ttrasferit fiż-żewġ kontijiet bankarji Ġermaniżi tat-tfal. |
|
20. |
Is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija), li għandha, skont proċedura mhux kontenzjuża, tawtorizza jew tiċħad dan it-trasferiment ta’ proprjetà sabiex jiġi awtentikat permezz ta’ att notarili, tistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha. |
|
21. |
Din il-qorti tirrileva li, f’ċirkustanzi simili, il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) ibbażat il-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari, b’rabta mal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, fuq dispożizzjonijiet li jindikaw il-liġi applikabbli fil-każ ta’ akkwist ta’ drittijiet in rem, jiġifieri l-Artikolu 65(1) tal-Kodeks na mezhdunarodnoto chastno pravo (il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat) ( 11 ) kif ukoll l-Artikolu 30(2) tat-Trattat Russu‑Bulgaru. Hija żżid li, fl-istess sens u preċiżament fil-kawża prinċipali, is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) adottat dan il-kriterju ta’ ġurisdizzjoni u ddeċidiet li r-Regolament Brussell IIb ma kienx applikabbli, b’riferiment għall-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 ( 12 ). Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, sa fejn din id-dispożizzjoni tiddetermina l-liġi applikabbli u mhux il-ġurisdizzjoni internazzjonali biex tisma’ t-tilwima, din id-deċiżjoni hija bbażata fuq il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 13 ). |
|
22. |
Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u dwar dak tar-Regolament Brussell IIb fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri kif ukoll dwar l-effetti tat-Trattat Russu‑Bulgaru, li ma huwiex imsemmi fir-Regolament Brussell IIb bħala deroga minnu. |
|
23. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
24. |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol u l-Gvern Ungeriż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
|
25. |
Wara l-preżentata tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju ssupplimentat it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, billi ppreċiżat li, fil-każ li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIb, l-Artikolu 16 tiegħu ma jistax japplika għar-raġuni li l-proċedura prinċipali li għaliha awtorizzazzjoni għat-trasferiment tal-proprjetà tal-minuri kkonċernati hija meħtieġa ssir minn nutar. |
|
26. |
Waqt is-seduta li saret fit‑12 ta’ Settembru 2024, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. Analiżi
|
27. |
Fil-proċedura li għandha quddiemha, il-qorti tar-rinviju Bulgara tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk, fil-qasam tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, jeżistix kunflitt leġiżlattiv bejn id-dritt tal-Unjoni u t-Trattat Russu‑Bulgaru konkluż mir-Repubblika tal-Bulgarija qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. Fl-affermattiv, din il-qorti tistaqsi dwar ir-rabta ta’ dawn ir-regoli ma’ xulxin. |
|
28. |
Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina flimkien l-ewwel u t-tieni domanda preliminari, sa fejn dawn huma intiżi li jiġi ddeterminat liema regolament (Nru 1215/2012 jew Brussell IIb) huwa applikabbli fil-kawża ineżami għall-finijiet tal-ħatra tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni internazzjonali, qabel ma tittratta t-tielet domanda li għandha bħala suġġett ir-relazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament ma’ strumenti bilaterali oħra minbarra dawk li huwa jsemmi. |
|
29. |
Preliminarjament, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija adita fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża, ser nippreċiża x’jiġġustifika t-tneħħija ta’ kwalunkwe dubju possibbli dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. |
A. Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari fil‑kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża
|
30. |
Il-qorti tar-rinviju hija adita b’talba għal awtorizzazzjoni sabiex jinbiegħu proprjetajiet li jappartjenu lil minuri fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża. |
|
31. |
Ċertament, hija ma hijiex adita b’tilwima bejn partijiet ( 14 ), la fl-ewwel istanza u lanqas fid-dawl tas-suġġett tat-talba, u lanqas wara rikors kontra deċiżjoni mhux kontenzjuża ( 15 ). |
|
32. |
Madankollu, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, din il-qorti teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji fis-sens li ma hijiex adita biss għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ ftehim bejn il-partijiet ( 16 ) u li hija għandha tagħmel evalwazzjoni f’deċiżjoni li tista’ tiġi appellata ( 17 ). |
|
33. |
Fil-fatt, l-ewwel nett, l-imsemmija qorti tiddeċiedi dwar talba għal awtorizzazzjoni tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli minn minuri, skont l-Artikolu 130(3) tal-Kodiċi tal-Familja, skont l-aħjar interess tagħhom ( 18 ), bl-għan li jitfassal att notarili ta’ bejgħ, kif previst fl-Artikolu 18 tal-Liġi dwar l-Obbligi u l-Kuntratti. |
|
34. |
Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li deċiżjoni mhux kontenzjuża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu IV tar-Regolament Brussell IIb peress li ma ġietx espressament eskluża mid-definizzjoni tat-terminu “deċiżjoni” li tinsab fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament u li dan it-terminu jinkludi d-deċiżjonijiet li ma kisbux l-awtorità ta’ res judicata ( 19 ). |
|
35. |
Konsegwentement, kif jesponu Hélène Gaudemet-Tallon u Marie-Élodie Ancel fir-rigward tad-definizzjoni ekwivalenti tat-terminu “deċiżjoni” fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ atti ta’ ġurisdizzjoni volontarja, jiġifieri “atti purament reċettivi” u “deċiżjonijiet mhux kontenzjużi” li għalihom il-qorti “mingħajr ma jkollha tiddeċiedi ‘tilwima bejn il-partijiet’ madankollu turi r-rieda tagħha” ( 20 ) [traduzzjoni libera]. |
|
36. |
It-tieni nett, nosserva li, f’kawżi preċedenti fil-qasam tas-suċċessjoni li jikkonċernaw minuri, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri mhux kontenzjużi simili għal dik ta’ din il-kawża ( 21 ). |
|
37. |
Konsegwentement, jiena tal-fehma li t-talba tal-qorti tar-rinviju, li għandha tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża, li tistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha, hija ammissibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk diġà aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
38. |
Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari li hija intiża sabiex isir magħruf kif jirrelata t-Trattat Russu‑Bulgaru mad-dritt tal-Unjoni, għandu l-ewwel jitneħħa kull dubju dwar liema regolament japplika fil-qasam tal-ġurisdizzjoni ( 22 ). |
B. Fuq l‑applikabbiltà tar‑Regolament Brussell IIb
|
39. |
B’risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, ibbażati biss fuq ir-riferiment għas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Matoušková ( 23 ), nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika, b’analoġija, is-soluzzjoni ta’ prinċipju li hija adottat fis-sentenza Schneider. |
|
40. |
Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-qorti tar-rinviju Bulgara ġiet adita b’talba għal awtorizzazzjoni tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni b’mod indiviż lil persuna mqiegħda taħt l-awtorità tal-kuratur ( 24 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja hija miżura ta’ protezzjoni għall-persuna mqiegħda taħt l-awtorità ta’ kuratur li hija meħtieġa mil-liġi minħabba l-fatt li din il-persuna ma tkunx qiegħda tgawdi iżjed mis-setgħa li twettaq hija stess atti ta’ trasferiment tal-proprjetà immobbli tagħha u li tali awtorizzazzjoni tingħata biss fil-każ fejn it-trasferiment tal-proprjetà immobbli jsir fl-interess tal-persuna protetta ( 25 ). |
|
41. |
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-talba għal awtorizzazzjoni hija marbuta direttament mal-kapaċità tal-persuna fiżika kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 26 ), li jeskludi dan il-qasam mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat id-distinzjoni li għandha ssir bejn tali proċedura u dik li għandha bħala suġġett “drittijiet ‘in rem fi proprjetà immobbli’ fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001”, sa fejn din tal-aħħar tkun intiża b’mod partikolari sabiex tiddetermina l-portata, il-konsistenza, il-proprjetà jew il-pussess ta’ proprjetà immobbli ( 27 ). |
|
42. |
L-istess dispożizzjonijiet jinsabu fir-Regolament Nru 1215/2012, fl-Artikolu 1(2)(a) u fil-punt 1 tal-Artikolu 24. |
|
43. |
B’estensjoni tas-sentenza Schneider, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja mitluba mir-rappreżentanti legali ta’ minuri fil-kuntest ta’ proċedura ta’ suċċessjoni tikkostitwixxi miżura ta’ protezzjoni tal-minuri marbuta mal-amministrazzjoni, maż-żamma jew mat-trasferiment tal-proprjetajiet tiegħu fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) u (2)(e) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 ( 28 ). L-istess dispożizzjonijiet jinsabu fir-Regolament Brussell IIb, li ħassar dan tal-aħħar. |
|
44. |
F’dan il-każ, din il-bażi hija applikabbli fil-kawża prinċipali minħabba li r-residenza abitwali tar-rikorrenti minuri hija stabbilita fil-Ġermanja u li l-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni għandha effett transfruntier, sa fejn din tinvolvi qorti Ġermaniża u qorti Bulgara. |
|
45. |
Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-qorti tar-rinviju, li tfittex bażi għar-rabta tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha mal-post fejn jinsabu l-proprjetajiet immobbli għall-bejgħ, li huwa eskluż li japplika l-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012. |
|
46. |
Peress li l-proċedura quddiem din il-qorti taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIb u peress li din ma għandhiex ġurisdizzjoni minħabba l-post tar-residenza tal-minuri, li huma r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huwa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, hija l-imsemmija qorti li għandha tiżgura ruħha li l-ġurisdizzjoni tagħha ma tistax tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi regolament ( 29 ). Din il-verifika ser isservi sabiex tikkonferma jew le l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ regoli li jirriżulta mit-Trattat Russu‑Bulgaru, kif interpretat mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) ( 30 ). |
|
47. |
F’dan is-sens, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju tista’ tkun fondata fuq l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Brussell IIb, meta jitqies li din tiddeċiedi inċidentalment ( 31 ). Madankollu, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li dan ma huwiex il-każ ( 32 ). Nikkonstata, fil-fatt, li l-unika proċedura mibdija hija dik quddiem dik il-qorti ( 33 ). Peress li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni ma hija ssodisfatta ( 34 ), għaldaqstant nikkondividi r-riżervi dwar l-applikabbiltà ta’ dan l-Artikolu 16 espressi mill-Gvern Spanjol waqt is-seduta. |
|
48. |
Għall-kuntrarju, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Brussell IIb tippermettix li jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ qbil mat-Trattat Russu‑Bulgaru li minnu tirriżulta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju. |
|
49. |
F’dan ir-rigward, nirrileva li kemm l-Artikolu 1(2) tat-Trattat Russu‑Bulgaru kif ukoll l-Artikolu 10 tar-Regolament Brussell IIb jipprevedu li l-ġurisdizzjoni ta’ qorti tista’ tkun ibbażata fuq l-għażla tal-partijiet li jkunu adixxewha ( 35 ). |
|
50. |
Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, fis-sentenza tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), iċċitata mill-qorti tar-rinviju u inkluża fil-fajl li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, isir riferiment, sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti Bulgara kkonċernata, għal dan l-Artikolu 1(2), li jipprovdi li ċ-ċittadini ta’ wieħed mill-Istati kontraenti għandhom id-dritt li jirrikorru liberament u mingħajr xkiel għall-qrati tal-Istat kontraenti l-ieħor li għandhom ġurisdizzjoni f’materji ċivili, tal-familja u kriminali. Huma jistgħu jidhru quddiemhom u jressqu talbiet kif ukoll jippreżentaw rikorsi taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat kontraenti. Waqt is-seduta, ġie kkonfermat li dan il-kriterju ta’ ġurisdizzjoni huwa applikat minn diversi qrati Bulgari. |
|
51. |
Konsegwentement, huwa għalhekk preżunt li l-qorti tar-rinviju tikkonstata l-assenza ta’ konkordanza bejn it-Trattat Russu‑Bulgaru, li fuqu hija bbażata l-ġurisdizzjoni tagħha, skont il-ġurisprudenza tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), u r-Regolament Brussell IIb, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża jekk u f’liema kundizzjonijiet id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dan it-trattat huma affettwati minn dan ir-regolament. |
C. Fuq it‑tielet domanda dwar il‑ġurisdizzjoni tal‑qorti Bulgara bbażata fuq trattat bilaterali konkluż ma’ Stat terz
|
52. |
Infakkar li din id-domanda, li hija intiża sabiex jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet it-Trattat Russu‑Bulgaru ma huwiex affettwat mir-Regolament Brussell IIb, hija bbażata fuq iż-żewġ konstatazzjonijiet li ġejjin:
|
|
53. |
Fir-rigward tal-ewwel konstatazzjoni, nosserva li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għad-Deċiżjoni tat‑2 ta’ Ġunju 2015 tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), f’kawża li tikkonċerna minuri Russi ( 36 ). Fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita fit-Trattat Russu‑Bulgaru dwar il-ħarsien tal-proprjetà ta’ minuri, il-kriterju li jaħtar il-qorti b’ġurisdizzjoni internazzjonali ttieħed mil-liġi applikabbli għall-forma tal-kuntratti. Billi għaqdet l-applikazzjoni tal-Artikolu 130(3) tal-Kodiċi tal-Familja u tal-Artikolu 586(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, kif ukoll tal-Artikolu 30 tat-Trattat Russu‑Bulgaru, li jindika l-liġi dwar fejn tinsab il-proprjetà immobbli, bħall-Artikolu 65(1) tal-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat ( 37 ), il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq din il-leġiżlazzjoni nazzjonali speċjali, li tipprevedi li, sabiex ifassal att ta’ trasferiment tal-proprjetà ta’ minuri, in-nutar irid ikollu awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel. Fi kliem ieħor, ġie deċiż li dawn ir-rekwiżiti legali speċjali jiġġustifikaw deroga mir-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post tar-residenza tal-minuri, prevista fid-dritt nazzjonali ( 38 ), li tikkoinċidi mal-liġi applikabbli fir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal, konformement mal-Artikolu 25(1) tat-Trattat Russu‑Bulgaru. B’hekk tiġi żgurata koerenza bejn il-liġi applikabbli fil-qasam tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli u l-ġurisdizzjoni internazzjonali. |
|
54. |
Fir-rigward tat-tieni konstatazzjoni, nosserva li l-qorti tar-rinviju la tagħmel riferiment għall-premessa 91 tar-Regolament Brussell IIb, li tfakkar li, “għal ftehimiet ma’ Stat terz wieħed jew aktar konklużi minn Stat Membru qabel id-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni, japplika l-Artikolu 351 TFUE” ( 39 ), u lanqas għal kwalunkwe diffikultà ta’ analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam. |
|
55. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għalhekk tillimita ruħha li tirrispondi li, skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat Russu‑Bulgaru ma humiex affettwati mir-Regolament Brussell IIb. |
|
56. |
Madankollu, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li jistgħu jkunu utli sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża li hija adita biha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-imsemmija qorti, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali ( 40 ). |
|
57. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi u kif ikkonfermaw id-dibattiti waqt is-seduta, analiżi ddettaljata tal-applikazzjoni tal-Artikolu 351 TFUE tirriżulta li hija utli ( 41 ). |
|
58. |
Preliminarjament, jista’ jiġi enfasizzat li l-Artikolu 351 TFUE ma ġiex imfakkar fl-istrumenti li ppreċedew ir-Regolament Brussell IIb ( 42 ), għalkemm, bħalma huwa l-każ fih, ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni dwar il-ftehimiet bilaterali konklużi mill-Istati Membri, qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni, ma’ Stati terzi (minbarra s-Santa Sede). Dan ma jiġġustifikax l-assenza ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, inqis li tali tfakkira ma hijiex indispensabbli minħabba l-ġerarkija tar-regoli ( 43 ) u l-formulazzjoni ċara ħafna ta’ dan l-artikolu. |
|
59. |
Konsegwentement, l-eżami, fid-dawl tal-Artikolu 351 TFUE ( 44 ), tal-kwistjoni tar-rabta bejn it-Trattat Russu‑Bulgaru u r-Regolament Brussell IIb jippreżumi li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. |
|
60. |
L-ewwel nett, it-Trattat Russu‑Bulgaru għandu jirrigwarda kwistjoni rregolata minn dan ir-regolament. Dan huwa l-każ, sa fejn dan it-trattat iservi, fil-kawża ineżami, sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni ( 45 ) u sa fejn, fi proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kriterju ta’ rabta, adottat mill-ġurisprudenza nazzjonali ċċitata mill-qorti tar-rinviju, huwa dak tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli li tappartjeni lil minuri Russi u mhux il-post tar-residenza abitwali tagħhom, b’dan il-kriterju jkun applikabbli skont ir-Regolament Brussell IIb. |
|
61. |
F’dan ir-rigward, nosserva, fid-dawl tal-opinjoni kuntrarja tal-Ungerija marbuta mill-istess tip ta’ trattat, li l-applikazzjoni tat-Trattat Russu‑Bulgaru f’sitwazzjoni li fiha l-minuri Russi ma jirrisjedux fil-Bulgarija, iżda fi Stat Membru ieħor, ma toħloqx diffikultà partikolari ( 46 ), peress li l-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli hija l-uniku kriterju ta’ rabta diskuss f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari dwar ċittadini Russi. |
|
62. |
Barra minn hekk, dan il-kriterju, adottat mill-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), mingħajr ebda riferiment għar-residenza tal-minuri kkonċernat ( 47 ), ġie applikat preċiżament fil-kawża prinċipali mis-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija), permezz tad-Digriet tal‑14 ta’ Ġunju 2023. Din id-deċiżjoni, iċċitata fit-talba għal deċiżjoni preliminari u inkluża fil-fajl trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja, tikkonferma b’mod ċar l-għażla ta’ qorti Bulgara mir-rikorrenti Russi, sabiex jiksbu l-awtorizzazzjoni meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Bulgara sabiex jitfassal l-att notarili ta’ trasferiment tad-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom. Din il-qorti, li bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-liġi applikabbli fil-qasam tad-drittijiet in rem, għamlet riferiment ukoll għall-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament Ruma I ( 48 ). |
|
63. |
It-tieni nett, sabiex tkun tista’ titkompla l-analiżi tal-kwistjoni tar-rabta bejn ir-Regolament Brussell IIb u t-Trattat Russu‑Bulgaru, għandu jiġi żgurat jekk l-Istat terz ikkonċernat jislitx drittijiet mill-konvenzjoni internazzjonali inkwistjoni, li jista’ jeżiġi r-rispett tagħhom mill-Istat Membru li huwa parti għaliha ( 49 ). |
|
64. |
Fi kliem ieħor, fir-relazzjonijiet ma’ Stat terz, il-prinċipju li jiggwida l-analiżi huwa dak tar-rispett tad-dritt li jista’ jinvoka dan l-Istat fir-relazzjoni tiegħu mal-Istat Membru li miegħu jkun ikkonkluda ftehim qabel l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni. Fil-fatt, l-implimentazzjoni tal-konvenzjoni internazzjonali inkwistjoni għandha tkun ibbażata fuq loġika ta’ reċiproċità ( 50 ). |
|
65. |
F’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi preżunt li l-awtoritajiet Russi kieku jadottaw l-istess interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Russi tal-post tal-proprjetà immobbli ( 51 ) u li r-rispett ta’ dan il-kriterju jikkundizzjona r-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati Bulgari fir-rigward taċ-ċittadini Russi ( 52 ). |
|
66. |
F’dan ir-rigward, ir-riżervi tal-Federazzjoni Russa u tar-Repubblika tal-Bulgarija, espressi meta aċċedew għall-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996, abbażi tal-Artikolu 55(1) tagħha ( 53 ), fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, isostnu l-eżistenza ta’ pożizzjoni komuni fuq il-preeminenza tal-kriterju tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, sabiex jiġi eskluż kull riferiment għall-post tar-residenza tal-minuri kkonċernat. |
|
67. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li t-Trattat Russu‑Bulgaru, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati aditi b’talba għal awtorizzazzjoni tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil minuri Russu, jimponi fuq ir-Repubblika tal-Bulgarija obbligi li dan l-Istat Membru huwa marbut bihom fir-rigward ta’ Stat terz, jiġifieri l-Federazzjoni Russa, li għandha d-dritt li tinvokahom fir-rigward tal-imsemmi Stat Membru, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. |
|
68. |
Minħabba din il-konferma tal-obbligu tal-applikazzjoni ta’ kriterju ta’ ġurisdizzjoni bbażat fuq it-Trattat Russu‑Bulgaru ( 54 ), li huwa differenti minn dak adottat fid-dritt tal-Unjoni, għandha għalhekk tiġi ttrattata l-kwistjoni komplementari dwar l-obbligu tar-Repubblika tal-Bulgarija, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, li tirrikorri għall-mezzi kollha xierqa sabiex telimina l-inkompatibbiltajiet eżistenti bejn it-Trattat Russu‑Bulgaru u d-dritt tal-Unjoni ( 55 ). |
|
69. |
Konsegwentement, fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk, minħabba l-eżistenza ta’ kriterji ta’ ġurisdizzjoni konkorrenti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIb u tat-Trattat Russu‑Bulgaru, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq dan it-trattat hijiex inkompatibbli mar-regola tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. |
|
70. |
Bħall-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-għażla ta’ kriterji differenti ta’ kompetenza fiha nfisha ma toħloqx diffikultà kbira. Fil-fatt, it-trattati bilaterali dwar il-kooperazzjoni huma konklużi sabiex il-qorti kompetenti tiġi identifikata faċilment abbażi ta’ kundizzjonijiet partikolari li ġeneralment ikunu n-nazzjonalità taċ-ċittadini jew ir-residenza abitwali tagħhom f’kull wieħed mill-Istati li huma partijiet għal kwistjonijiet personali jew inkella fejn tinsab il-proprjetà fi kwistjonijiet patrimonjali. Barra minn hekk, analiżi kuntrarja jkollha l-effett li tikkontesta l-prinċipju stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. |
|
71. |
Għall-kuntrarju, lanqas ma tista’ tiġi eskluża l-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. Fil-kawża ineżami, il-kwistjoni ma hijiex purament teoretika, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti suċċessivi fil-qasam tal-familja dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati, meħuda b’kunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-minuri. |
|
72. |
Għalhekk, kif ikkonfermaw id-dibattiti waqt is-seduta, għandhom jiġu kkunsidrati, f’dan il-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, it-tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-relazzjoni ta’ ċerti regolamenti applikabbli f’dan il-qasam ma’ konvenzjonijiet li għalihom huma partijiet l-Istati Membri u, b’mod partikolari, mis-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland ( 56 ), u tat‑12 ta’ Ottubru 2023, OP (Għażla tal-liġi ta’ Stat terz għas-suċċessjoni) ( 57 ). |
|
73. |
Fil-kawża li tat lok għas-sentenza TNT, it-tilwima kienet tirrigwarda l-infurzar fi Stat Membru ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor. Il-qorti tar-rinviju staqsiet, essenzjalment, jekk l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat bħala li jfisser li japplikaw ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni previsti minn konvenzjoni partikolari, bħar-regola dwar lis pendens stabbilita fl-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt ta’ Trasport Internazzjonali tal-Merkanzija bit-Triq ( 58 ) u dik dwar is-saħħa eżekuttiva stabbilita fl-Artikolu 31(3) ta’ dik il-konvenzjoni ( 59 ). Fil-punt 49 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti ddeċidiet li, għalkemm l-Artikolu 71 “jipprovdi, fil-materji rregolati minn konvenzjonijiet speċjali, għall-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li din l-applikazzjoni ma tistax tippreġudika l-prinċipji li fuqhom tkun ibbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni”. Fil-punt 55 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konkret li “l-Artikolu 31(3) tas-CMR jista’ jiġi applikat fi ħdan l-Unjoni biss jekk jippermetti li jintlaħqu l-għanijiet tal-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll tal-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni f’kundizzjonijiet mill-inqas daqstant favorevoli bħal dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001”. |
|
74. |
Fil-kawża li wasslet għas-sentenza OP, tqajmet il-kwistjoni tat-traspożizzjoni ta’ din il-ġurisprudenza fir-relazzjoni ma’ Stat terz ( 60 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għas-sentenza TNT u ddeċidiet li “s-sistema tar-Regolament [(UE)] Nru 650/2012 [ ( 61 )] ma tipprekludix li, bis-saħħa ta’ ftehim bilaterali konkluż bejn Stat Membru u Stat terz qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u fir-rigward tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 75(1) tal-imsemmi regolament, iċ-ċittadin ta’ Stat terz, li jirrisjedi fl-Istat Membru marbut b’dan il-ftehim bilaterali, ma għandux il-fakultà li jagħżel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tiegħu” ( 62 ). |
|
75. |
Mill-perspettiva metodoloġika, il-kundizzjonijiet li fihom jista’ jitqies li regola ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, li tirriżulta minn trattat konkluż ma’ Stat terz, tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu dderivati minn dawn id-deċiżjonijiet. |
|
76. |
Għalhekk, żewġ elementi tar-riflessjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni ma jikkostitwixxux ostakoli għal tali proposta, jiġifieri l-assenza ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Brussell IIb dwar ir-rabta tiegħu ma’ ċerti strumenti internazzjonali u l-portata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wara s-sentenza TNT kif ġiet estiża għar-relazzjonijiet ma’ Stat terz fis-sentenza OP. |
|
77. |
Ċertament, fis-sentenzi TNT u OP, huma interpretati dispożizzjonijiet partikolari tar-regolamenti inkwistjoni ( 63 ) li jistabbilixxu, essenzjalment, li dawn ma jaffettwawx il-konvenzjonijiet li għalihom l-Istati Membri huma partijiet u li jirrigwardaw l-istess oqsma ( 64 ). |
|
78. |
Madankollu, il-fatt li, b’differenza mir-Regolament Brussell IIb, dawn ir-regolamenti jinkludu d-dikjarazzjoni tar-regola ġenerali li dawn ma jaffettwawx l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru wieħed jew iktar huma partijiet, jew anki dispożizzjonijiet partikolari dwar il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet bilaterali konklużi bejn Stat terz u Stat Membru ( 65 ), fil-fehma tiegħi, ma għandux effett fuq l-analiżi tal-portata tal-ġurisprudenza li tgħid li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fil-każ ta’ kompetizzjoni ta’ regoli, l-applikazzjoni ta’ dawn il-konvenzjonijiet ( 66 ). |
|
79. |
Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet partikolari ġew interpretati bħala li jimponu l-applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjonijiet “fi ħdan l-Unjoni nnifisha” ( 67 ). Għalhekk, hija estiża, suġġett għal ċerti aġġustamenti ( 68 ), l-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali pubbliku dwar l-applikazzjoni tat-trattati, bħal b’mod partikolari l-prinċipju “pacta sunt servanda” ( 69 ), riprodott, fir-rigward tar-relazzjonijiet mal-Istati terzi, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. |
|
80. |
Barra minn hekk, nirrileva li, fis-sentenza TNT ( 70 ), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet limitu għall-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet jew ftehimiet bilaterali, jiġifieri dak tal-ksur tal-prinċipji sottostanti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali fi ħdan l-Unjoni ( 71 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan kien konformi mal-ġurisprudenza tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet konklużi mill-Istati Membri ma’ Stati terzi, li ma għandhomx ikunu għad-detriment tal-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri ( 72 ). |
|
81. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dan l-istess limitu fir-rigward tal-prinċipji applikabbli fi ħdan l-Unjoni f’sentenzi sussegwenti għas-sentenza TNT, li fiha lanqas id-drittijiet ta’ Stat terz ma kienu inkwistjoni. Huma wkoll kellhom bħala suġġett kwistjonijiet ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda fl-Istati Membri. Dawn huma s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Nipponka Insurance ( 73 ), u, f’każ ta’ kompetizzjoni bejn ir-Regolament Nru 1215/2012 u ċ-CMR, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Gjensidige ( 74 ). |
|
82. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment ukoll fl-istess termini għal din il-ġurisprudenza dwar il-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi ħdan l-Unjoni fis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition ( 75 ), li kienet tikkonċerna l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-Artikolu 31(1) taċ-CMR li joffru lill-applikant għażla usa’ minn dik prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 ( 76 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, konformement mal-Artikolu 71(1) ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru jista’ japplika r-regoli ta’ ġurisdizzjoni inkwistjoni previsti miċ-CMR ( 77 ). |
|
83. |
Dawn is-sentenzi kollha jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet taċ-CMR li jorbtu lil diversi Stat Membru. |
|
84. |
Madankollu, f’każ ta’ applikazzjoni ta’ konvenzjoni bilaterali konkluża ma’ Stat terz, din il-ġurisprudenza ġiet applikata b’analoġija. Il-kwistjoni dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għal suċċessjoni ( 78 ) wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar ir-rabta bejn ir-Regolament Nru 650/2012 u l-Ftehim li jorbot lir-Repubblika tal-Polonja, qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, mal-Ukraina. Dan il-ftehim jindika l-liġi applikabbli fil-qasam tas-suċċessjoni, iżda ma jipprevedix espressament il-possibbiltà li tintgħażel oħra ( 79 ). |
|
85. |
Fis-sentenza OP, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012 “li jirregola, fi ħdan l-att tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni [ ( 80 )], ir-relazzjonijiet bejn dan l-att u l-konvenzjonijiet internazzjonali, ma jistax ikollu portata li tkun f’kunflitt mal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza [TNT], punt 51)” ( 81 ). |
|
86. |
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kompatibbiltà tal-imsemmi ftehim bilaterali mad-dritt tal-Unjoni billi fittxet l-importanza tad-dispożizzjoni tar-regolament inkwistjoni ( 82 ). |
|
87. |
Meta kkonkludiet dan l-eżami fid-dawl tal-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 650/2012 b’riferiment għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, enfasizzat il-ħtieġa li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu kkombinati fil-każ partikolari tar-relazzjonijiet ma’ Stati terzi ( 83 ). |
|
88. |
B’mod ġenerali, minn dan niddeduċi li, f’sitwazzjoni fejn id-drittijiet tal-Istati terzi għandhom jipprevalu bħala prinċipju minħabba konvenzjoni bilaterali ( 84 ), il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet impliċitament il-grad sa fejn id-dispożizzjoni ta’ tali konvenzjoni tista’ titqies li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u dan konformement mar-regola ddefinita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. |
|
89. |
Fi kliem ieħor, fis-segwitu tas-sentenza TNT ( 85 ), f’kawża ta’ relazzjoni ta’ Stat Membru ma’ Stat terz li jirrigwarda l-liġi applikabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, adottat approċċ sistemiku, sabiex tevita li twassal malajr wisq għall-kontestazzjoni ta’ ftehim bilaterali li għandu, bħala prinċipju, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, jipprevali fuq id-dritt tal-Unjoni ( 86 ). |
|
90. |
Ser nanalizza dan l-approċċ bħala li jikkonsisti fl-identifikazzjoni, fil-każ ta’ kooperazzjoni f’materji ċivili fi ħdan l-Unjoni, tal-prinċipju li fuqu hija bbażata d-dispożizzjoni tar-regolament inkwistjoni sabiex tiġi evalwata l-importanza tagħha. Għalhekk, fil-kawża ineżami, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjoni tat-Trattat Russu‑Bulgaru tiksirx jew le għan fundamentali mfittex mir-Regolament Brussell IIb. |
|
91. |
Huwa biss wara din l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ inkompatibbiltà li tqum, fit-tieni lok, il-kwistjoni tal-implimentazzjoni jew le tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, fir-relazzjonijiet bejn Stat Membru wieħed jew iktar ma’ Stat terz wieħed jew iktar ( 87 ). |
|
92. |
Minħabba l-ġerarkija tar-regoli, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għalhekk ma hijiex irriżervata għar-regolamenti li fihom dispożizzjoni speċjali tirregola r-relazzjonijiet bejn dawn ir-regolamenti u l-konvenzjonijiet internazzjonali konklużi ma’ Stati terzi. |
|
93. |
L-objettivi li għandhom jintlaħqu huma għalhekk diversi. L-għan huwa li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-Istati terzi, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE ( 88 ), u li tinstab soluzzjoni konformi mal-prinċipji ta’ prevedibbiltà tal-qrati kompetenti kif ukoll ta’ ċertezza legali għall-partijiet fil-kawża. Dawn il-prinċipji, li jiġġustifikaw l-istabbiliment ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-konvenzjonijiet internazzjonali, jiggarantixxu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ( 89 ). |
|
94. |
Konsegwentement, f’dan il-każ, b’analoġija mal-approċċ adottat fis-sentenza OP ( 90 ), għandha tiġi eżaminata d-domanda li ġejja: it-Trattat Russu‑Bulgaru, li jipprovdi li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tawtorizza l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil minuri hija dik tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli, jikser il-prinċipju li fuqu hija bbażata l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri fi ħdan l-Unjoni, li jiffavorixxi l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post ta’ residenza tal-minuri? |
|
95. |
Fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex il-każ. |
|
96. |
Għalkemm, fid-dawl tar-rekwiżit tat-tfittxija tal-aħjar interess tal-minuri, il-kriterju ta’ ġurisdizzjoni huwa, b’mod ġenerali, il-post tar-residenza abitwali tal-minuri ( 91 ), diversi aġġustamenti huma previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, suġġett għall-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti l-istess rekwiżit u l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Dan japplika wkoll għall-fakultà tal-għażla ta’ qorti ( 92 ) u, b’mod iktar partikolari, għat-trasferiment tal-ġurisdizzjoni lill-qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa dan l-aħjar interess ( 93 ). |
|
97. |
Barra minn hekk, dan il-leġiżlatur ippreveda espressament l-ipoteżi tat-tilwima li tirrigwarda miżuri ta’ protezzjoni tal-minuri marbuta mal-amministrazzjoni, mal-konservazzjoni jew mat-trasferiment tal-proprjetà tiegħu li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex dak li fih tinsab ir-residenza tiegħu ( 94 ). |
|
98. |
F’dan is-sens, ir-Regolament Brussell IIb huwa wkoll konformi mal-Artikoli 8 u 9 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996. |
|
99. |
Minn dan isegwi li r-regola dwar il-ġurisdizzjoni stabbilita fit-Trattat Russu‑Bulgaru tista’ tiġi applikata fi ħdan l-Unjoni sa fejn jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit imfakkar fil-premessa 19 tar-Regolament Brussell IIb, filwaqt li jiġu osservati l-aħjar interessi tal-minuri ( 95 ). |
|
100. |
Konsegwentement, ma hemmx lok, fil-kawża ineżami, li jiġu diskussi “l-miżuri opportuni sabiex titneħħa l-inkompatibbiltà li tista’ tinstab”, li t-tfittxija tagħhom hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE. |
|
101. |
Inżid, għal raġunijiet ta’ kompletezza, li, jekk, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-applikazzjoni tat-Trattat Russu‑Bulgaru twassal għal riżultat li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din l-inkompatibbiltà tistax tiġi evitata billi dan it-trattat jingħata, sa fejn ikun possibbli u b’osservanza tad-dritt internazzjonali, interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni ( 96 ). Fin-nuqqas ta’ dan, ir-Repubblika tal-Bulgarija tkun obbligata tieħu l-miżuri neċessarji sabiex telimina l-inkompatibbiltà tal-imsemmi trattat mad-dritt tal-Unjoni, jekk meħtieġ billi tiddenunzjah. Madankollu, sakemm issir tali eliminazzjoni, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jawtorizzaha tkompli tapplika t-Trattat Russu‑Bulgaru ( 97 ). |
V. Konklużjoni
|
102. |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), kif ġej: Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal‑25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri għandu jiġu interpretati fis-sens li: konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE, huwa ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ ftehim bilaterali konkluż ma’ Stat terz, minn Stat Membru, qabel id-data tal-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea, li permezz tiegħu hija biss il-qorti tal-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli li għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talba għal awtorizzazzjoni tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tappartjeni lil minuri, ċittadin ta’ dan l-Istat terz, liema qorti għandha tiddeċiedi fid-dawl tal-aħjar interessi tal-minuri. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.
( 2 ) Trattat irratifikat bid-Digriet Nru 784 tad-Durzhavniya suvet (il-Kunsill tal-Istat, il-Bulgarija) tal‑15 ta’ April 1975 (DV Nru 33, tal‑25 ta’ April 1975) u ppubblikat fid-DV Nru 12, tal‑10 ta’ Frar 1976 (rettifika fid-DV Nru 17, tat‑28 ta’ Frar 2014), li jorbot lir-Repubblika tal-Bulgarija mal-Federazzjoni Russa (iktar ’il quddiem it-“Trattat Russu‑Bulgaru”).
( 3 ) Regolament tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (ĠU 2019, L 178, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell IIb”).
( 4 ) Ir-Renju tad-Danimarka ma huwiex suġġett għar-Regolament Brussell IIb (ara l-premessa 96 ta’ dan ir-regolament).
( 5 ) Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili fis-Sekwestru Internazzjonali ta’ Minuri, konkluża f’Den Haag fil‑25 ta’ Ottubru 1980.
( 6 ) Konvenzjoni fuq il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, Rikonoxximent, Infurzar u Kooperazzjoni dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, konkluża f’Den Haag fid‑19 ta’ Ottubru 1996 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996”).
( 7 ) DV Nru 275, tat‑22 ta’ Novembru 1950.
( 8 ) DV Nru 59, tal‑20 ta’ Lulju 2007.
( 9 ) DV Nru 47 tat‑23 ta’ Ġunju 2009.
( 10 ) Imwielda fl‑2005 u fl‑2008, rispettivament, waħda minnhom issa laħqet l-età maġġuri, kif ġie ppreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta.
( 11 ) DV Nru 42 tas‑17 ta’ Mejju 2005.
( 12 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”).
( 13 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).
( 14 ) Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali jistgħu jadixxu lil din tal-aħħar biss jekk tilwima tkun pendenti quddiemhom u jekk ikunu mitluba jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja. Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Fautromb (C‑368/23, EU:C:2024:789, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Ara, f’proċedura bħal din, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Schneider (C‑386/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza Schneider, EU:C:2013:633, punti 10 sa 12). Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, li għandha bħala suġġett il-bejgħ ta’ proprjetà ta’ persuna maġġuri mqiegħda taħt l-awtorità tal-kuratur, il-proċedura implimentata kienet simili għal dik tal-kawża prinċipali. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 16 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punti 17 u 18).
( 17 ) Fir-rigward tal-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji, b’mod partikolari fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni, ara l-ġurisprudenza nazzjonali ċċitata mill-qorti tar-rinviju u, b’mod partikolari, id-digriet mogħti preċedentement f’din il-kawża (ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Ara, ukoll, is-sentenza Schneider (punt 12).
( 18 ) Din il-kundizzjoni espressament tfakkret mill-qorti tar-rinviju f’nota li hija bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja wara l-preżentata tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 16 tar-Regolament Brussell IIb. Ara, barra minn hekk, dwar l-elementi ta’ evalwazzjoni li għandhom jiġu eżaminati, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, dwar is-sitwazzjoni f’din il-kawża, fejn l-interessi tal-minuri jistgħu jkunu differenti minn dawk tar-rappreżentant legali tagħhom, il-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 19 ) Ara l-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Brussell IIb. Għall-kuntrarju, huma esklużi, għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu IV, il-miżuri provviżorji jew protettivi ordnati minn qorti mingħajr ma l-konvenut ikun irċieva taħrika biex jidher, sakemm id-deċiżjoni li jkun fiha l-miżura ma tiġix innotifikata lill-konvenut qabel l-eżekuzzjoni.
( 20 ) Ara Compétence et exécution des jugements en Europe, Règlements 44/2001 et 1215/2012, Conventions de Bruxelles (1968) et de Lugano (1988 et 2007), is-seba’ edizzjoni, Librairie générale de droit et de jurisions, il-ġabra “Droit des affaires”, Pariġi, 2024, punt 425 (p. 636 u 637).
( 21 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Matoušková (C‑404/14, EU:C:2015:653, punt 20), u tad‑19 ta’ April 2018, Saponaro u Xylina (C‑565/16, EU:C:2018:265, punt 10). Ara, barra minn hekk, is-sentenza tat‑30 ta’ Marzu 2023, M. Ya. M. (Rinunzja għas-suċċessjoni ta’ kowerriet) (C‑651/21, EU:C:2023:277, punti 15 u 16, li fihom huma mfakkra regoli ta’ proċedura Bulgari li jirregolaw l-iżvolġiment tal-proċedura mhux kontenzjuża).
( 22 ) Fl-ewwel u fit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għar-Regolament Brussell IIb, għar-Regolament Ruma I u għar-Regolament Nru 1215/2012. Jiena ser neskludi mill-analiżi tiegħi t-tieni regolament, li ma huwiex relatat mal-ġurisdizzjoni internazzjonali. Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 23 ) C‑404/14, EU:C:2015:653.
( 24 ) Ara s-sentenza Schneider (punt 23). Is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) ġiet adita skont dispożizzjonijiet simili għal dawk applikabbli fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, konformement mad-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 168(2), l-Artikolu 165(4) u l-Artikolu 130(3) tal-Kodiċi tal-Familja, l-atti ta’ trasferiment ta’ proprjetajiet immobbli li jappartjenu għal persuni ddikjarati parzjalment inkapaċi jistgħu jsiru permezz tal-awtorizzazzjoni tar-Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali) li fih huma ddomiċiljati dawn il-persuni, jekk l-att ta’ trasferiment ma jmurx kontra l-interessi tagħhom (ara s-sentenza Schneider (punt 7)).
( 25 ) Ara s-sentenza Schneider (punt 25).
( 26 ) Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).
( 27 ) Ara s-sentenza Schneider (punti 26, 28 u 31).
( 28 ) Regolament tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243). Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Matoušková (C‑404/14, EU:C:2015:653, punti 29 u 31), f’każ ta’ talba għal approvazzjoni mill-qorti tat-tutela ta’ ftehim ta’ suċċessjoni konkluż f’isem il-minuri. B’riferiment għal dik id-deċiżjoni, l-istess soluzzjoni ġiet adottata fis-sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Saponaro u Xylina (C‑565/16, EU:C:2018:265, punti 17 sa 19), dwar talba għal awtorizzazzjoni mressqa minn ġenituri f’isem il-wild minuri tagħhom intiża għar-rinunzja ta’ suċċessjoni.
( 29 ) Ara, bħala eżempju, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Matoušková (C‑404/14, EU:C:2015:653, punt 37), kif ukoll tad‑19 ta’ April 2018, Saponaro u Xylina (C‑565/16, EU:C:2018:265, punt 20).
( 30 ) Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 31 ) Skont din id-dispożizzjoni, “[j]ekk l-eżitu ta’ proċedimenti f’materja li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament quddiem qorti ta’ Stat Membru jiddependi fuq id-determinazzjoni ta’ kwistjoni inċidentali marbuta mar-responsabbiltà tal-ġenituri, qorti f’ dak l-Istat Membru tista’ tiddetermina dik il-kwistjoni għall-finijiet ta’ dawk il-proċedimenti anke jekk dak l-Istat Membru ma jkollux ġurisdizzjoni skont dan ir-Regolament”.
( 32 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 34 ) Ara wkoll il-premessa 32 tar-Regolament Brussell IIb fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet konkreti li jingħataw bħala eżempju. Nippreċiża li l-Artikolu 16(3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, “[j]ekk il-validità ta’ att legali mwettaq jew li għandu jitwettaq f’isem minuri fi proċedimenti dwar suċċessjoni quddiem qorti ta’ Stat Membru tirrikjedi permess jew approvazzjoni minn qorti, qorti f’dak l-Istat Membru tista’ tiddeċiedi jekk tippermettix jew tapprovax tali att legali anke jekk ma jkollhiex ġurisdizzjoni skont dan ir-Regolament”. Minħabba s-sitwazzjoni partikolari msemmija f’din id-dispożizzjoni (ara l-premessa 33 tal-imsemmi regolament), għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.
( 35 ) Ara l-kummentarju dwar din id-dispożizzjoni ta’ Jault-Seseke, F., f’Corneloup, S., Gallant, E., Égéa, V., u Jault-Seseke, F., Divorce, responsabilité parentale, enlèvement international; Commentaire du règlement 2019/1111 du 25 juin 2019 (Bruxelles II ter), Bruylant, Brussell, 2023, p. 219 sa 231, b’mod partikolari p. 221 et seq. u, b’mod partikolari, il-punti 10 u 13. Ara wkoll Garber, T., “Article 10 – Choice of court”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., European Commentaries on Private International Law, Brussels II ter Regulation, Otto Schmidt, Köln, 2023, p. 169 sa 184, b’mod partikolari l-punti 9, 10, 16, 17, 18 u 22 (p. 173 sa 176). Fil-fehma tiegħi, dan l-Artikolu 10 jista’ jiġi interpretat fis-sens li japplika f’każ ta’ għażla mill-persuna jew mill-persuni kkonċernati biss fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża, speċjalment bħala rappreżentant legali tal-wild. Ara, f’dan ir-rigward, fir-rigward tal-konstatazzjonijiet misluta mill-proċedura fil-kawża prinċipali, il-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll is-soluzzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Matoušková (C‑404/14, EU:C:2015:653, punti 35 sa 37), u tad‑19 ta’ April 2018, Saponaro u Xylina (C‑565/16, EU:C:2018:265, punt 40), abbażi tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jistgħu jiġu trasposti minħabba l-ekwivalenza tiegħu mal-Artikolu 10 tar-Regolament Brussell IIb u f’każ fejn ġenitur wieħed biss ikun ir-rappreżentant legali ta’ wliedu.
( 36 ) Kif tippreċiża l-qorti tar-rinviju, din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit internet ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja.
( 37 ) Il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) ippreċiżat fid-deċiżjoni tagħha li, konformement mal-Artikolu 65(1) tal-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat, il-kisba kif ukoll l-estinzjoni ta’ drittijiet in rem u tal-pussess huma rregolati mid-dritt tal-Istat li fih tinsab il-proprjetà. Din id-dispożizzjoni ma hijiex iċċitata mill-qorti tar-rinviju.
( 38 ) Ara, barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni fl-Artikolu 25(6) tat-Trattat Russu‑Bulgaru, li jipprevedu wkoll il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet tal-parti kontraenti li l-minuri huwa ċittadin tagħha.
( 39 ) Ara wkoll il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fil-gwida prattika tagħha għall-applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIb, ippubblikata fl‑2023, punt 9.2 (p. 208): “Ir-Regolament [Brussell IIb] ma jaffettwa l-ebda konvenzjoni bilaterali konkluża bejn Stat Membru u pajjiż terz li tirregola kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament. L-istess japplika għall-konvenzjonijiet multilaterali, sa fejn ir-regoli speċjali [ta’ dan] ir-Regolament stabbiliti fl-Artikoli 95‑99 ma jipprevedux mod ieħor. Dan l-eżitu jirriżulta mill-obbligi internazzjonali li qabel kienu ttieħdu mill-Istat Membru inkwistjoni (ara l-Premessa 91 u l-Artikolu 351 tat-TFUE).”
( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2024, Energotehnica (C‑792/22, EU:C:2024:788, punt 42).
( 41 ) Sa fejn dan l-artikolu ssostitwixxa l-Artikolu 307 KE bħala s-suċċessur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 234 KEE, l-interpretazzjoni tagħhom mill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti fis-seħħ attwalment.
( 42 ) F’regolamenti oħra fil-qasam tal-kooperazzjoni ċivili, il-leġiżlatur tal-Unjoni pproċeda b’mod differenti. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża OP (Għażla tal-liġi ta’ Stat terz għas-suċċessjoni) (C‑21/22, EU:C:2023:247, punt 30).
( 43 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża OP (Għażla tal-liġi ta’ Stat terz għas-suċċessjoni) (C‑21/22, EU:C:2023:247, nota ta’ qiegħ il-paġna 20).
( 44 ) Ara, bħala tfakkira li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE jikkostitwixxi regola li tista’, meta l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tiegħu jkunu ssodisfatti, tippermetti derogi mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż tad-dritt primarju, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Sentenza tal-Qorti Suprema) (C‑516/22, EU:C:2024:231, punti 59 u 78, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 45 ) Il-Gvern Ungeriż ippreċiża li, “[b]ħall-Bulgarija, l-Ungerija kkonkludiet mal-ex pajjiżi soċjalisti diversi trattati bilaterali ta’ assistenza ġudizzjarja li għadhom fis-seħħ sal-lum. Dawn huma trattati ta’ natura ġenerali li jirregolaw, fl-oqsma kollha tad-dritt ċivili, il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet kif ukoll in-notifika ta’ dokumenti u l-produzzjoni tal-provi, u li spiss ikopru wkoll il-qasam ta’ kooperazzjoni f’materji kriminali”. Għall-kuntrarju ta’ dawn it-trattati, ir-Regolament Brussell IIb ma fih l-ebda dispożizzjoni dwar il-liġi applikabbli fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (ara l-premessa 92 ta’ dan ir-regolament għar-riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996).
( 46 ) Għalhekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jinżamm mal-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju. Ara wkoll il-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet għal elementi ta’ informazzjoni misluta mit-Trattat Russu‑Bulgaru li magħhom jista’ jiżdied li, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan it-trattat, iċ-ċittadini ta’ parti kontraenti jgawdu, fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, fir-rigward tad-drittijiet personali u patrimonjali tagħhom, l-istess protezzjoni ġuridika bħaċ-ċittadini ta’ din il-parti kontraenti. Ara, barra minn hekk, il-punt 66 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet għal preċiżazzjonijiet dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996.
( 47 ) Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 48 ) Dan l-artikolu jipprovdi li, “[s]a fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt ma ntgħażlitx skond l-Artikolu 3 u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 sa 8, il-liġi li tirregola l-kuntratt għandha tkun determinata kif ġej: […] kuntratt relatat ma’ dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew ma’ kiri ta’ proprjetà immobbli għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih tkun tinsab il-proprjetà”. Ir-riferiment għal dan l-artikolu jista’ jinqara bħala li jsostni l-motivazzjoni fondata fuq il-liġi applikabbli, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li din ir-referenza kienet żbaljata (ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 49 ) Dwar din it-tieni kundizzjoni għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 351 TFUE, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Sentenza tal-Qorti Suprema) (C‑516/22, EU:C:2024:231, punti 63 u 64).
( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑546/07, EU:C:2010:25, punt 43), kif ukoll id-digriet tal‑5 ta’ Settembru 2019, Caisse pour l’avenir des enfants (C‑801/18, EU:C:2019:684, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 51 ) Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-qorti nazzjonali li għandha tikkonstata l-obbligi li konvenzjoni internazzjonali preċedenti timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat u li tippreċiża l-limiti tagħha b’mod li jippermetti li jiġi ddeterminat sa fejn dawn l-obbligi jostakolaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni. Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Levy (C‑158/91, EU:C:1993:332, punt 21).
( 52 ) Ara, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat Russu‑Bulgaru, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 53 ) Din il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Frar 2007 fil-Bulgarija u fl‑1 ta’ Ġunju 2013 fir-Russja (ara, fuq din il-kjarifika li tikkonċerna dan l-Istat, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, CC (Trasferiment tar-residenza abitwali tal-wild lejn Stat terz) (C‑572/21, EU:C:2022:562, punt 3)). Skont l-Artikolu 55(1) tal-imsemmija konvenzjoni, “Stat kontraenti jista’, konformement mal-Artikolu 60: a) jirriżerva l-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet tiegħu li jieħdu miżuri għall-ħarsien tal-proprjetà tal-minuri li tinsab fit-territorju tiegħu; b) jirriżerva d-dritt li ma jirrikonoxxix ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew miżura li tkun inkompatibbli ma’ miżura meħuda mill-awtoritajiet tiegħu fir-rigward ta’ din il-proprjetà” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Nirrileva li, pereżempju, il-Polonja esprimiet l-istess riżervi. Dan ma huwiex il-każ għall-applikazzjoni tal-istess konvenzjoni li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2006 fl-Ungerija.
( 54 ) Għandu jinqara mal-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 55 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem) (C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 56 ) C‑533/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza TNT, EU:C:2010:243.
( 57 ) C‑21/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza OP, EU:C:2023:766.
( 58 ) Din il-konvenzjoni multilaterali ġiet iffirmata f’Genève fid‑19 ta’ Mejju 1956. Hija ġiet emendata bil-Protokoll iffirmat f’Genève fil‑5 ta’ Lulju 1978 (iktar ’il quddiem iċ-“CMR”).
( 59 ) Ara s-sentenza TNT (punt 41).
( 60 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża OP (Għażla tal-liġi ta’ Stat terz għas-suċċessjoni) (C‑21/22, EU:C:2023:247, punti 40, 41, 43 u 49).
( 61 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140).
( 62 ) Sentenza OP (punt 37). Ara, fl-istess sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża OP (Għażla tal-liġi ta’ Stat terz għas-suċċessjoni) (C‑21/22, EU:C:2023:247, punti 63 u 79).
( 63 ) Fis-sentenza TNT, dan huwa r-Regolament Nru 44/2001. Sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 ħassar u ssostitwixxa dan ir-regolament, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali ffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (ĠU 1998, C 27, p. 1), l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ wieħed minn dawn l-istrumenti ġuridiċi tapplika wkoll għal dawk tal-oħrajn, meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Gjensidige (C‑90/22, EU:C:2024:252, punt 40). Fis-sentenza OP, dan huwa r-Regolament Nru 650/2012.
( 64 ) Fl-Artikolu 71(1) ta’ kull wieħed mir-Regolamenti Nri 44/2001 u 1215/2012, jissemmew il-konvenzjonijiet “li b’relazzjoni għal kwistjonijiet partikolari, [jirregolaw i]l-ġurisdizzjoni jew ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi”. Fl-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 650/2012, isir riferiment għall-konvenzjonijiet internazzjonali “li jittrattaw kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament”. Fuq il-konstatazzjoni tal-analoġija ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li jinsabu wkoll fi strumenti oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, ara s-sentenza OP (punt 28).
( 65 ) Ara l-Artikolu 73(3) tar-Regolament Nru 1215/2012, mingħajr ekwivalenti fir-Regolament Nru 44/2001, li jirrigwarda l-konvenzjonijiet u l-ftehimiet bilaterali konklużi bejn Stat terz u Stat Membru qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.
( 66 ) Ara s-sentenza TNT (punt 46, li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għaliha b’analoġija fis-sentenza OP (punt 26), bħalma għamlet, l-aħħar, fis-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2024, Gjensidige (C‑90/22, EU:C:2024:252, punt 41)).
( 67 ) Ara s-sentenza TNT (punt 47, li jgħid li, “minkejja l-ispjegazzjoni mogħtija fil-premessa 25 tar-Regolament Nru 44/2001 li tgħid li l-konvenzjonijiet speċjali ma humiex affettwati sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu josservaw l-impenji internazzjonali tagħhom lejn Stati terzi, il-leġiżlatur ried ukoll jimponi, bl-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament, l-applikazzjoni ta’ dawn il-konvenzjonijiet fi ħdan l-Unjoni nnifisha”).
( 68 ) L-arranġamenti previsti fid-dritt sekondarju jistgħu jsiru biss fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Sentenza tal-Qorti Suprema) (C‑516/22, EU:C:2024:231, punt 61).
( 69 ) Ara, bħala tfakkira, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Emiliou fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Sentenza tal-Qorti Suprema) (C‑516/22, EU:C:2023:857, punt 114).
( 70 ) Ara l-punt 49 ta’ dik is-sentenza, fir-rigward ta’ każ ta’ kompetizzjoni bejn ir-Regolament Nru 44/2001 u ċ-CMR.
( 71 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret “[i]l-prinċipji […] tal-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, ta’ prevedibbiltà tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u, għaldaqstant, ta’ ċertezza legali għall-individwi, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ta’ tnaqqis kemm jista’ jkun tar-riskju ta’ proċedimenti simultanji, kif ukoll ta’ fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni”.
( 72 ) Ara s-sentenza TNT (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, bħala tfakkira ta’ dan il-prinċipju, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Sentenza tal-Qorti Suprema) (C‑516/22, EU:C:2024:231, punt 61).
( 73 ) C‑452/12, EU:C:2013:858, punti 24 u 40 kif ukoll il-punti 36 u 41.
( 74 ) C‑90/22, EU:C:2024:252, punti 37 u 45.
( 75 ) C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 38.
( 76 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 41).
( 77 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 42).
( 78 ) Għandha tinqara mad-domandi li jirrigwardaw is-sentenzi l-oħra ċċitati fil-punti 81 u 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 79 ) Ara s-sentenza OP (punti 11 u 25).
( 80 ) Korsiv miżjud minni. Sa fejn naf jien, din l-espressjoni hija ġdida fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, b’paragun, is-sentenzi ċċitati fil-punti 80 sa 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 81 ) Sentenza OP (punt 29).
( 82 ) Ara s-sentenza OP (punti 30 sa 36).
( 83 ) Ara s-sentenza OP (punt 37). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex għalfejn tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE minħabba li hija qieset li la l-possibbiltà li tintgħażel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħha, u lanqas l-assenza ta’ konkordanza tal-ġurisdizzjoni u tal-liġi applikabbli ma huma f’kunflitt ma’ prinċipju sottostanti tar-Regolament Nru 650/2012 (ara l-punti 33 u 34 ta’ dik is-sentenza).
( 84 ) Ara s-sentenza OP (punti 26 u 27, dwar il-prinċipju fformulat fl-Artikolu 75(1) tar-Regolament Nru 650/2012 li jafferma mill-ġdid, għall-Istati terzi, il-prinċipju stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 351 TFUE). Ara wkoll il-punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 85 ) Ara s-sentenza OP (punti 28 u 29).
( 86 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża OP (Għażla tal-liġi ta’ Stat terz għas-suċċessjoni) (C‑21/22, EU:C:2023:247, punti 48 u 49).
( 87 ) Fis-sentenza OP, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet fin-negattiv għal din id-domanda. Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, din id-dispożizzjoni ma tapplikax. Ara, b’mod partikolari, dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza TNT għall-applikazzjoni tal-Artikolu 31(2) u (3) taċ-CMR, il-punt 56 ta’ din is-sentenza.
( 88 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Sentenza tal-Qorti Suprema) (C‑516/22, EU:C:2024:231, punt 60).
( 89 ) L-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona enfasizza dan l-element kruċjali tar-riflessjoni fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża OP (Għażla tal-liġi ta’ Stat terz għas-suċċessjoni) (C‑21/22, EU:C:2023:247, punt 48 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 biex juri din il-problema). Bl-istess mod, nikkunsidra li d-domanda tista’, fil-kawża ineżami, jekk jiġi preżunt li l-qrati Russi jadottaw l-istess interpretazzjoni bħal dik tal-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), tiġi ppreżentata b’mod konkret kif ġej: kif jista’ jiġi ġġustifikat li, unikament minħabba r-residenza tagħhom fi Stat Membru, iċ-ċittadini Russi li jippossjedu proprjetà immobbli fil-Bulgarija ma jistgħux jistrieħu fuq iċ-ċertezza legali li tirriżulta mill-applikazzjoni tat-Trattat Russu‑Bulgaru, li jgħid li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli u l-liġi applikabbli hija dik ta’ dan il-forum? Kif jista’ jiġi ġġustifikat li, fil-qafas ta’ dawn l-istess regoli, iżda fir-rigward ta’ ċittadini Bulgari li għandhom proprjetà immobbli fir-Russja, li jirrisjedu fi Stat Membru, id-deċiżjoni meħuda fir-Russja abbażi tad-dritt Russu ma għandhiex tiġi rikonoxxuta fil-Bulgarija?
( 90 ) Ara wkoll, għal kwistjoni ta’ kompetenza fi ħdan l-Unjoni, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition (C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 41).
( 91 ) Ara l-premessi 19 u 20, kif ukoll l-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell IIb. Ara wkoll il-kummentarju dwar dan l-artikolu minn Jault-Seseke, F., f’Corneloup, S., Gallant, E., Égéa, V., u Jault-Seseke, F., op. cit., p. 193 sa 201, b’mod partikolari p. 194 u 195.
( 92 ) Ara l-Artikolu 10 tar-Regolament Brussell IIb u l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 93 ) Ara l-Artikolu 12 tar-Regolament Brussell IIb. Huwa jipprevedi l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari. Fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu huwa ppreċiżat dan il-kunċett ta’ “konnessjoni partikolari”. Fil-punt (e) ta’ dan il-paragrafu, huwa previst li “[j]kun il-post fejn tinstab il-proprjetà tal-minuri u l-każ jikkonċerna miżuri għall-protezzjoni tal-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew id-disponiment ta’ dik il-proprjetà”. Ara wkoll l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Skont dan, qorti ta’ Stat Membru, li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 12(4) tal-imsemmi regolament, tista’ titlob lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza abitwali tal-minuri sabiex tittrasferixxi l-ġurisdizzjoni lilha, jekk hija tqis li hija tkun fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa x’inhu l-aħjar interess tal-minuri f’kawża partikolari.
( 94 ) Ara l-Artikolu 12(4)(e) tar-Regolament Brussell IIb imfakkar fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Permezz ta’ applikazzjoni kkombinata ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, il-qorti tal-Istat Membru fejn jinsabu l-proprjetajiet li jappartjenu lil minuri għandha l-possibbiltà li tinvoka l-ġurisdizzjoni tagħha, mingħajr ma jkun meħtieġ li tkun inbdiet proċedura quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru. Ara, f’dan is-sens, Jault-Seseke, F., “Article 13 – Demande de transfert de compétence par une juridiction d’un État membre qui n’est pas compétente”, f’Corneloup, S., Gallant, E., Égéa, V., u Jault-Seseke, F., op. cit., p. 249 sa 251, b’mod partikolari l-punti 3 u 4 (p. 250); kif ukoll Garber, T., “Article 13 – Request for transfer of jurisdiction by a court of a Member State not having jurisdiction”, f’Magnus, U., u Mankowski, P., op. cit., p. 211 sa 213, b’mod partikolari l-punt 6 (p. 213), u l-gwida prattika tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIb, punt 3.3.1 (p. 74).
( 95 ) F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li l-qorti tal-Istat fejn tinsab il-proprjetà immobbli tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi patrimonjali tal-minuri għal raġunijiet ta’ prossimità, peress li għandhom jiġu vverifikati b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà jew għall-partijiet indiviżi tagħhom fuq il-proprjetà immobbli inkwistjoni, il-karatteristiċi tiegħu skont it-titolu ta’ proprjetà, kif ukoll il-pjanti u l-valutazzjoni ta’ din il-proprjetà immobbli fis-suq, filwaqt li tiġi ordnata, jekk meħtieġa, perizja. L-awtorizzazzjoni tal-bejgħ tingħata bil-kundizzjoni li l-prezz tal-bejgħ ma jkunx inqas mill-prezz tas-suq. Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikors għandu bħala bażi minima l-valutazzjoni fiskali tal-proprjetajiet.
( 96 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Ferrari (C‑720/18 u C‑721/18, EU:C:2020:854, punt 68).
( 97 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Ferrari (C‑720/18 u C‑721/18, EU:C:2020:854, punt 69).