31.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 26/11


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/149

tal-15 ta' Novembru 2017

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti tal-kompożizzjoni u mal-karatteristiċi tal-kwalità tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib li huma eliġibbli għall-intervent pubbliku u għall-għajnuna għall-ħżin privat

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 19(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-kompożizzjoni u l-karatteristiċi tal-kwalità tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib li huma eliġibbli għall-intervent pubbliku u għall-għajnuna għall-ħżin privat.

(2)

Minħabba li sar titjib tekniku fil-metodoloġija li tintuża għall-analiżi u għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, u sabiex ir-regoli eżistenti tal-Unjoni marbutin mar-rekwiżiti tal-iġjene jiġu allinjati flimkien, jeħtieġ li jiġu riveduti l-parametri tar-rekwiżiti tal-kompożizzjoni u tal-karatteristiċi tal-kwalità ta' ċerti prodotti tal-ħalib li huma eliġibbli għall-intervent pubbliku u għall-għajnuna għall-ħżin privat, u li dawn jiġu aġġornati.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Annessi IV u V tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 huma emendati kif ġej:

(a)

il-Parti II tal-Anness IV qed tinbidel bit-test mogħti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament;

(b)

il-Parti II tal-Anness V qed tinbidel bit-test mogħti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 tat-18 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 15).


ANNESS I

“PARTI II

Rekwiżiti tal-kompożizzjoni u karatteristiċi tal-kwalità

Il-butir huwa emulsjoni solida, l-aktar tat-tip tal-ilma fiż-żejt, bil-karatteristiċi tal-kompożizzjoni u tal-kwalità li ġejjin:

Parametri

Kontenut u karatteristiċi tal-kwalità

Xaħam

Minimu ta' 82 %

Ilma

Massimu ta' 16 %

Solidi bla xaħam

Massimu ta' 2 %

Aċidità tax-xaħam

Massimu ta' 1,2 mmole għal kull 100 gramma xaħam

Valur tal-perossidu

Massimu ta' 0,3 meq ta' ossiġnu għal kull 1 000 gramma xaħam

Xaħam bla ħalib

Mhux traċċabbli b'analiżi tat-trigliċeridi

Karatteristiċi sensorjali

Mill-anqas erba' minn ħames punti għad-dehra, għat-togħma u għall-konsistenza”


ANNESS II

“PARTI II

Rekwiżiti tal-kompożizzjoni u karatteristiċi tal-kwalità

Parametri

Kontenut u karatteristiċi tal-kwalità

Proteina

Minimu ta' 34,0 % tal-materja niexfa bla xaħam

Xaħam

Massimu ta' 1,00 %

Ilma

Massimu ta' 3,5 %

Aċidità titrabbli f'millilitri ta' soluzzjoni tal-idrossidu tas-sodju deċinormali

Massimu ta' 19,5 ml

Lattat

Massimu ta' 150 mg għal kull 100 gramma

Test tal-fosfatażi

Negattiv, jiġifieri mhux aktar minn 350 mU ta' attività tal-fosfatażi għal kull litru ta' ħalib rikostitwit

Indiċi tal-insolubbiltà

Massimu ta' 0,5 ml (24 °C)

Partiċelli maħruqin

Massimu ta' 15,0 mg, jiġifieri tal-inqas id-diska B

Mikroorganiżmi

Massimu ta' 40 000 CFU għal kull gramma

Xorrox tal-butir (1)

L-ebda traċċa tiegħu (2)

Xorrox tat-tames (3)

L-ebda traċċa tiegħu

Xorrox aċiduż (3)

L-ebda traċċa tiegħu (4) jew massimu ta' 150 mg għal kull 100 gramma (5)

Togħma u riħa

Nodfa

Dehra

Kulur abjad jew li jagħti ftit fl-isfar, mingħajr impuritajiet u partiċelli kkuluriti


(1)   ‘Xorrox tal-butir’ tfisser il-prodott sekondarju tal-manifattura tal-butir li jinkiseb wara li titħawwad il-krema u jinfired ix-xaħam solidu.

(2)  In-nuqqas ta' xorrox tal-butir jista' jiġi stabbilit jew permezz ta' spezzjoni fuq il-post tal-impjant tal-produzzjoni li titwettaq tal-inqas darba fil-ġimgħa mingħajr avviż minn qabel, jew permezz ta' analiżi fil-laboratorju tal-prodott aħħari li tindika massimu ta' 69,31 mg ta' PEDP għal kull 100 gramma.

(3)   ‘Xorrox’ tfisser il-prodott sekondarju tal-manifattura tal-ġobon jew tal-kaseina li jinkiseb permezz tal-azzjoni tal-aċidi, tat-tames u/jew ta' proċessi kimiċi u fiżiċi.

(4)  Meta jitwettqu spezzjonijiet fuq il-post.

(5)  Meta jintuża l-istandard tal-ISO 8069.”