|
9.10.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/18 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1687
tat-8 ta’ Ottubru 2019
li jemenda l-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2179 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1),
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2179 tat-22 ta’ Novembru 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,
Billi:
A. MIŻURI FIS-SEĦĦ
|
(1) |
Fit-12 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill impona, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 (3) (“l-investigazzjoni oriġinali”), dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika (“il-prodott ikkonċernat”) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”). Minħabba l-għadd kbir ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw fiċ-Ċina matul l-investigazzjoni oriġinali, intgħażel kampjun ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi u rati individwali ta’ dazju ad valorem li jvarjaw minn 13,9 % (4) għal 36,5 % ġew imposti fuq il-kumpaniji inklużi fil-kampjun, filwaqt li kumpaniji oħra li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun ingħataw rata ta’ dazju ta’ 30,6 %. Id-dazju residwu impost fuq il-produtturi esportaturi Ċiniżi li ma kkooperawx kien jammonta għal 69,7 %. |
|
(2) |
Fit-22 ta’ Novembru 2017, wara rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni ddeċidiet, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2179, li żżomm fis-seħħ id-dazji antidumping. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2179, il-Kummissjoni tista’ temenda l-Anness I ta’ dak ir-Regolament billi tagħti lil produttur esportatur ġdid ir-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun jew li ma ngħatawx trattament individwali, jiġifieri r-rata tad-dazju medja ponderata ta’ 30,6 %, meta dak il-produttur esportatur ġdid fir-RPĊ jagħti biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni. |
B. TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID
|
(4) |
F’Ottubru 2018, il-kumpanija Zhuhai Xuri Ceramics Co., Ltd (“l-applikant”) ippreżentat ruħha, wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2179 u ressqet talba biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid u għalhekk tkun soġġetta għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ li mhumiex inklużi fil-kampjun jew li ma ngħatawx trattament individwali, jiġifieri 30,6 %. L-applikant iddikjara li huwa jissodisfa t-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2179. |
|
(5) |
Sabiex tiddetermina jekk l-applikant issodisfax dawn il-kriterji, il-Kummissjoni talbet lill-applikant biex jimla kwestjonarju. Wara l-analiżi tat-tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-applikant kien ipprovda informazzjoni suffiċjenti u ma talbitx aktar evidenza ta’ sostenn. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni nnotifikat lill-industrija tal-Unjoni dwar it-talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid u tatha l-opportunità tikkummenta. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment. |
C. ANALIŻI TAT-TALBA
|
(7) |
Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2179, l-ewwel kriterju, il-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa r-reġistru tal-bejgħ tal-applikant li jkopri l-perjodu tal-investigazzjoni. Ir-reġistru kien jirrifletti biss il-bejgħ domestiku. |
|
(8) |
Wara verifika ulterjuri ta’ data oħra tal-bejgħ, tal-istatistika u tad-dokumentazzjoni doganali tal-UE, ma nstabet l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li l-applikant esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni qabel jew matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Għalhekk, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant issodisfa l-ewwel kriterju. |
|
(9) |
Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2179, it-tieni kriterju, il-Kummissjoni nnutat li l-istruttura korporattiva tal-applikant fiha għaxar kumpaniji relatati. Tnejn minn dawk il-kumpaniji relatati kienu involuti fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni iżda kienu joperaw fuq livell domestiku biss. Abbażi tal-evidenza pprovduta ma ġiet identifikata l-ebda rabta kummerċjali jew operazzjonali oħra ma’ esportaturi jew produtturi mir-RPĊ li huma soġġetti għal miżuri antidumping fis-seħħ. Ħamsa minn dawk il-kumpaniji relatati nħolqu wara l-perjodu tal-investigazzjoni u t-tlieta l-oħra ma kienu involuti fl-ebda attività kummerċjali li tikkonċerna l-prodott ikkonċernat. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant issodisfa t-tieni kriterju. |
|
(10) |
Rigward il-kundizzjoni stabbilita fil-punt (c) tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2179, it-tielet kriterju, abbażi tal-evidenza dokumentarja pprovduta, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant ma kienx esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu tal-investigazzjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, l-applikant ipprovda evidenza ta’ ftehimiet kuntrattwali irrevokabbli ta’ bejgħ ta’ kwantitajiet sinifikanti tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant issodisfa t-tielet kriterju. |
|
(11) |
L-industrija tal-Unjoni ma pprovdiet l-ebda evidenza/informazzjoni li tindika li xi waħda mit-tliet kriterji ma ġietx issodisfata mill-applikant. |
D. KONKLUŻJONI
|
(12) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant issodisfa t-tliet kriterji mitluba sabiex jingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid. Għalhekk, l-isem tal-applikant għandu jiżdied mal-lista ta’ produtturi li kkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun jew li mhumiex mogħtija trattament individwali elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2179. |
E. DIVULGAZZJONI
|
(13) |
L-applikant u l-industrija tal-Unjoni ġew infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom tqies xieraq li tingħata r-rata tad-dazju antidumping applikabbli għall-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkoperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun lil Zhuhai Xuri Ceramics Co., Ltd. |
|
(14) |
Il-partijiet ngħataw il-possibbiltà li jippreżentaw kummenti li tqiesu kif xieraq fejn meħtieġ. |
|
(15) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-lista ta’ produtturi Ċiniżi li kkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun jew li mhumiex mogħtija trattament individwali fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2179:
|
Isem |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
Zhuhai Xuri Ceramics Co., Ltd |
C505 |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) ĠU L 307, 23.11.2017, p. 25.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011 tat-12 ta’ Settembru 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 238, 15.9.2011, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 ġie sussegwentement emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/409 tal-11 ta’ Marzu .2015.