|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1029 |
6.5.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1029
tas-27 ta’ April 2026
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali fl-84 sessjoni tiegħu fir-rigward tal-adozzjoni ta’ emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL) u fi ħdan il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali fil-111-il sessjoni tiegħu fir-rigward tal-adozzjoni ta’ emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974, għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja, 1994 (il-Kodiċi HSC tal-1994), għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja, 2000 (il-Kodiċi HSC tal-2000), għall-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011), għall-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparati għas-Salvataġġ tal-Ħajja (il-Kodiċi LSA) u għall-Protokoll tal-1988 relatat mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija tal-1966 (Protokoll tal-Linji tat-Tagħbija tal-1988)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Jenħtieġ li l-għan tal-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu jkun li tittejjeb is-sikurezza marittima u li jiġu protetti l-ambjent tal-baħar u saħħet il-bniedem. |
|
(2) |
Fl-84 sessjoni tiegħu mis-27 ta’ April sal-1 ta’ Mejju 2026 (MEPC 84), il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) mistenni jadotta emendi għall-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL) dwar id-deżinjazzjoni tal-Atlantiku tal-Grigal bħala Żona ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet ġdida (ir-regolamenti 13 u 14 u l-appendiċi VII), dwar l-aċċessibbiltà tal-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum taż-Żejt tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI) u l-klawżola ta’ rieżami tal-miżura ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra (GHG) fuq terminu qasir (ir-regolamenti 20, 25, 27 u 28). |
|
(3) |
Fil-111-il sessjoni tiegħu mit-13 sat-22 ta’ Mejju 2026 (MSC 111), il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) mistenni jadotta emendi għall-kapitoli IV u V u għall-appendiċi (Ċertifikati) tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974, tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja, 1994 (il-Kodiċi HSC tal-1994), tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja, 2000 (il-Kodiċi HSC tal-2000), tal-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011), tal-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (il-Kodiċi LSA) u għall-Anness B tal-Protokoll tal-1988 relatat mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija tal-1966 (Protokoll tal-Linji tat-Tagħbija tal-1988). |
|
(4) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul l-MEPC 84, billi l-emendi previsti għall-MARPOL kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għar-regolamenti 13 u 14 tal-Anness VI tal-MARPOL u għall-appendiċi VII tal-Anness VI tal-MARPOL, minħabba li dawk l-emendi ser jikkontribwixxu għall-prevenzjoni, għat-tnaqqis u għall-kontroll tal-emissjonijiet ta’ inkwinanti mill-bastimenti, li għandu jwassal għal benefiċċji relatati mas-saħħa, ambjentali u ekonomiċi. |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa wkoll l-emendi għar-regolament 27 tal-Anness VI tal-MARPOL, minħabba li ser ikomplu jtejbu l-aċċessibbiltà tad-DCS tal-OMI |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għar-regolamenti 20, 25, 27 u 28 tal-Anness VI tal-MARPOL, minħabba li dawk l-emendi huma konsegwenzjali għall-adozzjoni tal-Istrateġija tal-OMI dwar it-Tnaqqis ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra mill-Bastimenti tal-2023 u għall-finalizzazzjoni tar-rieżami tal-miżuri fuq terminu qasir mill-OMI, u jippermettu rieżami ulterjuri ta’ dawk ir-regolamenti. |
|
(8) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul l-MSC 111, billi l-emendi previsti għas-SOLAS, għall-Kodiċi HSC tal-1994, għall-Kodiċi HSC tal-2000, għall-Kodiċi ESP tal-2011, għall-Kodiċi LSA u għall-Protokoll tal-Linji tat-Tagħbija tal-1988 kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u d-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għall-kapitoli IV u V u tal-appendiċi (Ċertifikati) tas-SOLAS, tal-Kodiċi HSC tal-1994 u tal-Kodiċi HSC tal-2000 minħabba li huwa aktar effiċjenti li jintużaw mezzi ddedikati għall-messaġġi speċifiċi għall-applikazzjoni (ASM) tas-Sistema ta’ Skambju ta’ Data bil-VHF (VDES), u peress li l-VDES għandha kapaċità addizzjonali għall-iskambju ta’ aktar data diġitali, tista’ takkomoda ż-żieda futura fid-domanda għall-użu ta’ data diġitali fir-radjukomunikazzjoni marittima. Barra minn hekk, l-iskambju ta’ data diġitali jġib bosta benefiċċji, mhux biss għas-sikurezza u l-għarfien tas-sitwazzjoni, iżda wkoll għas-sigurtà, l-effiċjenza tan-navigazzjoni, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u t-tnaqqis tal-piż fuq il-baħħara. Il-VDES tipprovdi titjib sinifikanti għall-benefiċċji miksuba permezz tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni Awtomatika (AIS) u hija meqjusa faċilitatur tan-navigazzjoni elettronika. Il-kapaċità ta’ skambju ta’ ASM u informazzjoni oħra bejn il-bastimenti u l-awtoritajiet tax-xatt titjieb b’mod sinifikanti bl-implimentazzjoni ta’ VDES. Għalhekk jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa wkoll dawk l-emendi minħabba li, bl-introduzzjoni ta’ servizzi mobbli bis-satellita rikonoxxuti ġodda, jeħtieġ li r-regoli tal-OMI jiddikjaraw b’mod ċar ir-rekwiżit tat-tixrid ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza marittima u informazzjoni relatata mat-tiftix u s-salvataġġ permezz tas-servizzi mobbli bis-satellita rikonoxxuti operazzjonali kollha. |
|
(10) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għall-Kodiċi ESP tal-2011 minħabba li t-tekniki ta’ spezzjoni mill-bogħod joffru effiċjenza, flessibbiltà u affidabbiltà akbar fl-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni ta’ kuljum mingħajr ma jxekklu r-riżultati ta’ dawk l-attivitajiet. |
|
(11) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għall-Kodiċi LSA minħabba li ser jiffaċilitaw is-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar billi jżidu l-fiduċja fit-tħaddim effettiv u effiċjenti tad-dgħajjes tas-salvataġġ li jaqgħu waħedhom f’każ li l-bastiment jiġi abbandunat. |
|
(12) |
Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għall-Protokoll dwar il-Linji tat-Tagħbija tal-1988 minħabba li t-twaħħil ta’ gwardamani ta’ protezzjoni bi tliet livelli fuq l-istruttura tal-gverta jista’ jtejjeb b’mod effettiv il-protezzjoni tal-ekwipaġġ, inaqqas ir-riskju li l-ekwipaġġ jaqa’ l-baħar u r-riskju ta’ korrimenti, u jtejjeb is-sikurezza tal-bastimenti bi spiża ekonomika minima. |
|
(13) |
L-Unjoni la hija membru tal-OMI u lanqas parti kontraenti tal-MARPOL, tas-SOLAS, tal-Kodiċi HSC tal-1994, tal-Kodiċi HSC tal-2000, tal-Kodiċi ESP tal-2011, tal-Kodiċi LSA jew tal-Protokoll tal-Linji tat-Tagħbija tal-1988. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MEPC 84 u fl-MSC 111. |
|
(14) |
Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jkun limitat għall-kontenut tal-emendi proposti, sa fejn ikunu jistgħu jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni u jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) fl-84 sessjoni tiegħu għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni ta’:
|
(a) |
l-emendi għar-regolamenti 13 u 14 tal-Anness VI tal-MARPOL u għall-appendiċi VII tal-Anness VI tal-MARPOL dwar id-deżinjazzjoni tal-Atlantiku tal-Grigal bħala Żona ta’ Kontroll tal-Emissjonijiet ġdida (ECA), u |
|
(b) |
l-emendi għar-regolamenti 20, 25, 27 u 28 tal-Anness VI tal-MARPOL dwar l-aċċessibbiltà tal-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum taż-Żejt tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI) u l-klawżola ta’ rieżami tal-miżura ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra fuq terminu qasir, |
kif jinsabu fl-Anness tad-dokument MEPC 84/3 tal-OMI.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI fil-111-il sessjoni tiegħu għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni ta’:
|
(a) |
l-emendi għall-kapitoli IV u V u għall-appendiċi (Ċertifikati) tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974, |
|
(b) |
l-emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-1994 (il-Kodiċi HSC tal-1994), |
|
(c) |
l-emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Inġenji ta’ Veloċità Għolja tal-2000 (il-Kodiċi HSC tal-2000), |
|
(d) |
l-emendi għall-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt tal-2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011), |
|
(e) |
l-emendi għall-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (il-Kodiċi LSA), u |
|
(f) |
l-emendi għall-Anness B tal-Protokoll tal-1988 relatat mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Linji tat-Tagħbija tal-1966 (Protokoll tal-Linji tat-Tagħbija tal-1988), |
kif jinsabu fl-Anness tad-dokumenti MSC 111/3 u MSC 111/3/1 tal-OMI.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni kif stabbilita fl-Artikolu 1 u l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni kif stabbilita fl-Artikolu 2 it-tnejn ikopru l-emendi proposti sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u sa fejn kapaċi jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni. Kull pożizzjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri, li huma lkoll membri tal-OMI, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet minuri fil-pożizzjoni kif stabbilita fl-Artikolu 1 u fil-pożizzjoni kif stabbilita fl-Artikolu 2 mingħajr ma tittieħed deċiżjoni ulterjuri min-naħa tal-Kunsill.
Artikolu 4
L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi proposti, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-27 ta’ April 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
M. PANAYIOTOU
(1) Id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/802/oj).
(2) Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/757/oj).
(3) Id-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 134, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/959/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1805/oj).
(5) Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/45/oj).
(6) Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/59/oj).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/530/oj).
(8) Id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/90/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1029/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)