29.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/83


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 337/2022

tad-9 ta’ Diċembru 2022

li temenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE [2023/1279]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘il-Ftehim dwar iż-ŻEE’), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbidlu (1) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(2)

Għaldaqstant jenħtieġ, li l-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-punt 5p (id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness XI tal-Ftehim dwar iż-ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Jiżdied dan li ġej:

‘, kif emendat minn:

—

32018 L 1808: Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69).’

2.

L-adattamenti (a), (b) u (c) jiġu nnumerati mill-ġdid bħala l-adattamenti (b), (c) u (d).

3.

L-adattament li ġej jiddaħħal qabel l-adattament (b):

“(a)

Fl-Artikolu 1(1)(a)(i) u (aa), il-kliem ‘l-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea’ għandhom jinbidlu bil-kliem ‘l-Artikoli 36 u 37 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea’.”

4.

L-adattamenti li ġejjin jiddaħħlu wara l-addattament (d):

“(e)

Fl-Artikoli 2(5c) u 28a(7), għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

‘F’każijiet li jinvolvu kemm Stat tal-EFTA kif ukoll Stat Membru tal-UE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni jikkooperaw bil-ħsieb li jaqblu dwar deċiżjonijiet identiċi dwar liema Stat Membru għandu ġurisdizzjoni.’

(f)

Fl-Artikolu 6, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA:

(i)

fil-paragrafu 1(a), il-kliem ‘kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta’ għandhom jinqraw ‘kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, jew minħabba n-nazzjonalità’;

(ii)

fil-paragrafu 1(b), ir-referenza għall-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541 għandha tinftiehem li tirreferi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali tal-Istati tal-EFTA;

(iii)

fil-paragrafu 2, il-kliem ‘jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji stabbiliti fil-Karta’ għandhom jinqraw ‘jirrispettaw id-drittijiet fundamentali’.

(g)

Fl-Artikolu 28b, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA:

(i)

fil-paragrafu 1(b), il-kliem ‘kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta’ għandhom jinqraw ‘kull raġuni bħalma huma s-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, jew minħabba n-nazzjonalità’;

(ii)

fil-paragrafu 1(c), ir-referenzi għall-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541, għall-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2011/93/UE u għall-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI għandhom jinftiehmu li jirreferu għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali tal-Istati tal-EFTA.

(h)

Fl-Artikolu 30b:

(i)

fil-paragrafu 2, il-kliem ‘u rappreżentant tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘rappreżentant tal-Kummissjoni’;

(ii)

fil-paragrafu 2, għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:

‘L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fl-ERGA, ħlief għad-dritt tal-vot.’ ”

Artikolu 2

It-test tal-punt 39 tal-Protokoll 37 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE għandu jinbidel b’li ġej:

‘Il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (ERGA) (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 462 tat-3.2.2014 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u d-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).’

Artikolu 3

It-test tad-Direttiva (UE) Nru 2018/1808 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li għandu jiġi ppubblikat fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-10 ta’ Diċembru 2022, dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*1).

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2022.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Kristján Andri STEFÁNSSON


(1)   ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69.

(*1)  Huma indikati rekwiżit kostituzzjonali.


Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti

għad-Deċiżjoni Nru 337/ 2022 li tinkorpora d-Direttiva (UE) 2018/1808 fil-Ftehim dwar iż-ŻEE

Id-Direttiva (UE) 2018/1808 fiha dispożizzjonijiet b’referenzi għad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għad-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI, li huma adottati skont it-Titolu V TFUE. Ta’ min ifakkar li l-inkorporazzjoni ta’ atti b’dispożizzjonijiet bħal dawn fil-Ftehim dwar iż-ZEE hi mingħajr preġudizzju għall-fehim li l-leġiżlazzjoni tal-UE adottata skont it-Titolu V TFUE taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

Fir-rigward tar-referenzi għall-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541, għall-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2011/93/UE u għall-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI, il-Partijiet Kontraenti, fil-kuntest tal-valuri komuni u l-identità Ewropea li ilhom jeżistu, jirrikonoxxu li d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali tal-Istati tal-EFTA huma applikati b’mod funzjonalment ekwivalenti.