14.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/84


P9_TA(2022)0351

Is-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem reċenti fit-Tigray, l-Etjopja, b'mod partikolari dik tat-tfal

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2022 dwar is-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem reċenti fit-Tigray, l-Etjopja, b'mod partikolari dik tat-tfal (2022/2858(RSP))

(2023/C 132/10)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tigray u b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2020 (1) u tas-7 ta' Ottubru 2021 (2),

—

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

—

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

—

wara li kkunsidra r-raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Pajżani fi żmien ta' Gwerra, u l-protokolli addizzjonali tal-1977 u l-2005 tagħha,

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar ir-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

—

wara li kkunsidra r-rapport, tat-3 ta' Novembru 2021 tal-Investigazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Etjopjana għad-Drittijiet tal-Bniedem/Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar Ksur Allegat tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u tad-Dritt Internazzjonali dwar ir-Rifuġjati mwettaq mill-Partijiet kollha fil-Kunflitt fir-Reġjun tat-Tigray tar-Repubblika Federali Demokratika tal-Etjopja u r-rapport, tal-11 ta' Marzu 2022, tal-Kummissjoni Etjopjana għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fir-reġjuni Afar u Amhara tal-Etjopja li twettqu bejn Settembru u Diċembru 2021,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-17 ta' Diċembru 2021 li tistabbilixxi kummissjoni internazzjonali ta' esperti tad-drittijiet tal-bniedem biex twettaq investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur u abbużi mwettqa sa mit-3 ta' Novembru 2020 mill-partijiet kollha fil-kunflitt fl-Etjopja,

—

wara li kkunsidra r-rapport tad-19 ta' Settembru 2022 tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Etjopja,

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC)

—

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi dan il-kunflitt ta' 23 xahar wassal għal kriżi kkawżata mill-bniedem u ta' tbatija umana mifruxa u kompletament evitabbli; billi s-sitwazzjoni umanitarja madwar l-Etjopja tibqa' waħda drammatika minħabba l-kunflitt, in-nixfa u l-ispostamenti interni fuq skala kbira; billi fl-24 ta' Awwissu 2022, ajruplani tal-gwerra federali Etjopjani bbumbardjaw kindergarten f'Mekelle, Tigray, u dan irriżulta f'vittmi tfal;

B.

billi wara li ddikjara tregwa umanitarja f'Marzu 2022, il-Gvern federali Etjopjan neħħa parzjalment l-assedju umanitarju tat-Tigray iżda għadhom jippersistu nuqqasijiet ta' provvisti essenzjali, inklużi l-ikel, il-mediċina u l-fjuwil;

C.

billi gruppi vulnerabbli, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, qed ibatu l-aktar mill-kunflitt li għaddej fit-Tigray u jinsabu fi bżonn urġenti ta' protezzjoni; billi t-tfal tat-Tigray sofrew serjament l-effetti tal-karestija, il-vjolenza, in-nuqqas ta' għajnuna medika u edukazzjoni, l-ispostament tal-familja, it-trasferimenti furzati u t-trawma kostanti;

D.

billi fl-1 ta' Ottubru 2022, l-Unjoni Afrikana (UA) stiednet kemm lill-gvern tal-Etjopja kif ukoll lill-awtoritajiet tat-Tigray biex isiru taħditiet ta' paċi fl-Afrika t'Isfel fit-8 ta' Ottubru 2022; billi dawn it-taħditiet ta' paċi għandhom jiġu ffaċilitati mir-Rappreżentant Speċjali tal-UA Olusegun Obasanjo, bl-appoġġ tal-eks President tal-Kenja, Uhuru Kenyatta u l-eks Viċi President tal-Afrika t'Isfel, Phumzile Mlambo-Ngcuk; billi fil-5 ta' Ottubru 2022 l-gvern tal-Etjopja aċċetta din l-istedina;

E.

billi n-nisa u t-tfal huma kontinwament fil-mira ta' attakki bil-bombi intenzjonati u mhux intenzjonati, sparar, qtil u atti oħra ta' vjolenza fil-gwerra u vjolenza etnika mwettqa min-naħat kollha tal-kunflitt;

F.

billi l-istupru u vjolenza sesswali oħra kontra n-nisa u l-bniet għadhom jintużaw b'mod wiesa' mill-belliġerenti kollha, flimkien mat-theddid ta' mewt, l-użu ta' insulti etniċi u l-kaptività għall-iskjavitù sesswali; billi r-rifuġjati nisa u tfal spostati internament jinsabu f'riskju akbar ta' ħtif u traffikar għall-isfruttament sesswali;

G.

billi tul l-evoluzzjoni kollha ta' dan il-kunflitt, l-uniku kostanti kien il-ħafna ksur gravi allegat tad-drittijiet tal-bniedem, tad-dritt umanitarju u tad-dritt dwar ir-rifuġjati mwettaq mill-partijiet kollha fil-kunflitt; billi kważi nofs miljun Etjopjan mietu b'riżultat tal-vjolenza u l-karestija, u aktar minn 1,6 miljun persuna ġew spostati minħabba dan il-kunflitt; billi sa mill-bidu tal-gwerra mijiet ta' eluf ta' ċivili ġew spostati bil-forza, inqatlu illegalment jew esperjenzaw vjolenza sesswali u vjolenza abbażi tas-sess, detenzjoni arbitrarja tal-massa, sakkeġġ, ħtif u ċaħda ta' assistenza umanitarja u servizzi bażiċi, serq ta' għajnuna u d-devjazzjoni tal-għajnuna lis-suldati;

H.

billi wieħed minn kull tlett itfal fit-Tigray taħt l-età ta' ħames snin, u nofs in-nisa kollha tqal u li qed ireddgħu huma malnutriti; billi madwar 20 miljun ruħ jeħtieġu assistenza umanitarja fl-Etjopja, kważi tliet kwarti minnhom nisa u tfal; billi l-Etjopja qed tesperjenza l-agħar nixfa rreġistrata mill-1981, u dan iħalli madwar 7,4 miljun persuna jiffaċċjaw nuqqas gravi ta' sigurtà tal-ikel;

I.

billi l-perċentwal ta' tfal fit-Tigray li jirċievu vaċċini ta' rutina naqas drastikament minħabba nuqqasijiet fil-provvista kkawżati mill-imblokk impost mill-forzi Etjopjani; billi qed jiżdied il-mard fatali bħall-ħosba, it-tetnu u s-sogħla konvulżiva;

J.

billi total ta' 1,39 miljun tifel u tifla fit-Tigray qed jitilfu l-edukazzjoni minħabba l-gwerra ċivili tal-Etjopja; billi s-settur tal-edukazzjoni tat-Tigray sofra b'mod permanenti minħabba l-għadd ta' mwiet u l-livell ta' qerda fis-sistema skolastika; billi 346 raġel u 1 798 mara, li jammontaw għal 2 164 persuna, fis-settur tal-edukazzjoni nqatlu, inklużi studenti;

K.

billi mill-bidu tal-kunflitt, l-aċċess tal-organizzazzjonijiet umanitarji għal żoni ta' kunflitt ġie mxekkel b'mod sistematiku, minkejja l-appelli ripetuti mill-komunità internazzjonali u l-organizzazzjonijiet umanitarji biex jiġi żgurat aċċess mingħajr xkiel, sostnut u sigur għall-partijiet ikkonċernati rilevanti; billi l-ħaddiema umanitarji huma fil-mira tal-vjolenza mill-partijiet kollha fil-kunflitt; billi mill-inqas 23 ħaddiem umanitarju nqatlu minn mindu beda l-kunflitt;

L.

billi l-aċċess għal informazzjoni f'ħin reali ġie mxekkel serjament minn restrizzjonijiet imposti mill-gvern, inkluż il-qtugħ tal-komunikazzjonijiet u l-prevenzjoni tar-rappurtar dwar avvenimenti fit-Tigray, kif ukoll fir-reġjuni ta' Afar u Amhara, fejn infirex il-kunflitt; billi dan il-qtugħ u r-restrizzjonijiet ta' komunikazzjoni fuq l-aċċess fiżiku għal osservaturi indipendenti għaż-żoni affettwati mill-kunflitt irristrinġew b'mod sever id-dokumentazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

M.

billi l-Kummissjoni Internazzjonali tan-NU tal-Esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Etjopja ppubblikat rapport fid-19 ta' Settembru 2022 li kkonkluda li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li l-partijiet fil-kunflitt wettqu delitti tal-gwerra u ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

N.

billi l-Eritrea kellha rwol distruttiv ħafna f'dan il-kunflitt u kkontribwiet għall-eskalazzjoni tiegħu billi daħlet fil-kunflitt fit-Tigray; billi r-rapporti tal-media dwar inkursjoni mġedda fit-tramuntana tat-Tigray ilhom jiċċirkolaw mill-aħħar ta' Settembru 2022;

O.

billi f'Settembru 2022 l-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu tat-Tigray u l-Gvern Etjopjan indikaw l-impenn tagħhom għal proċess ta' paċi mmexxi mill-Unjoni Afrikana;

1.

Itenni l-appell urġenti tiegħu għal waqfien immedjat tal-ostilitajiet u l-waqfien mill-ġlied fit-Tigray u fir-reġjuni ġirien mingħajr prekundizzjonijiet;

2.

Jappella għal aċċess umanitarju immedjat, sħiħ, sikur u sostnut għal dawk kollha affettwati mill-kunflitt fir-reġjun;

3.

Jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-istedina tal-UA għal taħditiet ta' paċi fl-Afrika t'Isfel fit-8 ta' Ottubru 2022; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jaċċettaw din l-istedina u jidħlu f'dawn in-negozjati b'rieda tajba u bi spirtu ta' djalogu, rikonċiljazzjoni u paċi;

4.

Jappella għal ritorn immedjat għall-ordni kostituzzjonali u għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ tal-waqfien mill-ġlied; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi diplomatiċi kollha biex jintemm il-kunflitt li għaddej fl-Etjopja, b'mod partikolari, permezz tal-medjazzjoni tal- UA;

5.

Jikkundanna bil-qawwa l-attakki intenzjonati fuq il-popolazzjoni ċivili mill-partijiet kollha tal-gwerra u r-reklutaġġ irrapportat tat-tfal minn ċerti partijiet fil-gwerra; ifakkar li l-attakki intenzjonati fuq iċ-ċivili, l-immirar lejn it-tfal u r-reklutaġġ u l-użu ta' suldati tfal jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

6.

Jikkundanna l-invażjoni tat-Tigray mill-forzi Eritreani; jikkundanna d-delitti tal-gwerra u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi Eritreani matul il-gwerra fl-Etjopja; iħeġġeġ lill-Gvern Eritrean jirtira l-forzi tiegħu mill-Etjopja b'effett immedjat u permanenti u jiżgura r-responsabbiltà għad-delitti tal-gwerra tiegħu;

7.

Jistieden lill-awtoritajiet kollha fl-Etjopja, b'mod partikolari l-gvern federali u l-gvernijiet reġjonali fit-Tigray, Amhara u Afar, jaderixxu mal-ogħla standards tad-drittijiet tal-bniedem, jindirizzaw bħala prijorità d-delitti tal-gwerra xokkanti mwettqa kontra dawk l-aktar vulnerabbli, b'mod partikolari t-tfal u n-nisa, u jipproteġu liż-żgħażagħ tagħhom skont il-UNCRC;

8.

Jinsab dispjaċut bir-rapporti ta' stupru u delitti ta' vjolenza sesswali kontra t-tfal, in-nisa u l-irġiel li twettqu fuq skala kbira mill-belliġerenti kollha; jinsab imħasseb ħafna u jitlob li tingħata attenzjoni immedjata lir-rapporti tal-qtil u l-immankar tat-tfal mit-Tigray, Amhara u Afar għal raġunijiet etniċi, li jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u tindif etniku;

9.

Itenni l-appell tiegħu lill-forzi fuq in-naħat kollha biex jirrispettaw id-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar ir-rifuġjati; jistieden lill-gvern federali Etjopjan u lill-gvern reġjonali tat-Tigray jiżguraw ir-responsabbiltà għall-awturi tad-delitti tal-gwerra mwettqa matul il-kunflitt li għaddej bħalissa; jinsisti fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni bejn l-atturi lokali u internazzjonali, b'mod partikolari l-Kummissjoni Etjopjana għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), fl-iżgurar ta' rimedju għas-superstiti u l-vittmi ta' kull forma ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

10.

Jappella biex il-bniet u n-nisa kollha fl-Etjopja jkollhom aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR); iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ għas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati u speċifikament għall-kontraċezzjoni u l-aċċess għal abort sikur, b'attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat l-aċċess fir-reġjuni fl-Etjopja affettwati mill-gwerra u minn diżastri umanitarji; jistieden lill-gvern Etjopjan jissodisfa l-impenn tiegħu li jinvestiga l-ħafna każijiet serji ta' vjolenza abbażi tas-sess fil-kunflitt imwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt;

11.

Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti ta' żieda fiż-żwiġijiet tat-tfal u t-tħaddim tat-tfal, it-traffikar tal-bnedmin u s-sess tranżazzjonali bħala mezzi ddisprati għas-sopravivenza fir-reġjuni tal-Etjopja affettwati mill-gwerra u d-diżastri umanitarji;

12.

Jappella biex tittieħed azzjoni kontra l-ħtif, it-traffikar u l-isfruttament sesswali ta' rifuġjati u persuni spostati internament fit-Tigray, Amhara, Afar u l-Eritrea, u li tingħata assistenza u protezzjoni lill-vittmi kollha, mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta' razza jew etniċità, nazzjonalità, diżabilità, età, ġeneru jew orjentazzjoni sesswali;

13.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-appoġġ għaċ-ċentri ta' riabilitazzjoni ta' emerġenza għan-nisa u t-tfal, inklużi t-tfal imwielda minn stupru, li jipproteġu u jirriabilitaw is-superstiti tal-vjolenza abbażi tas-sess, it-traffikar tal-bnedmin u l-isfruttament sesswali; jenfasizza l-importanza li jiġu pprovduti kenn, servizzi psikosoċjali, u taħriġ vokazzjonali għas-superstiti u jappella għal appoġġ addizzjonali għax-xelters eżistenti;

14.

Ifakkar li l-eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji, l-għajbien sfurzat, id-detenzjonijiet arbitrarji, l-atti ta' tortura u trattament ħażin, l-ispostament furzat, il-vjolenza sesswali u abbażi tas-sess, l-istupru u l-istupru minn diversi persuni fuq l-istess vittma, l-attakki fuq il-ħaddiema umanitarji, l-attakki fuq l-infrastruttura ċivili, bħall-iskejjel u l-isptarijiet, u l-qerda u s-serq ta' proprjetà pubblika u privata jikkostitwixxu delitti tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw inizjattivi ta' responsabbiltà domestika bbażati biss fuq punti ta' riferiment ċari, trasparenti, effettivi u li jistgħu jitkejlu li jiżguraw ġustizzja u responsabbiltà indipendenti u imparzjali għall-vittmi u s-superstiti;

16.

Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-ġuħ bħala metodu ta' gwerra; ifakkar li t-tfixkil tat-twassil tal-ikel u tal-kura tas-saħħa u ċ-ċaħda ta' dawn is-servizzi jammontaw għal delitti kontra l-umanità; ifakkar li l-għajnuna u l-assistenza umanitarja huma bbażati fuq il-prinċipji tal-umanità, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza;

17.

Itenni t-talba tiegħu biex jerġgħu jiġu stabbiliti bis-sħiħ is-servizzi pubbliċi bażiċi bħall-infrastruttura tal-elettriku, is-servizzi bankarji, l-iskejjel u l-isptarijiet kif ukoll biex jitneħħew minnufih ir-restrizzjonijiet fuq it-telekomunikazzjonijiet fit-Tigray;

18.

Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jiżguraw li l-persuni spostati internament u r-rifuġjati jkollhom id-dritt li jirritornaw b'mod sikur lejn djarhom jew il-postijiet ta' residenza tagħhom fuq bażi volontarja u jistabbilixxu mekkaniżmu ġust, aċċessibbli u indipendenti biex jipprovdu kumpens għat-telf jew il-ħsara għall-akkomodazzjoni, il-proprjetà u l-art; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jassistu u jappoġġjaw l-organizzazzjoni u l-monitoraġġ tar-ritorni;

19.

Jikkundanna bil-qawwa l-fatt li l-istat ta' emerġenza wassal għal arresti, fastidju, swat u attakki kontra l-ġurnalisti mmotivati mill-etniċità; jappella li jinħelsu minnufih il-ġurnalisti kollha li għadhom f'detenzjoni arbitrarja u li jiġu żgurati l-libertà tal-espressjoni u tal-kelma; jistieden lill-partijiet fil-kunflitt jiżguraw aċċess liberu għall-istampa u jippermettu lill-ġurnalisti jwettqu xogħolhom b'mod sikur;

20.

Jesprimi tħassib għas-sikurezza u l-benesseri tal-ħaddiema umanitarji indipendenti fir-reġjun; jikkundanna bil-qawwa l-attakki kollha fuq il-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u l-infrastruttura kritika u s-sekwestri kontinwi tal-provvisti umanitarji tan-NU;

21.

Itenni l-appell tiegħu lill-gvern tal-Etjopja biex jiffirma u jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' mekkaniżmu indipendenti u imparzjali biex jiġu indirizzati l-ksur li għaddej bħalissa u r-responsabbiltà;

22.

Jistieden lill-partijiet belliġerenti kollha jtemmu immedjatament l-ostilitajiet u jilħqu ftehim formali ta' waqfien mill-ġlied mingħajr prekundizzjonijiet; itenni l-appell tiegħu għal djalogu nazzjonali li jrid ikun inklużiv, wiesa' u trasparenti kemm jista' jkun, u jinkludi rappreżentanti mis-soċjetà ċivili u mill-partiti tal-oppożizzjoni, sabiex jintlaħaq l-għan li jkun katalist veru għar-rikonċiljazzjoni; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinvolvu ruħhom bis-sħiħ fil-proċess ta' paċi sabiex jiżguraw il-progress kredibbli tiegħu;

23.

Jieħu nota ta' xi żviluppi pożittivi fil-pajjiż, bħat-tregwa umanitarja tal-24 ta' Marzu 2022 u l-ħelsien ta' xi priġunieri politiċi, żieda fl-aċċess umanitarju matul it-tregwa, kif ukoll, b'mod partikolari, dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-gvern Etjopjan u mit-tmexxija tat-Tigray li se jimpenjaw ruħhom favur taħditiet ta' paċi mmexxija mill-UA;

24.

Jilqa' t-tiġdid tal-mandat ta' Olusegun Obasanjo bħala r-Rappreżentant Għoli tal-UA għall-Qarn tal-Afrika; jistenna azzjoni ulterjuri wara dikjarazzjonijiet dwar il-ħatra antiċipata ta' triju ta' medjaturi tal-UA ta' livell għoli sabiex tingħata prijorità lil ftehim dwar waqfien mill-ġlied permanenti, aċċess umanitarju mingħajr xkiel għaż-żoni kollha u l-irtirar immedjat tal-forzi Eritreani, u biex jiġu ffaċilitati r-responsabbiltà u r-rikonċiljazzjoni interna; jappella li dawn il-medjaturi jinħatru mingħajr dewmien;

25.

Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jadottaw miżuri biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u biex jadottaw sanzjonijiet kontra l-awturi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem permezz tar-Reġim Globali ta' Sanzjonijiet b'rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem;

26.

Jissottolinja li s-sitwazzjoni tar-rifuġjati fir-reġjun qed tkompli tiddeterjora; jistieden f'dan is-sens lill-UE u lill-Istati Membri kollha tagħha biex iżidu r-risistemazzjoni mir-reġjun, jipprovdu viżi umanitarji lil dawk f'riskju u jiffaċilitaw ir-riunifikazzjoni tal-familja; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw aċċess effettiv għall-protezzjoni internazzjonali fl-UE u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali f'konformità mad-dritt tal-UE u dak internazzjonali;

27.

Jappoġġja l-posponiment mill-Kummissjoni tal-iżborżi tal-appoġġ baġitarju lill-gvern Etjopjan minn Diċembru 2020; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-appoġġ tagħha li jsalva l-ħajjiet għar-reġjun immirat lejn is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet umanitarji indipendenti, u li żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura s-sikurezza tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-limitazzjoni tagħha tal-appoġġ baġitarju għall-implimentazzjoni ta' miżuri sabiex tippermetti l-implimentazzjoni kontinwa ta' proġetti ta' żvilupp barra ż-żona ta' kunflitt;

28.

Jiddispjaċih ħafna għall-fatt li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) naqas milli jindirizza s-sitwazzjoni fl-Etjopja u fir-reġjun b'mod effettiv; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jistiednu lill-KSNU biex jorganizza laqgħat pubbliċi regolari dwar l-Etjopja u r-reġjun u biex jieħu azzjoni sinifikattiva u deċiżiva biex jiżgura aċċess umanitarju mingħajr xkiel, jippermetti l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, itemm u jikkundanna l-ksur gravi tad-dritt internazzjonali u jiżgura li tintrefa' responsabbiltà għall-atroċitajiet;

29.

Ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu S-33/1 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Etjopja, adottata fis-17 ta' Diċembru 2021, il-UNHRC iddeċieda li jistabbilixxi Kummissjoni Internazzjonali tal-Esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Etjopja (ICHREE); iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-allokazzjoni ta' finanzjament adegwat min-NU lill-ICHREE u jistieden lill-gvern federali Etjopjan jiffaċilita l-aċċess bla xkiel għall-ICHREE; jistieden lill-UNHRC iġedded il-mandat tal-ICHREE u jipprovdilu biżżejjed żmien, kif ukoll l-assistenza teknika u r-riżorsi baġitarji meħtieġa, biex iwettaq il-mandat tiegħu mingħajr ma jillimita l-kamp ta' applikazzjoni temporali jew ġeografiku tiegħu;

30.

Jirrikonoxxi s-sejbiet tar-Rapport tal-UNHRC tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Etjopja (A/HRC/51/46) tad-19 ta' Settembru 2022, li jiddokumenta inċidenti ta' delitti tal-gwerra; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u tuża l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet u jistieden lill-awtoritajiet Etjopjani jirrikonoxxu dawn ir-riżultati fi sforz biex jerġa' jkun hemm il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jaħdmu favur ir-rimedju għall-vittmi tad-delitti tal-gwerra; jistieden ukoll lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex japprovaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-investigazzjoni konġunta mill-Uffiċjal tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Kummissjoni Etjopjana għad-Drittijiet tal-Bniedem;

31.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Federali u lill-Kamra tal-Federazzjoni tal-Etjopja, lill-awtoritajiet tat-Tigray, lill-Gvern tal-Istat tal-Eritrea, lill-gvernijiet tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Unjoni Afrikana u lill-Istati Membri tagħha, lill-Parlament Pan-Afrikan u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1)  ĠU C 425, 20.10.2021, p. 132.

(2)  ĠU C 132, 24.3.2022, p. 205.