52006PC0280

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lir-Renju Unit biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 5(6) u 11(A)(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku) /* KUMM/2006/0280 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 08.06.2006

KUMM(2006) 280 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Renju Unit biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 5(6) u 11(A)(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

110 | Il-bażi għall-proposta u l-għanijiet tagħha Skond l-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-fatturat - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ valutazzjoni, il-Kunsill, filwaqt li jopera unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza kwalunkwe Stat Membru li japplika miżuri speċjali għal deroga minn dik id-Direttiva sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ħlas ta' taxxa. Permezz ta’ ittra rreġistrata mis-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni tas-7 ta’ April 2005, ir-Renju Unit talab l-awtorizzazzjoni biex ibiddel il-miżura ta’ deroga eżistenti rigward il-kalkolu tal-VAT li għandu jingħata fuq l-ispiża tal-fjuwil għal karozzi tax-xogħol li huma wkoll użati parzjalment għal raġunijiet privati. B’konformità ma’ l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra li ġġib id-data tat-26 ta’ Ottubru 2005 bit-talba magħmula mir-Renju Unit. B’ittra li ġġib id-data tat-27 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba. |

120 | Il-kuntest ġenerali Ir-Renju Unit kiseb awtorizzazzjoni fl-1986 biex japplika skema ta’ rata fissa biex jiddetermina l-ammont tal-VAT li għandu x’jaqsam ma’ l-ispiża tal-fjuwil relatat ma’ l-użu privat ta’ karozzi tax-xogħol (Deċiżjoni tal-Kunsill 86/356/KEE). Skond din is-sistema, ir-Renju Unit ippermetta tnaqqis inizjali sħiħ tal-VAT fuq ix-xiri tal-fjuwil għal karozzi tax-xogħol. Għaldaqstant, il-VAT kien iċċarġjat fuq il-fjuwil relatat ma’ l-użu privat tal-karozza. Il-prezz medju globali tal-fjuwil għall-użu privat tal-karozzi tax-xogħol kien ikkalkulat fuq bażi makro-ekonomika mbagħad iċċarġjat skond skala li kkorrispondiet mal-kapaċità tal-magna u t-tip ta’ fjuwil tal-vettura. Il-prezz medju ġie aġġustat annwalment skond il-bidliet fin-nefqa medja tal-fjuwil. Is-sistema rrapreżentat simplifikazzjoni, kemm għall-awtoritajiet tat-taxxa kif ukoll għal dawk li jħallsuha. B'mod partikolari, ħelset lil dawk li jħallsu t-taxxa mill-bżonn li jżommu reġistri dettaljati tal-mili li jagħmlu. Fl-istess ħin, għandu jiġi nnutat li din is-sistema kienet fakultattiva għal dawk li jħallsu t-taxxa, li setgħu jsegwu r-regoli tal-VAT normali jekk xtaqu dan u jikkonformaw ma’ l-obbligi li jżommu rekords. Ir-Renju Unit issa qiegħed jipprevedi li jbiddel is-sistema tiegħu. Il-prinċipji bażiċi jibqgħu l-istess filwaqt li s-sistema l-ġdida proposta tkun tapplika “spiża fuq l-iskala” marbuta ma’ l-emissjonijiet tas-CO2 ta’ vettura. Peress li hemm korrelazzjoni diretta bejn l-emissjoniiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil, aktar ma tkun l-emissjoni tas-CO2, aktar ikun il-konsum tal-fjuwil u għalhekk akbar l-ammont tal-VAT li għandu jitħallas għall-fjuwil użat għas-sewqan privat. Il-Kummissjoni tifhem li l-arranġament preżenti ppermetta tabilħaqq lir-Renju Unit sabiex jissimplifika l-ħlas tat-taxxa tul is-snin u li s-sistema l-ġdida, li se tissokta tkun fakultattiva għal dawk li jħallsu t-taxxa, jkollha effett simili. Ir-Renju Unit spjega wkoll li spiża maħsuba għal numru akbar ta’ meded imsejsa fuq l-emissjonijiet tas-CO2 se jirreflettu b’mod aktar speċifiku l-konsum privat milli l-meded eżistenti msejsa fuq id-daqsijiet tal-magna u t-tipi ta' fjuwil. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra l-awtorizzazzjoni biex ir-Renju Unit japplika l-miżura speċjali aġġustata bħala waħda xierqa. F’dan il-kuntest, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/356/KEE inizjali se jkollha titneħħa. Madankollu, sabiex ikun hemm tranżizzjoni mingħajr xkiel, din id-Deċiżjoni se tiġi revokata biss fit-30 ta’ April 2007 u, f’kwalunkwe każ, mhux wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri nazzjonali rilevanti. |

130 | Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/356/KEE tal-21 ta’ Lulju 1986 li tawtorizza lir-Renju Unit sabiex japplika miżuri ta’ rata fissa rigward il-valur li ma jistax jitnaqqas, miżjud mat-taxxa mħallsa fuq l-ispiża tal-fjuwil fuq karozzi tax-xogħol. |

140 | Konsistenza ma’ politika u għanijiet oħra ta’ l-Unjoni Mhux applikabbli. |

KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONI TA’ L-IMPATT |

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

219 | Mhux rilevanti. |

Ġbir u użu ta’ għarfien espert |

229 | Ma kienx hemm ħtieġa ta' għarfien espert estern. |

230 | Il-valutazzjoni ta' l-impatt Id-Deċiżjoni proposta tikkonċerna miżuri ta’ simplifikazzjoni għall-ħlas tal-VAT fuq il-fjuwil għal karozzi tax-xogħol fir-Renju Unit u għalhekk għandha potenzjal għal impatt ekonimiku pożittiv. F'kull każ l-impatt se jkun limitat minħabba l-firxa dejqa tad-deroga. |

ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA |

305 | Taqsira ta’ l-azzjoni proposta Awtorizzazzjoni għar-Renju Unit biex tidderoga mill-Artikoli 5(6) u 11(A)(1)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE sabiex tapplika miżuri speċjali għad-determinazzjoni tal-proporzjon tal-VAT relatat ma’ l-ispiża tal-fjuwil użat għal raġunijiet privati f’karozzi tax-xogħol fuq il-bażi ta’ l-emissjonijiet tas-CO2. |

310 | Il-Bażi legali L-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq il-fatturat - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ valutazzjoni. |

329 | Prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. |

Prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. |

331 | Din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq it-talba tiegħu stess u ma timplika l-ebda obbligu. |

332 | Minħabba fl-ambitu limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata ma’ l-għan li għandu jinkiseb. |

Għażla ta’ strumenti |

341 | L-istrumenti proposti: oħrajn. |

342 | Mezzi oħra ma jkunux tajbin għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. Skond l-Artikolu 27 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta' taxxi fuq il-fatturat, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija biss possibbli fuq l-awtorità tal-Kunsill filwaqt li jopera unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-uniku strument addattat billi tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali. |

IMPLIKAZZJONI BAġITARJA |

409 | Il-proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-Komunità. |

INFORMAZZJONI SUPPLIMENTARI |

520 | Ir-revoka ta' leġiżlazzjoni eżistenti L-adozzjoni tal-proposta se twassal għar-revoka tal-leġiżlazzjoni eżistenti. |

Klawżola ta’ analiżi/reviżjoni/estinzjoni |

533 | Il-proposta tinkludi klawsola ta' estinzjoni. |

1. Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lir-Renju Unit biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 5(6) u 11(A)(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq il-fatturat - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud; bażi uniformi ta’ valutazzjoni [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 27 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2],

Billi:

(1) Permezz ta’ ittra rreġistrata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni tas-7 ta’ April 2005, ir-Renju Unit talab awtorizzazzjoni biex jidderoga mill-Artikolu 5(6) u 11(A)(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE.

(2) B’konformità ma’ l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra b’ittra li ġġib id-data tat-26 ta’ Ottubru 2005 bit-talba magħmula mir-Renju Unit. B’ittra li ġġib id-data tas-27 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa biex tivvaluta t-talba.

(3) Ir-Renju Unit jixtieq jissostitwixxi d-deroga, stipulata fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/356/KEE tal-21 ta’ Lulju 1986 li tawtorizza lir-Renju Unit biex japplika miżuri ta’ rata fissa relatati mal-valur li ma jistax jitnaqqas, miżjud mat-taxxa mħallsa fuq l-ispiża tal-fjuwil tal-karozzi tax-xogħol [3], li awtorizzat miżuri ta’ simplifikazzjoni speċjali sabiex tiddetermina fuq bażi ta’ rata fissa l-proporzjon tat-taxxa ta’ valur miżjud (VAT) li tikkonċerna l-ispiża tal-fjuwil fil-karozzi tax-xogħol użati parzjalment għal użu privat. Din il-proċedura teħles lill-persuni taxxabbli mill-bżonn li jżommu reġistri dettaljati tal-mili li għamlu sabiex jikkalkulaw, għal kull karozza, l-ammont eżatt ta’ VAT li għandu x’jaqsam mas-sewqan privat u ma’ dak tal-kumpanija. Bħal din is-sistema, is-sistema proposta l-ġdida se tkun fakultattiva għal persuni taxxabbli.

(4) Is-sistema attwali tissejjes fuq it-tip ta’ fjuwil użat u d-daqs tal-magna tal-karozza. Ir-Renju Unit jixtieq li jemenda din is-sistema u jibbażaha fuq il-livell ta’ emissjonijiet ta’ karbonju dijossidju (CO2) mill-karozza, peress li hemm korrelazzjoni proporzjonali bejn l-emissjoniiet u l-konsum tal-fjuwil u għalhekk ma’ l-ispiża fuq il-fjuwil. Dan ifisser li s-sistema ta’ skala ta’ rata fissa msejsa fuq l-emissjonijiet tas-CO2 tista’ tikseb l-istess għan tat-taxxa fuq l-ispiża tal-fjuwil li daħlet fiha l-kumpanija għal sewqan privat. Fl-istess ħin, ir-Renju Unit jistenna wkoll li jikseb aktar reqqa fid-determinazzjoni ta’ l-ispiża għal konsum privat billi jżid, u b’hekk jispeċifika n-numru tal-meded ta’ l-iskala meta mqabbel mal-meded eżistenti.

(5) Dan l-arranġament ippermetta effetivament lir-Renju Unit sabiex jissimplifika l-proċedura għall-ħlas tat-taxxa fuq l-ispiża tal-fjuwil għall-karozzi tax-xogħol u s-sistema proposta, imsejsa fuq l-emissjonijiet tas-CO2 se jkollha effett simili. Il-konsum privat għandu jintwera b’aktar reqqa bis-sistema l-ġdida.

(6) L-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata fiż-żmien, sabiex fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba sa dik id-data tista’ tintlaħaq valutazzjoni dwar jekk id-deroga tibqax ġustifikata jew le.

(7) Id-Deċiżjoni 86/356 għandha tiġi revokata wara ċertu perjodu iżda f’kwalunkwe każ fid-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jintroduċu l-miżura speċjali, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-awtorizzazzjoni għaż-żewġ sistemi teżisti fl-istess ħin.

(8) Ir-Renju Unit għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jintroduċu l-miżura speċjali l-ġdida malli jiġu adottati u għandu jiżgura li din il-miżura ma tidħolx fis-seħħ qabel it-30 ta’ April 2007.

(9) Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi Komunitarji proprji li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 5(6) u 11(A)(1)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE, ir-Renju Unit hu awtorizzat, mill-1 ta’ Mejju 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2015, li jiffissa fuq bażi ta’ rata fissa l-proporzjon tat-taxxa ta’ valur miżjud relatat ma’ l-ispiża tal-fjuwil użat għal raġunijiet privati fuq karozzi tax-xogħol.

Artikolu 2

Dan il-proporzjon tat-taxxa msemmi fl-Artikolu 1 għandu jintwera f’ammonti fissi, stabbiliti fuq il-bażi tal-livell ta’ emissjonijiet tas-CO2 tat-tip ta’ vettura, li jirrifletti l-konsum tal-fjuwil. Ir-Renju Unit se jaġġusta dawn l-ammonti fissi annwalment biex jirrifletti l-bidliet fin-nefqa medja tal-fjuwil.

Artikolu 3

Din is-sistema stabbilita fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva għandha tkun fakultattiva għal persuni taxxabbli.

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/356 hi rrevokata fit-30 ta’ April 2007.

Ir-Renju Unit għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1 malli dawn jiġu adottati.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u lill-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President,

[1] ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/18/KE (ĠU L 51, 22.2.2006, p. 12).

[2] ĠU C [...], [...], p. [...].

[3] ĠU L 212, 2.8.1986, p. 35.