|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1543 |
31.5.2024 |
TRADUZZJONI
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija Spazjali Ewropea dwar is-sigurtà u l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata
EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Unjoni”,
u
L-AĠENZIJA SPAZJALI EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ESA”,
minn hawn ‘il quddiem flimkien imsejħa “il-Partijiet”,
WARA LI KKUNSIDRAW it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
WARA LI KKUNSIDRAW il-Konvenzjoni għall-Istabbiliment ta’ Aġenzija Spazjali Ewropea, magħmula f’Pariġi fit-30 ta’ Mejju 1975 u li daħlet fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 1980,
WARA LI KKUNSIDRAW il-Ftehim bejn l-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni għall-Istabbiliment ta’ Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Aġenzija Spazjali Ewropea dwar il-protezzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata, magħmul f’Pariġi fid-19 ta’ Awwissu 2002 u li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Ġunju 2003,
FILWAQT LI JQISU li l-Partijiet jikkondividu l-objettiv li jsaħħu s-sigurtà tagħhom stess b’kull mod,
FILWAQT LI JQISU li l-Partijiet jaqblu li jenħtieġ li tiġi żviluppata kooperazzjoni bejniethom dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni rigward is-sigurtà u li riżoluzzjoni dwar il-Politika Spazjali Ewropea kienet ġiet approvata kemm mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Kunsill tal-ESA fit-22 ta’ Mejju 2007 li tenfasizza, fost oħrajn, il-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji fil-qasam tas-sigurtà,
FILWAQT LI JQISU li, f’dan il-kuntest, teżisti għalhekk ħtieġa permanenti għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li konsultazzjoni u kooperazzjoni sħaħ u effettivi jistgħu jeħtieġu l-aċċess għal informazzjoni klassifikata tal-Partijiet u l-iskambju tagħha,
FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-ESA jista’ jkollha bżonn toħloq informazzjoni klassifikata tal-UE fil-kuntest ta’ ċerti programmi tal-Unjoni,
KONXJI li tali aċċess għal, skambju ta’ u ħolqien ta’ informazzjoni klassifikata jeħtieġu miżuri adegwati ta’ sigurtà,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Skop
Sabiex jintlaħaq l-objettiv tat-tisħiħ tas-sigurtà ta’ kull waħda mill-Partijiet b’kull mod, dan il-Ftehim bejn l-Unjoni u l-ESA dwar is-sigurtà u l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata għandu japplika għal informazzjoni klassifikata kif definit fl-Artikolu 2 provduta minn Parti waħda (il-“Parti provvedenti”) lill-Parti l-oħra (il-“Parti riċeventi”) jew skambjata bejn il-Partijiet.
Artikolu 2
Definizzjoni ta’ informazzjoni klassifikata
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “informazzjoni klassifikata” tfisser kwalunkwe informazzjoni jew materjal, fi kwalunkwe forma, li:
|
(a) |
skont waħda mill-Partijiet ikun jeħtieġ protezzjoni peress li t-telf jew l-iżvelar mhux awtorizzat tiegħu jista’ jikkawża gradi differenti ta’ preġudizzju għall-interessi tal-ESA jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha jew għall-interessi tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha; u |
|
(b) |
ikun immarkat skont it-tabella ta’ ekwivalenza stabbilita fl-arranġament ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(2). |
Artikolu 3
Partijiet għall-Ftehim
1. Dan il-Ftehim japplika għall-Unjoni u għall-ESA.
2. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, l-Unjoni għandha tfisser il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-“Kunsill”), is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (is-“SEAE”).
Artikolu 4
Awtoritajiet ta’ sigurtà kompetenti
1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, l-awtoritajiet ta’ sigurtà kompetenti għandhom ikunu:
|
(a) |
għall-ESA, l-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-ESA, taħt l-awtorità tad-Direttur Ġenerali tal-ESA; |
|
(b) |
għall-Unjoni:
|
2. L-awtoritajiet ta’ sigurtà kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jistabbilixxu arranġament ta’ implimentazzjoni sabiex jistabbilixxu l-istandards għall-protezzjoni u s-salvagwardja reċiproċi ta’ informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim (l-“Arranġament ta’ Implimentazzjoni”), inkluż informazzjoni klassifikata tal-UE (“IKUE”) maħluqa mill-ESA skont l-Artikolu 6.
3. Għall-ESA, l-Arranġament ta’ Implimentazzjoni għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-Kunsill tal-ESA.
4. Għall-Unjoni, l-Arranġament ta’ Implimentazzjoni għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-Kumitat tas-Sigurtà tal-Kunsill.
Artikolu 5
Prinċipji ta’ sigurtà
Kull Parti:
|
(a) |
għandha tipproteġi u tissalvagwardja informazzjoni klassifikata tal-Parti l-oħra soġġetta għal dan il-Ftehim f’konformità ma’ dan il-Ftehim u mar-regoli u r-regolamenti applikabbli tagħha stess; |
|
(b) |
għandha tiżgura li l-informazzjoni klassifikata provduta mill-Parti l-oħra jew skambjata magħha taħt dan il-Ftehim iżżomm il-klassifikazzjoni ta’ sigurtà mogħtija lilha mill-Parti provvedenti u li ma tbaxxix il-livell tal-klassifikazzjoni tagħha jew tiddeklassifikaha mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti; il-Parti riċeventi għandha tipproteġi u tissalvagwardja tali informazzjoni klassifikata f’konformità mar-regoli u r-regolamenti ta’ sigurtà tagħha stess għal informazzjoni klassifikata li jkollha klassifikazzjoni ta’ sigurtà ekwivalenti; |
|
(c) |
ma għandhiex tuża informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim għal finijiet oħra għajr dawk stabbiliti mill-Parti provvedenti, ħlief fejn il-Parti provvedenti tkun tat il-kunsens tagħha bil-miktub minn qabel; |
|
(d) |
ma għandhiex tiżvela informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim lil partijiet terzi, jew lil kwalunkwe istituzzjoni jew entità tal-UE mhux imsemmija fl-Artikolu 3(2), ħlief fejn il-Parti provvedenti tkun tat il-kunsens tagħha bil-miktub minn qabel; |
|
(e) |
ma għandhiex tippermetti l-aċċess għal informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim minn individwi dment li ma jkollhomx għalfejn ikunu jafu u, fejn applikabbli, ikunu ngħataw l-approvazzjoni adatta tas-sigurtà sal-livell meħtieġ; |
|
(f) |
għandha tiżgura li l-individwi kollha li jkollhom aċċess għal informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim jkunu infurmati bir-responsabbiltà tagħhom li jipproteġuha f’konformità mar-regoli u r-regolamenti applikabbli; |
|
(g) |
għandha tiżgura li informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim tiġi ttrattata u maħżuna f’faċilitajiet li jkunu sikuri, ikkontrollati u protetti b’mod xieraq f’konformità mar-regoli u r-regolamenti applikabbli. |
Artikolu 6
Ħolqien ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE mill-ESA
1. Fejn l-implimentazzjoni ta’ programm tal-Unjoni teħtieġ il-ħolqien ta’ IKUE mill-ESA, l-ESA għandha toħloq IKUE skont il-kundizzjonijiet speċifikati fl-Arranġament ta’ Implimentazzjoni.
2. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, l-IKUE maħluqa mill-ESA skont il-paragrafu 1 għandha tkun protetta mill-ESA, li taġixxi bħala l-Parti riċeventi, f’konformità mal-prinċipji ta’ sigurtà stipulati fl-Artikolu 5.
Artikolu 7
Rilaxx u żvelar ta’ informazzjoni klassifikata
1. Informazzjoni klassifikata għandha tiġi rilaxxata jew żvelata biss mill-Parti provvedenti lill-Parti riċeventi skont il-prinċipju tal-kontroll tal-oriġinatur.
2. Ir-rilaxx jew l-iżvelar ta’ informazzjoni klassifikata lil riċevituri oħra ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 3 għandu jeħtieġ deċiżjoni mill-Parti riċeventi wara li jinkiseb il-kunsens bil-miktub tal-Parti provvedenti, f’konformità mal-prinċipju tal-kontroll tal-oriġinatur kif definit fir-regoli u r-regolamenti ta’ sigurtà rispettivi tal-Partijiet.
3. L-ebda rilaxx ġeneriku ta’ informazzjoni klassifikata ma għandu jkun possibbli għall-finijiet tal-paragrafi 1 jew 2 ħlief jekk jintlaħaq qbil dwar il-proċeduri u dawn jiġu stabbiliti mill-Partijiet fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ informazzjoni.
4. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jitqies bħala bażi għal rilaxx mandatorju ta’ informazzjoni klassifikata bejn il-Partijiet.
5. Informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim għandha tiġi pprovduta biss lil kuntrattur jew kuntrattur prospettiv bil-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti provvedenti jew wara struzzjonijiet maħruġa għal dak l-għan mill-Parti provvedenti. Qabel ma tiżvela kwalunkwe informazzjoni klassifikata lil kuntrattur jew kuntrattur prospettiv, il-Parti riċeventi għandha tivverifika li l-kuntrattur jew il-kuntrattur prospettiv ikollu l-approvazzjoni tas-sigurtà għall-faċilità meħtieġa, fejn applikabbli, għalih innifsu u jkollu l-approvazzjonijiet ta’ sigurtà xierqa għall-persunal tiegħu li jeħtieġ aċċess għal informazzjoni klassifikata.
Artikolu 8
Sigurtà tal-persunal
1. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni kollha li, fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom, jeħtieġu aċċess, jew li d-dmirijiet jew funzjonijiet tagħhom jistgħu jagħtuhom aċċess, għal informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim ikunu ngħataw l-approvazzjoni tas-sigurtà, fejn meħtieġ, qabel ma jingħataw aċċess għal tali informazzjoni.
2. Il-proċeduri għall-approvazzjoni tas-sigurtà għandhom jiġu implimentati f’konformità mar-regoli u r-regolamenti rispettivi ta’ sigurtà, inkluż fir-rigward ta’ jekk individwu jistax, b’kont meħud tal-lealtà, il-fiduċja u l-affidabbiltà tiegħu, ikollu aċċess għal informazzjoni klassifikata.
Artikolu 9
Kooperazzjoni dwar is-sigurtà
1. Il-Partijiet għandhom jipprovdu assistenza reċiproka fir-rigward tas-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim u kwistjonijiet ta’ interess komuni ta’ sigurtà. Konsultazzjonijiet u żjarat ta’ valutazzjoni reċiproċi ta’ sigurtà għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet ta’ sigurtà kompetenti msemmija fl-Artikolu 4(1) biex tiġi vvalutata l-effettività tal-Arranġament ta’ Implimentazzjoni.
2. Qabel ma l-Partijiet jipprovdu jew jiskambjaw informazzjoni klassifikata skont dan il-Ftehim, l-awtoritajiet ta’ sigurtà kompetenti msemmija fl-Artikolu 4(1) għandhom jikkonfermaw li l-Parti riċeventi hija kapaċi tipproteġi u tissalvagwardja tali informazzjoni b’mod konsistenti mal-Arranġament ta’ Implimentazzjoni.
Artikolu 10
Trażmissjoni ta’ informazzjoni klassifikata
1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:
|
(a) |
l-informazzjoni klassifikata kollha rilaxxata lill-Unjoni skont dan il-Ftehim għandha tintbagħat permezz ta’:
|
|
(b) |
l-informazzjoni klassifikata kollha rilaxxata lill-ESA skont dan il-Ftehim għandha tintbagħat lil:
|
2. Jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet operazzjonali speċifiċi, il-korrispondenza minn Parti waħda, inkluż f’forma elettronika, tista’ tiġi indirizzata direttament lill-Parti l-oħra. Il-proċeduri korrispondenti għandhom jiġu stipulati fl-Arranġament ta’ Implimentazzjoni.
3. It-trażmissjoni elettronika ta’ informazzjoni klassifikata bejn l-Unjoni u l-ESA u bejn l-ESA u l-Unjoni għandha tkun kriptata f’konformità mar-rekwiżiti tal-Parti provvedenti kif stipulat fir-regoli u r-regolamenti applikabbli tagħha. L-Arranġament ta’ Implimentazzjoni għandu jistipula l-kundizzjonijiet korrispondenti li taħthom kull Parti tista’ tittrażmetti, taħżen jew tipproċessa informazzjoni klassifikata, provduta mill-Parti l-oħra, fin-networks interni tagħha.
Artikolu 11
Inċidenti ta’ sigurtà
1. L-awtorità tas-sigurtà kompetenti ta’ Parti msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità tas-sigurtà kompetenti tal-Parti l-oħra bi kwalunkwe każ ta’ żvelar mhux awtorizzat ippruvat jew suspettat jew telf ta’ informazzjoni klassifikata provduta mill-Parti l-oħra. L-awtorità tas-sigurtà kompetenti tal-Parti rilevanti għandha twettaq investigazzjoni, bl-assistenza tal-Parti l-oħra jekk meħtieġ, u għandha tirrapporta r-riżultati lill-Parti l-oħra.
2. L-awtoritajiet ta’ sigurtà kompetenti msemmija fl-Artikolu 4(1) għandhom jistabbilixxu proċeduri li għandhom jiġu segwiti f’każ ta’ kompromess ippruvat jew suspettat ta’ informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim, inkluż notifika lill-Parti l-oħra dwar iċ-ċirkostanzi u l-azzjoni li ttieħdet biex jiġi evitat li dan jerġa’ jseħħ.
Artikolu 12
Spejjeż
Kull Parti għandha tassumi l-ispejjeż tagħha stess fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 13
Ftehimiet oħrajn
Dan il-Ftehim ma għandux jipprekludi lill-Partijiet milli jikkonkludu xi ftehimiet oħra relatati mal-provvediment jew l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim, dment li dawk il-ftehimiet ma jkunux f’konflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 14
Sorveljanza
Id-Direttur Ġenerali tal-ESA, is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, il-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal kwistjonijiet ta’ sigurtà u r-Rappreżentant Għoli għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 15
Riżoluzzjoni tat-tilwim
Kwalunkwe differenza bejn il-Partijiet li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi indirizzata b’negozjati bejn il-Partijiet. Matul dawn in-negozjati, il-Partijiet għandhom ikomplu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim.
Artikolu 16
Denunzji
Kull Parti tista’ tiddenunzja dan il-Ftehim permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma għandux jibqa’ fis-seħħ sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi tali notifika bil-miktub, iżda ma għandux jaffettwa l-obbligi li jkunu diġà daħlu għalihom skont dan il-Ftehim. B’mod partikolari, l-informazzjoni klassifikata kollha provduta jew skambjata skont dan il-Ftehim għandha tkompli tiġi ttrattata b’tali mod li tkun protetta f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.
Artikolu 17
Dispożizzjonijiet finali
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dak li matulu l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dak il-għan.
2. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe bidla fir-regoli u r-regolamenti tagħha li tista’ taffettwa l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim.
3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi rieżaminat biex jiġu kkunsidrati emendi eventwali b’talba ta’ xi waħda mill-Partijiet.
4. Kwalunkwe emenda magħmula lil dan il-Ftehim għandha ssir biss bil-miktub u bi ftehim komuni bejn il-Partijiet. Tali emenda għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dak li matulu l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dak il-għan.
5. In-notifiki mill-ESA msemmija fl-Artikolu 16 u f’dan l-Artikolu għandhom jiġu indirizzati, sa fejn hija kkonċernata l-Unjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill.
Dan il-Ftehim għandu jitfassal b’żewġ kopji bil-lingwa Ingliża.
B’XHIEDA TA’ DAN, is-sottofirmatarji, awtorizzati kif meħtieġ għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.
Magħmul fi Brussell, fit-tnejn u għoxrin jum ta’ Mejju fis-sena elfejn u erbgħa u għoxrin.
ANNESS
DIKJARAZZJONI KONGUNTA MILL-UNJONI EWROPEA U L-AĠENZIJA SPAZJALI EWROPEA DWAR IL-FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-AĠENZIJA SPAZJALI EWROPEA DWAR IS-SIGURTÀ U L-ISKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI KLASSIFIKATA
L-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/696 (1) li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-Programm Spazjali fdat lill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) b’għadd ta’ kompiti minħabba l-għarfien espert tagħha fil-qasam spazjali. Dan, flimkien mal-għadd kbir ta’ bidliet li seħħew matul l-aħħar snin kemm min-naħa tal-UE kif ukoll min-naħa tal-ESA, irrikjeda r-reviżjoni tal-Ftehim bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà u l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata (2), konkluż fl-2008.
Għal dak l-għan, it-test ta’ Ftehim ġdid ġie nnegozjat u ffinalizzat miż-żewġ Partijiet. Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-istandards għall-protezzjoni reċiproka u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata bejn l-ESA u l-UE.
Fil-mument tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim illum, iż-żewġ Partijiet b’dan jiddikjaraw li dan il-Ftehim jissostitwixxi l-Ftehim bejn l-ESA u l-UE dwar is-sigurtà u l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata ffirmat fi Brussell fit-18 ta’ Lulju 2008, li għandu jieqaf japplika mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.
(1) Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 170, 12.5.2021, p. 69).
(2) Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 219, 14.8.2008, p. 59.
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree/2024/1543/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)