Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fil‑25 ta’ Ġunju 2026 (1)

Kawża C‑172/25

CP,

Personal Sea Management SRL

vs

Sulina Logistics SRL

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Constanţa (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanţa, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol temporanju – Direttiva 2008/104/KE – Artikolu 5(1) – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Kundizzjonijiet bażiċi ta’xogħol u ta’impjieg – Deċiżjoni ta’ tkeċċija – Differenza fit-trattament bejn ħaddiem irreklutat direttament mill-impriża utenti u ħaddiem ipprovdut minn aġenzija ta’ xogħol temporanju”






I.      Daħla

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Curtea de Apel Constanţa (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanţa, ir-Rumanija), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (2), moqri flimkien mal-Artikolu 2, kif ukoll mal-Artikolu 3(1)(f) ta’ din id-direttiva.

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn CP, ħaddiem temporanju, u l-kumpannija Personal Sea Management SRL, aġenzija ta’ xogħol temporanju, dwar il-legalità tat-tkeċċija tiegħu minn din l-impriża. Ir-raġuni għal din it-tkeċċija kienet it-tmiem qabel iż-żmien tal-assenjazzjoni ta’ dan il-ħaddiem ma’ Sulina Logistics SRL, impriża utenti.

3.        Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-portata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema temporanji u l-ħaddiema rreklutati direttament minn impriża utenti. B’mod partikolari, dan il-prinċipju japplika għall-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija?

4.        Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li x-xogħol temporanju huwa aspett kumpless u speċifiku tad-dritt industrijali (3). Din il-forma ta’ xogħol hija kkaratterizzata minn relazzjoni trijangolari bejn il-ħaddiem temporanju, aġenzija ta’ xogħol temporanju u impriża utenti. Din il-karatteristika tiddetermina fil-parti l-kbira r-risposta li għandha, fil-fehma tiegħi, tingħata lill-qorti tar-rinviju, jiġifieri li l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 3(1)(f) ta’ din id-direttiva.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva 2008/104

5.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom.”

6.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“Il-fini ta’ din id-Direttiva huwa li tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija billi tiżgura li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif imniżżel fl-Artikolu 5, ikun applikat għall-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. u billi tirrikonoxxi lill-aġenziji ta’ xogħol temporanju bħala entitajiet li jħaddmu, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija bil-ħsieb li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien ta’ l-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol.”

7.        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(f) tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(f)      ‘kondizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg’ tfisser kondizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg stabbiliti mil-leġislazzjoni, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-istrumenti ta’ ftehim kollettivi u/jew dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti oħrajn fis-seħħ fl-impriża utenti relatati ma’:

(i)      it-tul tal-ħin tax-xogħol, is-sahra, il-breaks, il-perijodi ta’ mistrieħ, ix-xogħol bil-lejl, il-vaganzi u l-btajjel pubbliċi;

(ii)      il-paga.”

8.        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Il-prinċipju ta’ trattament ugwali”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kondizzjonijiet bażiċi tax-xogħol u ta’ l-impjieg tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija għandhom ikunu, għat-tul ta’ żmien ta’ l-assenjazzjoni tagħhom f’impriża utenti, ta’ l-inqas dawk li jkunu japplikaw kieku kienu rreklutati direttament minn dik l-impriża biex jokkupaw l-istess impjieg.”

B.      Id-dritt Rumen

9.        L-Artikolu 62(3) tal-Legea nr. 53/2003 privind Codul muncii (il-Liġi Nru 53/2003 dwar il-Kodiċi tax-Xogħol) (4) tal‑24 ta’ Jannar 2003 (5), jipprovdi:

“Id-deċiżjoni [ta’ tkeċċija] għandha tingħata bil-miktub u, taħt piena ta’ nullità assoluta, għandha tkun motivata, fil-fatt u fid-dritt, u għandha tinkludi dettalji dwar it-terminu li fih hija tista’ tiġi kkontestata kif ukoll dwar il-qorti li quddiemha tista’ tiġi kkontestata.”

10.      L-Artikolu 65 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprovdi:

“(1)      Tkeċċija għal raġunijiet li ma jkollhomx x’jaqsmu mal-persuna tal-impjegat hija x-xoljiment tal-kuntratt individwali ta’ xogħol li jirriżulta mit-tneħħija tal-impjieg okkupat mill-impjegat, għal raġuni waħda jew iktar li ma humiex relatati mal-persuna tiegħu.

2.      It-tneħħija tal-impjieg għandha tkun effettiva u għandu jkollha kawża reali u serja.”

11.      L-Artikolu 76 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Id-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandha tiġi kkomunikata lill-impjegat bil-miktub u għandha tinkludi bilfors:

(a)      ir-raġunijiet għat-tkeċċija;

(b)      it-tul tal-perijodu tal-preavviż;

(c)      il-kriterji għad-determinazzjoni tal-ordni ta’ prijorità, konformement mal-Artikolu 69(2)(d), fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi biss;

(d)      il-lista tal-impjiegi kollha disponibbli fl-istabbiliment u l-perijodu li fih l-impjegati għandhom jagħmlu għażla sabiex jimlew pożizzjoni vakanti, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 64.”

12.      L-Artikolu 95(4) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“Il-kuntratt ta’ xogħol temporanju jintemm malli titlesta l-assenjazzjoni li għaliha jkun ġie konkluż jew jekk l-utent ma jiddeċiedi li jibqax juża s-servizzi għax ma jibqax bżonnhom qabel titlesta l-assenjazzjoni, konformement mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ provvista ta’ ħaddiema.”

13.      L-Artikolu 100 tal-istess kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“L-aġenzija ta’ xogħol temporanju li tkeċċi lill-impjegat temporanju qabel id-data prevista fil-kuntratt ta’ xogħol temporanju, għal raġunijiet li ma jkunux dixxiplinari, hija obbligata tosserva d-dispożizzjonijiet legali dwar ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol individwali għal raġunijiet li ma humiex relatati mal-persuna tal-impjegat.”

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14.      Fis‑27 ta’ Ġunju 2023, CP u Personal Sea Management, li kienet qiegħda taġixxi bħala aġenzija ta’ xogħol temporanju, ikkonkludew kuntratt ta’ xogħol temporanju. Skont dan il-kuntratt, CP kellu, b’ordni tal-persuna li timpjegah, iwettaq assenjazzjoni ta’ xogħol temporanju ma’ Sulina Logistics, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt konkluż bejn iż-żewġ kumpanniji fit‑30 ta’ Mejju 2023.

15.      Fit‑28 ta’ Settembru 2023, Sulina Logistics informat lill-Personal Sea Management bid-deċiżjoni tagħha li ttemm l-assenjazzjoni ta’ CP. Fl-istess jum, hija informat lil dan tal-aħħar li kienet ser torganizza mill-ġdid l-organigramma tagħha u li kienet ser tneħħi l-pożizzjoni ta’ kap tat-taqsima/mekkanik prinċipali, li kien jokkupa CP, u offrietlu l-pożizzjoni ta’ mekkanik.

16.      Fid‑29 ta’ Settembru 2023, Personal Sea Management indikat lil CP li, fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ Sulina Logistics li ttemm l-assenjazzjoni tiegħu, hija kienet ser ixxolji, b’effett mit‑28 ta’ Ottubru 2023, il-kuntratt ta’ xogħol temporanju tiegħu, konformement mal-Artikolu 95(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol.

17.      Konsegwentement, CP adixxa lit-Tribunalul Constanța (il-Qorti tal-Kontea ta’ Constanța, ir-Rumanija) sabiex jikkontesta l-legalità tat-tkeċċija tiegħu. Huwa sostna, minn naħa, li, fid-dawl tal-Artikolu 65(2) tal-Kodiċi tax-Xogħol, it-tneħħija tal-impjieg ma tissodisfax il-kundizzjonijiet legali, jiġifieri kawża reali u serja. Min-naħa l-oħra, huwa żied jgħid li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ma tosservax il-kundizzjonijiet formali, u dan iwassal għan-nullità assoluta tagħha u li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76 tal-Kodiċi tax-Xogħol ma ġewx osservati.

18.      Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2024, it-Tribunalul Constanţa (il-Qorti tal-Kontea ta’ Constanţa) ċaħdet ir-rikors. Hija qieset li, fid-dawl tal-Artikolu 100 tal-Kodiċi tax-Xogħol, id-deċiżjoni tal-impriża utenti li ma tibqax tuża s-servizzi tal-ħaddiem temporanju għax ma tibqax bżonnhom tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti ta’ tkeċċija fir-relazzjoni bejn dan il-ħaddiem u l-aġenzija ta’ xogħol temporanju, u din id-deċiżjoni tal-impriża utenti tikkostitwixxi kawża reali u serja għat-tneħħija tal-impjieg. Il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet ukoll li l-liġi ma tipprevedi ebda kundizzjoni fir-rigward tal-imsemmija deċiżjoni, li tista’ tkun dovuta jew għal organizzazzjoni mill-ġdid tal-impriża utenti, jew għall-fatt li din tal-aħħar ma tkunx għadha tixtieq li l-ħaddiem ipprovdut mill-aġenzija ta’ xogħol temporanju jibqa’ jagħmel ċertu xogħol.

19.      CP appella minn din is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Constanţa (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanţa).

20.      Dik il-qorti tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kienet iddeċidiet, fir-rigward tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva 1999/70/KE (6), li l-espressjoni “kundizzjonijiet tal-impjieg” tirreferi għad-drittijiet u l-obbligi li jiddefinixxu relazzjoni ta’ xogħol partikolari, inklużi kemm il-kundizzjonijiet li taħthom persuna teżerċita impjieg kif ukoll dawk relatati mat-terminazzjoni ta’ dik ir-relazzjoni ta’ xogħol (7). Skont l-imsemmija qorti, dik il-ġurisprudenza kienet tapplika wkoll għad-Direttiva 2008/104, li tirregola bl-istess mod il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament . L-istess qorti għandha dubji dwar l-osservanza ta’ dan il-prinċipju fil-kuntest tal-kawża li hija adita biha.

21.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-konstatazzjoni li, kieku l-impriża utenti kienet irreklutat lil CP hija stess, hija kienet tkun obbligata, konformement mal-Artikoli 65 u 76 tal-Kodiċi tax-Xogħol, tiġġustifika t-tneħħija tal-impjieg b’kawża reali u serja u tipprova n-natura effettiva ta’ din it-tneħħija. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, huwa obbligatorju, taħt piena ta’ nullità assoluta, li dawn l-elementi kollha jkunu indikati fid-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

22.      Min-naħa l-oħra, kif tirrileva dik il-qorti, meta l-impriża utenti tirrikorri għall-istess ħaddiem irreklutat minn aġenzija ta’ xogħol temporanju, hija tista’ tiddeċiedi li ma għandhiex iktar bżonn is-servizzi tiegħu mingħajr ma tagħti ebda ġustifikazzjoni u mingħajr ma tosserva ebda kundizzjoni formali relatata mal-att ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk, din l-impriża utenti ma hijiex suġġetta għar-rekwiżiti tal-Artikoli 65 u 76 tal-Kodiċi tax-Xogħol peress li l-Artikolu 95(4) ta’ dan il-kodiċi ma jinkludi l-ebda kundizzjoni sostantiva jew formali fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni.

23.      L-imsemmija qorti tispjega li, anki jekk l-aġenzija ta’ xogħol temporanju hija suġġetta għall-obbligu previst fl-Artikolu 100 tal-Kodiċi tax-Xogħol, id-deċiżjoni, anki jekk diskrezzjonali, tal-impriża utenti tikkostitwixxi kawża ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-aġenzija ta’ xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju, skont l-Artikolu 95(4) ta’ dan il-kodiċi.

24.      Skont il-qorti tar-rinviju, minn dan isegwi li, skont din id-dispożizzjoni, ħaddiem irreklutat minn aġenzija ta’ xogħol temporanju ma jibbenefikax mill-istess protezzjoni kontra t-tkeċċija illegali bħal dik li kien jibbenefika minnha li kieku ġie rreklutat mill-impriża utenti.

25.      Dik il-qorti tindika li, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/104, l-impriża utenti tista’ għalhekk tevita l-obbligi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tat-tkeċċija tal-ħaddiema, u dan joħloq sitwazzjoni prekarja għal dawn tal-aħħar, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

26.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Constanţa (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanţa) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5(1) dwar ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2008/104], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, bħala raġuni għax-xoljiment tal-kuntratt individwali ta’ xogħol tal-ħaddiem impjegat minn aġenzija tal-impjieg temporanju, ir-rinunzja mill-[impriża utenti] għas-servizzi tal-ħaddiem, sa fejn din ir-rinunzja bl-ebda mod ma hija suġġetta għal ġustifikazzjoni u għal kundizzjoni formali, u sa fejn, għall-aġenzija tal-impjieg temporanju, din ir-rinunzja fiha nnifisha tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti għat-tkeċċija filwaqt li, li kieku l-[impriża utent] kien[et] [t]impjega lil dak il-ħaddiem [hija] stess, kien[et] [t]kun suġġett[a] għal rekwiżiti legali fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tar-raġuni tat-tkeċċija u tal-kundizzjonijiet formali tal-att ta’ tkeċċija?”

27.      Il-Gvern Rumen u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Saret seduta fis‑6 ta’ Mejju 2026, fil-preżenza tal-Gvern Daniż, Ġermaniż u tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll tal-Kummissjoni.

IV.    Analiżi

28.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 3(1)(f) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li taħtha aġenzija ta’ xogħol temporanju tista’ xxolji l-kuntratt ta’ xogħol li jorbotha ma’ ħaddiem temporanju minħabba li l-impriża utenti, li magħha kien assenjat dan il-ħaddiem, tkun temmet qabel iż-żmien l-assenjazzjoni tiegħu, minkejja li dik l-impriża ma tkunx osservat il-kundizzjonijiet legali ta’ tkeċċija li kienu japplikaw fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ ħaddiem irreklutat direttament minnha.

29.      Din id-domanda saret fil-kuntest ta’ tilwima li permezz tagħha CP qiegħed jikkontesta l-legalità tat-tkeċċija tiegħu mill-aġenzija ta’ xogħol temporanju, Personal Sea Management, liema tkeċċija hija bbażata fuq id-deċiżjoni tal-impriża utenti, Sulina Logistics, li ma tibqax tuża s-servizzi ta’ CP għax ma baqgħetx bżonnhom u dan qabel tmiem l-assenjazzjoni tiegħu. Fil-fatt, l-Artikolu 95(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol jippermetti lil aġenzija ta’ xogħol temporanju xxolji kuntratt ta’ xogħol temporanju jekk l-impriża utenti tiddeċiedi li ma tibqax tuża s-servizzi ta’ ħaddiem temporanju għax ma tibqax bżonnhom. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din l-impriża kellhiex, skont il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, imfisser fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, tosserva r-regoli nazzjonali dwar it-tkeċċija meta temmet din l-assenjazzjoni, kif hija kienet tkun obbligata tagħmel li kieku temmet ir-relazzjoni ta’ xogħol ma’ ħaddiem irreklutat direttament minnha. Risposta fl-affermattiv għal din id-domanda tista’ twaqqa’ dubju fuq ir-raġuni għat-tkeċċija ta’ CP, inkwantu din ir-raġuni hija prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra din id-dispożizzjoni.

30.      Sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddeterminat jekk il-“kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) ta’ din id-direttiva, jinkludux ir-regoli dwar it-tkeċċija tal-ħaddiema temporanji.

A.      In-natura determinanti tal-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tagħha

31.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (8).

32.      Il-punt tat-tluq indispensabbli ta’ tali interpretazzjoni huwa għalhekk il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni li għandha tiġi interpretata. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li tneħħi kull effett utli mill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jirriżulta mingħajr ambigwità mill-formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (9) mingħajr ma tippreġudika l-prinċipju ta’ ċertezza legali (10).

33.      Għalhekk, huwa importanti li tingħata importanza deċiżiva lit-termini magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

34.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, il-ħaddiema temporanji għandhom, sakemm iddum l-assenjazzjoni tagħhom ma’ impriża utenti, jibbenefikaw minn kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg tal-inqas ugwali għal dawk li kienu japplikaw għalihom li kieku kienu rreklutati direttament minn din l-impriża sabiex jokkupaw l-istess pożizzjoni.

35.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk wera l-intenzjoni tiegħu li jiżgura li, konformement mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-ħaddiema temporanji ma jsibux ruħhom, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik tal-ħaddiema paragunabbli tal-impriża utenti (11).

36.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa ddefinit b’mod preċiż mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

37.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae, nirrileva li dan il-prinċipju huwa intiż sabiex japplika għall-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg. L-użu ta’ dan l-aġġettiv diġà jagħti wieħed x’jifhem li l-imsemmi prinċipju ma japplikax għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg kollha.

38.      Il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg” huwa ddefinit fl-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104 u jirreferi għat-tul ta’ ħin tax-xogħol, għas-sahra, għall-brejks, għall-perijodi ta’ mistrieħ, għax-xogħol billejl, għal-leave, għall-btajjel pubbliċi u għall-paga (12).

39.      Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva tillimita ruħha li teżiġi l-ugwaljanza tal-“kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg” tal-ħaddiema temporanji, liema kunċett huwa ddefinit, fl-Artikolu 3(1)(f) tal-imsemmija direttiva, li jirrigwarda, essenzjalment, il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dispożizzjonijiet ġenerali u vinkolanti, fis-seħħ fl-impriża utenti, dwar il-ħin tax-xogħol u l-paga (13).

40.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk indika espressament l-elementi li jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg li għalihom japplika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

41.      L-elenkar ta’ dawn l-elementi huwa eżawrjenti, kif tindika l-assenza ta’ referenza għal xi eżempji, bħal “b’mod partikolari”. Issa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104 jirriżulta b’mod ċar li t-tkeċċija ma hijiex parti mil-lista eżawrjenti tal-elementi li huma inklużi fil-“kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fehma tiegħi, għandha tiġi miċħuda t-teżi li sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, jiġifieri li, inkwantu din il-lista ma hijiex ippreċeduta minn indikazzjoni bħal “esklużivament”, għandu tiġi dedotta l-intenzjoni impliċita tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi lista miftuħa.

42.      Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni li tinkludi t-tkeċċija fost il-“kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, għalhekk tmur kontra d-definizzjoni espressa ta’ dan il-kunċett li tinsab fl-Artikolu 3(1)(f) ta’ din id-direttiva (14). Nippreċiża wkoll li t-“tul tal-ħin tax-xogħol”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jistax jiġi estiż b’mod li jinkludi fih il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija.

43.      Nikkonstata, f’dan ir-rigward, li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jinkludi, f’atti oħra tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija fost il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg li huma suġġetti għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huwa għamel dan espressament. Dan huwa l-każ, pereżempju, fil-kuntest tad-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali (15). Fil-fatt, l-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, li huwa intitolat “Dritt għat-trattament ugwali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) tiegħu, li “[l]-ħaddiema staġonali huma intitolati għal trattament ugwali meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti tal-anqas fir-rigward ta’ […] it-termini ta’ impjieg, inkluża l-età minima ta’ impjieg, u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-paga u s-sensja, is-sigħat tax-xogħol, il-btajjel u l-vakanzi, kif ukoll ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol” (16).

44.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tindika li dan il-prinċipju huwa intiż sabiex ikun ta’ ġid għall-ħaddiema temporanji sakemm iddum l-assenjazzjoni tagħhom ma’ impriża utenti.

45.      L-Artikolu 3(1)(e) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi “assenjazzjoni” bħala “[l]-perijodu li matulu l-ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jintbagħat fl-impriża utenti biex jaħdem temporanjament taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħha”.

46.      L-elementi elenkati fl-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104 bħala li jagħmlu parti mill-“kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huma kollha relatati mal-eżerċizzju tal-assenjazzjoni u mhux mat-terminazzjoni tagħha. Loġikament, huwa biss għall-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’impjieg rilevanti sakemm iddum l-assenjazzjoni ma’ impriża utenti li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, huwa intiż sabiex japplika. Minn dan isegwi li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis ta’ dan il-prinċipju ma jkoprix it-terminazzjoni tal-assenjazzjoni li l-ħaddiem temporanju jwettaq mal-impriża utenti.

47.      L-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni hija kkorroborata mill-kuntest tagħha.

B.      Interpretazzjoni letterali kkonfermata mill-kuntest tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104

48.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/104 ġiet adottata sabiex tissupplimenta l-qafas regolatorju stabbilit mid-Direttivi tal-Kunsill 97/81/KE, tal‑15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (17), u 1999/70, abbażi tal-Artikolu 137(1) u (2) KE, li kien jawtorizza lill-istituzzjonijiet jadottaw, permezz tad-direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament b’mod partikolari għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol (18).

49.      Għal dan il-għan, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2008/104, din tal-aħħar tipprevedi biss l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti minimi (19). Dan huwa rifless b’mod partikolari fil-fatt li, kif indikat fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, din “għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni ta’ paga, kuntratt ta’ impjieg, relazzjoni ta’ impjieg, jew ħaddiem”.

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-provvista ta’ ħaddiema temporanji tikkostitwixxi każ kumpless u speċifiku tad-dritt industrijali li jimplika relazzjoni ta’ impjieg doppja, minn naħa, bejn l-aġenzija ta’ xogħol temporanju u l-ħaddiem temporanju u, min-naħa l-oħra, bejn dan tal-aħħar u l-impriża utenti, kif ukoll relazzjoni ta’ assenjazzjoni bejn l-aġenzija ta’ xogħol temporanju u l-impriża utenti (20).

51.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partikolarità ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol tinsab fil-fatt li, fil-kuntest tal-provvista tal-ħaddiem temporanju, l-aġenzija ta’ xogħol temporanju żżomm relazzjoni ta’ xogħol ma’ dan il-ħaddiem, iżda tittrasferixxi lill-impriża utenti s-superviżjoni u d-direzzjoni li, bħala prinċipju, huma r-responsabbiltà ta’ kull persuna li timpjega , u b’dan il-mod tinħoloq rabta ġdida ta’ subordinazzjoni bejn il-ħaddiem temporanju u l-impriża utenti, peress li l-imsemmi ħaddiem ikun qiegħed jipprovdi servizz kuntrattwalment dovut mill-aġenzija ta’ xogħol temporanju lil din l-aħħar impriża u jsib ruħu, għal dan l-għan, taħt id-direzzjoni u s-superviżjoni tagħha (21).

52.      Hija din ir-relazzjoni trijangolari li tispjega li l-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg ma jkoprux il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija. Fil-fatt, l-aġenzija ta’ xogħol temporanju tibqa’ l-persuna li timpjega lill-ħaddiem temporanju matul l-assenjazzjoni tiegħu mal-impriża utenti. Huwa għalhekk fil-livell tal-aġenzija ta’ xogħol temporanju li għandha tiġi vverifikata l-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-tkeċċija.

53.      Min-naħa l-oħra, meta l-impriża utenti tiddeċiedi li ttemm l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju, dan ma huwiex ekwivalenti għal tkeċċija ta’ dan tal-aħħar. Li kellha din tintalab tosserva l-istess regoli nazzjonali ta’ tkeċċija bħal dawk li kienu japplikaw għall-ħaddiem temporanju li kieku ġie rreklutat direttament minn din l-impriża jinjora r-relazzjonijiet partikolari li jgħaqqdu, fil-qasam tax-xogħol temporanju, l-aġenzija ta’ xogħol temporanju, l-impriża utenti u l-ħaddiem temporanju.

54.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tar-regoli nazzjonali dwar it-tkeċċija, il-ħaddiem temporanju assenjat lil impriża utenti u l-ħaddiem irreklutat direttament minn din l-impriża ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli. Fil-fatt, matul il-perijodu li fih il-ħaddiem temporanju jiġi pprovdut lil impriża utenti, huwa jibqa’ marbut b’relazzjoni ta’ xogħol mal-aġenzija ta’ xogħol temporanju. Minn dan isegwi li hija din l-impriża tal-aħħar, u mhux l-impriża utenti, li hija obbligata tosserva r-regoli dwar it-tkeċċija meta hija tiddeċiedi li xxolji l-kuntratt tax-xogħol li jorbotha ma’ ħaddiem temporanju.

55.      B’mod partikolari, id-Direttiva 2008/104 ma timponix fuq l-impriża utenti l-obbligu li tiġġustifika tmiem l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju. Nirrileva li, meta ntalbet tinterpreta l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva (22), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma timponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jissuġġettaw l-użu ta’ din il-forma ta’ xogħol għal żmien determinat għall-indikazzjoni tar-raġunijiet ta’ natura teknika jew relatati ma’ rekwiżiti ta’ produzzjoni, ta’ organizzazzjoni jew ta’ sostituzzjoni. Barra minn hekk, la l-imsemmija dispożizzjoni, u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmija direttiva, ma jipprevedu miżura speċifika li l-Istati Membri għandhom jadottaw għal dan l-għan (23).

56.      Sa fejn id-Direttiva 2008/104 ma tobbligax lil impriża utenti tindika r-raġunijiet għaliex hija tkun qiegħda tirrikorri għax-xogħol temporanju, tali obbligu lanqas ma jista’ jiġi impost fuqha meta hija tiddeċiedi li ttemm l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju.

57.      Minn dawn l-elementi jirriżulta li ma huwiex possibbli li deċiżjoni tal-impriża utenti li ttemm l-assenjazzjoni tiġi assimilata ma’ deċiżjoni ta’ tkeċċija, billi jitqies li l-effetti ta’ dawn id-deċiżjonijiet huma ekwivalenti. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jiġi invokat sabiex tiġi sostnuta l-illegalità ta’ leġiżlazzjoni li ma tiggarantixxix l-istess obbligi ta’ motivazzjoni għall-ewwel deċiżjoni bħal dawk imposti mil-liġi għat-tieni waħda.

58.      Għandu jiġi enfasizzat element ieħor tal-kuntest tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva tirreferi għad-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal‑25 ta’ Ġunju 1991 li tissupplimenta l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ mpjieg b’dewmien fiss jew ta’ mpjieg temporanju (24). Skont il-premessa 13 tad-Direttiva 2008/104, id-Direttiva 91/383 tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-ħaddiema temporanji fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol.

59.      Mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/383, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) tagħha, jirriżulta li din id-direttiva għandha l-għan li tiżgura li l-ħaddiema temporanji jibbenefikaw, fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, mill-istess livell ta’ protezzjoni bħal dak li jibbenefikaw minnu l-ħaddiema l-oħra tal-impriża utenti. Barra minn hekk, skont dan l-Artikolu 2(2), moqri flimkien ma’ dan l-Artikolu 1(2), l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol temporanju ma tistax tiġġustifika differenza fit-trattament fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, u dan iktar u iktar peress li, kif jirriżulta mir-raba’ premessa tal-imsemmija direttiva, il-ħaddiema temporanji f’ċerti setturi huma esposti għal iktar riskji ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol mill-ħaddiema l-oħra.

60.      Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/383 jipprevedi, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex, bla ħsara għar-responsabbiltà stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-aġenzija ta’ xogħol temporanju, l-impriża utenti tkun, sakemm iddum l-assenjazzjoni, responsabbli għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol marbuta mas-sigurtà, mal-iġjene u mas-saħħa fuq il-post tax-xogħol.

61.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dawn l-elementi li l-protezzjoni tas-“sigurtà” u tas-“saħħa” fuq il-post tax-xogħol taqa’ taħt il-“kundizzjonijiet ta’ xogħol”, fis-sens tad-Direttiva 91/383, u li l-ħaddiem temporanju għandu, f’dan ir-rigward, jiġi ttrattat, sakemm iddum l-assenjazzjoni tiegħu, bl-istess mod bħall-ħaddiema impjegati direttament mill-impriża utenti (25).

62.      Issa, il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija ma humiex direttament marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Fid-dawl tar-riferiment magħmul mid-Direttiva 2008/104 għad-Direttiva 91/383, għandu għalhekk jitqies li l-kuntest tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tagħha, jikkorrobora l-interpretazzjoni li tgħid li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, li jinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet, ma jinkludix il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija ta’ ħaddiem temporanju.

63.      Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2008/104.

C.      Interpretazzjoni letterali u kuntestwali konformi mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2008/104

64.      Mill-premessa 1 tad-Direttiva 2008/104 jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża b’mod partikolari sabiex tiżgura l-osservanza sħiħa tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li, konformement mal-paragrafu 1 tiegħu, jistabbilixxi, b’mod ġenerali, id-dritt ta’ kull ħaddiem għal kundizzjonijiet ta’ xogħol li josservaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu. Din id-direttiva għalhekk għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol (26).

65.      Barra minn hekk, id-Direttiva 2008/104 hija intiża sabiex tiggarantixxi bilanċ bejn is-sigurtà u l-flessibbiltà.

66.      Nirrileva, f’dan ir-rigward, li l-premessa 11 tad-Direttiva 2008/104 tindika li x-xogħol temporanju huwa intiż sabiex jissodisfa mhux biss il-bżonnijiet ta’ flessibbiltà tal-impriżi, iżda wkoll in-ħtieġa li l-impjegati jirrikonċiljaw il-ħajja privata ma’ dik professjonali u b’hekk jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ impjiegi kif ukoll għall-parteċipazzjoni u għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Din id-direttiva għalhekk hija intiża sabiex tirrikonċilja l-għan ta’ flessibbiltà mfittex mill-impriżi mal-għan ta’ sigurtà għall-protezzjoni tal-ħaddiema (27).

67.      Barra minn hekk, l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva 2008/104 jipprovdi li din tal-aħħar għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni ta’ ħaddiema temporanji u li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol temporanju billi tiżgura li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema u billi tirrikonoxxi lill-aġenziji ta’ xogħol temporanju bħala persuni li jimpjegaw, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-użu tax-xogħol temporanju bil-ħsieb li jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol (28).

68.      Id-Direttiva 2008/104 għalhekk għandha l-għan li tirrikonċilja żewġ għanijiet billi tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-protezzjoni tal-ħaddiema temporanji u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol (29). Dan il-bilanċ bejn il-protezzjoni u l-flessibbiltà jintilef jekk impriża utenti tiġi mġiegħla tosserva r-regoli nazzjonali dwar it-tkeċċija meta tkun tixtieq ittemm l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju pprovdut lilha minn aġenzija ta’ xogħol temporanju. Tali restrizzjoni jkollha konsegwenzi kbar fuq is-settur tax-xogħol temporanju, billi tneħħi, fil-parti l-kbira tiegħu, l-inċentiv li jista’ jkollha impriża utenti li tirrikorri għal ħaddiema temporanji sabiex tissodisfa l-bżonnijiet okkażjonali tagħha ta’ manodopera.

D.      Il-limiti ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

69.      Minkejja dak li jirriżulta espressament mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) ta’ din id-direttiva, kif ikkonfermat mill-kuntest u mill-għanijiet tal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni tqis li t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħmel parti mill-“kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Hija tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq l-insenjamenti f’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija tqis li japplikaw b’analoġija fil-kuntest ta’ din il-kawża. Hija għalhekk tqis li l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija li impriża utenti għandha tosserva fir-rigward tal-ħaddiema li hija tkun irreklutat direttament għandhom japplikaw għar-relazzjoni ta’ xogħol eżistenti bejn din l-impriża u l-ħaddiem temporanju.

70.      B’dan ir-raġunament, jidhirli, madankollu, li l-Kummissjoni qiegħda tinjora għadd ta’ parametri, fosthom il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) ta’ din id-direttiva.

71.      F’dan ir-rigward, nirrileva li, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tibbaża ruħha fuq il-kuntest tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2008/104 u l-għanijiet imfittxija minnha sabiex tiddetermina x’jista’ jiġi inkluż fil-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija dejjem għamlet dan f’sitwazzjonijiet fejn il-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet kienet tippermetti li jiġu inklużi f’dan il-kunċett l-elementi li kienu inkwistjoni.

72.      Il-Kummissjoni tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq is-sentenza Luso Temp, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kumpens, dovut fil-każ ta’ terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol temporanju, għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas li ma jkunx ittieħed u għall-bonus tal-vaganzi korrispondenti, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tagħha.

73.      Madankollu, b’differenza mill-każ inkwistjoni f’din il-kawża, il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 tinkludi indikazzjoni kruċjali sabiex tali kumpens jiġi inkluż fil-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dan il-kunċett jirreferi, konformement mad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1)(f) ta’ din id-direttiva, kemm għal-leave kif ukoll għar-remunerazzjoni (30).

74.      Din il-konstatazzjoni wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkunsidra li, peress li din id-definizzjoni tirreferi b’mod espress għal-leave u peress li mill-premessa 1 tad-Direttiva 2008/104 jirriżulta li din tal-aħħar hija intiża sabiex tiżgura l-osservanza sħiħa tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprevedi, b’mod partikolari, li kull ħaddiem għandu dritt għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, id-dritt għal leave annwali mħallas jagħmel parti mill-“kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tagħha (31). Madankollu, meta t-teħid effettiv tal-leave annwali mħallas ikun impossibbli, dan id-dritt għandu jkun jista’ jiġi eżerċitat fil-forma ta’ flus (32).

75.      Fuq din il-bażi testwali, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet sussegwentement tibni fuq il-kuntest ta’ dawn id-dispożizzjonijiet sabiex tikkonferma l-interpretazzjoni tagħha.

76.      B’hekk hija fakkret li d-Direttiva 2008/104 ġiet adottata sabiex tissupplimenta l-qafas regolatorju stabbilit mid-Direttiva 97/81, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE tas‑7 ta’ April 1998 (33), kif ukoll mid-Direttiva 1999/70, abbażi tal-Artikolu 137(1) u (2) KE, li kien jawtorizza lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jadottaw, permezz tad- direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament b’mod partikolari għall-kundizzjonijiet ta’ xogħol (34).

77.      Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss, li l-espressjoni “kundizzjonijiet ta’ impjieg” tirreferi għad-drittijiet u l-obbligi li jiddefinixxu relazzjoni ta’ xogħol partikolari, li tinkludi kemm il-kundizzjonijiet li fihom persuna teżerċita impjieg kif ukoll dawk relatati mat-terminazzjoni ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol (35).

78.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) ta’ dan il-ftehim qafas, jinkludi l-kumpens li persuna li timpjega hija obbligata tħallas lil ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu għal żmien determinat (36).

79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha wkoll fuq il-ġurisprudenza tagħha dwar il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-anness tad-Direttiva 97/81 (37), li tgħid li, fil-każ ta’ ħaddiem li ma jkunx jista’, minħabba raġunijiet indipendenti mill-volontà tiegħu, jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas qabel tmiem ir-relazzjoni ta’ xogħol, il-kumpens finanzjarju li huwa jkun intitolat għalih għandu jiġi kkalkolat b’mod li dan il-ħaddiem ikun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik li kien ikun fiha li kieku eżerċita l-imsemmi dritt matul il-perijodu tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu (38).

80.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni b’analoġija hija iktar u iktar neċessarja peress li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104 huwa intiż, b’mod iktar speċifiku mill-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part‑time kif ukoll mill-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss, sabiex jiżgura protezzjoni effettiva tal-ħaddiema atipiċi u prekarji, b’tali mod li soluzzjoni analoga għal dik adottata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett tal-“kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens ta’ dawn il-klawżoli 4, hija neċessarja, a fortiori, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 5 (39).

81.      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni b’analoġija kienet possibbli fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Luso Temp peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104 ma kinitx tipprekludi dan, u dan jikkostitwixxi differenza sinjifikattiva minn din il-kawża.

82.      Huwa minnu li, fis-sentenza Luso Temp, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ukoll interpretazzjoni li jkollha bħala konsegwenza li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jibqax japplika mill-mument li fih jintemm il-kuntratt tal-ħaddiem temporanju, hekk li tali interpretazzjoni tippreferi li jiġu xolti l-kuntratti temporanji minflok li jintlaħaq wieħed mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2008/104, jiġifieri dak li l-ħaddiema temporanji jitħeġġu jsibu impjieg permanenti (40).

83.      Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dak li jgħodd ma huwiex li tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom il-kuntratt tal-ħaddiem temporanju jiġi xolt, iżda li tiġi ggarantita din l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg matul ir-relazzjoni tal-impjieg u l-benefiċċju ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandu jkun jista’ jiġi rrivendikat wara t-terminazzjoni ta’ din ir-relazzjoni.

84.      Fi kliem ieħor, il-mument li fih jintalab il-kumpens għall-ġranet ta’ leave annwali mħallas li ma jkunux ittieħdu u għall-bonus tal-vaganzi korrispondenti huwa irrilevanti, sakemm dan ikun marbut ma’ kundizzjonijiet fis-seħħ matul ir-relazzjoni ta’ xogħol. Fil-fatt, id-dritt għal-leave jirrigwarda l-perijodu li matulu l-ħaddiem kien qiegħed iwettaq l-assenjazzjoni tiegħu mal-impriża utenti. Barra minn hekk, dan il-kumpens jinsab fost l-elementi msemmija fl-Artikolu 3(1)(f) tad-Direttiva 2008/104. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk trid tiggarantixxi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament , li għandu jibbenefika minnu l-ħaddiem temporanju matul il-perijodu tal-assenjazzjoni tiegħu, jista’ jiġi invokat ukoll wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol temporanju tiegħu. Dan sabiex jiġi ggarantit, anki a posteriori, permezz ta’ miżuri ta’ kumpens, li l-ħaddiem temporanju ma kienx f’sitwazzjoni inqas favorevoli sakemm damet l-assenjazzjoni tiegħu mal-impriża utenti.

85.      Għaldaqstant, jenħtieġ kawtela quddiem it-tentazzjoni li jiġu applikati b’analoġija s-soluzzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ elementi oħra li ma humiex il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija.

86.      Għalhekk, għalkemm il-kuntest u l-għanijiet tad-Direttiva 2008/104 jistgħu jikkorroboraw interpretazzjoni li tirriżulta mill-formulazzjoni, dawn ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jmur kontra interpretazzjoni testwali li teskludi l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija mill-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma huwiex biżżejjed li jiġi enfasizzat il-fatt li l-imsemmija direttiva hija intiża sabiex tinkoraġġixxi lill-ħaddiema temporanji jsibu impjieg permanenti fl-impriża utenti (41).

87.      L-istess japplika fir-rigward ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Randstad Empleo et dwar il-kumpens dovut lil ħaddiem temporanju minħabba l-inkapaċità permanenti totali ta’ dan tal-aħħar li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu, li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol li seħħ fl-impriża utenti u li kellu, bħala konsegwenza, it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol temporanju tiegħu. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali kumpens jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tagħha.

88.      Għal darba oħra, il-formulazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni kienet tippermetti li tinsilet tali konklużjoni, peress li ssemmi l-“paga” bħala waħda mill-“kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ impjieg”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva.

89.      Barra minn hekk, kif indikajt qabel, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ħaddiem temporanju jista’ jirrevendika l-benefiċċju tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament anki wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’ -impjieg” li teskludi, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, il-kumpens li persuna li timpjega hija obbligata tħallas lil ħaddiem temporanju, minħabba s-sempliċi fatt li dan il-kumpens huwa marbut mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, tmur kontra kemm il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għanijiet li din id-direttiva tfittex li tilħaq (42).

90.      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, fis-sentenza tagħha Randstad Empleo et, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-inċident fuq il-post tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kien il-kaġun tal-inkapaċità permanenti totali tal-ħaddiem li jeżerċita l-professjoni abitwali tiegħu, seħħ “għat-tul […] [tal]-assenjazzjoni tagħhom [fl-]impriża utenti”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, b’tali mod li ma jistax jiġi aċċettat li l-kumpens imħallas minħabba din l-inkapaċità joriġina biss mit-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ dan il-ħaddiem (43).

91.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-fatt li din għandha tkun kundizzjoni bażika ta’ xogħol jew ta’ impjieg li tirrigwarda t-tul tal-assenjazzjoni u li ma toriġinax biss mit-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol.

92.      F’dan il-każ, il-fatt li l-kumpens jitħallas wara t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ma huwiex biżżejjed sabiex jillaxka r-rabta mal-provvista ta’ xogħol (44). Il-kaġun tal-inkapaċità u tal-kumpens korrispondenti huwa fil-fatt l-inċident fuq il-post tax-xogħol.

93.      Għaldaqstant, l-implikazzjonijiet tas-sentenza Randstad Empleo et ma jistgħux jiġu estrapolati, billi jiġi dedott minnha li, kif issostni l-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija jagħmlu parti mill-“kundizzjonijiet bażiċi ta’ xogħol u ta’impjieg”, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104.

94.      Il-Kummissjoni tibbaża ruħha wkoll fuq il-ġurisprudenza li minnha jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija jagħmlu parti mill-“kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, kif ukoll tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss.

95.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-espressjoni “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss tirreferi għad-drittijiet u l-obbligi li jiddefinixxu relazzjoni ta’ xogħol partikolari, li tinkludi kemm il-kundizzjonijiet li fihom persuna teżerċita impjieg kif ukoll dawk relatati mat-terminazzjoni ta’ din ir-relazzjoni ta’ xogħol (45).

96.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ xogħol bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (46).

97.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li jaqgħu taħt dan il-kunċett, b’mod partikolari, il-protezzjoni mogħtija lil ħaddiem fil-każ ta’ tkeċċija illegali, ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-perijodu ta’ preavviż applikabbli fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss kif ukoll ir-regoli dwar il-kumpens mogħti lill-ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu li jorbtu mal-persuna li timpjegah, billi tali kumpens jitħallas minħabba r-relazzjoni ta’ xogħol li ġiet stabbilita bejniethom (47).

98.      Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss li teskludi mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg” il-kundizzjonijiet ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss twassal sabiex jiġi limitat, bi ksur tal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien fiss kontra trattamenti inqas favorevoli (48).

99.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li persuna li timpjega ma hijiex obbligata timmotiva bil-miktub ix-xoljiment, bi preavviż, ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss filwaqt li hija marbuta b’tali obbligu fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss. Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-proċedura għax-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol fil-każ ta’ tkeċċija, li l-iskop tagħha huwa r-relazzjoni ta’ xogħol li ġiet stabbilita bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (49).

100. Il-Kummissjoni ssostni li din il-ġurisprudenza tapplika fil-kuntest ta’ din il-kawża.

101. Jiena m’iniex tal-istess fehma. Fil-fatt, ta’ min jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni wiesgħa li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet adottat tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss, hija spjegata min-nuqqas ta’ preċiżjoni, fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, dwar l-elementi inklużi f’dan il-kunċett (50). Dan jiddistingwi b’mod ċar l-imsemmija dispożizzjoni mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(f) tagħha.

102. Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda espressament il-ħaddiema temporanji mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss. Fil-fatt, skont ir-raba’ paragrafu tal-preambolu tiegħu, dan il-ftehim qafas japplika għall-ħaddiema għal żmien fiss, ħlief dawk ipprovduti lil impriża utenti minn aġenzija ta’ xogħol temporanju. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-Direttiva 1999/70 u l-imsemmi ftehim qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li la japplikaw għar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien fiss bejn ħaddiem temporanju u aġenzija ta’ xogħol temporanju u lanqas għar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien fiss bejn tali ħaddiem u impriża utenti (51).

103. Biex nagħlaq, nirrileva li, fl-argumenti tagħha, il-Kummissjoni tqis li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-terminazzjoni ta’ assenjazzjoni għal żmien determinat fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħol temporanju tikkostitwixxi miżura ekwivalenti għal tkeċċija, peress li, skont l-Artikolu 95(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol, il-kuntratt ta’ xogħol temporanju jintemm jekk l-impriża utenti tiddeċiedi li ma tibqax tuża s-servizzi tal-ħaddiem temporanju għax ma tibqax bżonnhom qabel titlesta l-assenjazzjoni tiegħu. Fid-dawl ta’ din il-konsegwenza legali, il-ħaddiem temporanju la jista’ jitlob kumpens minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni tat-terminazzjoni tal-assenjazzjoni u lanqas li tiġi annullata t-tkeċċija u rripristinata s-sitwazzjoni qabel it-tkeċċija, kuntrarjament għad-drittijiet li jibbenefika minnhom ħaddiem irreklutat direttament mill-impriża utenti.

104. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 95(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol fih lakuna sinjifikattiva li tippermetti li tiġi evitata l-protezzjoni mfittxija mid-Direttiva 2008/104. Fil-każ li t-terminazzjoni tal-assenjazzjoni tal-ħaddiem temporanju qabel it-tlestija tagħha ma tkunx debitament motivata, il-protezzjoni stabbilita minn din id-direttiva, kif trasposta fid-dritt nazzjonali, tkun imminata. Fi kliem ieħor, il-ħaddiema temporanji jiġu mċaħħda mill-protezzjoni fil-każ li tiġi interrotta l-assenjazzjoni tagħhom, deċiżjoni li hija fid-diskrezzjoni tal-impriża utenti u li jkollha bħala konsegwenza legali t-terminazzjoni legali tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mal-aġenzija tax-xogħol temporanju, u b’hekk iċċaħħadhom mhux biss mit-tkomplija tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom ma’ din tal-aħħar, iżda wkoll minn kull kumpens għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom.

105. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 95(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol ma huwiex konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, sa fejn ma jimponix fuq l-impriżi utenti l-obbligu li jimmotivaw id-deċiżjoni tagħhom li ttemm l-assenjazzjoni ta’ ħaddiema temporanji, filwaqt li, skont id-dritt nazzjonali, dawn l-impriżi għandhom tali obbligu fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratti mal-ħaddiema rreklutati direttament minnhom.

106. Ma niċħadx li l-leġiżlazzjoni Rumena tista’ toffri protezzjoni ikbar lill-ħaddiema temporanji li l-assenjazzjoni tagħhom tiġi interrotta qabel iż-żmien minn impriża utenti. Infakkar, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 95(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol, id-deċiżjoni ta’ impriża utenti li ma tibqax tuża s-servizzi ta’ ħaddiem temporanju għax ma tibqax bżonnhom tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex tippermetti lil aġenzija ta’ xogħol temporanju tkeċċi lil dan il-ħaddiem. Huwa ċar li leġiżlazzjoni nazzjonali, li teskludi li tali deċiżjoni jista’ jkollha bħala konsegwenza legali t-tkeċċija ta’ ħaddiem temporanju minn aġenzija ta’ xogħol temporanju, toffri protezzjoni ikbar.

107. Madankollu, għar-raġunijiet li esponejt iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104, ma jidhirlix li jipprekludi dak li jipprevedi l-Artikolu 95(4) tal-Kodiċi tax-Xogħol. Ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jidhirli li tipprojbixxi r-rabta li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi bejn, minn naħa, id-deċiżjoni ta’ impriża utenti li ttemm qabel iż-żmien l-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li ttemm ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħha ma’ dan tal-aħħar. Ma hijiex il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriformula l-imsemmija direttiva fuq dan il-punt.

V.      Konklużjoni

108. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Constanţa (il-Qorti tal-Appell ta’ Constanţa, ir-Rumanija) kif ġej:

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija, moqri flimkien mal-Artikolu 2 u mal-Artikolu 3(1)(f) ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema temporanji u l-ħaddiema rreklutati direttament minn impriża utenti. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li taħtha aġenzija ta’ xogħol temporanju tista’ xxolji l-kuntratt ta’ xogħol li jorbotha ma’ ħaddiem temporanju minħabba li l-impriża utenti li magħha jkun assenjat dan il-ħaddiem ittemm qabel iż-żmien l-assenjazzjoni tiegħu, minkejja li dik l-impriża ma tkunx osservat il-kundizzjonijiet legali ta’ tkeċċija li kienu japplikaw fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ ħaddiem irreklutat direttament minnha.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2008, L 327, p. 9.


3      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Omnitel Comunicaciones et (C‑441/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Omnitel Comunicaciones et”, EU:C:2024:916, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


4      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 72 tal‑5 ta’ Frar 2003.


5      Fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”).


6      Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). Iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss”.


7      Il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Luso Temp (C‑426/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Luso Temp”, EU:C:2022:373, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, EU:C:1983:335, punt 12), u Omnitel Comunicaciones et (punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2025, Regione Marche (Rata massima ta’ għajnuna) (C‑497/24, EU:C:2025:959, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2025, Il‑Kummissjoni vs Spanja et (Ishma indiretti) (C‑776/23 P sa C‑780/23 P, EU:C:2025:487, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, TimePartner Personalmanagement (C‑311/21, EU:C:2022:983, punt 47).


12      Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2022, TimePartner Personalmanagement (C‑311/21, EU:C:2022:983, punt 32).


13      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Manpower Lit (C‑948/19, EU:C:2021:906, punt 60).


14      Nirrileva li, fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal‑21 ta’ Marzu 2014 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (COM(2014) 176 final), il-Kummissjoni tgħid li mil-lista fl-Artikolu 3(1)(f) ta’ din id-direttiva “ma tista’ ssir l-ebda deroga”. Naqbel ma’ din l-evalwazzjoni, iżda nżid ngħid li dan għandu jfisser ukoll li din il-lista ma tistax tiġi estiża.


15      ĠU 2014, L 94, p. 375.


16      Enfasi miżjuda minni.


17      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267.


18      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Omnitel Comunicaciones et (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Omnitel Comunicaciones et (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Omnitel Comunicaciones et (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ara s-sentenza Omnitel Comunicaciones et (punt 57).


22      Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji, konformement mad-dritt nazzjonali jew mal-prattiki fis-seħħ fil-pajjiż, bil-ħsieb li jipprevjenu l-użu abbużiv tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu u, b’mod partikolari, jipprevjenu l-assenjazzjonijiet suċċessivi bil-ħsieb li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/104.


23      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2020, KG (Assenjazzjonijiet suċċessivi fil-kuntest ta’ xogħol temporanju) (C‑681/18, EU:C:2020:823, punt 42).


24      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 418.


25      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Randstad Empleo et (C‑649/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza Randstad Empleo et”, EU:C:2024:156, punt 53).


26      Ara s-sentenza Randstad Empleo et (punt 57).


27      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Luso Temp (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Luso Temp (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      B’hekk, “[l]-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-politiki soċjali għandha bħala għan globali l-iżvilupp ta’ forom flessibbli ta’ xogħol, sabiex jintlaħaq grad ogħla ta’ armonizzazzjoni tad-dritt soċjali applikabbli għalih. Il-mudell leġiżlattiv li jifforma l-bażi ta’ din l-azzjoni huwa bbażat fuq it-tfittxija ta’ bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol, u ġie msejjaħ ‘flessigurtà’”: ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Luso Temp (C‑426/20, EU:C:2021:995, punt 35).


30      Ara s-sentenza Luso Temp (punt 30).


31      Ara s-sentenza Luso Temp (punt 31).


32      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Luso Temp (punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278.


34      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Luso Temp (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Luso Temp (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Luso Temp (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37      Iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time”.


38      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Luso Temp (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Luso Temp (punt 36).


40      Ara s-sentenza Luso Temp (punt 47).


41      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Luso Temp (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Randstad Empleo et (punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Ara s-sentenza Randstad Empleo et (punt 62).


44      Ara Driguez, L., “Égalité de traitement des travailleurs intérimaires”, Europe, Nru 4, Éditions techniques, Pariġi, April 2024.


45      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Vega González (C‑158/16, EU:C:2017:1014, punt 34). Għalhekk, ir-regoli relatati mad-determinazzjoni tat-terminu ta’ preavviż applikabbli fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss jagħmlu parti mill-“kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess japplika għall-kumpens li l-persuna li timpjega hija obbligata tħallas lil ħaddiem minħabba l-iffissar illeċitu ta’ terminu fiss fil-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jew wara x-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment) (C‑715/20, EU:C:2024:139, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment) (C‑715/20, EU:C:2024:139, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


48      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment) (C‑715/20, EU:C:2024:139, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


49      Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment) (C‑715/20, EU:C:2024:139, punt 40).


50      Skont il-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss, “[f]ejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva”.


51      Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Della Rocca (C‑290/12, EU:C:2013:235, punt 45).