19.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 345/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1508

tat-12 ta’ Ottubru 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna (CESNI) u fi ħdan il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR) fir-rigward tal-adozzjoni ta’ standards li jikkonċernaw ir-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu tas-17 ta’ Ottubru 1868, emendata mill-Konvenzjoni li temenda l-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu, adottata fl-20 ta’ Novembru 1963, daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ April 1967.

(2)

F’konformità ma’ dik il-Konvenzjoni, il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR) tista’ tadotta rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni.

(3)

Jenħtieġ li l-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tan-navigazzjoni interna jkollha l-għan li tiżgura l-uniformità fl-iżvilupp tar-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni applikati fl-Unjoni.

(4)

Il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fil-qasam tan-navigazzjoni interna (“CESNI”) twaqqaf fit-3 ta’ Ġunju 2015 fil-qafas tas-CCNR biex jiżviluppa standards tekniċi għall-passaġġi fuq l-ilma interni f’diversi oqsma, b’mod partikolari fir-rigward tal-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ.

(5)

Għal trasport effiċjenti fuq il-passaġġi fuq l-ilma, huwa importanti li r-rekwiżiti tekniċi għal bastimenti jkunu kompatibbli u kemm jista’ jkun armonizzati skont reġimi legali differenti fl-Ewropa. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri li huma wkoll membri tas-CCNR jappoġġaw id-deċiżjonijiet li jarmonizzaw ir-regoli tas-CCNR ma’ dawk applikati fl-Unjoni.

(6)

Huwa mistenni li s-CESNI jadotta l-Istandard Ewropew li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna (“l-istandard ES-TRIN”) 2021/1 u l-Istandard Normattiv għan-Navigazzjoni Interna AIS 2021/3.0 waqt il-laqgħa tiegħu tat-13 ta’ Ottubru 2020.

(7)

L-istandard ES-TRIN 2021/1 jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi uniformi meħtieġa biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Dan jinkludi: dispożizzjonijiet dwar il-bini tal-bastimenti, l-armar u t-tagħmir għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni; dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ kategoriji speċifiċi ta’ bastimenti, bħal bastimenti tal-passiġġieri, konvojs imbuttati u bastimenti tal-kontejners; dispożizzjonijiet dwar it-tagħmir tas-sistema ta’ identifikazzjoni awtomatika; dispożizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni tal-bastiment; mudell ta’ ċertifikati u reġistru; dispożizzjonijiet tranżitorji; u struzzjonijiet għall-applikazzjoni tal-istandard tekniku. L-Istandard Normattiv tan-Navigazzjoni Interna AIS 2021/3.0 jiddefinixxi r-rekwiżiti operattivi u tal-prestazzjoni, il-metodi tal-ittestjar u r-riżultati tat-testijiet meħtieġa għal tagħmir tal-AIS tan-Navigazzjoni Interna ta’ fuq il-bastiment.

(8)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CESNI, billi l-istandard ES-TRIN 2021/1 ser ikun kapaċi jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).L-Anness II għal dik id-Direttiva tirreferi għar-rekwiżiti tekniċi għall-inġenji bħala dawk mogħtija fl-istandard ES-TRIN 2019/1. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa taġġorna dik ir-referenza għall-iktar verżjoni reċenti tal-istandard ES-TRIN u tistabbilixxi d-data tal-applikazzjoni tagħha.

(9)

Barra minn hekk, fil-laqgħa tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2020, is-CCNR hija mistennija tadotta riżoluzzjoni li temenda r-Regolamenti CCNR sabiex tinkludi referenza għall-istandard ES-TRIN 2021/1 u l-Istandard Normattiv tan-Navigazzjoni Interna komplementari AIS 2021/3.0. Għalhekk, huwa xieraq ukoll li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan is-CCNR.

(10)

L-Unjoni la hija membru tas-CCNR u lanqas tas-CESNI. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan dawk il-korpi għalhekk jenħtieġ li tiġi espressa minn dawk l-Istati Membri li huma membri ta’ dawk il-korpi, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Ewropew għat-tfassil tal-istandards fil-qasam tan-navigazzjoni interna (CESNI) fit-13 ta’ Ottubru 2020 għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-Istandard Ewropew li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni fl-Ilmijiet Interni (“standard ES-TRIN”) 2021/1 u l-Istandard Normattiv tan-Navigazzjoni Interna komplementari AIS 2021/3.0.

2.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt il-laqgħa tas-sessjoni plenarja tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR), fejn jiġu deċiżi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, għandha tkun li jiġu appoġġati l-proposti kollha li jallinjaw ir-rekwiżiti tekniċi ma’ dawk tal-istandard ES-TRIN AIS 2021/1 u l-Istandard Normattiv tan-Navigazzjoni Interna komplementari AIS 2021/3.0.

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stabbilita fl-Artikolu 1(1) għandhom jesprimuha dawk l-Istati Membri li huma membri tas-CESNI, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

2.   Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stabbilita fl-Artikolu 1(2) għandhom jesprimuha dawk l-Istati Membri li huma membri tas-CCNR, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni..

Artikolu 3

Bidliet tekniċi minuri fil-pożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mingħajr Deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2020.

F’isem il-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  Id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118).