Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑22 ta’ Ottubru 2026 (1)

Kawża C‑398/25

Energie-Control Austria für die Regulierung der Elektrizitäts- und Erdgaswirtschaft

fil-preżenza ta’:

Magistrat der Stadt Wien,

DM,

Alpiq AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) Nru 1227/2011 – Integrità u trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa – Artikolu 1(2) u punti 4 u 6 tal-Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Skambji ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali mwettqa bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Konfederazzjoni Żvizzera – Il-punt 2 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘manipulazzjoni tas-suq’ – Il-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘sinjali foloz jew qarrieqa’ – Validità fid-dawl tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Il-punt 2(a)(ii) tal-Artikolu 2 – Iffissar tal-prezz tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa f’livell artifiċjali – Artikolu 13(1) – Implimentazzjoni tal-projbizzjonijiet kontra l-abbuż tas-suq – Setgħat investigattivi u ta’ infurzar mogħtija lill-awtorità regolatorja nazzjonali – Artikolu 18 – Sanzjonijiet – Kompetenza mogħtija lil awtorità amministrattiva muniċipali sabiex timponi sanzjonijiet – Ammissibbiltà – Regolament (UE) 2016/1719 – Linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità – Possibbiltà li jingħataw sinjali foloz jew qarrieqa jew li l-prezz jiġi ffissat f’livell artifiċjali, fis-sens tar-Regolament Nru 1227/2011, meta l-aġir adottat ikun konformi mar-regoli proċedurali stabbiliti mir-Regolament 2016/1719 – Strateġija ta’ restituzzjoni u ta’ sottomissjoni ta’ offerti (Return and Bid Strategy) – Konformità mar-Regolament Nru 1227/2011 – Punt 6 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1719 – Prinċipju ta’ ‘use-it-or-sell-it’ – Applikabbiltà għall-irkantijiet mensili”






I.      Daħla

1.        Fil-kawża prinċipali, Energie-Control Austria für die Regulierung der Elektrizitäts- und Erdgaswirtschaft (Energie-Control Austria, l-Awtorità Regolatorja tas-Settur tal-Elettriku u tal-Gass Naturali, l-Awstrija, iktar ’il quddiem “E-Control”) ressqet talba intiża għall-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kontra DM, jiġifieri l-Presidenta tal-Bord tad-Diretturi ta’ Alpiq AG, kumpannija stabbilita fl-Iżvizzera, quddiem il-Magistrat der Stadt Wien – Magistratisches Bezirksamt für den 3. Und 11. Bezirk (l-Amministrazzjoni Muniċipali tal-Belt ta’ Vjenna, l-Awstrija, l-Uffiċċji tat‑3 u tal‑11‑il Distrett, iktar ’il quddiem l-“awtorità amministrattiva distrettwali”), jiġifieri l-awtorità kompetenti għall-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni amministrattiva. Din it-talba kienet motivata mis-suspett ta’ manipulazzjoni tas-suq, fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 (2), fil-kuntest ta’ skambji ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali tal-elettriku mwettqa bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Konfederazzjoni Żvizzera.

2.        Peress li l-awtorità amministrattiva distrettwali għalqet mingħajr ma ħadet passi ulterjuri din il-proċedura għal sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali, E-Control ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju.

3.        Din il-qorti tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ sensiliet ta’ domandi. L-ewwel tirrigwarda, l-ewwel nett, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1227/2011 għall-iskambji ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Konfederazzjoni Żvizzera, fiż-żewġ direzzjonijiet; it-tieni, il-validità tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament fid-dawl tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”); u, it-tielet, il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-kompetenzi mogħtija lill-awtorità regolatorja nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) fid-dawl tal-Artikoli 13 u 18 tal-imsemmi regolament. It-tieni sensiela ta’ domandi tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-portata tal-kunċett ta’ “manipulazzjoni tas-suq”, fis-sens tal-punt 2(a)(i) u (ii) tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, b’mod partikolari fil-każ tar-restituzzjoni, matul irkant mensili, ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali akkwistati waqt irkantijiet annwali, segwita minn offerti ta’ xiri għal dan l-istess irkant mensili.

4.        Din il-kawża għalhekk ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ġodda relatati mas-suq tal-enerġija bl-ingrossa, b’mod partikolari fir-rigward tar-rabta bejn ir-regoli li jirregolaw l-irkantijiet ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali u l-projbizzjoni tal-manipulazzjoni tas-suq, u, b’mod iktar preċiż, dwar il-kwistjoni jekk aġir konformi ma’ dawn l-ewwel regoli jistax madankollu jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq fis-sens tar-Regolament Nru 1227/2011.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 1227/2011

5.        Skont il-premessi 1, 2, 13, 14 u 31 tar-Regolament Nru 1227/2011:

“(1)      Huwa importanti li jkun żgurat li l-konsumaturi u parteċipanti oħra fis-suq ikollhom fiduċja fl-integrità tas-swieq tal-elettriku u tal-gass, li l-prezzijiet stabbiliti fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa jirriflettu interazzjoni ġusta u kompetittiva bejn il-provvista u d-domanda, u li ebda profitt ma jista’ jsir permezz tal-abbuż tas-suq.

(2)      L-għan ta’ aktar integrità u trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa għandu jkun li tiġi promossa kompetizzjoni miftuħa u ġusta fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa għall-benefiċċju tal-konsumaturi finali tal-enerġija.

[…]

(13)      Il-manipulazzjoni fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa tinvolvi azzjonijiet imwettqa minn persuni li artifiċjalment jikkawżaw il-prezzijiet ikunu f’livell mhux iġġustifikat mill-forzi tas-suq tad-domanda u l-provvista, inklużi d-disponibbiltà effettiva tal-produzzjoni, il-kapaċità tal-ħażna jew tat-trasport, u d-domanda. Forom ta’ manipulazzjoni tas-suq jinkludu t-tqegħid u l-irtirar ta’ ordnijiet foloz; it-tixrid ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa jew ta’ għajdut permezz tal-midja, inkluż l-internet, jew bi kwalunkwe mezz ieħor; l-għoti deliberat ta’ informazzjoni falza lil impriżi li jipprovdu valutazzjonijiet tal-prezzijiet jew rapporti tas-swieq bl-effett li jiġu żgwidati l-parteċipanti fis-suq li jaġixxu abbażi ta’ dawk il-valutazzjonijiet tal-prezzijiet jew ir-rapporti tas-swieq; u l-impressjoni mogħtija deliberatament li d-disponibbiltà tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku jew id-disponibbiltà tal-gass naturali, jew id-disponibbiltà tal-kapaċità ta’ trażmissjoni tkun differenti mill-kapaċità li tkun effettivament u teknikament disponibbli, meta tali informazzjoni taffettwa jew x’aktarx li taffettwa l-prezz tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa. Il-manipulazzjoni u l-effetti tagħha jistgħu jseħħu bejn il-fruntieri, bejn is-swieq tal-elettriku u tal-gass u fis-swieq finanzjarji u tal-komoditajiet, inklużi s-swieq tal-kwoti tal-emissjonijiet.

(14)      Eżempji ta’ manipulazzjoni tas-suq u tentattivi biex jiġi mmanipulat is-suq jinkludu l-imġiba ta’ persuna, jew ta’ persuni li jaġixxu f’kollaborazzjoni, biex jiżguraw pożizzjoni deċiżiva fuq il-provvista jew id-domanda għal prodott tal-enerġija bl-ingrossa li għandha, jew jista’ jkollha, l-effett tal-iffissar, direttament jew indirettament, tal-prezzijiet jew li toħloq kundizzjonijiet inġusti ta’ kummerċ; u l-offerta, ix-xiri jew il-bejgħ ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa bl-iskop, l-intenzjoni jew l-effett li jiġu żgwidati l-parteċipanti fis-suq li jaġixxu abbażi tal-prezzijiet ta’ referenza. Madankollu, prattiċi tas-suq aċċettati bħal dawk li japplikaw fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, li attwalment huma definiti bl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) [(3)] u li jistgħu jkunu adattati jekk dik id-Direttiva tiġi emendata, jistgħu jkunu mod leġittimu li bih il-parteċipanti fis-suq jiżguraw prezz favorevoli għal prodott tal-enerġija bl-ingrossa.

[…]

(31)      Huwa importanti li l-pieni għall-ksur ta’ dan ir-Regolament ikunu proporzjonati, effikaċi u dissważivi, u jirriflettu l-gravità tal-ksur, il-ħsara kkawżata lill-konsumaturi u l-qligħ potenzjali minn negozjar abbażi ta’ informazzjoni privileġġata u ta’ manipulazzjoni tas-suq. L-applikazzjoni ta’ dawn il-pieni għandha ssir skont il-liġi nazzjonali. Filwaqt li jirrikonoxxu l-interazzjonijiet bejn negozjar ta’ prodotti derivati tal-elettriku u tal-gass u negozjar effettiv tal-elettriku u tal-gass naturali, il-pieni għall-ksur ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konformi mal-pieni adottati mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva [2003/6]. […] Dan ir-Regolament la jaffettwa r-regoli nazzjonali dwar il-livell tal-provi u lanqas l-obbligi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tal-qrati tal-Istati Membri li jaċċertaw il-fatti rilevanti ta’ każ, sakemm tali regoli u obbligi jkunu kumpatibbli mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.”

6.        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett, ambitu u relazzjoni ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli li jipprojbixxu prattiċi abbużivi li jaffettwaw is-swieq tal-enerġija bl-ingrossa li huma koerenti mar-regoli applikabbli fis-swieq finanzjarji u mal-funzjonament korrett ta’ dawk is-swieq bl-ingrossa filwaqt li jittieħed kont tal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Huwa jipprovdi għall-monitoraġġ tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa mill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija [ACER] […] b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u filwaqt li jitqiesu l-interazzjonijiet bejn l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet u s-swieq tal-enerġija bl-ingrossa.

2.      Dan ir-Regolament japplika għan-negozjar ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa. L-Artikoli 3 u 4 [5] ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għall-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa li jkunu strumenti finanzjarji u li għalihom japplika l-Artikolu 9 tad-Direttiva [2003/6]. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttivi [2003/6] u 2004/39/KE [(4)] kif ukoll għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni Ewropea għall-prattiċi koperti b’dan ir-Regolament.”

7.        L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)      ‘manipulazzjoni tas-suq’ tfisser:

(a)      il-parteċipazzjoni fi kwalunkwe tranżazzjoni jew il-ħruġ ta’ kwalunkwe ta’ ordni sabiex isir negozjar ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, li:

(i)      tagħti, jew huwa probabbli li tagħti, sinjali foloz jew qarrieqa rigward il-provvista ta’, id-domanda għal jew il-prezz ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;

(ii)      tiżgura jew tipprova tiżgura, minn persuna jew persuni li jaġixxu f’kollaborazzjoni, il-prezz ta’ prodott jew ta’ diversi prodotti tal-enerġija bl-ingrossa f’livell artifiċjali, sakemm il-persuna li tkun ipparteċipat fit-tranżazzjoni jew ħarġet l-ordni sabiex isir in-negozju ma tistabbilixxix li r-raġunijiet tagħha biex tagħmel dan huma leġittimi u li dik it-tranżazzjoni jew dik l-ordni biex isir negozju huma konformi mal-prattiċi aċċettati tas-suq fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa konċernat; jew

(iii)      tagħmel użu jew tipprova tagħmel użu minn mezz fittizju jew minn kwalunkwe forma oħra ta’ qerq jew ta’ strataġemma li tagħti jew li tista’ tagħti, sinjali foloz jew qarrieqa rigward il-provvista ta’, id-domanda għal, jew il-prezz ta’, prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;

[...]

[…]

(4)      ‘prodotti tal-enerġija bl-ingrossa’ tfisser il-kuntratti u d-derivati li ġejjin, irrispettivament minn fejn jew kif jiġu nnegozjati:

(a)      kuntratti għall-provvista ta’ elettriku jew ta’ gass naturali fejn il-konsenja ssir fl-Unjoni;

(b)      derivati relatati ma’ elettriku jew gass naturali li jkunu prodotti, innegozjati jew kkonsenjati fl-Unjoni;

(c)      kuntratti relatati mat-trasport ta’ elettriku jew gass naturali fl-Unjoni;

(d)      derivati relatati mat-trasport ta’ elettriku jew gass naturali fl-Unjoni.

[…]

[…]

(6)      ‘suq tal-enerġija bl-ingrossa’ tfisser kwalunkwe suq fl-Unjoni fejn jiġu nnegozjati prodotti tal-enerġija bl-ingrossa;

(7)      ‘parteċipant fis-suq’ tfisser kwalunkwe persuna, inklużi operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni, li tidħol fi tranżazzjonijiet, inkluż it-tqegħid tal-ordnijiet sabiex ikun hemm negozjar, f’suq tal-enerġija tal-operturi [bl-ingrossa] wieħed jew iktar;

(8)      ‘persuna’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika;

[…]

(10)      ‘awtorità regolatorja nazzjonali’ tfisser awtorità regolatorja nazzjonali maħtura skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku [(5)] […];

(11)      ‘operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni’ għandha t-tifsira stabbilita fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2009/72] […];

[…]”

8.        L-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “Projbizzjoni tal-manipulazzjoni tas-suq”, jipprovdi:

“Kull attività jew tentattiv ta’ attività f’manipulazzjoni tas-suq fir-rigward tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa huma pprojbiti.”

9.        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1227/2011, intitolat “Implimentazzjoni tal-projbizzjonijiet kontra l-abbuż tas-suq”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 u 5 u l-obligazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 jiġu applikati.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tiegħu jkollhom is-setgħat investigattivi u ta’ infurzar meħtieġa għat-twettiq ta’ dik il-funzjoni sad‑29 ta’ Ġunju 2013. Dawn is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati b’mod proporzjonat.

Dawk is-setgħat jistgħu jiġu eżerċitati:

(a)      direttament;

(b)      f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn; jew

(c)      b’applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

Fejn ikun il-każ, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jeżerċitaw is-setgħat investigattivi tagħhom f’kollaborazzjoni ma’ swieq organizzati, ma’ sistemi ta’ tqabbil jew tat-tranżazzjonijiet jew ma’ persuni oħra li b’mod professjonali jagħmlu arranġamenti għal tranżazzjonijiet […]

2.      Is-setgħat investigattivi u ta’ infurzar imsemmija fil-pargarafu 1 għandhom ikunu limitati għall-għan tal-investigazzjoni. Għandhom ikunu eżerċitati b’konformità mal-liġi nazzjonali u jinkludu d-dritt li:

(a)      ikun hemm aċċess għal kwalunkwe dokument rilevanti fi kwalunwke forma jkun, u li tiġi riċevuta kopja tiegħu;

(b)      tintalab informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna rilevanti, inklużi dawk li jkunu suċċessivament involuti fit-trażmissjoni tal-ordnijiet jew fit-twettiq tal-operazzjonijiet konċernati, kif ukoll il-prinċipali tagħhom, u jekk ikun meħtieġ, id-dritt li tissejjaħ u tinstema’ kwalunkwe tali persuna jew prinċipal;

(c)      jitwettqu spezzjonijiet fil-post;

(d)      jintalbu r-reġistrazzjonijiet telefoniċi eżistenti u r-reġistri tat-traffiku tad-dejta eżistenti;

(e)      jintalab il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika li tmur kontra dan ir-Regolament jew atti delegati jew atti ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu;

(f)      issir talba lil qorti għall-iffriżar jew għas-sekwestru ta’ assi;

(g)      jintalab lil qorti jew lil kwalunkwe awtorità kompetenti timponi projbizzjoni temporanja ta’ attività professjonali.”

10.      Skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Pieni”:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati, filwaqt li jirriflettu n-natura, it-tul u l-gravità tal-ksur, il-ħsara kkawżata lill-konsumaturi u l-qligħ potenzjali minn negozjar abbażi ta’ informazzjoni privileġġata u ta’ manipulazzjoni tas-suq.

[…]

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tiżvela l-miżuri pubbliċi jew il-pieni imposti għal ksur ta’ dan ir-Regolament sakem tali żvelar ma jikkawżax ħsara sproporzjonata lill-partijiet involuti.”

2.      Ir-Regolament (UE) 2016/1719

11.      L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2016/1719 (6), intitolat “Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali fis-swieq forward, dwar it-twaqqif ta’ metodoloġija komuni biex tiġi determinata l-kapaċità transżonali fit-tul, dwar it-twaqqif ta’ pjattaforma unika ta’ allokazzjoni fil-livell Ewropew li toffri drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul, u dwar il-possibbiltà li d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għal allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità sussegwenti jingħataw lura jew li d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul jiġu trasferiti bejn il-parteċipanti fis-suq.”

12.      L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet […] fl-Artikolu 2 tad-Direttiva [2009/72].

Minbarra dawk, japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet:

(1)      ‘allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità’ tfisser l-attribuzzjoni ta’ kapaċità transżonali fit-tul permezz ta’ rkant qabel il-perjodu ta’ żmien tal-ġurnata bil-quddiem;

(2)      ‘dritt tat-trażmissjoni fit-tul’ tfisser dritt fiżiku tat-trażmissjoni jew [dritt finanzjarju tat-trażmissjoni (iktar ’il quddiem ‘FTR’)] – opzjoni jew FTR – obbligu li jkun inkiseb fl-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità;

(3)      ‘regoli ta’ allokazzjoni’ tfisser ir-regoli għall-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità li jiġu applikati mill-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni;

(4)      ‘pjattaforma unika ta’ allokazzjoni’ tfisser il-pjattaforma Ewropea stabbilita mit-TSOs kollha għall-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità;

(5)      ‘irkant’ tfisser il-proċess li matulu kapaċità transżonali fit-tul tiġi offruta u allokata lill-parteċipanti fis-suq li jippreżentaw offerti;

(6)      ‘UIOSI [use-it-or-sell-it]’ tfisser il-prinċipju li jistabbilixxi li l-kapaċità transżonali sottostanti ta’ drittjiet fiżiċi tat-trażmissjoni mixtrija u mhux nominati jsiru awtomatikament disponibbli għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ ġurnata bil-quddiem u li jistabbilixxi li d-detentur ta’ dawn id-drittjiet fiżiċi tat-trażmissjoni jirċievi remunerazzjoni mingħand it-TSOs.

(7)      ‘nomina’ tfisser in-notifika tal-użu ta’ kapaċità transżonali fit-tul minn detentur tad-drittjiet fiżiċi tat-trażmissjoni u mill-kontroparti tiegħu, jew minn parti terza awtorizzata, lit-TSOs rispettivi;

[…]”

13.      L-Artikolu 37 tal-imsemmi regolament, intitolat “It-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fl-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità”, jipprevedi:

“1.      Il-parteċipanti fis-suq għandhom ikunu reġistrati mal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni u jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta’ eliġibbiltà skont ir-regoli armonizzati ta’ allokazzjoni qabel ma jkunu intitolati li jipparteċipaw fl-irkanti jew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom tat-trażmissjoni fit-tul. Ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni u ta’ trasparenza.

2.      Meta parteċipant jitlob reġistrazzjoni, il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni għandha tinnotifika lill-parteċipant fis-suq jekk ikunx jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ eliġibbiltà u jekk hux intitolat li jipparteċipa fl-irkanti jew li jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu tat-trażmissjoni fit-tul minn data speċifikata.

3.      Il-parteċipanti fis-suq għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli armonizzati ta’ allokazzjoni. Għandhom iżommu l-informazzjoni kollha relatata mal-parteċipazzjoni tagħhom aġġornata u jinnotifikaw lill-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni dwar kwalunkwe tibdil għal din l-informazzjoni mingħajr dewmien.

4.      Meta parteċipant fis-suq jikser l-obbligi kuntrattwali tiegħu skont ir-regoli armonizzati ta’ allokazzjoni, il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni għandha tkun tista’ tissospendi jew tirtira d-dritt tiegħu li jieħu sehem fl-irkanti jew li jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu tat-trażmissjoni fit-tul.

5.      Is-sospensjoni jew l-irtirar tad-dritt tal-parteċipant fis-suq li jieħu sehem fl-irkanti jew li jittrasferixxi d-dritt tiegħu tat-trażmissjoni fit-tul skont ir-regoli armonizzati ta’ allokazzjoni ma għandux jeżonera lill-parteċipant fis-suq jew lill-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni mill-obbligi li joħorġu mid-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li jkunu ġew allokati u mħallsin qabel is-sospensjoni jew l-irtirar.”

14.      L-Artikolu 43 tal-istess regolament, intitolat “Ir-ritorn ta’ drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul”, jipprovdi:

“1.      Id-detenturi tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul jistgħu jirritornaw id-drittijiet tagħhom tat-trażmissjoni fit-tul lit-TSOs rilevanti permezz tal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni għal allokazzjoni sussegwenti bil-quddiem tal-kapaċità.

2.      Id-detenturi tad-drittijiat-trażmissjoni fit-tul li jkunu jixtiequ jirritornaw id-drittijiet tagħhom tat-trażmissjoni fit-tul għal allokazzjoni sussegwenti bil-quddiem tal-kapaċità għandhom jinnotifikaw dan direttament jew indirettament permezz ta’ parti terza, lill-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni kif stabbilit fir-regoli armonizzati ta’ allokazzjoni.

3.      Id-detenturi tad-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li jirritornaw id-drittijiet tagħhom tat-trażmissjoni fit-tul għandhom jiġu remunerati direttament jew indirettament permezz ta’ parti terza, mit-TSOs rilevanti permezz tal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni. Din ir-remunerazzjoni għandha tkun daqs il-prezz li jirriżulta mill-irkant fejn id-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul kienu ġew riallokati.”

B.      Id-dritt Awstrijak

1.      L-ElWOG 2010

15.      L-Artikolu 89 tal-Bundesgesetz, mit dem die Organisation auf dem Gebiet der Elektrizitätswirtschaft neu geregelt wird (Elektrizitätswirtschafts- und -organisationsgesetz 2010) (il-Liġi Federali li Tirregola mill-Ġdid l-Organizzazzjoni fil-Qasam tal-Ekonomija tal-Elettriku (il-Liġi tal‑2010 dwar l-Ekonomija u l-Organizzazzjoni tal-Elettriku)) (7) tat‑23 ta’ Diċembru 2010, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (8) (iktar ’il quddiem l-“ElWOG 2010”), intitolat “Kompetenza tal-awtoritajiet f’oqsma oħra rregolati minn dispożizzjonijiet tad-dritt federali direttament applikabbli”, jipprovdi:

“(1)      Sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni speċifika kuntrarja, l-awtorità, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali direttament applikabbli ta’ din il-liġi federali, hija l-awtorità regolatorja.

(2)      Is-sanzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikoli 99 sa 102 huma imposti mill-awtorità amministrattiva distrettwali [Bezirksverwaltungsbehörde] kompetenti skont l-Artikolu 26 tal-Verwaltungsstrafgesetz (il-Liġi dwar is-Sanzjonijiet Amministrattivi). L-awtorità regolatorja għandha l-kwalità ta’ parti fil-proċedura. Hija tista’ tinvoka, matul il-proċedura, bħala dritt suġġettiv, l-osservanza ta’ dispożizzjonijiet legali intiżi sabiex jipproteġu l-interessi pubbliċi li hija inkarigata li tiddefendi, kif ukoll tippreżenta rikors quddiem il-qorti amministrattiva tal-Land.

(3)      L-awtorità regolatorja tista’ twissi lill-persuni li għandhom josservaw obbligi skont din il-liġi federali u tordnalhom jikkonformaw ruħhom magħhom f’terminu raġonevoli li hija tistabbilixxi, meta jkun hemm raġunijiet sabiex jiġi preżunt li huma ser jikkonformaw ruħhom mal-liġi anki fl-assenza ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni. Hija għandha tfakkar il-konsegwenzi legali marbuta ma’ tali ordni.

(4)      Il-persuni suġġetti għal obbligi li jikkonformaw ruħhom mal-liġi fit-terminu stabbilit mill-awtorità regolatorja ma humiex suġġetti għal sanzjonijiet.

[…]”

16.      L-Artikolu 99 ta’ din il-liġi, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar is-sanzjonijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

“(4)      Sa fejn il-ksur la jikkostitwixxi delitt li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qrati ordinarji jew reat punibbli b’sempliċi multa, u lanqas ma huwa punibbli b’sanzjoni iktar severa skont dispożizzjonijiet oħra li jirregolaw is-sanzjonijiet amministrattivi, iwettaq reat amministrattiv u huwa punibbli b’multa kriminali ta’ mhux iktar minn EUR 150 000 kull min

1.      jinvolvi ruħu f’manipulazzjoni tas-suq jew f’tentattiv ta’ manipulazzjoni tas-suq bi ksur tad-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 5 u tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament [Nru 1227/2011];

[…]”

17.      L-Artikolu 103 tal-imsemmija liġi, intitolat “Dispożizzjonijiet partikolari dwar il-prosekuzzjoni ta’ reati amministrattivi ta’ natura kriminali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-terminu ta’ preskrizzjoni (l-Artikolu 31(2) tal-Liġi dwar is-Sanzjonijiet Amministrattivi) għar-reati amministrattivi msemmija fl-Artikoli 99 sa 102 huwa ta’ sena.”

2.      Il-VStG

18.      L-Artikolu 31 tal-Verwaltungsstrafgesetz (il-Liġi dwar is-Sanzjonijiet Amministrattivi) tal‑31 ta’ Jannar 1991 (9), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (10) (iktar ’il quddiem il-“VStG”), intitolat “Preskrizzjoni”, huwa fformulat kif ġej, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“(1)      Persuna ma tistax tiġi validament suġġetta għal prosekuzzjoni meta ebda att ta’ prosekuzzjoni ma jkun sar kontriha f’terminu ta’ sena (l-Artikolu 32(2)). Dan it-terminu għandu jiġi kkalkolat mit-twettiq tal-ksur jew mill-mument meta jkun waqaf l-aġir punibbli; meta r-riżultat li jikkostitwixxi l-ksur jinkiseb biss iktar tard, it-terminu jibda jiddekorri biss minn din id-data.

(2)      Il-possibbiltà li reat amministrattiv jiġi ssanzjonat tintemm bil-preskrizzjoni. It-terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ tliet snin u jibda jiddekorri mill-mument indikat fil-paragrafu 1. It-terminu ta’ preskrizzjoni ma jinkludix:

1.      il-perijodu li matulu l-prosekuzzjoni ma tkunx tista’ tinbeda jew titkompla skont dispożizzjoni legali;

2.      il-perijodu li matulu l-ksur jagħti lok għal proċeduri kriminali quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur, qorti jew awtorità amministrattiva oħra;

3.      il-perijodu li matulu l-proċedura tkun sospiża sakemm tingħata deċiżjoni definittiva dwar kwistjoni preliminari;

4.      it-tul ta’ proċedura quddiem il-Verwaltungsgerichtshof [il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija], il-Verfassungsgerichtshof [il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija] jew il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.”

C.      Ir-regoli ta’ allokazzjoni fil-fruntieri Żvizzeri

19.      Joint Allocation Office SA (iktar ’il quddiem “JAO”) hija kumpannija li topera bħala pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita mit-TSOs kollha għall-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1719.

20.      L-Allocation Rules for Forward Capacity – Allocation on Swiss Borders (ir-Regoli ta’ Allokazzjoni bil-Quddiem tal-Kapaċità – Allokazzjoni fil-Fruntieri Żvizzeri), fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali, ġew adottati minn JAO fix-xahar ta’ Ottubru 2019 (iktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ allokazzjoni fil-fruntieri Żvizzeri”), b’koordinazzjoni mal-ARN u mat-TSOs ikkonċernati.

21.      L-Artikolu 2 ta’ dawn ir-regoli, intitolat “Definizzjonijiet u interpretazzjoni”, jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-termini b’ittri kapitali użati f’dawn ir-Regoli ta’ Allokazzjoni għandhom it-tifsira mogħtija lilhom […] fir-Regolament [2016/1719].”

22.      Skont l-Artikolu 45 tal-imsemmija regoli, intitolat “Prinċipji ġenerali”:

“1.      Id-Drittijiet Fiżiċi tat-Trażmissjoni huma suġġetti għall-prinċipju ta’ ‘Use it or Sell it’.

2.      Id-detentur tad-Drittijiet Fiżiċi tat-Trażmissjoni allokati jista’ jinnomina Drittijiet Fiżiċi tat-Trażmissjoni għall-użu fiżiku tagħhom, skont l-Artikolu 46.

3.      Jekk Parteċipant Irreġistrat ma jinnominax id-Drittijiet Fiżiċi tat-Trażmissjoni tiegħu, il-Pjattaforma ta’ Allokazzjoni tqiegħed il-Kapaċità Transżonali tad-Drittijiet Fiżiċi tat-Trażmissjoni mhux innominati għad-dispożizzjoni tal-allokazzjoni ta’ ġurnata bil-quddiem korrispondenti. Id-detenturi tad-Drittijiet Fiżiċi tat-Trażmissjoni li ma jinnominawx id-Drittijiet Fiżiċi tat-Trażmissjoni tagħhom għall-eżerċizzju fiżiku tad-drittijiet tagħhom jew li ma jkunux irriżervaw id-Drittijiet Fiżiċi tat-Trażmissjoni tagħhom għas-servizzi ta’ bbilanċjar, fejn ikun il-każ, huma intitolati għal remunerazzjoni skont l-Artikolu 48.

[…]”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.      Fis‑6 ta’ Lulju 2022, E-Control ressqet kontra DM talba intiża għall-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva skont il-punt 1 tal-Artikolu 99(4) tal-ElWOG 2010, moqri flimkien mal-Artikoli 2 u 5 tar-Regolament Nru 1227/2011, quddiem l-awtorità amministrattiva distrettwali, jiġifieri l-awtorità kompetenti għall-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni amministrattiva, skont l-Artikolu 89(2) ta’ din il-liġi.

24.      Din it-talba kienet motivata mill-fatt li, fil‑15 ta’ Ottubru 2019, JAO bagħtet komunikazzjoni ta’ suspett lill-ACER u lil E-Control, fejn indikat l-eżistenza ta’ ksur eventwali mwettaq fil-kuntest ta’ rkanti relatati mal-kapaċitajiet mensili ta’ trażmissjoni transkonfinali fil-fruntiera bejn l-Awstrija u l-Isvizzera. Sussegwentement, l-ACER stess qieset dan l-aġir bħala suspettuż fil-kuntest ta’ evalwazzjoni inizjali preliminari.

25.      E-Control akkużat b’mod partikolari lil Alpiq jew lil DM li adottat aġir manipulattiv, li allegatament żvolġa fi tliet stadji. L-ewwel wieħed allegatament kien jikkonsisti fl-akkwist, waqt irkantijiet annwali, ta’ kwantitajiet kbar ta’ kapaċitajiet annwali ta’ trażmissjoni transkonfinali tal-elettriku. It-tieni wieħed allegatament kien jinvolvi r-restituzzjoni ta’ dawn il-kapaċitajiet annwali waqt l-irkantijiet mensili, u b’hekk kien iżid b’mod sinjifikattiv il-volum imqiegħed għall-irkant u jagħti lill-parteċipanti l-oħra fis-suq l-impressjoni ta’ intenzjoni reali ta’ bejgħ. Fl-aħħar nett, it-tielet wieħed allegatament kien jikkonsisti f’offerti ta’ xiri minn Alpiq u jirrigwardaw kwantitajiet kbar ta’ kapaċitajiet mensili, li, skont E-Control, kien iwassal sabiex jiġi ffissat prezz minimu għall-kapaċitajiet li hija kellha. Dan l-aġir allegatament seħħ bejn is-sena 2020 u s-sena 2022.

26.      E-Control sostniet li, wara li JAO ppubblika fuq is-sit internet tagħha, f’forma anonimizzata, l-offerti ta’ xiri fi tmiem l-irkantijiet, deher li Alpiq kienet ikkomunikat lis-suq sinjali foloz jew qarrieqa, fis-sens tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011, dwar l-offerta u d-domanda eżistenti waqt dawn l-irkantijiet. Fil-fatt, id-domanda ppubblikata u l-ammont tal-offerti ta’ xiri allegatament taw lill-parteċipanti l-oħra fis-suq l-impressjoni li kienu ikbar milli kienu fir-realtà, b’mod partikolari meta, minħabba r-restituzzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali akkwistati waqt irkantijiet annwali, Alpiq kienet tirrappreżenta l-ikbar parti tal-kapaċitajiet imqiegħda għall-irkant waqt irkant mensili u kienet ukoll l-ikbar xerrejja tagħhom. Barra minn hekk, billi għaqqdet ir-restituzzjoni ta’ kapaċitajiet mal-preżentazzjoni ta’ offerti ta’ xiri, Alpiq allegatament irnexxielha tagħti prezz minimu lill-kapaċitajiet irrestitwiti, li għalhekk setgħu jiġu akkwistati minn parteċipanti oħra biss permezz ta’ offerta ta’ xiri ogħla minn dan il-prezz. L-offerti ppreżentati minn din il-kumpannija, li allegatament la kienu neċessarji u lanqas ġustifikabbli mil-lat ekonomiku peress li hija diġà kellha d-drittijiet ta’ kapaċità kkonċernati, għalhekk allegatament kellhom l-effett li jżidu artifiċjalment id-domanda globali ppubblikata kull xahar. Fil-fatt, Alpiq allegatament aġixxiet simultanjament kemm min-naħa tal-offerta, permezz tar-restituzzjoni tal-kapaċitajiet, kif ukoll min-naħa tad-domanda, mill-offerti ta’ xiri tagħha, mingħajr ma dan l-intervent doppju kien viżibbli għall-parteċipanti l-oħra fis-suq minħabba l-anonimizzazzjoni tal-offerti. Barra minn hekk, hija allegatament xi drabi ppreżentat offerti sinjifikattivament ogħla minn dawk tal-parteċipanti l-oħra fis-suq.

27.      Adita minn E-Control, l-awtorità amministrattiva distrettwali fetħet proċeduri kriminali amministrattivi, li hija waqqfet mingħajr ma ttieħdu passi ulterjuri, permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2023, minħabba li, minn naħa, il-Presidenta tal-Bord tad-Diretturi ta’ Alpiq involuta f’dawn il-proċeduri kienet ilha teżerċita dawn il-funzjonijiet biss mix-xahar ta’ Marzu 2021 u, min-naħa l-oħra, l-eventwali atti li jikkostitwixxu reat kienu preskritti.

28.      E-Control ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna), il-qorti tar-rinviju. Minbarra ċ-ċirkustanzi diġà esposti fl-ilment tagħha, hija sostniet, għall-ewwel darba quddiem din il-qorti, essenzjalment, li l-awtorità amministrattiva distrettwali ma kinitx kompetenti sabiex tiddeċiedi fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skont E-Control, bis-saħħa tal-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1227/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 89(1) u (2) tal-ElWOG 2010, din il-kompetenza kienet tagħha, peress li din l-awtorità amministrattiva ma kinitx tikkostitwixxi awtorità ġudizzjarja indipendenti fis-sens tal-Artikolu 13(1)(c) ta’ dan ir-regolament. Il-kompetenza mogħtija lill-imsemmija awtorità amministrattiva mill-Artikolu 89(2) tal-ElWOG 2010 lanqas ma kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 13(1)(b) tal-imsemmi regolament, sa fejn is-setgħat ta’ sanzjoni ma kinux jiġu eżerċitati mill-ARN b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra, peress li din tal-aħħar kellha biss id-dritt li tadixxi lil din l-awtorità. Billi l-Artikolu 89(2) tal-ElWOG 2010 b’hekk ma kienx konformi mal-Artikolu 13 tal-istess regolament, din id-dispożizzjoni nazzjonali kellha titħalla mhux applikata, b’tali mod li E-Control kienet tkun kompetenti sabiex timponi sanzjonijiet skont l-Artikolu 89(1) tal-ElWOG 2010. Barra minn hekk, peress li l-Belt ta’ Vjenna hija proprjetarja ta’ impriża kbira tal-enerġija, dipartiment muniċipali suġġett għall-istruzzjonijiet tagħha ma jistax jitqies bħala awtorità imparzjali. Barra minn hekk, il-ksur allegat fil-konfront ta’ DM jew ta’ Alpiq kien għadu ma ġiex preskritt peress li, għalkemm l-Artikolu 103(1) tal-ElWOG 2010 tabilħaqq jirreferi għall-Artikolu 31(2) tal-VStG, dan ir-riferiment kien ibbażat fuq verżjoni preċedenti ta’ din il-liġi. Issa, il-leġiżlatur Awstrijak allegatament kellu l-intenzjoni li jtawwal it-terminu ta’ preskrizzjoni tal-proċeduri kriminali minn sitt xhur għal sena.

29.      Il-qorti tar-rinviju tesponi li, matul il-proċedura, Alpiq jew DM allegatament ma kkontestawx, bħala tali, l-aġir li huma akkużati bih u li huma sostnew, essenzjalment, li dan kien konformi mar-rekwiżiti legali applikabbli għall-irkantijiet organizzati mill-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni. Huma allegatament sostnew ukoll li din il-prattika, magħrufa mill-parteċipanti kollha fis-suq, kienet konformi mal-użanzi tiegħu u ma kinitx tipprovdi sinjali foloz jew qarrieqa lill-parteċipanti l-oħra fis-suq, fatt li allegatament ġie kkonfermat minn żewġ rapporti ta’ esperti. Barra minn hekk, Alpiq allegatament ma kellha ebda possibbiltà li tbigħ il-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali akkwistati fil-kuntest tal-irkant annwali skont il-ħtiġijiet mensili. Għall-kuntrarju, dawn il-kapaċitajiet setgħu jiġu rrestitwiti biss fl-intier tagħhom sabiex jitqiegħdu għall-irkant, bil-prezz iddeterminat fi tmiem dan tal-aħħar, b’tali mod li Alpiq lanqas ma kienet f’pożizzjoni li tiffissa hija stess il-prezz. L-aġir ikkritikat b’hekk ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ ksur, peress li hija kellha interess serju kemm li tbigħ kif ukoll li tixtri l-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni kkonċernati. Barra minn hekk, l-aġir tagħha kien raġonevoli, komprensibbli u neċessarju mil-lat ekonomiku, peress li s-suq tal-elettriku fl-Iżvizzera kien ftit likwidu, b’tali mod li Alpiq kellha tkopri r-riskji tagħha fis-swieq barranin, li kien jeħtieġ li jkollha kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali, minkejja li l-previżjonijiet fit-tul huma suġġetti għal grad għoli ta’ inċertezza. Ir-restituzzjoni tad-drittijiet ta’ trażmissjoni b’hekk kienet tippermetti li jitqiegħdu iktar kapaċitajiet għad-dispożizzjoni tas-suq u, għaldaqstant, li tiżdied il-likwidità tiegħu, li kien ikun ta’ benefiċċju għall-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-proċeduri kriminali kienu diġà preskritti.

30.      Alpiq u DM żiedu li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1227/2011 ma huwiex direttament applikabbli għall-kawża prinċipali, peress li din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix hija stess ir-regoli ta’ kompetenza u lanqas il-modalitajiet ta’ kooperazzjoni bejn l-ARN u l-awtorità inkarigata li timponi s-sanzjonijiet, u b’hekk kienet tħalli marġni ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri. Skont il-prinċipju ta’ awtonomija istituzzjonali ta’ dawn tal-aħħar, din id-dispożizzjoni ma tistax tipprevali fuq l-Artikolu 89(2) tal-ElWOG 2010. Ir-regoli ta’ kompetenza relatati mad-drittijiet li jirregolaw is-setgħat irrikonoxxuti lil E-Control kienu wkoll konformi mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, peress li din kienet tibbenefika minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva quddiem qorti amministrattiva u dan l-Artikolu 13 kien ġie implimentat sabiex tiġi applikata l-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva.

31.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-[Regolament Nru 1227/2011] jinkludi n-negozju ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Konfederazzjoni Svizzera u bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u r-Repubblika tal-Awstrija permezz ta’ impriża Svizzera?

2.      L-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1227/2011 huwa konformi mal-Artikolu 49(1) [tal-Karta]?

3.      Is-setgħa tal-[awtorità amministrattiva distrettwali] li timponi sanzjonijiet amministrattivi skont l-Artikolu 89(2) [tal-ElWOG 2010] hija kompatibbli mal-kriterji tad-dritt tal-Unjoni marbuta mas-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar skont l-Artikolu 31(1) [13(1)] tar-Regolament Nru 1227/2011, kif ukoll mal-kriterji tad-dritt tal-Unjoni marbuta mal-pieni effettivi u dissważivi fis-sens tal-Artikolu 18 [tar-Regolament Nru 1227/2011]?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda tkun fl-affermattiv:

4.      Tista’ persuna (ġuridika) tagħti sinjali foloz jew qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1227/2011 jekk tkun konformi mar-regoli proċedurali stabbiliti skont ir-Regolament [2016/1719] jew [fir-regoli ta’ allokazzjoni fil-fruntieri Żvizzeri], dwar l-imġieba fl-irkant tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali fuq [il-pjattaforma ċentrali ta’ allokazzjoni JAO], stabbilita mir-Regolament [2016/1719]?

5.      Fil-każ li r-risposta għar-raba’ domanda tkun fl-affermattiv: l-għoti lura, f’irkant mensili, ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali miksuba f’irkanti annwali u s-sottomissjoni sussegwenti ta’ offerti ta’ xiri għall-istess irkant mensili (‘Return and Bid Strategy’) fuq il-pjattaforma ċentrali ta’ allokazzjoni tal-JAO jikkostitwixxu manipulazzjoni tas-suq fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a)(i) tar-Regolament Nru 1227/2011?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv:

6.      L-għoti lura, f’irkant mensili, tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali miksuba f’irkant annwali u s-sottomissjoni sussegwenti ta’ offerti ta’ xiri (‘Return and Bid Strategy’) għall-istess irkant mensili fuq il-pjattaforma ċentrali ta’ allokazzjoni tal-JAO jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju UIOSI fis-sens tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament 2016/1719 moqri flimkien mal-Artikolu 45(1) tal-Allocation Rules on Swiss Borders?

7.      Minkejja mġieba skont il-liġi, il-prezz f’irkant fuq il-pjattaforma ċentrali ta’ allokazzjoni jista’ jkun influwenzat b’tali mod li jintlaħaq livell ta’ prezz artifiċjali, b’mod li jkun hemm manipulazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 2(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1227/2011?

8.      Fil-każ li r-risposta għas-sitt domanda tkun fl-affermattiv: l-għoti lura, f’irkant mensili, tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali miksuba f’irkant annwali u s-sottomissjoni sussegwenti ta’ offerti ta’ xiri għall-istess irkant mensili fuq il-pjattaforma ċentrali ta’ allokazzjoni tal-JAO jikkostitwixxu manipulazzjoni tas-suq fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1227/2011?”

32.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn E-Control, DM u Alpiq, mill-Gvern Taljan u dak Awstrijak, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ippreżentaw ukoll osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li saret fit‑8 ta’ Lulju 2026.

IV.    Analiżi

33.      Preliminarjament, nirrileva li l-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal ċerti domandi tagħha biss fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal domandi oħra. Sabiex nipprovdi l-elementi kollha meħtieġa lill-Qorti tal-Ġustizzja u għal finijiet ta’ kompletezza, ser neżamina madankollu d-domandi kollha magħmula minn din il-qorti.

34.      Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll f’dawk orali tiegħu , il-Gvern Awstrijak indika li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-qrati amministrattivi għandhom kompetenza sħiħa sabiex jiddeċiedu l-kawża li jkunu aditi biha, jiġifieri li jwettqu huma stess l-istruttorja, indipendentement mill-elementi li jkunu ġew ikkomunikati lilhom mill-partijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bla ħsara għall-analiżi mwettqa mill-qorti tar-rinviju wara r-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel sat-tielet domanda, risposta għar-raba’ sat-tmien domanda, li jirrigwardaw il-kunċett ta’ “manipulazzjoni tas-suq”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011, tidher utli għal din il-qorti sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fil-kawża prinċipali.

A.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

35.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1227/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-iskambji ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali tal-elettriku mwettqa minn impriża Żvizzera bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Konfederazzjoni Żvizzera, fiż-żewġ direzzjonijiet.

36.      Din il-qorti b’hekk tistaqsi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dan ir-regolament meta jsiru skambji reċiproċi ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni bejn Stat Membru u Stat terz, filwaqt li tenfasizza li l-imsemmi regolament jirreferi b’mod partikolari għall-“konsenja […] fl-Unjoni” u għas-“suq fl-Unjoni”, b’mod partikolari fil-punti 4 u 6 tal-Artikolu 2 tiegħu, li jiddefinixxu, rispettivament, il-kunċetti ta’ “prodotti tal-enerġija bl-ingrossa” u ta’ “suq tal-enerġija bl-ingrossa”.

37.      F’dan ir-rigward, nirrileva li l-Artikolu 1(2) tal-istess regolament jipprovdi li dan japplika għan-“negozjar ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa” (11). Il-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011 jiddefinixxi l-“prodotti tal-enerġija bl-ingrossa” bħala l-kuntratti u l-prodotti derivati msemmija f’dan il-punt, fil-punti (a) sa (d). Fost dawn jinsabu, fil-punt (c) tal-imsemmi punt 4, il-“kuntratti relatati mat-trasport ta’ elettriku jew gass naturali fl-Unjoni” (12). Dawn il-kuntratti huma differenti b’mod partikolari mill-kuntratti għall-provvista tal-elettriku, li fir-rigward tagħhom huwa indikat, fil-punt (a) tal-istess punt 4, li l-kunsinna għandha ssir “fl-Unjoni”.

38.      B’hekk, mill-formulazzjoni tal-punt 4(c) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, fir-rigward tal-kuntratti relatati mat-trażmissjoni tal-elettriku, ma huwiex meħtieġ li dan jgħaddi esklużivament fi ħdan l-Istati Membri. Għaldaqstant, ladarba l-elettriku jidħol fit-territorju tal-Unjoni, l-imsemmi regolament japplika, inkluż għall-kuntratti li fil-kuntest tagħhom it-trażmissjoni tal-elettriku jkollha bħala oriġini jew bħala destinazzjoni Stat terz. F’dan il-każ, il-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw flussi transkonfinali bejn ir-Repubblika tal-Awstrija, jiġifieri Stat Membru, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, jiġifieri Stat terz. Peress li, f’dan il-kuntest, l-elettriku jiġi neċessarjament trażmess fit-territorju tal-Unjoni, dawn il-kuntratti għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament bħala “trażmissjoni fl-Unjoni”.

39.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssemmi, fid-domanda tagħha, li l-iskambji ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali jsiru minn “impriża Svizzera”. F’dan ir-rigward, il-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011 jiddefinixxi “parteċipant fis-suq” bħala “kwalunkwe persuna, inklużi operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni, li tidħol fi tranżazzjonijiet, inkluż it-tqegħid tal-ordnijiet sabiex ikun hemm negozjar, f’suq tal-enerġija tal-operturi [bl-ingrossa] wieħed jew iktar”. Il-punt 8 ta’ dan l-Artikolu 2 jippreċiża li “persuna” tfisser “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika”. Għalhekk, dan ir-regolament ma jeżiġix li s-sede, is-sede tal-operat, stabbiliment jew ir-residenza tal-persuna li tinnegozja kuntratti dwar prodotti tal-enerġija bl-ingrossa, fis-sens tal-punt 4(c) tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, ikunu stabbiliti fl-Unjoni. Bl-istess mod, id-definizzjoni ta’ “prodotti tal-enerġija bl-ingrossa” li tinsab fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament tirrigwarda l-kuntratti u l-prodotti derivati msemmija “irrispettivament minn fejn jew kif jiġu nnegozjati”. Barra minn hekk, il-punt 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011, li jiddefinixxi “suq tal-enerġija bl-ingrossa” bħala “kwalunkwe suq fl-Unjoni fejn jiġu nnegozjati prodotti tal-enerġija bl-ingrossa”, ma jeżiġix li n-negozjar isir minn parteċipant fis-suq stabbilit fl-Unjoni. Konsegwentement, il-fatt li l-iskambji ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali jsiru minn impriża stabbilita fi Stat terz ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

40.      L-ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmi regolament ma fiha restrizzjonijiet dwar l-ambitu territorjali jew personali tiegħu.

41.      L-interpretazzjoni li r-Regolament Nru 1227/2011 japplika għal kuntratti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija minn dan tal-aħħar. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, dan jistabbilixxi b’mod partikolari regoli li jipprojbixxu l-prattiki abbużivi li jaffettwaw is-swieq tal-enerġija bl-ingrossa. Barra minn hekk, mill-premessa 1 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li huwa importanti li l-konsumaturi u parteċipanti oħra tas-suq ikunu jistgħu jkollhom fiduċja fl-integrità tas-swieq tal-elettriku u tal-gass u li ebda abbuż tas-suq ma jkun jista’ jagħti lok għal profitti. Barra minn hekk, il-premessa 13 tal-imsemmi regolament tipprovdi li l-manipulazzjoni u l-effetti tagħha jistgħu jseħħu kullimkien fid-dinja, b’mod partikolari bejn is-swieq tal-elettriku. Minn dawn l-għanijiet jirriżulta li għandha tingħata preferenza lil interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-istess regolament, sabiex jiġi żgurat l-effett utli tiegħu.

42.      Inżid li, peress li s-swieq Ewropej tal-elettriku huma dejjem iktar interkonnessi lil hinn mis-sempliċi territorju tal-Unjoni (13), ir-Regolament Nru 1227/2011, li għandu bħala għan l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa, ikun parzjalment imċaħħad mis-sustanza tiegħu jekk ma japplikax għall-iskambji ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali meta l-elettriku li jgħaddi minn Stat Membru jkollu bħala oriġini jew bħala destinazzjoni Stat terz.

43.      Għal finijiet ta’ informazzjoni, nirrileva li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-ACER “għandha tippubblika gwida mhux vinkolanti dwar l-applikazzjoni tad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, skont il-każ”. F’dan il-kuntest, din l-aġenzija adottat linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament, li l-punt 2.3.3 (14) tas-sitt edizzjoni tagħhom, tat‑22 ta’ Lulju 2021 (15), jindika li l-kunċett ta’ “trażmissjoni tal-elettriku fl-Unjoni” għandu jiġi interpretat mill-ARN bħala li jinkludi b’mod partikolari kull trażmissjoni tal-elettriku minn żona tal-offerti jew minn punt li jinsab ġeografikament barra mill-Unjoni lejn żona tal-offerti jew punt ta’ kunsinna li jinsab, totalment jew parzjalment, ġewwa l-Unjoni, kif ukoll kull trażmissjoni tal-elettriku fid-direzzjoni opposta (16). Dawn il-linji gwida jsemmu wkoll, fil-punt 2.3 tagħhom (17), li l-persuni li ma humiex stabbiliti fl-Unjoni huma koperti mir-Regolament Nru 1227/2011 ladarba jikkonkludu tranżazzjonijiet fi prodotti tal-enerġija bl-ingrossa. Għalkemm l-imsemmija linji gwida ma humiex ta’ natura legalment vinkolanti, huma jippermettu li tkun magħrufa l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament adottata mill-parteċipanti fis-suq sa fejn, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tiegħu, l-ACER għandha l-għan li l-ARN iwettqu l-kompiti tagħhom fil-kuntest ta’ dan ir-regolament b’mod ikkoordinat u uniformi.

44.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li r-Regolament Nru 1227/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-iskambji ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali tal-elettriku mwettqa minn impriża Żvizzera bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Konfederazzjoni Żvizzera, fiż-żewġ direzzjonijiet.

B.      Fuq it-tieni domanda preliminari

45.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011 fid-dawl tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

1.      Fuq l-ammissibbiltà

46.      Il-Gvern Awstrijak isostni li t-tieni domanda hija inammissibbli minħabba li ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-qorti tar-rinviju ma esponietx b’mod suffiċjenti d-dubji tagħha dwar il-preċiżjoni tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011. Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju allegatament ma ssemmi ebda waħda mid-diversi interpretazzjonijiet li jistgħu jingħataw lill-kunċett ta’ “manipulazzjoni tas-suq”. Issa, is-sempliċi fatt li kunċett ma huwiex iddefinit, kif jiġri ta’ spiss fid-dritt tal-Unjoni, u li jeħtieġ interpretazzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata u lanqas, għaldaqstant, ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

47.      Infakkar li mill-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-funzjonament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, ir-raġunijiet preċiżi għalfejn hija tqis li risposta għad-domandi tagħha dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima. Għaldaqstant, huwa importanti li l-qorti nazzjonali tindika b’mod partikolari r-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tesponi l-motivi ta’ invalidità li, konsegwentement, jidhrulha li jistgħu jintlaqgħu. Kif ifakkar il-Gvern Awstrijak, tali rekwiżit jirriżulta wkoll mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (18).

48.      F’dan il-każ, għalkemm konċiża, il-motivazzjoni tat-tieni domanda preliminari tippermetti li jinftiehmu b’mod suffiċjenti r-raġunijiet għalfejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011. Fil-fatt, din il-qorti tenfasizza li hija tfittex li tiddetermina jekk din id-dispożizzjoni tosservax il-prinċipju ta’ legalità f’materji kriminali, previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, sa fejn, fil-kuntest tal-kunċett ta’ “manipulazzjoni tas-suq”, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, il-kunċett ta’ “sinjali foloz jew qarrieqa” dwar l-offerta, id-domanda jew il-prezz tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa allegatament ma huwiex iddefinit b’mod ċar. L-imsemmija qorti ssemmi, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli stabbilit f’dan l-Artikolu 49(1), billi tirreferi għas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni (19).

49.      Barra minn hekk, l-argument tal-Gvern Awstrijak li l-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “sinjali foloz jew qarrieqa” u l-ħtieġa li jiġu interpretati l-atti ġuridiċi ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 49(1) tal-Karta jaqa’ taħt il-mertu tad-domanda preliminari magħmula u mhux taħt l-ammissibbiltà tagħha, b’tali mod li hemm lok li jiġi eżaminat fil-kuntest tal-eżami tal-mertu tagħha.

50.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda indirizzata lilha. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li t-tieni domanda hija ammissibbli.

2.      Fuq il-mertu

51.      L-Artikolu 49 tal-Karta, intitolat “Il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni”, jipprovdi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali”. Infakkar li mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (20) relatati mal-Artikolu 49 tagħha jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika għall-qasam kriminali (21). Barra minn hekk, huwa stabbilit li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjoni ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

52.      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tliet kriterji huma rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura kriminali ta’ sanzjoni, għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta. L-ewwel wieħed huwa l-klassifikazzjoni ġuridika tal-ksur fid-dritt intern, it-tieni huwa n-natura stess tal-ksur u t-tielet huwa l-grad ta’ severità tas-sanzjoni li tista’ ġġarrab il-persuna kkonċernata (22).

53.      F’dan il-każ, il-punt 1 tal-Artikolu 99(4) tal-ElWOG 2010 jipprovdi li, “[s]a fejn il-ksur la jikkostitwixxi delitt li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qrati ordinarji jew reat punibbli b’sempliċi multa, u lanqas ma huwa punibbli b’sanzjoni iktar severa skont dispożizzjonijiet oħra li jirregolaw is-sanzjonijiet amministrattivi, iwettaq reat amministrattiv u huwa punibbli b’multa kriminali ta’ mhux iktar minn EUR 150 000 kull min jinvolvi ruħu f’manipulazzjoni tas-suq jew f’tentattiv ta’ manipulazzjoni tas-suq bi ksur tad-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 5 u tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament [Nru 1227/2011]”.

54.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, jekk is-sanzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tal-ElWOG 2010 għandhiex natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 49(1) tal-Karta. F’dan ir-rigward, jien nikkonstata li, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din il-qorti tikklassifika r-reat amministrattiv previst mill-imsemmija dispożizzjoni bħala reat “ta’ natura kriminali”, mingħajr ma tikkontesta din il-klassifikazzjoni, li la hija kkontestata mill-partijiet u lanqas mill-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet. Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, fir-rigward tal-konformità mat-tliet kriterji stabbiliti fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser inqis, għall-finijiet ta’ din il-kawża, li l-istess dispożizzjoni hija ta’ natura kriminali, fis-sens tal-Artikolu 49 tal-Karta.

55.      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm ir-Regolament Nru 1227/2011 ma jistabbilixxi huwa stess ebda sanzjoni għall-ksur tal-Artikolu 5 tiegħu, l-Artikolu 18 tiegħu jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, jiġifieri sanzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ natura kriminali. F’dan ir-rigward, eventwali nuqqas ta’ ċarezza jew ta’ preċiżjoni tal-kunċetti li jiddeterminaw l-aġir li l-osservanza tiegħu hija meħtieġa mill-individwi kkonċernati taħt piena li jiġu imposti fuqhom tali sanzjonijiet jista’ jippreġudika l-prinċipju ta’ legalità f’materji kriminali (23).

56.      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għalihom, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. Dan il-prinċipju jeżiġi, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jifhmu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jirregolaw l-aġir tagħhom fid-dawl ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jinftiehmu bħala li jipprekludu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ dispożizzjoni li jadotta, milli juża kunċett ġuridiku astratt u lanqas bħala li jimponu li tali dispożizzjoni astratta ssemmi d-diversi ipoteżijiet konkreti li fihom tista’ tiġi applikata, sa fejn dawn l-ipoteżijiet kollha ma jistgħux jiġu ddeterminati minn qabel mil-leġiżlatur. Għalhekk, ma huwiex neċessarju li att leġiżlattiv jipprovdi huwa stess preċiżazzjonijiet ta’ natura teknika, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ juża qafas ġuridiku ġenerali li, jekk ikun il-każ, għandu jiġi ppreċiżat sussegwentement. Konsegwentement, il-fatt li att leġiżlattiv jagħti marġni ta’ evalwazzjoni lill-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tiegħu ma jiksirx, fih innifsu, ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, bil-kundizzjoni li l-portata u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ tali setgħa jkunu ddefiniti bi preċiżjoni suffiċjenti, fid-dawl tal-għan leġittimu mfittex, sabiex tingħata protezzjoni adegwata kontra l-arbitrarjetà (24).

57.      Dejjem skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jissanzjonawhom tkun issodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jsir jaf, mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk ikun meħtieġ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li l-qrati jagħtu tagħha, liema atti u ommissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu. Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti fl-Artikolu 49 tal-Karta, minħabba n-natura neċessarjament ġenerali tal-atti leġiżlattivi, il-formulazzjoni tagħhom ma tistax tkun preċiża b’mod assolut. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li, għalkemm l-użu tat-teknika leġiżlattiva li tikkonsisti fl-użu ta’ kategoriji ġenerali, pjuttost milli ta’ listi eżawrjenti, spiss iħalli żoni mhux ċari fil-limiti tad-definizzjoni, dawn id-dubji dwar każijiet marġinali ma humiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jagħmlu dispożizzjoni inkompatibbli mal-Artikolu 7 ta’ din il-konvenzjoni, sakemm din tkun ċara biżżejjed fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet (25).

58.      Barra minn hekk, il-fatt li leġiżlazzjoni tirreferi għal kunċetti wiesgħa li għandhom jiġu ċċarati progressivament ma jipprekludix, bħala prinċipju, li din il-leġiżlazzjoni titqies li tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jippermettu lill-individwu jipprevedi, fil-każ ta’ ksur tal-imsemmija leġiżlazzjoni, liema sanzjonijiet ta’ natura kriminali jistgħu jiġu imposti. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi stabbilit jekk l-apparenza ta’ ambigwità jew ta’ natura vaga ta’ dawn il-kunċetti tistax tiġi eliminata bl-użu tal-metodi ordinarji ta’ interpretazzjoni tad-dritt (26).

59.      F’dan il-każ, huwa minnu li l-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “sinjali foloz jew qarrieqa”. Madankollu, il-kuntest li fih taqa’ din id-dispożizzjoni jagħti preċiżazzjonijiet importanti dwar l-aġir li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet fuq il-parteċipanti fis-suq, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

60.      Fil-fatt, l-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk il-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat la sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati f’sens kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom, dan jista’ jippreċiża l-kontenut tagħhom, peress li l-premessi li jinsabu f’dan il-preambolu jikkostitwixxu elementi ta’ interpretazzjoni importanti ta’ natura li jiċċaraw ir-rieda tal-awtur ta’ dan l-att (27). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-funzjoni stess tal-premessi ta’ att hija li jiġu esposti r-raġunijiet li għalihom tiġi adottata miżura (28).

61.      Issa, il-premessi 13 u 14 tar-Regolament Nru 1227/2011 jinkludu diversi elementi li jippermettu li jiġu ċċarati b’mod utli l-kunċetti ta’ “manipulazzjoni tas-suq” u ta’ “sinjali foloz jew qarrieqa”. Għalhekk, din il-premessa 13 tindika li l-manipulazzjonijiet tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa jippreżupponu li azzjonijiet imwettqa minn persuni jikkawżaw artifiċjalment żieda fil-prezzijiet għal livell li ma huwiex iġġustifikat mill-forzi tas-suq tal-provvista u tad-domanda, b’mod partikolari d-disponibbiltà reali tal-kapaċità ta’ produzzjoni, ta’ ħażna jew ta’ trażmissjoni, u d-domanda. Barra minn hekk, hija telenka diversi forom li tista’ tieħu manipulazzjoni tas-suq, bħat-“tqegħid u l-irtirar ta’ ordnijiet foloz” jew “l-impressjoni mogħtija deliberatament li d-disponibbiltà tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku jew id-disponibbiltà tal-gass naturali, jew id-disponibbiltà tal-kapaċità ta’ trażmissjoni tkun differenti mill-kapaċità li tkun effettivament u teknikament disponibbli, meta tali informazzjoni taffettwa jew x’aktarx li taffettwa l-prezz tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa”. Fir-rigward ta’ din il-premessa 14, hija tipprovdi eżempji ta’ manipulazzjoni tas-suq, bħall-offerta, ix-xiri jew il-bejgħ ta’ prodotti tal-enerġija bl-ingrossa bl-għan, bl-intenzjoni jew bl-effett li jqarrqu bil-parteċipanti fis-suq li jaġixxu abbażi tal-prezzijiet ta’ referenza. Hija tippreċiża wkoll li l-prattiki tas-suq aċċettati, bħal dawk li japplikaw fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, iddefiniti fil-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6, jistgħu jikkostitwixxu, għall-parteċipanti fis-suq, mezz leġittimu sabiex jiġi ggarantit prezz favorevoli għal prodott tal-enerġija bl-ingrossa.

62.      It-tieni nett, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1227/2011, dan jistabbilixxi regoli li jipprojbixxu l-prattiki abbużivi li jaffettwaw is-swieq tal-enerġija bl-ingrossa u li huma b’mod partikolari koerenti mar-regoli applikabbli fis-swieq finanzjarji. Fl-istess sens, il-premessa 27 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li l-ACER għandha tiżgura li dan jiġi applikat b’mod ikkoordinat fl-Unjoni kollha u b’mod koerenti mal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/6, dwar l-insider dealing u l-manipulazzjoni tas-suq. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ unità u ta’ koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-kunċetti użati fl-atti adottati fl-istess qasam għandu jkollhom l-istess tifsira, sakemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx esprima, f’kuntest leġiżlattiv preċiż, rieda differenti (29).

63.      Issa, id-Direttiva 2003/6 tinkludi, fil-punt 2 tal-Artikolu 1 tagħha, definizzjoni tal-kunċett ta’ “manipulazzjoni tas-suq” li tirreferi għal “sinjali foloz jew li jqarrqu”. Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 (30), li ssostitwixxa din id-direttiva, jirriproduċi dan ir-riferiment fl-Artikolu 12(1)(a)(i) u (c) tiegħu, kif ukoll fl-Artikolu 12(2)(c)(iii) tiegħu. Barra minn hekk, dan ir-regolament jinkludi Anness I, li l-punt A tiegħu jelenka, konformement mal-Artikolu 12(3) tiegħu, b’mod partikolari lista mhux eżawrjenti ta’ indikaturi relatati mal-għoti ta’ sinjali foloz jew qarrieqa. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li dawn l-indikaturi jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011.

64.      It-tielet nett, il-projbizzjoni tal-manipulazzjonijiet tas-suq prevista fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament tikkonċerna s-swieq tal-enerġija bl-ingrossa partikolarment kumplessi, li fihom joperaw għadd limitat ta’ impriżi speċjalizzati li jaġixxu fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom, b’mod partikolari kumpanniji li jixtru jew ibigħu l-elettriku. Issa, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-grad ta’ prevedibbiltà meħtieġ jiddependi fil-parti l-kbira mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tirrikorri għal konsulenza esperta sabiex tevalwa, sa grad raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. Dan jgħodd b’mod speċjali għall-professjonisti, li huma mdorrijin ikollhom jaġixxu bi prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Għalhekk, wieħed jista’ jistenna li huma jagħtu attenzjoni partikolari sabiex jevalwaw ir-riskji li tinvolvi tali attività (31).

65.      Ir-raba’ nett, il-linji gwida tal-ACER jinkludu, fil-Kapitolu 6 tagħhom, indikazzjonijiet iddettaljati li jippermettu li jiġi ppreċiżat il-kunċett ta’ “manipulazzjoni tas-suq”, flimkien ma’ eżempji konkreti. Hawnhekk ukoll, għalkemm dawn il-linji gwida ma humiex ta’ natura vinkolanti, huma jistgħu madankollu jiċċaraw lill-parteċipanti fis-suq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sinjali foloz jew qarrieqa” li l-ARN għandhom japplikaw.

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-eżami tat-tieni domanda ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011 fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità f’materji kriminali, stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta.

C.      Fuq it-tielet domanda preliminari

67.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1227/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li s-setgħa li jiġu imposti sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament tappartjeni mhux lill-ARN, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tiegħu, iżda lil awtorità amministrattiva muniċipali suġġetta għal istruzzjonijiet.

68.      Skont din il-qorti, din id-domanda taqa’ fil-kuntest tal-osservazzjonijiet ifformulati minn E-Control matul il-proċedura fil-kawża prinċipali. Din tal-aħħar sostniet b’mod partikolari li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, l-awtorità amministrattiva distrettwali hija marbuta bl-istruzzjonijiet tas-sindku tal-Belt ta’ Vjenna, li hija stess għandha impriża kbira tal-elettriku, b’tali mod li l-imparzjalità ta’ din l-awtorità tista’ tiġi ddubitata. Skont l-imsemmija qorti, għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi ddeterminat jekk huwiex biżżejjed, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1227/2011, li l-ARN tingħata d-drittijiet irrikonoxxuti lill-partijiet fil-proċedura, u b’hekk jingħatalha dritt ta’ rikors fil-kuntest tal-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva, minkejja li l-kompetenza li tiġi imposta s-sanzjoni la hija fdata lil “awtorità ġudizzjarja” u lanqas lil qorti nazzjonali fis-sens tal-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament. Id-dubji tagħha jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni tistabbilixxix regola ta’ kompetenza fil-qasam tal-prosekuzzjoni ta’ ksur amministrattiv ta’ natura kriminali, iktar u iktar peress li l-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda biss is-“setgħat investigattivi u ta’ infurzar”, u mhux, kuntrarjament b’mod partikolari għall-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tiegħu. Fil-każ li dan l-Artikolu 13 jistabbilixxi tali regola ta’ kompetenza, ikun meħtieġ li jiġi ppreċiżat jekk il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-ARN u l-awtorità amministrattiva responsabbli għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, kif iddefinit b’mod partikolari fl-Artikolu 89(2) tal-ElWOG 2010, huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 13.

69.      Sabiex tingħata risposta għall-imsemmija domanda, jidhirli utli, preliminarjament, li jitfakkar il-kuntest ġuridiku ġenerali stabbilit mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-ARN.

70.      Skont il-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011, fir-rigward tas-suq intern tal-elettriku, l-ARN hija maħtura konformement mal-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2009/72. Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, id-direttiva fis-seħħ, li kienet issostitwixxiet din id-direttiva, kienet id-Direttiva (UE) 2019/944 (32). Skont l-Artikolu 57(1) tagħha, “[k]ull Stat Membru għandu jaħtar awtorità regolatorja waħda fil-livell nazzjonali”. Fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu huma previsti derogi li jippermettu l-ħatra ta’ awtoritajiet regolatorji oħra fil-livell reġjonali fl-Istati Membri, kif ukoll fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, li jipprovdi li Stat Membru jista’ jaħtar awtoritajiet regolatorji għal networks żgħar li jinsabu f’reġjun ġeografikament distint li l-konsum tiegħu għas-sena 2008 huwa ekwivalenti għal inqas minn 3 % tal-konsum totali tal-Istat Membru li jagħmel parti minnu. Ma huwiex ikkontestat li dawn id-derogi ma japplikawx fil-kawża prinċipali.

71.      L-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2019/944 jobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu l-indipendenza tal-ARN u jiżguraw li hija teżerċita l-kompetenzi tagħha b’mod imparzjali u trasparenti. Sabiex tiġi ggarantita tali indipendenza, din id-dispożizzjoni tipprovdi, minn naħa, fil-punt (a) tagħha, li din l-awtorità għandha tkun ġuridikament distinta u funzjonalment indipendenti minn kull entità pubblika jew privata oħra. Min-naħa l-oħra, il-punt (b)(i) u (ii) tal-imsemmija dispożizzjoni jipprevedi rekwiżiti dwar l-indipendenza tal-persunal u tal-persuni inkarigati bil-ġestjoni tal-imsemmija awtorità, li għandhom jaġixxu indipendentement minn kull interess kummerċjali u la għandhom jitolbu u lanqas jaċċettaw istruzzjonijiet diretti mingħand xi gvern jew entità pubblika jew privata oħra fl-eżerċizzju tal-kompiti regolatorji. Barra minn hekk, l-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva jipprevedi, fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 tiegħu, li, sabiex tiġi protetta l-indipendenza tal-awtorità regolatorja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod partikolari li din l-awtorità tkun tista’ tieħu deċiżjonijiet b’mod awtonomu, indipendentement minn kull korp politiku.

72.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “indipendenza”, nosserva li dan ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2019/944. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/72, li l-Artikolu 35(4) u (5) tagħha huwa, essenzjalment, identiku għall-Artikolu 57(4) u (5) tad-Direttiva 2019/944, jirriżulta li dan il-kunċett jindika, fis-sens abitwali tiegħu, fir-rigward tal-korpi pubbliċi, statut li jiżgura lill-korp ikkonċernat il-possibbiltà li jaġixxi fil-libertà kollha fil-konfront tal-organi li fir-rigward tagħhom għandha tiġi żgurata l-indipendenza ta’ dan il-korp, protett minn kull struzzjoni u minn kull influwenza esterna. Din l-indipendenza deċiżjonali timplika li, fil-kuntest tal-kompiti u tal-kompetenzi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, dawn jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom b’mod awtonomu, abbażi biss tal-interess pubbliku, sabiex jiżguraw l-osservanza tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2009/72, mingħajr ma jkunu suġġetti għal istruzzjonijiet esterni minn korpi pubbliċi jew privati oħra. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-indipendenza sħiħa tal-ARN fil-konfront tal-entitajiet ekonomiċi u tal-entitajiet pubbliċi, kemm jekk dawn ikunu korpi amministrattivi jew korpi politiċi u, f’dan l-aħħar każ, detenturi tal-poter eżekuttiv jew tal-poter leġiżlattiv, hija neċessarja sabiex jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet meħuda minn dawn l-awtoritajiet ikunu imparzjali u nondiskriminatorji, billi tiġi eskluża l-possibbiltà li jiġu pprivileġġati l-impriżi u l-interessi ekonomiċi marbuta mal-gvern, mal-maġġoranza jew, fi kwalunkwe każ, mal-poter politiku, kif ukoll sabiex l-imsemmija awtoritajiet ikunu jistgħu jinkludu l-azzjoni tagħhom f’perspettiva fit-tul, neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2009/72 (33).

73.      Fil-kuntest tar-Regolament Nru 1227/2011, l-Artikolu 13tiegħu, dwar l-implimentazzjoni tal-projbizzjonijiet tal-abbuż tas-suq, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li l-ARN għandhom jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. Skont it-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 13(1), kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ARN tiegħu jkollhom setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar suffiċjenti għall-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni sa mhux iktar tard mid‑29 ta’ Ġunju 2013 u li dawn is-setgħat jiġu eżerċitati b’mod proporzjonat. It-tielet subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 13(1), jippreċiża, rispettivament, fil-punti (a), (b) u (c), li dawn is-setgħat jistgħu jiġu eżerċitati direttament, b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra jew billi jiġu aditi l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament, jipprevedi li dawn is-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar huma limitati għall-għan tal-investigazzjoni u jelenka d-drittijiet mogħtija lill-ARN, li jinkludu d-dritt ta’ aċċess għal kull dokument rilevanti u li jirċievu kopja tiegħu, li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post, li jeżiġu l-waqfien ta’ kull prattika kuntrarja għall-imsemmi regolament jew għall-atti ddelegati jew ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, li jitolbu lil qorti tordna l-iffriżar jew is-sekwestru ta’ assi kif ukoll li jitolbu lil qorti jew lil awtorità kompetenti timponi projbizzjoni temporanja tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali.

74.      Barra minn hekk, l-Artikolu 18 tal-istess regolament, iddedikat għas-sanzjonijiet, jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-Regolament Nru 1227/2011 u jieħdu kull miżura neċessarja sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom. Huwa jippreċiża li s-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura, it-tul u l-gravità tal-ksur, id-dannu kkawżat lill-konsumaturi u l-qligħ potenzjali mit-tranżazzjoni abbażi ta’ informazzjoni pprivileġġata u ta’ manipulazzjoni tas-suq (34).

75.      Konsegwentement, dan l-Artikolu 18 ma jippreċiżax lil liema awtorità tingħata l-kompetenza sabiex tissanzjona l-ksur tar-Regolament Nru 1227/2011, b’mod partikolari tal-Artikolu 5 tiegħu. Min-naħa l-oħra, taħt dan ir-regolament rivedut, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tiegħu jipprovdi li, “mingħajr preġudizzju għal xi piena kriminali u mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-[ARN] skont l-Artikolu 13, l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jipprevedu li l-[ARN] jkollhom is-setgħa li jadottaw multi amministrattivi xierqa u miżuri amministrattivi oħra fir-rigward tal-ksur ta’ dan ir-Regolament kif imsemmi fl-Artikolu 13(1)”. Għalhekk, l-imsemmi regolament rivedut jagħti espliċitament lill-ARN il-kompetenza li jimponu sanzjonijiet amministrattivi. Madankollu, peress li dan tal-aħħar ma kienx applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, għandha tiġi eżaminata l-konformità tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni fid-dawl tar-Regolament Nru 1227/2011 fil-verżjoni inizjali tiegħu.

76.      Skont l-Artikolu 89(2) tal-ElWOG 2010, “[i]s-sanzjonijiet amministrattivi msemmija fl-Artikoli 99 sa 102 huma imposti mill-awtorità amministrattiva distrettwali kompetenti skont l-Artikolu 26 tal-Verwaltungsstrafgesetz [il-Liġi dwar is-Sanzjonijiet Amministrattivi]. L-awtorità regolatorja għandha l-kwalità ta’ parti fil-proċedura. Hija tista’ tinvoka, matul il-proċedura, bħala dritt suġġettiv, l-osservanza ta’ dispożizzjonijiet legali intiżi sabiex jipproteġu l-interessi pubbliċi li hija inkarigata li tiddefendi, kif ukoll tippreżenta rikors quddiem il-qorti amministrattiva tal-Land”.

77.      Fir-rigward tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1227/2011, nikkonstata li E-Control, fil-kwalità tagħha ta’ ARN Awstrijaka, għandha setgħat ta’ investigazzjoni, li huma eżerċitati b’mod partikolari fil-kawża prinċipali. Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Awstrijak waqt is-seduta, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lil E-Control setgħat ta’ investigazzjoni wiesgħa ħafna u, fil-każ ta’ suspett ta’ manipulazzjoni tas-suq, hija għandha teżamina dan is-suspett imbagħad, fil-każ li dan is-suspett jiġi kkonfermat, ir-riżultat ta’ din l-investigazzjoni għandu jingħata lill-awtorità amministrattiva distrettwali, b’talba għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni. Madankollu, skont dan il-gvern, li miegħu tingħaqad E‑Control, il-konstatazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar ma għandhom ebda effett vinkolanti għall-awtorità amministrattiva distrettwali kompetenti, la fil-fatt u lanqas fid-dritt, peress li din tal-aħħar tibqa’ libera li twettaq jew li ma twettaqx l-investigazzjoni tagħha stess, u tevalwa b’mod awtonomu l-fatti u l-kwistjonijiet ta’ dritt. L-imsemmi gvern ippreċiża li E-Control hija sempliċi parti fil-proċedura, li jfisser b’mod konkret li hija tista’ tirrapporta l-fatti, tipparteċipa fil-proċedura, tippreżenta teħid ta’ pożizzjoni u tqajjem motivi, iżda li, madankollu, hija ma tista’ twettaq ebda att ta’ prosekuzzjoni u lanqas tissospendi l-preskrizzjoni u, fl-aħħar nett, ma tista’ timponi ebda deċiżjoni fuq l-awtorità amministrattiva distrettwali. Madankollu, l-istess gvern żied li l-konstatazzjonijiet ta’ E-Control għandhom rwol determinanti f’żewġ aspetti. Dawn jikkostitwixxu, fl-ewwel lok, il-punt ta’ tluq tal-proċedura għall-ġbir ta’ provi u għall-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtorità amministrattiva distrettwali u, fit-tieni lok, huma ta’ importanza partikolari minħabba l-għarfien speċifiku li għandha E-Control fis-settur ikkonċernat. Bħala parti rikorrenti, din tal-aħħar tista’ b’mod partikolari titlob jew tipproduċi provi u tikkontesta, quddiem qrati amministrattivi indipendenti, deċiżjoni meqjusa illegali. Fi kliem ieħor, id-dritt Awstrijak allegatament huwa bbażat fuq mekkaniżmu ta’ eżami doppju, li jikkonsisti fl-ewwel eżami mwettaq mill-ARN stess, segwit mit-tieni eżami mill-awtorità amministrattiva distrettwali.

78.      Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet, jidher, qabelxejn, li, fid-dawl tal-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1227/2011, E-Control ma teżerċitax direttament is-setgħat tagħha ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar, sa fejn il-konstatazzjonijiet tagħha ma għandhom ebda effett vinkolanti għall-awtorità amministrattiva distrettwali. Sussegwentement, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, E-Control għandha tadixxi lil din l-awtorità sabiex hija tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjoni filwaqt li, l-imsemmija awtorità ma tikkostitwixxix “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament.

79.      Fl-aħħar nett, nosserva li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, E-Control ma teżerċitax is-setgħat tagħha “f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn”, fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, kif fakkret il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, mix-xogħol preparatorju tal-istess regolament, jiġifieri l-proposta tagħha għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija tat‑8 ta’ Diċembru 2010 (35), jirriżulta li, fir-rigward tal-Artikolu 13, “[f]ejn ikun issuspettat abbuż tas-suq, il-monitoraġġ tas-swieq se jkun akkumpanjat minn investigazzjoni effettiva li, fejn ikun meħtieġ, twassal għal sanzjonijiet xierqa. Ir-Regolament jagħti lill-[ARN] ir-rwol ewlieni f’dan ir-rigward, u jeżiġi li l-Istati Membri jagħtuhom is-setgħat meħtieġa biex jinvestigaw abbuż tas-suq suspettat u jistipulaw regoli xierqa dwar is-sanzjonijiet applikabbli f’każ ta’ vjolazzjonijiet tar-Regolament” (36). Issa, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Awstrijak jirriżulta li, fis-sistema prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, E-Control ma għandhiex tali rwol ewlieni. Għalkemm din l-awtorità għandha setgħat ta’ investigazzjoni wiesgħa, hija għandha tittrażmetti r-riżultat tal-investigazzjonijiet tagħha lill-awtorità amministrattiva distrettwali, li tibqa’ libera li tevalwa b’mod awtonomu l-fatti u l-kwistjonijiet ta’ dritt u li tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjoni. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li E-Control teżerċita s-setgħat tagħha b’kollaborazzjoni ma’ din l-awtorità, fis-sens tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1227/2011.

80.      Konsegwentement, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, inqis li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex konformi mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament.

81.      Fir-rigward tal-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, li ma jippreċiżax espliċitament liema hija l-awtorità kompetenti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri għandhom marġni ta’ evalwazzjoni fl-għażla tal-awtorità kompetenti sabiex timponi sanzjonijiet, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ awtonomija istituzzjonali u proċedurali, dan il-prinċipju għandu madankollu jiġi applikat fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli (37). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 18 jirrikjedi, b’mod partikolari, li s-sanzjonijiet previsti jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

82.      Kif indikajt fil-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività teżiġi li l-awtorità kompetenti sabiex timponi sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament tkun indipendenti. Issa, kif jirrikonoxxi l-gvern Awstrijak, għall-kuntrarju tal-ARN, awtorità amministrattiva distrettwali mhijiex awtorità indipendenti ladarba tkun, suġġetta għal struzzjonijiet, f’dan il-każ, tas-sindku tal-Belt ta’ Vjenna fil-kapaċità tiegħu bħala kap tal-gvern tal-Land, hu stess subordinat għall-ministru federali kompetenti. Dan il-Gvern Awstrijak madankollu sostna, li, minn naħa, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, l-awtoritajiet amministrattivi distrettwali huma suġġetti għall-prinċipju kostituzzjonali tal-legalità tal-prosekuzzjoni, li bis-saħħa tiegħu għandhom obbligu li josservaw il-liġijiet fis-seħħ fit-twettiq tad-dmirijiet fdati lilhom u li, min-naħa l-oħra, skont l-ordinament kostituzzjonali Awstrijak, kull istruzzjoni maħruġa minn korp mhux kompetenti jew li l-eżekuzzjoni tagħha tmur kontra d-dispożizzjonijiet kriminali għandha tiġi rrifjutata. Madankollu, jekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tipproċedi għall-evalwazzjoni finali f'dan ir-rigward, jiena tal-fehma li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex suffiċjenti sabiex jiżguraw l-indipendenza tal-awtorità amministrattiva distrettwali. Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jimplika li l-awtorità inkarigata mill-impożizzjoni tas-sanzjonijiet tkun protetta minn kull istruzzjoni jew minn kull influwenza esterna li tista’ taffettwa l-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha. Issa, mid-definizzjoni tiegħu stess, korp mhux indipendenti ma għandu l-ebda kapaċità li jopponi l-istruzzjonijiet li jirċievi anki jekk, formalment, għandu d-dritt li jirrifjutahom.

83.      Inżid li, fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali, E-Control qajmet ukoll kwistjonijiet relatati mal-eżistenza ta' regoli mhux xierqa fir-rigward tal-preskrizzjoni u ta’ kunflitt ta’ interessi marbut mal-fatt li l-Belt ta’ Vjenna għandha impriża kbira tal-elettriku. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma semmietx dawn l-elementi fit-tielet domanda preliminari tagħha. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati sa fejn, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (38).

84.      Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1227/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li s-setgħa li jiġu imposti sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ma hijiex tal-ARN, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tiegħu, iżda ta’ awtorità amministrattiva muniċipali suġġetta għal istruzzjonijiet.

D.      Fuq ir-raba’ u s-seba’ domanda preliminari

85.      Permezz tar-raba’ u tas-seba’ domanda tagħha, li nipproponi li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2(a)(i) u (ii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-osservanza, minn parteċipant fis-suq, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/1719 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità, b’mod partikolari fir-rigward tal-qafas ġuridiku relatat mal-irkantijiet organizzati fuq il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni ta’ JAO, teskludi li dan il-parteċipant ikun jista’, minn naħa, jagħti sinjali foloz jew qarrieqa dwar il-provvista, id-domanda jew il-prezz tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa u, min-naħa l-oħra, jiffissa l-prezz ta’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa wieħed jew iktar f’livell artifiċjali.

86.      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk il-fatt li wieħed jaġixxi fil-kuntest ta’ rkantijiet organizzati fuq il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni huwiex tali li jeskludi l-impożizzjoni ta’ multa, minħabba li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-irkantijiet ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali, ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, jikkostitwixxu qafas ġuridiku li jiggarantixxi lill-parteċipanti fis-suq ċertezza dwar l-informazzjoni trażmessa, u b’hekk jippermetti li jiġi evitat li jingħataw sinjali foloz jew qarrieqa, fis-sens tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011. Dan il-qafas ġuridiku jirriżulta, b’mod partikolari, mir-Regolament 2016/1719 u mir-regoli ta’ allokazzjoni fil-fruntieri Żvizzeri, u tippreċiża li r-restituzzjonijiet u l-offerti ta’ xiri magħmula fil-kuntest ta’ rkant ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali huma anonimi. L-imsemmija qorti żżid li din il-mistoqsija hija bbażata fuq il-presuppożizzjoni li l-persuna li tipparteċipa fl-irkant ma hijiex qiegħda taġixxi illegalment f’kapaċità oħra, bħal, pereżempju, billi tidħol fi ftehimiet ta’ ffissar tal-prezzijiet ma’ parteċipanti oħra fis-suq. Permezz tas-seba’ domanda tagħha, l-istess qorti tistaqsi jekk tistax tiġi kkonstatata manipulazzjoni tas-suq, fis-sens tal-punt 2(a)(ii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011, meta, bl-azzjoni ta’ operatur, il-prezz jiġi ffissat f’livell artifiċjali, minkejja li jiġu osservati r-regoli proċedurali previsti mir-Regolament 2016/1719 u r-regoli għall-allokazzjoni ta' fondi fil-fruntieri Żvizzeri.

87.      B’hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta għal dawn iż-żewġ domandi trid tingħata fid-dawl kemm tar-Regolament 2016/1719 kif ukoll tar-regoli ta’ allokazzjoni tal-fruntiera Żvizzera. Madankollu, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, għalkemm l-Artikolu 2 tagħhom jipprovdi li ċerti termini użati fihom għandhom it-tifsira mogħtija lilhom b’mod partikolari mir-Regolament 2016/1719, dawn ir-regoli ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni sa fejn, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, il-Konfederazzjoni Żvizzera ma kinitx tipparteċipa fis-suq intern tal-elettriku tal-Unjoni (39) b’tali mod li ma hemmx lok li jsir riferiment għalihom sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

88.      Fir-rigward ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, argumentat li din id-dispożizzjoni ma kinitx tapplika f’dan il-każ għaliex l-iskambji tal-kapaċitajiet tat-trasport transkonfinali saru fil-fruntiera Żvizzera (40). Fi kwalunkwe każ, mingħajr ma jkun hemm bżonn li niddeċiedi l-kwistjoni tal-applikabbiltà tiegħu għall-kawża prinċipali, se nirreferi għall-imsemmi regolament safejn jistabbilixxi regoli proċedurali relatati mal-irkanti tal-kapaċitajiet tat-trasport transkonfinali.

89.      Fir-rigward tar-Regolament Nru 1227/2011, infakkar li l-premessa 1 ta’ dan id-dokument tiddikjara, b’mod partikolari, li l-prezzijiet stabbiliti fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa jirriflettu interazzjoni bbilanċjata u kompetittiva bejn il-provvista u d-domanda u li l-ebda abbuż tas-suq ma jista’ jwassal għal profitti. F’dan ir-rigward, il-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “manipulazzjoni tas-suq” u jippreċiża, fil-punt (a), li dan il-kunċett jirreferi għat-twettiq ta’ kwalunkwe tranżazzjoni jew għall-ħruġ ta’ kwalunkwe ordni għal prodotti enerġetiċi bl-ingrossa li, skont il-punt (i) ta’ din id-dispożizzjoni, tagħti jew tista’ tagħti sinjali foloz jew qarrieqa dwar il-provvista, id-domanda jew il-prezz tal-prodotti enerġetiċi bl-ingrossa jew, skont il-punt (ii) tal-imsemmija dispożizzjoni, tiffissa jew tipprova tiffissa, permezz tal-azzjoni ta’ persuna waħda jew iktar li jaġixxu flimkien, il-prezz ta’ prodott enerġetiku bl-ingrossa wieħed jew iktar f’livell artifiċjali, sakemm il-persuna li tkun wettqet it-tranżazzjoni jew ħarġet l-ordni ma tistabbilixxix li r-raġunijiet li wassluha tagħmel dan huma leġittimi u li din it-tranżazzjoni jew din l-ordni hija konformi mal-prattiki tas-suq aċċettati fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa kkonċernat.

90.      Fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni, il-klassifikazzjoni bħala “manipulazzjoni tas-suq” hija evalwata indipendentement mill-konformità mar-regoli proċedurali applikabbli għall-irkanti. F’dan ir-rigward, nenfasizza li r-riferiment, fil-punt (ii) tal-istess dispożizzjoni, għall-eżistenza ta’ raġunijiet leġittimi u konformità mal-prattiki tas-suq aċċettati fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa rilevanti, li jistgħu jiġġustifikaw l-iffissar tal-prezz ta’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa f’livell artifiċjali, ma tistax titqies bħala regoli proċedurali applikabbli għall-irkanti. Fil-fatt, minn naħa, il-persuna kkonċernata trid turi l-leġittimità tal-azzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar is-swieq finanzjarji, “prattika tas-suq aċċettata” tfisser prattika tas-suq speċifika stabbilita minn awtorità kompetenti (41). Peress li dan il-kunċett għandu jkollu portata simili fil-kuntest tar-Regolament Nru 1227/2011, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-“prattiki tas-suq aċċettati” msemmija fil-punt 2(a)(ii) tal-Artikolu 2 tiegħu għandhom jiġu distinti mir-regoli proċedurali speċifiċi għall-irkantijiet.

91.      B’mod iktar ġenerali, ir-Regolament Nru 1227/2011 u r-Regolament 2016/1719 għandhom għanijiet komplementari. Fil-fatt, dan l-aħħar regolament, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, “jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità transżonali fis-swieq forward, dwar it-twaqqif ta’ metodoloġija komuni biex tiġi determinata l-kapaċità transżonali fit-tul, dwar it-twaqqif ta’ pjattaforma unika ta’ allokazzjoni fil-livell Ewropew li toffri drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul, u dwar il-possibbiltà li d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul għal allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità sussegwenti jingħataw lura jew li d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul jiġu trasferiti bejn il-parteċipanti fis-suq”. Dan ir-regolament jipprovdi biss, fl-Artikolu 37(4) tiegħu, li l-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni għandha s-setgħa li tissospendi jew li tirtira d-dritt ta’ parteċipant fis-suq li jipparteċipa fl-irkantijiet jew li jittrasferixxi d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul tiegħu wara ksur tal-obbligi kuntrattwali tiegħu li jirriżultaw mir-regoli armonizzati ta’ allokazzjoni. Għalhekk, l-imsemmi regolament ma huwiex intiż li jissanzjona l-aġir li jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq, li jaqa’ taħt ir-Regolament Nru 1227/2011. Għaldaqstant, jekk jitqies li s-sempliċi osservanza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/1719 fil-kuntest tal-irkantijiet fuq il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni ta’ JAO hija suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li parteċipant fis-suq ikun jista’ jagħti sinjali foloz jew qarrieqa jew jiffissa l-prezz f’livell artifiċjali, dan ikun ifisser li dan l-aħħar regolament jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu.

92.      Barra minn hekk, l-issanzjonar tal-abbużi tas-suq isegwi l-istess loġika bħall-abbuż ta’ dritt b’mod ġenerali. F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri l-operazzjonijiet li jitwettqu bl-għan li jinkisbu b’mod frawdolenti jew abbużiv il-vantaġġi previsti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mill-imsemmija leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-ħolqien artifiċjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex dan jinkiseb (42). Fi kliem ieħor, mill-kunċett innifsu ta’ “abbuż” jirriżulta li aġir apparentement legali jista’ jwassal għall-ksur ta’ dispożizzjoni legali jekk l-għan jew ir-riżultat miksub imur kontra r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

93.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li r-risposta għar-raba’ u għas-seba’ domanda tkun li l-punt 2(a)(i) u (ii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-osservanza, minn parteċipant fis-suq, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/1719 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità, b’mod partikolari fir-rigward tal-qafas ġuridiku relatat mal-irkantijiet organizzati fuq il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni ta’ JAO, ma teskludix li dan il-parteċipant ikun jista’, minn naħa, jagħti sinjali foloz jew qarrieqa dwar il-provvista, id-domanda jew il-prezz tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa u, min-naħa l-oħra, jiffissa l-prezz ta’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa wieħed jew iktar f’livell artifiċjali.

E.      Fuq il-ħames u t-tmien domanda preliminari

94.      Permezz tal-ħames u tat-tmien domanda tagħha, li nissuġġerixxi li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2(a)(i) u (ii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq il-fatt li jiġu rrestitwiti, matul irkant mensili, kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali akkwistati waqt irkantijiet annwali, u sussegwentement jiġu sottomessi offerti ta’ xiri li jirrigwardaw dawn il-kapaċitajiet fil-kuntest ta’ dan l-istess irkant mensili fuq il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni ta’ JAO.

95.      Din il-qorti tippreċiża li tistaqsi jekk l-istrateġija ta’ restituzzjoni u ta’ offerti (“Return and Bid Strategy”) tikkostitwixxix il-ksur imsemmi fil-punt 2(a)(i) u (ii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011.

1.      Fuq l-ammissibbiltà

96.      DM u Alpiq isostnu li r-risposta għal dawn id-domandi, teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perspettivi tas-suq. F’dan ir-rigward, ikollu jiġi ddeterminat kif parteċipant fis-suq avżat jipperċepixxi jew jista’ jipperċepixxi l-aġir inkwistjoni, jiġifieri l-istrateġija ta’ restituzzjoni u ta’ offerti. Għal dan l-għan, il-qorti tar-rinviju allegatament ordnat perizja ġudizzjarja, li ħadet inkunsiderazzjoni l-ambjent konkret tas-suq u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, li twassal għall-konklużjoni li Alpiq ma pprovdiet l-ebda informazzjoni falza jew qarrieqa u li l-aġir tagħha ma kienx ta’ natura li jikkawża livell ta’ prezz artifiċjalment għoli. Issa, l-imsemmija domandi jkunu jeħtieġu evalwazzjoni astratta tal-istrateġija ta’ restituzzjoni u ta’ offerti li ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk parteċipant fis-suq avżat jistax jiġi żgwidat.

97.      Madankollu, il-fatt li l-ħames u t-tmien domanda jirrigwardaw, b’mod ġenerali, il-konformità tal-istrateġija ta’ restituzzjoni u ta’ offerti mar-Regolament Nru 1227/2011 ma huwiex tali li jwassal għall-inammissibbiltà ta’ dawn id-domandi, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni u ma hijiex awtorizzata tapplikahom għal każ partikolari. Fil-fatt, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-portata tar-regoli tal-Unjoni sabiex tippermettilha tapplika dawn ir-regoli b’mod korrett għall-fatti mressqa quddiemha, u mhux li twettaq hija stess tali applikazzjoni, iktar u iktar peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex neċessarjament għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġuriżdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali jew sabiex tapplika r-regoli tal-Unjoni li tkun interpretat għal miżuri jew għal sitwazzjonijiet nazzjonali, peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali (43).

98.      Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, abbażi tal-informazzjoni fil-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tiegħu(44).

99.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames u t-tmien domanda preliminari huma ammissibbli.

2.      Fuq il-mertu

100. Infakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li E-Control b’mod partikolari akkużat lil Alpiq jew lil DM li adottat aġir li jikkostitwixxu manipulazzjoni tas-suq, li allegatament seħħ fi tliet stadji. L-ewwel stadju allegatament kien jikkonsisti fl-akkwist, waqt irkantijiet annwali, ta’ kwantitajiet kbar ta’ kapaċitajiet annwali ta’ trażmissjoni transkonfinali tal-elettriku. It-tieni stadju allegatament kien jinvolvi r-restituzzjoni ta’ dawn il-kapaċitajiet annwali waqt l-irkantijiet mensili, u b’hekk żied b’mod sinjifikattiv il-volum imqiegħed għall-irkant u ta lill-parteċipanti l-oħra fis-suq l-impressjoni ta’ intenzjoni reali ta’ bejgħ. Fl-aħħar nett, it-tielet stadju allegatament kien jikkonsisti f’offerti ta’ xiri minn Alpiq u jirrigwardaw kwantitajiet kbar ta’ kapaċitajiet mensili, li, skont E-Control, wasslet sabiex jiġi ffissat prezz minimu għall-kapaċitajiet li kellha.

101. Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, inqis li għandha ssir distinzjoni ċara bejn it-tieni u t-tielet stadju. Fil-fatt, it-tieni stadju jikkonsisti fir-restituzzjoni tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali akkwistati waqt irkantijiet annwali, li hija espressament prevista fl-Artikolu 43 tar-Regolament 2016/1719. Fil-fatt, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, id-detenturi ta’ drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul jistgħu jirrestitwixxu d-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul tagħhom lit-TSOs ikkonċernati permezz tal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni, sabiex issir allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità mill-ġdid. Il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jippreċiża li d-detenturi ta’ drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul li jirrestitwixxu d-drittijiet tagħhom jiġu rremunerati, direttament jew permezz ta’ terz, mit-TSOs ikkonċernati permezz tal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni, u li din ir-remunerazzjoni tkun ugwali għall-prezz li jirriżulta mill-irkant li fih id-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul jiġu allokati mill-ġdid.

102. Għalhekk, il-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali akkwistati waqt irkantijiet annwali jistgħu jiġu rrestitwiti mill-parteċipant fis-suq ikkonċernat waqt l-irkantijiet mensili korrispondenti, u dan jippermettilu jeħles minn kapaċitajiet li ma jkollux iktar bżonn. Dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni mill-ġdid huwa ta’ benefiċċju wkoll għas-suq, billi jippermetti lil parteċipanti oħra jakkwistaw dawn il-kapaċitajiet. Fil-fehma tiegħi, mill-Artikolu 43(3) tar-Regolament 2016/1719 jirriżulta li l-parteċipant fis-suq li jirrestitwixxi l-kapaċitajiet tiegħu għandu jaċċetta l-prezz li jirriżulta mill-irkant li fih id-drittijiet tat-trażmissjoni fit-tul jiġu allokati mill-ġdid, mingħajr ma jkun jista’ jinfluwenza d-determinazzjoni tiegħu.

103. Fir-rigward tal-kawża prinċipali, din ir-restituzzjoni hija prevista mir-regoli ta’ allokazzjoni fil-fruntieri Żvizzeri, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tagħhom għandhom jiġu interpretati mill-qorti tar-rinviju. Mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li dan it-tieni stadju jqajjem, f’dan il-każ, diffikultajiet fir-rigward tar-regoli proċedurali applikabbli.

104. It-tielet stadju jikkonsisti fis-sottomissjoni, minn parteċipant fis-suq li jkun irrestitwixxa, matul irkant mensili, kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali akkwistati waqt irkantijiet annwali, ta’ offerti ta’ xiri li jirrigwardaw dawn l-istess kapaċitajiet matul dan l-irkant mensili. Tali prattika ma hijiex irregolata mir-Regolament 2016/1719. Issa, f’ċerti ċirkustanzi, jiena tal-fehma li din tista’ tikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq, fis-sens tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011.

105. Fil-fatt, skont il-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, il-manipulazzjonijiet tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa jinvolvu azzjonijiet imwettqa minn persuni li jikkawżaw artifiċjalment żieda fil-prezzijiet għal livell li ma huwiex iġġustifikat mill-forzi tas-suq tal-provvista u tad-domanda, b’mod partikolari d-disponibbiltà effettiva tal-kapaċità ta’ produzzjoni, ta’ ħażna jew ta’ trażmissjoni, u d-domanda. Għalhekk, skont din il-premessa, manipulazzjoni tas-suq tista’, b’mod partikolari, tieħu l-forma ta’ azzjoni deliberata intiża sabiex tagħti l-impressjoni li l-kapaċità ta’ trażmissjoni disponibbli hija differenti mill-kapaċità li, mill-perspettiva teknika, tkun effettivament disponibbli, u li din l-informazzjoni taffettwa jew tista’ taffettwa l-prezz tal-prodotti enerġetiċi bl-ingrossa. Barra minn hekk, il-premessa 14 tal-imsemmi regolament tipprovdi li jikkostitwixxi wkoll manipulazzjoni tas-suq ix-xiri ta’ prodotti enerġetiċi bl-ingrossa bl-għan, bl-intenzjoni jew bl-effett li jiġu żgwidati l-parteċipanti fis-suq billi wieħed jaġixxi abbażi tal-prezzijiet ta’ referenza.

106. F’dan il-każ, il-problema prinċipali tinsab, fil-fehma tiegħi, fil-fatt li, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, ir-restituzzjonijiet u l-offerti ta’ xiri sottomessi fil-kuntest ta’ rkant ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali huma anonimi. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li JAO tippubblika fuq is-sit internet tagħha, wara l-irkantijiet, l-offerti ta’ xiri f’forma anonimizzata. Issa, bħala prinċipju, ir-restituzzjoni tindika lill-parteċipanti l-oħra fis-suq li l-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni hekk irrestitwiti huma disponibbli bi prezz liberu waqt l-irkantijiet. Madankollu, meta l-parteċipant fis-suq jissottometti offerta li tirrigwarda l-kapaċitajiet li jkun għadu kif irrestitwixxa, jidher, kif issostni E-Control, li dawn il-kapaċitajiet jistgħu jiġu akkwistati biss bi prezz minimu ddeterminat, mingħajr ma l-parteċipanti l-oħra fis-suq ikunu f’pożizzjoni li jkunu jafu b’dan. Minn dan jirriżulta li l-aġir inkwistjoni jista’ jikkawża artifiċjalment żieda fil-prezzijiet għal livell li ma huwiex iġġustifikat mill-forzi tas-suq tal-provvista u tad-domanda, fis-sens tal-premessa 13 tal-istess regolament.

107. Fil-kawża prinċipali, DM u Alpiq indikaw ukoll, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, li l-istrateġija ta’ restituzzjoni u ta’ sottomissjoni ta’ offerti x’aktarx li tirriżulta fi prezz medju fis-suq bl-ingrossa tal-prodotti tal-enerġija ogħla minn dak li kien jirriżulta minn kompetizzjoni ħielsa fl-istess suq fin-nuqqas ta’ din l-istrateġija.

108. Barra minn hekk, il-punt 2(a)(ii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011 jipprovdi li jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq it-twettiq ta’ kwalunkwe tranżazzjoni jew il-ħruġ ta’ kwalunkwe ordni għal prodotti enerġetiċi bl-ingrossa li tiffissa jew tipprova tiffissa, permezz tal-azzjoni ta’ persuna waħda jew iktar li jaġixxu flimkien, il-prezz ta’ prodott enerġetiku bl-ingrossa wieħed jew iktar f’livell artifiċjali, sakemm il-persuna li tkun wettqet it-tranżazzjoni jew ħarġet l-ordni ma tistabbilixxix li r-raġunijiet li wassluha tagħmel dan huma leġittimi.

109. Waqt is-seduta, DM u Alpiq sostnew li l-offerti ta’ xiri tagħhom kienu jaqgħu biss taħt strateġija ta’ ottimizzazzjoni tal-pożizzjoni kummerċjali tagħhom. Ċertament, kull parteċipant fis-suq ifittex, mid-definizzjoni tiegħu stess, li jottimizza l-pożizzjoni u l-qligħ tiegħu. Madankollu, tali tfittxija ta’ ottimizzazzjoni ma tistax tiġġustifika aġir li jmur kontra r-regoli applikabbli.

110. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, DM u Alpiq argumentaw ukoll, b’riferiment għar-rapport tal-espert ordnat mill-qorti tar-rinviju, li projbizzjoni ġenerali fuq l-istrateġija ta’ restituzzjoni u ta’ sottomissjoni ta’ offerti twassal għal tnaqqis fid-dħul tat-TSOs, li jirriżulta f’żieda fit-tariffi tan-netwerk u, konsegwentement, fil-prezz tal-elettriku. Madankollu, niddubita li dan l-argument waħdu huwa biżżejjed biex jistabbilixxi li l- istrateġija ta’ restituzzjoni u ta’ sottomissjoni ta’ offerti, b’mod ġenerali, tkun konformi mar-Regolament Nru 1227/2011.

111. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, fid-dawl tal-punti ta’ fatt kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, jekk, f’dan il-każ, l-istrateġija ta’ restituzzjoni u ta’ offerti implimentata minn Alpiq, minn naħa, tagħtix sinjali foloz jew qarrieqa dwar il-provvista, id-domanda jew il-prezz tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa jew, min-naħa l-oħra, tiffissax il-prezz ta’ wieħed jew iktar minn dawn il-prodotti f’livell artifiċjali, mingħajr raġunijiet leġittimi.

112. F’dan ir-rigward, kif argumenta l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, iċ-ċirkustanzi, xi kultant kumplessi ħafna, tal-każ li qed jiġi kkunsidrat huma ġeneralment deċiżivi fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ manipulazzjoni tas-suq fis-sens tal-punti (i) u (ii) tal-Artikolu 2(2)(a), tar-Regolament Nru 1227/2011.

113. Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ħames u għat-tmien domanda tkun li l-punt 2(a)(i) u (ii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li parteċipant fis-suq jirrestitwixxi, matul irkant mensili, kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali akkwistati waqt irkantijiet annwali, u sussegwentement jissottometti offerti ta’ xiri li jirrigwardaw dawn l-istess kapaċitajiet waqt dan l-irkant mensili fuq il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni ta’ JAO, jikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq, meta dawn l-offerti jkunu intiżi li jagħtu l-impressjoni li l-kapaċità ta’ trażmissjoni disponibbli hija differenti minn dik li, minn perspettiva teknika, tkun effettivament disponibbli jew jiġu sottomessi bl-għan jew bl-intenzjoni li jiġu żgwidati l-parteċipanti fis-suq, jew meta dan l-effett jirriżulta mill-fatt li wieħed jaġixxi abbażi tal-prezzijiet ta’ referenza, mingħajr raġunijiet leġittimi. Din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali, filwaqt li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw il-każ li qed jiġi eżaminat.

F.      Fuq is-sitt domanda

114. Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 6 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1719 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju “use-it-or-sell-it” imsemmi f’din id-dispożizzjoni l-fatt li jiġu rrestitwiti, matul irkant mensili, kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali akkwistati waqt irkantijiet annwali, u sussegwentement jiġu sottomessi, fil-kuntest ta’ dan l-istess irkant mensili, offerti ta’ xiri li jirrigwardaw dawn il-kapaċitajiet fuq il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni ta’ JAO.

115. Din il-qorti tirrileva li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 45(1) tar-regoli ta’ allokazzjoni fil-fruntieri Żvizzeri, il-prinċipju “use-it-or-sell-it” japplika għall-irkantijiet organizzati fuq il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Konfederazzjoni Żvizzera. Issa, konformement mal-Artikolu 2(1) ta’ dawn ir-regoli, dan il-prinċipju għandu t-tifsira mogħtija lilu fir-Regolament 2016/1719. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-punt 6 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament tkun determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Skont l-imsemmija qorti, ikun hemm lok, minn naħa, li jiġi ddeterminat jekk il-prinċipju “use-it-or-sell-it” jimponix rekwiżiti fir-rigward tar-restituzzjoni tal-kapaċitajiet fit-tul akkwistati waqt irkant annwali u, min-naħa l-oħra, jekk is-sottomissjoni ta’ offerti ta’ xiri għal tali kapaċitajiet fit-tul waqt l-irkant mensili sussegwenti hijiex kompatibbli ma’ dan il-prinċipju.

116. Il-punt 6 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1719 jiddefinixxi l-prinċipju “use-it-or-sell-it” bħala l-“prinċipju li jistabbilixxi li l-kapaċità transżonali sottostanti ta’ drittjiet fiżiċi tat-trażmissjoni mixtrija u mhux nominati jsiru awtomatikament disponibbli għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ ġurnata bil-quddiem u li jistabbilixxi li d-detentur ta’ dawn id-drittjiet fiżiċi tat-trażmissjoni jirċievi remunerazzjoni mingħand it-TSOs”. Barra minn hekk, skont il-punt 7 ta’ dan it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2, in-“nomina” tikkonsisti fil-komunikazzjoni tal-użu tal-kapaċità transżonali fit-tul minn detentur ta’ drittijiet fiżiċi tat-trażmissjoni u mill-kontroparti tiegħu, jew minn terz awtorizzat, lit-TSOs ikkonċernati.

117. Għalhekk, dan il-prinċipju japplika meta l-parteċipanti fis-suq ma jużawx il-kapaċitajiet li jkunu akkwistaw, jiġifieri meta ma jkunux innominawhom. F’dan il-każ, il-kapaċitajiet mhux innominati jinbiegħu mill-ġdid awtomatikament minn JAO waqt l-irkantijiet ta’ kuljum li jsegwu l-proċess ta’ nomina. Il-prinċipju “use-it-or-sell-it” huwa għalhekk intiż li jevita li l-kapaċitajiet disponibbli “jintilfu” għas-suq.

118. Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 101 u 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-restituzzjoni tal-kapaċitajiet tikkostitwixxi mekkaniżmu li jippermetti lill-parteċipanti fis-suq jirrestitwixxu, drittijiet ta’ trasport fit-tul f'irkant sussegwenti għal żmien iqsar, f'dan il-każ irkant mensili. Konsegwentement, kif enfasizzaw DM u Alpiq kif ukoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-mekkaniżmu ta’ restituzzjoni tal-kapaċitajiet u l-prinċipju “use-it-or-sell-it” jikkostitwixxu żewġ mekkaniżmi distinti, li joperaw fi stadji differenti: l-ewwel wieħed japplika fil-kuntest tal-irkantijiet fit-tul, filwaqt li t-tieni wieħed jopera fil-mument tan-nomina, jiġifieri waqt l-irkantijiet għal żmien qasir.

119. Konstatazzjoni bħal din ma tistax twassal għall-konklużjoni li l-istrateġija ta’ restituzzjoni u ta’ sottomissjoni ta’ offerti hija, de facto, konformi mar-Regolament 2016/1719, kif jirriżulta mir-risposta li nissuġġerixxi għall-ħames u t-tmien domanda.

120. Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għas-sitt domanda tkun li l-punt 6 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1719 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju “use-it-or-sell-it” imsemmi f’din id-dispożizzjoni l-fatt li parteċipant fis-suq jirrestitwixxi, matul irkant mensili, kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali akkwistati waqt irkantijiet annwali, u sussegwentement jissottometti, fil-kuntest ta’ dan l-istess irkant mensili, offerti ta’ xiri li jirrigwardaw dawn il-kapaċitajiet fuq il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni ta’ JAO.

V.      Konklużjoni

121. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija) kif ġej:

1)      Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

japplika għall-iskambji ta’ kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali tal-elettriku mwettqa minn impriża Żvizzera bejn ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Konfederazzjoni Żvizzera, fiż-żewġ direzzjonijiet.

2)      L-eżami tat-tieni domanda ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011 fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità fil-qasam kriminali, stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1227/2011

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li s-setgħa li jiġu imposti sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ma hijiex tal-awtorità regolatorja nazzjonali, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tiegħu, iżda ta’ awtorità amministrattiva muniċipali suġġetta għal istruzzjonijiet.

4)      Il-punt 2(a)(i) u (ii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-osservanza, minn parteċipant fis-suq, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 tas‑26 ta’ Settembru 2016 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità, b’mod partikolari fir-rigward tal-qafas ġuridiku relatat mal-irkantijiet organizzati fuq il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni ta’ Joint Allocation Office (JAO), ma teskludix li dan il-parteċipant ikun jista’, minn naħa, jagħti sinjali foloz jew qarrieqa dwar il-provvista, id-domanda jew il-prezz tal-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa u, min-naħa l-oħra, jiffissa l-prezz ta’ prodott tal-enerġija bl-ingrossa wieħed jew iktar f’livell artifiċjali.

5)      Il-punt 2(a)(i) u (ii) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1227/2011

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-fatt li parteċipant fis-suq jirrestitwixxi, matul irkant mensili, kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali ta’ elettriku akkwistati waqt irkantijiet annwali, u sussegwentement jissottometti offerti ta’ xiri li jirrigwardaw dawn l-istess kapaċitajiet waqt dan l-irkant mensili fuq il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni ta’ JAO, meta dawn l-offerti jkunu intiżi li jagħtu l-impressjoni li l-kapaċità ta’ trażmissjoni disponibbli hija differenti minn dik li, minn perspettiva teknika, tkun effettivament disponibbli jew jiġu sottomessi bl-għan jew bl-intenzjoni li jiġu żgwidati l-parteċipanti fis-suq, jew meta dan l-effett jirriżulta mill-fatt li wieħed jaġixxi abbażi tal-prezzijiet ta’ referenza, mingħajr raġunijiet leġittimi. Din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali, filwaqt li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw il-każ li qed jiġi eżaminat.

6)      It-tieni subparagrafu tal-punt 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1719

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju “use-it-or-sell-it” imsemmi f’din id-dispożizzjoni l-fatt li parteċipant fis-suq jirrestitwixxi, matul irkant mensili, kapaċitajiet ta’ trażmissjoni transkonfinali akkwistati waqt irkantijiet annwali, u sussegwentement jissottometti, fil-kuntest ta’ dan l-istess irkant mensili, offerti ta’ xiri li jirrigwardaw dawn il-kapaċitajiet fuq il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni ta’ JAO.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU 2011, L 326, p. 1), magħruf ukoll bħala “REMIT” (Regulation on Wholesale Energy Market Integrity and Transparency). Dan ir-regolament ġie emendat bir- Regolament (UE) 2024/1106 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1227/2011 u (UE) 2019/942 dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-Unjoni mill-manipulazzjoni tas-suq fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L, 2024/1106) u bir Regolament (UE) 2024/1789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar is-swieq interni tal-gass rinnovabbli, tal-gass naturali u tal-idroġenu, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1227/2011, (UE) 2017/1938, (UE) 2019/942 u (UE) 2022/869 u d-Deċiżjoni (UE) 2017/684 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 (ĠU L, 2024/1789) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1227/2011 rivedut”). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-verżjoni inizjali tar-Regolament Nru 1227/2011.


3      ĠU 2003, L 96, p. 16.


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263).


5      ĠU 2009, L 211, p. 55.


6      Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 tas-26 ta’ Settembru 2016 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (ĠU 2016, L 259, p. 42).


7      BGBl. I 110/2010.


8      BGBl. I 145/2023.


9      BGBl. 52/1991.


10      BGBl. I 57/2018.


11      Din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament Nru 1227/2011 “ma għandhomx japplikaw għall-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa li jkunu strumenti finanzjarji u li għalihom japplika l-Artikolu 9 tad-Direttiva [2003/6]”. Issa, ma huwiex ikkontestat li l-kawża prinċipali ma tirrigwardax tali strumenti finanzjarji.


12      Ir-Regolament Nru 1227/2011 rivedut, mingħajr ma jemenda din id-definizzjoni, jippreċiża li l-punt 4(c) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament ikopri wkoll il-kuntratti relatati mat-trasport tal-idroġenu fl-Unjoni.


13      Ara, b’mod partikolari, il-premessa 70 tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54), li tipprovdi li l-Istati Membri, il-partijiet kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija (li s-sit internet tagħha jista’ jiġi kkonsultat fl-indirizz segwenti: https://www.energy-community.org/) u pajjiżi terzi oħra li japplikaw dan ir-regolament jew li jagħmlu parti miż-żona sinkronika tal-Ewropa kontinentali għandhom jikkooperaw mill-qrib fuq l-aspetti kollha marbuta mal-istabbiliment ta’ reġjun integrat għall-iskambji tal-elettriku u ma għandhomx jieħdu miżuri ta’ natura li jipperikolaw it-tkomplija tal-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku u s-sigurtà tal-provvista tal-Istati Membri u tal-partijiet kontraenti.


14      Ara b’mod partikolari p. 22.


15      Dan id-dokument, disponibbli bl-Ingliż, jista’ jiġi kkonsultat fl-indirizz segwenti: https://acer.europa.eu/sites/default/files/documents/en/remit/Documents/ACER_Guidance_on_REMIT_application_6th_Edition_Final.pdf.


16      Din l-interpretazzjoni ma ġietx emendata fil-punt 2.3.4 tal-edizzjoni 6.1 ta’ dawn il-linji gwida, tat‑18 ta’ Diċembru 2024, sussegwenti għad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali.


17      Ara b’mod partikolari p. 19.


18      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, Vitol (C‑268/22, EU:C:2023:508, punti 52 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19      (C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      ĠU 2007, C 303, p. 17.


21      Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, BAJI Trans (C‑544/23, EU:C:2025:614, punt 62).


22      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2026, AK Dlhopolec et (C‑590/24, EU:C:2026:41, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Belgian Association of Tax Lawyers et (C‑623/22, EU:C:2024:639, punt 38).


24      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2026, Across Fiduciaria et (C‑684/24 u C‑685/24, EU:C:2026:410, punti 40 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2026, AK Dlhopolec et (C‑590/24, EU:C:2026:41, punti 74 u 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2026, AK Dlhopolec et (C‑590/24, EU:C:2026:41, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk (C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2026, VEB.RF vs Il‑Kunsill (C‑572/24 P, EU:C:2026:74, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2020, 5th AVENUE Products Trading (C‑775/19, EU:C:2020:948, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal‑10 ta’ Lulju 2025, DADA Music u UPFR (C‑37/24, EU:C:2025:551, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30       Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU 2014, L 173, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2016, L 287, p. 320).


31      Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, Belgian Association of Tax Lawyers et (C‑623/22, EU:C:2024:639, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125).


33      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2025, Alajärven Sähkö et (C‑48/23, EU:C:2025:144, punti 34 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), kawża li fiha fformulajt il-konklużjonijiet.


34      Ara wkoll il-premessa 31 tar-Regolament Nru 1227/2011.


35      COM(2010) 726 final.


36      Korsiv miżjud minni. Ara p. 6 ta’ din il-proposta. Fil-kuntest tal-abbozz tar-Regolament Nru 1227/2011, ma huwiex ippreċiżat liema awtorità għandha l-kompetenza li timponi sanzjonijiet amministrattivi.


37      Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Bankia (C‑910/19, EU:C:2021:433, punt 45).


38      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2026, Ścierbek u Drózdzik (C‑261/25 u C‑262/25, EU:C:2026:537, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


39      Ara, f'dan ir-rigward, l-iskeda ta' informazzjoni mill-Kunsill Federali Żvizzeru tat-13 ta' Marzu 2026 dwar il-ftehim dwar l-elettriku, disponibbli bil-Ġermaniż, bil-Franċiż, bit-Taljan u bl-Ingliż. Il-verżjoni bl-Ingliż ta' dan id-dokument tista' tiġi kkonsultata fl-indirizz li ġej: https://www.europa.eda.admin.ch/dam/en/sd-web/9TvhXKvZCy3B/12%20Faktenblatt%20Strom_EN%20.pdf.


40      Skont l-Artikolu 1(4) tiegħu, “[i]l-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni tista’ tinfetaħ għall-operaturi fis-suq u għat-TSOs li joperaw l-Iżvizzera diment li l-liġi nazzjonali tagħha tkun timplimenta d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-suq tal-elettriku u diment li jkun hemm ftehim intergovernattiv dwar il-koperazzjoni fir-rigward tal-elettriku bejn l-Unjoni u l-Isvizzera”. Issa, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, ma kien ġie konkluż l-ebda ftehim intergovernattiv bħal dan. Ara l-iskeda ta’ informazzjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.


41      Ara l-punt 9 tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 596/2014.


42      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2026, GSP Offshore (C‑216/25, EU:C:2026:483, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2024, Omnitel Comunicaciones et (C‑441/23, EU:C:2024:916, punti 46 u 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2026, Munik (C‑562/24, EU:C:2026:55, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).