|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/6709 |
16.12.2025 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(C/2025/6709)
Wara din il-pubblikazzjoni, fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
“Ostkustströmming”
Nru tal-UE: PDO-SE-03050 — 18.12.2023
DOP (X) IĠP ( )
1. Isem/Ismijiet
“Ostkustströmming”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
L-Iżvezja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.7. Ħut frisk, molluski, krustaċji u prodotti derivati minnhom
03 – ĦUT U KRUSTAĊJI, MOLLUSKI U INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN
0302 - Ħut, frisk jew imkessaħ, ħlief il-fletti tal-ħut u laħam ieħor tal-ħut tal-intestatura Nru 0304
0303 - Ħut, iffriżat, ħlief il-fletti tal-ħut u laħam ieħor tal-ħut tal-intestatura Nru 0304
0304 - Fletti tal-ħut u laħam ieħor tal-ħut (kemm jekk kapuljat u kemm jekk le), frisk, imkessaħ jew iffriżat
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
L-“Ostkustströmming” jikkonsisti minn eżemplari li jinqabdu fis-selvaġġ tal-ħut Clupea harengus miż-żona ġeografika, li hija parti mill-Baħar Baltiku. Il-ħuta tleqq u normalment tkun twila bejn 12 u 25 cm, iżda d-daqs jista’ jvarja. Il-ħut irid jinqabad jew permezz ta’ rkaptu passiv bħall-għeżula, għeżula tat-tħabbil, xlief tal-idejn, xbieki mirfudin f’post fiss u rkaptu tat-trejjix jew bi xbieki tat-tkarkir li d-daqs tal-malja tagħhom ikun akbar minn 32 mm. Barra minn hekk, il-ħut irid jinħatt l-art u jintgħażel fi żmien 24 siegħa minn meta jitbattal l-irkaptu tas-sajd.
L-“Ostkustströmming” jista’ jinbiegħ sħiħ jew iffilettjat, jew bħala ħut tond.
Kontenut nutrittiv f’kull 100 g
|
Enerġija (kcal) |
130–170 |
|
Xaħam (g) |
7–10 |
|
Proteina (g) |
18–24 |
Is-sawra u t-togħma tal-“Ostkustströmming” huma influwenzati parzjalment mill-kontenut ta’ xaħam u parzjalment mill-kompożizzjoni tal-aċidi grassi, fejn jippredominaw l-aċidi grassi singoli u poliinsaturati ta’ tul C18 (primarjament l-aċidu olejku).
Il-karatteristiċi organolettiċi tal-“Ostkustströmming” jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
Aroma: Riħa moderata ta’ baħar meta jkun nej, wara li jinqela inkluż l-umami
Sawra: Nofsu mdewweb (nej), wara li jinqela jkun iebes, xott u jitfarrak
Togħma: Togħma ħafifa b’korp kbir ta’ umami, b’noti ħelwin tal-baħar, ta’ gajdra, ta’ krema u tal-metall meta jkun nej, u wara li jinqela jkollu togħma ħafifa pura ta’ umami u ta’ krema
Il-kulur tal-laħam huwa ċar, ftit trasparenti, jagħti fir-roża. Meta jissajjar, il-laħam isir ta’ kulur abjad għal griż.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
-
3.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
L-“Ostkustströmming” jista’ jitkessaħ mingħajr ma jiġi evixxerat. Jista’ wkoll jiġi evixxerat u mbagħad jitkessaħ jew jiġi ffriżat, jew jitqatta’ fi flettijiet u mbagħad jitkessaħ. Il-flettijiet jistgħu jiġu ffriżati wkoll. L-operazzjonijiet kollha jridu jsiru fiż-żona ġeografika.
L-“Ostkustströmming” sħiħ (mhux iffilettjat) ma jistax jiġi ffriżat barra miż-żona ġeografika jekk ikun se jinbiegħ bl-isem “Ostkustströmming”.
3.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Minbarra l-informazzjoni meħtieġa mil-liġi, kull lott tal-“Ostkustströmming” irid jiġi ttikkettat bl-isem “Ostkustströmming”, id-data tal-qabda u n-numru tal-ID tas-sajjied.
4. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika tmiss min-Nofsinhar ma’ Kristianopel fl-Istrett ta’ Kalmar u hija linja dritta mil-Lvant mal-limitu taż-żona ekonomika Żvediża, mil-Lvant maż-żona ekonomika Żvediża, mit-Tramuntana ma’ linja dritta mil-Lvant minn Öregrund saż-żona ekonomika Żvediża u mill-Punent max-xtajta u mal-komunitajiet tagħha (jiġifieri inkluż l-art l-eqreb tal-baħar – sa kilometru mill-kosta).
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta bejn iż-żona ġeografika u l-karatteristiċi tal-“Ostkustströmming” hija bbażata kemm fuq il-kundizzjonijiet naturali taż-żona kif ukoll fuq il-fatturi umani.
■ Kundizzjonijiet naturali
Il-Baħar Baltiku huwa l-akbar baħar salmastru fid-dinja, fejn l-ilma huwa nofs triq bejn ilma salmura tal-oċean u l-ilma ħelu tal-lagi u tax-xmajjar. Il-melħ fil-Baħar Baltiku joriġina mill-influss ta’ ilma salmura permezz tal-Istrett ta’ Sound u l-Great u l-Little Belts fiż-żona bejn Skåne u Jutland. L-influss tal-ilma salmura fil-Baħar Baltiku jvarja minn sena għal oħra skont it-temp u r-riħ. Mill-Baħar tat-Tramuntana san-naħa ta’ ġewwa nett tal-Golf tal-Botnja jista’ jiġi osservat gradjent salin ċar.
Is-salinità baxxa, flimkien ma’ fatturi bħat-temperatura tal-ilma u d-dieta, ifissru li l-istokkijiet tal-aringa tal-Baltiku fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar Åland juru differenzi ġenetiċi u morfoloġiċi meta mqabbla kemm mal-aringa tal-Baltiku mill-Baħar tal-Botnja u mill-Golf tal-Botnja, kif ukoll mal-aringa tal-Atlantiku mill-baċir ewlieni tal-Baltiku, minkejja li hija kklassifikata bħala l-istess speċi (Clupea harengus). Pereżempju, l-aringa tal-Baltiku preżenti fiż-żona ġeografika għandha aktar vertebri mill-aringa li tinsab tul il-kosta ta’ Norrland. Is-salinità baxxa taż-żona ġeografika tfisser li l-“Ostkustströmming” huwa akbar fid-daqs min-Norrländska strömming iżda iżgħar mill-aringa tal-Atlantiku. It-togħma wkoll hija differenti mit-tipi l-oħrajn ta’ aringa. L-“Ostkustströmming” għandu togħma ħafifa b’korp kbir ta’ umami u b’noti ħelwin tal-baħar, ta’ gajdra, ta’ krema u tal-metall meta jkun nej, u wara li jinqela, għandu togħma ħafifa pura ta’ umami u ta’ krema.
Id-differenzi fit-togħma u fis-sawra huma dovuti għad-differenzi fil-kompożizzjoni tal-aċidi grassi. It-togħma tal-“Ostkustströmming” hija influwenzata mill-kontenut ta’ xaħam u mill-kompożizzjoni tal-aċidi grassi, fejn jippredominaw l-aċidi grassi singoli u poliinsaturati ta’ tul C18 (primarjament l-aċidu olejku).
L-“Ostkustströmming” huwa differenti sew mill-aringa tal-Atlantiku aktar lejn in-Nofsinhar u fil-Baħar tat-Tramuntana peress li għandu ħajja fuq l-ixkaffa aħjar. Billi l-laħam tal-aringa tal-Atlantiku jsir artab u jista’ jitfarrak malajr, l-“Ostkustströmming” iżomm konsistenza u sawra distinti, probabbilment minħabba l-kontenut ta’ xaħam aktar baxx tiegħu meta mqabbel mal-aringa tal-Atlantiku mill-Baħar Baltiku tan-Nofsinhar. L-ilma salmastru tal-Baħar Baltiku jwassal biex l-aringa tal-Baltiku tikber aktar bil-mod mill-aringa tal-Atlantiku, b’anqas xaħam fil-muskolu. Il-kontenut ta’ xaħam huwa tipikament ta’ 7-10 %, u aktar lejn in-Nofsinhar, fejn is-salinità hija akbar, jitkejjel kontenut ta’ xaħam ogħla fil-livell makro. Is-sawra tal-prodott nej hija dik ta’ prodott nofsu mdewweb. L-esperimenti li saru tul għexieren ta’ snin juru li l-profil tal-aċidi grassi jintgħaraf b’mod ċar fl-aringa miż-żona ġeografika meta mqabbel ma’ dak tal-aringa minn partijiet oħrajn tal-Baħar Baltiku aktar lejn it-Tramuntana jew aktar lejn in-Nofsinhar.
■ Fatturi umani
It-togħma tal-“Ostkustströmming” hija influwenzata minn fatturi oħrajn minbarra dawk relatati mal-ħabitat u mal-ġenetika uniċi tiegħu:
|
— |
għarfien profond tal-bijotopu |
|
— |
ħatt l-art malajr wara l-qabda |
|
— |
fokus fuq sajd ta’ kwalità u sostenibbli bi rkaptu b’impatt baxx. |
Sabiex tinqabad aringa tal-maturità u tal-kwalità t-tajbin u fi kwantità suffiċjenti biex tkun ekonomikament vijabbli, u fl-istess ħin bħala parti mill-ġestjoni fit-tul tal-istokkijiet tal-ħut, is-sajjieda jeħtieġu għarfien profond tal-ilmijiet lokali u tal-postijiet għas-sajd importanti. Dan huwa partikolarment importanti peress li ħafna mill-istokkijiet tal-aringa huma lokali. Minħabba li s-sajd huwa fuq skala żgħira, il-ħut jista’ wkoll jinħatt l-art u jintgħażel b’mod li jagħti lill-prodott ċerta kwalità u reputazzjoni fil-katina tal-kummerċjalizzazzjoni. Is-sajd għall-“Ostkustströmming” tradizzjonalment isir bl-użu ta’ “għażel tat-tisqif tal-aringa”, iżda llum isir ukoll bi xbieki tat-tkarkir li d-daqs tal-malja tagħhom huwa importanti biex jinqabad biss ħut li jkun kbir biżżejjed għall-konsum mill-bniedem u fl-istess waqt jippermetti lill-ħut iżgħar ikompli jikber. Il-post u l-metodi tas-sajd u t-togħma tal-ħut ivarjaw mal-istaġuni, li jfisser li huwa meħtieġ għarfien estensiv tal-kundizzjonijiet lokali għas-sajd għall-aringa.
Għalhekk, ir-reputazzjoni tal-“Ostkustströmming” tirreferi wkoll għall-fatt li ilu jinqbad u jissajjar sa minn żmien il-qedem fiż-żona inkwistjoni. Dan ifforma sors ewlieni tal-ikel kemm għan-nies tul il-kosta kif ukoll għall-popolazzjoni f’partijiet kbar taż-żoni interni. Għall-popolazzjoni tal-kosta, din l-aringa storikament kienet l-ikel ewlieni kkunsmat. Sabiex il-ħut jiġi ppreżervat u jkun jista’ jinħażen jew jiġi nnegozjat, kien jiġi affumikat, iffermentat u mmellaħ, kif ukoll ippreservat fil-ħall bil-ħwawar jew mingħajrhom.
Sa mis-seklu 16, l-Istat irrealizza l-valur speċjali tal-aringa tal-Baltiku u r-Renju stabbilixxa azjendi tas-sajd fil-port tul il-kosta Żvediża. Fiż-żona bejn Landsort u Öregrund biss, kien hemm 41 azjenda tas-sajd fil-port lejn l-aħħar tas-seklu 16, li lkoll kienu maħsuba għas-sajd għall-aringa tal-Baltiku. L-azjendi tas-sajd fil-port sussegwentement ingħataw b’feoffment jew ingħaddew lill-privat iżda l-istess siti, magħrufin għar-riżorsi tas-sajd rikki tagħhom, għadhom jintużaw sal-lum.
Id-differenzi fis-salinità għandhom impatt kbir fuq l-istokkijiet differenti tal-Clupea harengus. Filwaqt li fi kwistjonijiet amministrattivi ħafna drabi lkoll jiġu ttrattati bħala aringa, hemm differenzi ċari bejn sill (l-aringa tal-Atlantiku) uströmming (l-aringa tal-Baltiku), kif diġà ġie deskritt minn Linné fl-1761. Studji ġenetiċi estensivi jikkonfermaw li l-aringa tal-Baltiku hija subspeċi għaliha (Clupea harengus membras) bi skambju ġenetiku limitat mal-aringa tal-Atlantiku. L-istess studji jistabbilixxu wkoll li l-limitu bejn is-subspeċijiet jinsab madwar l-Istrett ta’ Kalmar. Dan il-limitu bejn l-ismijiet aringa tal-Baltiku u tal-Atlantiku ġie stabbilit fi Kristianopel fl-Istrett ta’ Kalmar mir-Renju fis-seklu 16.
L-“Ostkustströmming” huwa speċi importanti għall-ekoloġija u għall-kultura taż-żona. Jipprovdi bażi nutrizzjonali għall-ħut predatorju, għall-foki u għall-għasafar. Hemm varjazzjoni lokali sinifikanti fis-sajd għall-aringa tul il-kosta u fl-arċipelagu, li tirrikjedi għarfien u esperjenza akkumulati matul is-sekli u mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra ta’ sajjieda li l-għajxien tagħhom kien jiddependi mis-sajd għall-aringa. Għalhekk, bħala speċi, l-“Ostkustströmming” hija waħda importanti mhux biss għall-ekoloġija taż-żona iżda wkoll għall-istorja kulturali tagħha.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6709/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)