IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.1.2025
COM(2025) 23 final
2025/0009(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 31.1.2025
COM(2025) 23 final
2025/0009(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-Kunsill awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika ta’ Singapore (“Singapore”) fis-27 ta’ Ġunju 2023 1 . Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u Singapore nedew in-negozjati fl-20 ta’ Lulju 2023 2 . In-negozjati ġew konklużi fil-prinċipju fil-25 ta’ Lulju 2024 3 .
L-eżitu tan-negozjati jikkostitwixxi Ftehim Kummerċjali Diġitali modern u awtonomu bejn l-Unjoni Ewropea (“UE”) u Singapore (“EUSDTA”, Digital Trade Agreement between the European Union and Singapore), b’impenji ambizzjużi u vinkolanti għall-kummerċ diġitali. L-EUSDTA jtejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur online, jipprovdi ċertezza legali għan-negozji li jixtiequ jinvolvu ruħhom fil-kummerċ diġitali transfruntier, u jindirizza ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ diġitali. Huwa jikkomplementa l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles 4 (FTA, Free Trade Agreement) UE-Singapore eżistenti billi japprofondixxi u jirfed ir-relazzjoni kummerċjali bilaterali eżistenti bejn l-UE u Singapore mill-perspettiva diġitali.
Il-Kummerċ diġitali jammonta għal madwar 25 % tal-kummerċ internazzjonali kollu u qed jikber b’pass aktar mgħaġġel mill-kummerċ tradizzjonali 5 . L-UE hija l-mexxejja dinjija kemm fl-esportazzjonijiet kif ukoll fl-importazzjonijiet ta’ servizzi tanġibbli b’mod diġitali, li ammontaw għal EUR 1,3 triljun fl-2022, jew 54 % tal-kummerċ totali tal-UE fis-servizzi.
L-EUSDTA jidħol fis-seħħ ladarba l-UE u Singapore jkunu lestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri rispettivi tagħhom għall-iffirmar u l-konklużjoni u jkunu skambjaw notifiki bil-miktub dwarhom.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta hija konsistenti mar-rieżami ta’ politika kummerċjali tal-UE tal-2021 6 li rrikonoxxa l-kontribut tal-politika kummerċjali diġitali tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali tal-UE u ħabbar l-intenzjoni tal-UE li żżid l-impenn bilaterali u tesplora oqfsa aktar b’saħħithom għall-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet diġitali relatati mal-kummerċ ma’ sħab tal-istess fehma. Hija konsistenti wkoll mal-objettiv tal-istrateġija ta’ sigurtà ekonomika tal-UE tal-2023 li ssegwi sħubijiet ma’ pajjiżi tal-istess fehma 7 . L-EUSDTA jikkostitwixxi ftehim modern u awtonomu b’impenji ambizzjużi u vinkolanti għall-kummerċ diġitali bejn l-UE u Singapore.
Il-proposta tibni fuq il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni 8 (FSK) UE-Singapore u l-FTA, li diġà liberalizzaw u saħħew ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali bejn l-UE u Singapore. L-EUSDTA jagħti effett lid-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ tal-FSK u, flimkien mal-FTA, jifforma ż-żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u Singapore.
Il-proposta hija konsistenti mal-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku 9 li rrikonoxxiet li r-reġjun jinsab fuq quddiem nett tal-ekonomija diġitali u pproponiet li jiġu stabbiliti Sħubijiet Diġitali ma’ sħab ewlenin fir-reġjun, inkluż ma’ Singapore.
L-EUSDTA jibni fuq il-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali UE-Singapore, riżultat ewlieni tas-Sħubija Diġitali UE-Singapore 10 . L-EUSDTA jirrikonoxxi s-Sħubija Diġitali UE-Singapore bħala l-forum ewlieni għall-kooperazzjoni regolatorja dwar il-politiki diġitali.
L-EUSDTA huwa konsistenti wkoll mal-eżitu tal-Inizjattiva ta’ Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kummerċ Elettroniku 11 , li hija r-riżultat ta’ negozjati plurilaterali fost aktar minn 90 Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suq intern fil-qasam tal-ekonomija diġitali u tad-data. Il-proposta tiżgura wkoll ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza u l-qafas regolatorju tal-UE f’dan il-qasam. L-EUSDTA jafferma d-dritt li jiġi regolat u żgurat spazju regolatorju suffiċjenti biex jiġu segwiti l-objettivi ta’ politika pubblika f’dawn l-oqsma.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali sostantiva hija l-Artikolu 207 TFUE.
L-EUSDTA għandu jiġi ffirmat mill-Unjoni skont deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(5) TFUE u konkluż mill-Unjoni skont deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(6), wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Mhux applikabbli.
•Proporzjonalità
Il-ftehimiet kummerċjali huma l-mezzi xierqa biex jirregolaw l-aċċess għas-suq u l-oqsma relatati ta’ relazzjonijiet ekonomiċi komprensivi ma’ pajjiż terz barra mill-UE. Ma teżisti l-ebda alternattiva biex jsiru legalment vinkolanti tali impenji u sforzi ta’ liberalizzazzjoni.
•Għażla tal-istrument
Din il-proposta hija f’konformità mal-Artikolu 218(6)(a) TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjonijiet dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali wara li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Ma jeżisti l-ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din il-proposta.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali bejn l-UE u Singapore diġà ġew liberalizzati u msaħħa mill-FTA bejn l-UE u Singapore li daħal fis-seħħ fl-2019. Għalkemm dan huwa FTA komprensiv li jipprevedi impenji sostanzjali għall-kummerċ ta’ oġġetti u servizzi bejn il-partijiet, ma jipprevedix regoli komprensivi dwar il-kummerċ diġitali.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati fil-kuntest ta’ studju dwar l-impatti potenzjali ta’ EUSDTA, imwettaq minn kuntrattur estern, b’appoġġ għan-negozjati 12 .
Qabel, u matul in-negozjati, l-Istati Membri tal-UE ġew infurmati u kkonsultati b’mod regolari bil-fomm u bil-miktub dwar aspetti differenti tan-negozjati permezz tal-Kumitat tal-Politika Kummerċjali tal-Kunsill. Il-Parlament Ewropew inżamm infurmat u ġie kkonsultat ukoll b’mod regolari permezz tal-Kumitat tiegħu għall-Kummerċ Internazzjonali (‘‘INTA’’, Committee on International Trade), u b’mod partikulari tal-Grupp ta’ Monitoraġġ tiegħu għal Singapore.
Barra minn hekk, matul in-negozjati, il-Kummissjoni ppubblikat fuq is-sit web tagħha rapporti taċ-ċikli ta’ negozjati, il-proposti tat-test tal-UE u l-istqarrijiet għall-istampa, kif ukoll it-test tal-ftehim wara l-konklużjoni tan-negozjati fil-prinċipju.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
L-istudju dwar l-impatti potenzjali ta’ EUSDTA twettaq minn kuntrattur estern 13 .
•Valutazzjoni tal-impatt
L-istudju dwar l-impatti potenzjali ta’ EUSDTA, imwettaq b’appoġġ għan-negozjati għall-EUSDTA, ikkonferma l-impatt pożittiv potenzjali tal-ftehim 14 . L-istudju ntuża biex jiġu eżaminati l-aspetti rilevanti tal-ekonomija diġitali ta’ Singapore kif ukoll il-prattiki rispettivi tal-UE u ta’ Singapore dwar il-kummerċ diġitali, filwaqt li tqiesu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta hija kompletament kompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-EUSDTA jippreserva bis-sħiħ l-ispazju regolatorju għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Mhux applikabbli.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
L-EUSDTA jagħmel applikabbli, permezz ta’ kontroreferenza, id-dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-FTA, li jipprovdu struttura għall-korpi ta’ implimentazzjoni rilevanti tal-FTA biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni, l-operat u l-impatt tal-EUSDTA.
L-EUSDTA jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dedikati dwar l-impenn tal-partijiet ikkonċernati li jipprovdu bażi għall-partijiet ikkonċernati biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ftehim.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Mhux applikabbli.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-EUSDTA huwa ftehim awtonomu li għandu jiġi applikat fil-qafas tal-FSK u li, flimkien mal-FTA, jifforma ż-żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u Singapore.
Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-ewwel kapitolu tal-EUSDTA jistabbilixxu l-objettivi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim, u d-definizzjonijiet użati fil-ftehim kollu.
Il-kapitolu tnejn tal-EUSDTA jinkludi l-korp tal-ftehim u jinkludi l-impenji kummerċjali diġitali. L-impenji huma ta’ natura vinkolanti u jvarjaw minn impenji għall-flussi transfruntiera ta’ data u l-protezzjoni tal-konsumatur online, għal impenji għall-protezzjoni tal-kodiċi tas-sors tas-software. B’mod ġenerali, l-impenji għandhom l-għan li jtejbu l-protezzjoni tal-konsumatur online, jipprovdu ċertezza legali għan-negozji, u jindirizzaw ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ diġitali.
It-Taqsima A, tat-tieni kapitolu, dwar il-flussi ta’ data b’fiduċja, tinkludi dispożizzjonijiet li huma f’konformità mal-prattika tal-UE abbażi tad-dispożizzjonijiet orizzontali tal-2018 dwar il-flussi transfruntiera ta’ data u l-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza fil-ftehimiet kummerċjali 15 , li jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull Parti li tiddetermina l-livell xieraq ta’ privatezza u protezzjoni ta’ data personali.
Il-kapitolu tlieta tal-EUSDTA jipprevedi eċċezzjonijiet orizzontali, mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim, qafas istituzzjonali, u d-dispożizzjonijiet finali tal-ftehim. Fejn rilevanti, it-titolu jagħmel applikabbli, b’kontroreferenza, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-FTA li jipprovdu l-qafas għall-applikazzjoni tal-EUSDTA.
2025/0009 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fi [data tal-opinjoni],
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)Fis-27 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għal dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika ta’ Singapore.
(2)Fil-25 ta’ Lulju 2024, in-negozjati tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (“il-Ftehim”) ġew konklużi b’suċċess mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni.
(3)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill [XXX] ta’ [...] 16 , il-Ftehim ġie ffirmat fi [...], soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.
(4)Jenħtieġ li l-ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.
(5)F’konformità mat-Trattati, hija l-Kummissjoni li tiżgura li n-notifika lir-Repubblika ta’ Singapore prevista fl-Artikolu 38 tal-Ftehim issir f’isem l-Unjoni, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President