27.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 249/50


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1656

tas-26 ta’ Settembru 2022

dwar ir-rikonoxximent tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni agrikola Awstrijaka (AACS) għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(6) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi rekwiżiti għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti tal-karbonju riċiklat, sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jingħaddu lejn il-miri stabbiliti f’dik id-Direttiva biss jekk dawn ikunu ġew prodotti b’mod sostenibbli u jiffrankaw emissjonijiet sinifikanti tal-gassijiet serra meta mqabbla mal-karburanti fossili. L-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jistabbilixxi l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet gassijiet serra tal-Istat Membru huwa obbligat li ma jirrikjedix għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa, u l-Artikolu 26 ta’ dik id-Direttiva u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 (2) jistabbilixxu l-kriterji għad-determinazzjoni ta’:

—

liema materja prima għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi jew il-karburanti mill-bijomassa għandha riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art; u

—

liema bijokarburanti, bijolikwidi jew karburanti mill-bijomassa b’riskju għoli ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet jistgħu jiġu ċċertifikati li għandhom riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art.

(2)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tipprevedi wkoll għal regoli ta’ kif tiġi kkalkulata l-kontribuzzjoni mill-elettriku rinnovabbli għall-miri tat-trasport, kemm meta l-elettriku jintuża direttament biex jagħti l-enerġija lill-vetturi elettriċi kif ukoll meta jintuża biex jiġu prodotti karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika li jintużaw fit-trasport.

(3)

Sabiex jiġi vverifikat li tkun żgurata l-konformità mar-regoli stabbiliti għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi, il-karburanti mill-bijomassa, il-karburanti rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u l-karburanti mill-karbonju riċiklat, l-Istati Membri jistgħu jużaw skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji jew nazzjonali. Kemm l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali kif ukoll dawk volontarji kellhom rwol importanti fil-forniment ta’ evidenza tal-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi skont id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Skont id-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-rwol tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji u nazzjonali ġie estiż. L-ewwel nett, issa jistgħu jservu biex tiġi ċċertifikata l-konformità tal-karburanti kollha prodotti mill-bijomassa, inklużi l-karburanti gassużi u solidi, mal-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001, u tiġi provduta data akkurata dwar l-iffrankar tagħhom tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. It-tieni, jistgħu jservu biex jiċċertifikaw il-konformità tal-karburanti għat-trasport rinnovabbli likwidi u gassużi ta’ oriġini mhux bijoloġika u tal-karburanti tal-karbonju riċiklat flimkien mal-kriterji tagħhom tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. It-tielet, jistgħu jservu biex tintwera l-konformità mar-regoli stabbiliti mill-Artikolu 27(3) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 biex jiġi kkalkulat l-elettriku rinnovabbli fit-trasport. Ir-raba’, jistgħu jservu biex jintwera li l-operaturi ekonomiċi jdaħħlu informazzjoni akkurata fil-bażi tad-data tal-Unjoni jew dik nazzjonali dwar il-karburanti rinnovabbli u l-karburanti mill-karbonju riċiklat użati fit-trasport f’konformità mal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Il-ħames, jistgħu jintużaw biex jiġu ċċertifikati l-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa b’riskju baxx ta’ bdil indirett tal-użu tal-art.

(4)

Meta operatur ekonomiku jagħti provi jew data dwar il-konformità mal-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, miksuba f’konformità ma’ skema nazzjonali jew volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni, sa fejn dan ikun kopert bid-deċiżjoni tar-rikonoxximent, l-Istat Membru huwa obbligat li ma jirrikjedix li l-operatur ekonomiku jipprovdi evidenza ulterjuri bħala prova addizzjonali għat-tali konformità. Għalhekk, il-valutazzjoni pożittiva u r-rikonoxximent formali mill-Kummissjoni ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali jew volontarja jiżguraw l-aċċettazzjoni obbligatorja tad-dikjarazzjonijiet ta’ konformità tagħhom mill-Istati Membri kollha.

(5)

L-Awstrija ressqet għall-ewwel darba talba għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 30(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 għall-iskema ta’ ċertifikazzjoni agrikola Awstrijaka (AACS) lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Lulju 2021. Dik it-talba wasslet għal valutazzjoni tal-iskema min-naħa tal-Kummissjoni, u fiha ġew identifikati ċerti kwistjonijiet li jeħtieġu modifika. L-iskema modifikata li tressqet mill-ġdid mill-Awstrija fis-7 ta’ Marzu 2022 indirizzat b’mod korrett dawk il-kwistjonijiet. L-iskema tkopri l-materja prima agrikola u ż-żjut veġetali (inklużi r-residwi) mill-azjenda agrikola sal-ipproċessar inizjali.

(6)

Fil-valutazzjoni tal-AACS, il-Kummissjoni sabet li din tkopri b’mod adegwat il-kriterji tas-sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(3) sa (5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, filwaqt li fiha wkoll data akkurata dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-fini tal-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u tapplika l-istess metodoloġija tal-bilanċ tal-massa f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(7)

Il-valutazzjoni tal-AACS ikkonkludiet li l-iskema tissodisfa l-istandards adegwati ta’ affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti u li tikkonforma mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Anness V tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(8)

Jenħtieġ li l-iskema rikonoxxuta tkun disponibbli fit-taqsima ddedikata għall-iskemi volontarji fuq is-sit web EUROPA tal-Kummissjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, il-Bijolikwidi u l-karburanti mill-Bijomassa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema ta’ ċertifikazzjoni agrikola Awstrijaka (“l-iskema”), imressqa għar-rikonoxximent tal-Kummissjoni fis-7 ta’ Marzu 2022, turi dan li ġej, għall-karburanti awditjati skont l-iskema:

(a)

il-konformità tal-kunsinni tal-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa mal-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(2) sa (5) u (10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

(b)

il-konformità tal-operaturi ekonomiċi mal-obbligu li jdaħħlu informazzjoni akkurata fil-bażi tad-data tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-karburanti rinnovabbli u l-karburanti tal-karbonju riċiklat użati fit-trasport f’konformità mal-Artikolu 28(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

L-iskema fiha wkoll data akkurata dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-fini tal-Artikolu 29(10) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, u b’hekk tiżgura li t-tagħrif rilevanti kollu mogħti mill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’il fuq fil-katina tal-kustodja jingħadda lill-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu iktar ’l isfel fil-katina tal-kustodja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tkun valida għal perjodu ta’ ħames snin mill-jum tad-dħul fis-seħħ tagħha.

Jekk il-kontenut tal-iskema, kif imressaq għar-rikonoxximent tal-Kummissjoni fis-7 ta’ Marzu 2022, jinbidel b’tali mod li jista’ jaffettwa l-bażi ta’ din id-Deċiżjoni, dan it-tibdil għandu jiġi nnotifikat minnufih lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-bidliet innotifikati bil-ħsieb li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha tkopri b’mod adegwat l-assigurazzjoni tal-kriterji ta’ sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni tista’ tħassar din id-Deċiżjoni f’ċerti ċirkostanzi, inklużi:

(a)

jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi kkunsidrati bħala importanti għal din id-Deċiżjoni jew tkun waqfet timplimentahom b’mod li jikkostitwixxi ksur gravi u strutturali;

(b)

jekk l-iskema tonqos milli tressaq rapporti annwali lill-Kummissjoni, kif inhu mitlub mill-Artikolu 30(5) tad-Direttiva (UE) 2018/2001; jew

(c)

jekk l-iskema tonqos milli tilħaq l-istandards ta’ awditjar indipendenti u rekwiżiti oħra speċifikati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(8) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jew tonqos milli timplimenta titjib għal elementi oħra tal-iskema kkunsidrati bħala importanti għal rikonoxximent kontinwu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/807 tat-13 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni ta' materja prima b'riskju għoli ta' tibdil indirett fl-użu tal-art li għaliha qed tiġi osservata espansjoni sinifikanti taż-żona ta' produzzjoni f'art b'ħażna kbira ta' karbonju u ċ-ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti mill-bijomassa b'riskju baxx ta' tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 133, 21.5.2019, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).