European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/477

13.3.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/477

tas-6 ta’ Marzu 2025

dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-għoti ta’ kuntratti għall-attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Belġju, bl-eċċezzjoni tal-elettriku ġġenerat fl-impjanti tal-enerġija nukleari Doel 4 u Tihange 3

(notifikata bid-dokument C(2025) 1381)

(It-testi bl-Olandiż u bil-Franċiż biss huma awtentiċi)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 35(3) tagħha,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti ta’ Xogħlijiet Pubbliċi,

Billi:

1.   FATTI U PROĊEDURA

(1)

Fl-24 ta’ Lulju 2024, l-awtoritajiet Belġjani ressqu talba lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE (“it-talba”) f’isem Luminus, Norther u Ørsted (“l-applikanti”) dwar il-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Belġju, bl-eċċezzjoni tal-elettriku ġġenerat fl-impjanti tal-enerġija nukleari ta’ Doel 4 u Tihange 3. It-talba hija f’konformità mar-rekwiżiti formali stipulati fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 (2) u fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(2)

Luminus hija 68,63 % proprjetà ta’ Electricité de France (“EDF”) Belgium SA, sussidjarja tal-Grupp EDF, u hija prinċipalment attiva fis-swieq tal-elettriku u fis-swieq tas-servizzi tal-gass u tal-enerġija fi Franza u fil-Belġju.

(3)

Norther hija 50 % proprjetà ta’ Elnu NV, sussidjarja ta’ Elicio SA-NV, proprjetà sħiħa ta’ Nethys SA-NV, u 50 % proprjetà ta’ Boreas Wind Offshore NV, sussidjarja kompletament proprjetà ta’ Eneco Wind Belgium NV. Eneco Wind Belgium NV hija sussidjarja ta’ Eneco BV, produttriċi u fornitriċi internazzjonali tal-elettriku, tal-gass naturali u tas-sħana, Norther topera park eoliku lil hinn mill-kosta fil-Baħar tat-Tramuntana fiż-Żona Ekonomika Esklussiva Belġjana.

(4)

Ørsted hija parti mill-Grupp Ørsted li huwa 50,12 % proprjetà tal-Istat Daniż. Ørsted bħalissa ma għandha l-ebda attività ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija jew ta’ kummerċ fil-Belġju iżda qed tikkunsidra li tibda attivitajiet ta’ enerġija rinnovabbli fil-Belġju.

(5)

It-talba ma kinitx akkumpanjata minn pożizzjoni motivata u sostanzjata tal-awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana.

(6)

F’konformità mal-punt 1(a) tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/25/UE, meta jitqies li l-aċċess liberu għas-suq jista’ jiġi preżunt abbażi tal-Artikolu 34(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dik id-Direttiva, kif indikat ukoll fil-premessa (15) ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE fi żmien 105 ijiem ta’ xogħol.

(7)

Fit-30 ta’ Lulju 2024, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Belġjani jikkonfermaw fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol li d-data pprovduta mill-applikanti dwar l-ishma mis-suq kienet valida, anke jekk din kienet differenti mid-data uffiċjali ppubblikata mill-Kummissjoni Federali Belġjana għar-Regolamentazzjoni dwar l-Elettriku u l-Gass (CREG, Commissie voor de Regulering van de Elektriciteit en het Gas). Il-Kummissjoni rċeviet il-konferma ta’ Regolamentazzjoni dwar l-Elettriku u l-Gass fit-2 ta’ Settembru 2024. Il-Kummissjoni talbet aktar kjarifiki lill-awtoritajiet Belġjani fit-28 ta’ Novembru 2024, li ġew ipprovduti fis-27 ta’ Jannar 2025. Skont il-punt 2 tal-Anness IV tad-Direttiva 2014/25/UE, l-iskadenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għandha konsegwentement tkun fis-6 ta’ Marzu 2025.

2.   QAFAS LEGALI

(8)

Id-Direttiva 2014/25/UE tapplika għall-għoti ta’ kuntratti għat-twettiq ta’ attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku msemmija fl-Artikolu 9(1)(b) ta’ dik id-Direttiva sakemm dik l-attività ma tkunx eżentata skont l-Artikolu 34 ta’ dik id-Direttiva.

(9)

Id-Direttiva 2014/25/UE timponi fuq l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi kkontrollati pubblikament fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali d-dixxiplina tal-akkwist pubbliku biex jiġu żgurati l-moviment liberu tal-prodotti, il-libertà ta’ istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll l-osservanza għall-prinċipji li jirriżultaw minn dawk il-libertajiet. Ir-raġunijiet għal din l-għażla leġiżlattiva, skont il-premessa 1 tad-Direttiva, huma l-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali jkomplu jkunu jistgħu jinfluwenzaw l-imġiba ta’ dawk l-entitajiet u n-natura magħluqa tas-swieq li fihom joperaw l-entitajiet f’dawk is-setturi.

(10)

Skont l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, kuntratti maħsuba sabiex jippermettu t-twettiq ta’ attività li għaliha tapplika d-Direttiva, fuq talba minn Stat Membru jew minn entità kontraenti, ma għandhomx ikunu soġġetti għal dik id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru fejn titwettaq, l-attività tkun esposta direttament għall-kompetizzjoni fi swieq li għalihom l-aċċess ma huwiex ristrett.

(11)

L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. Madankollu, din il-valutazzjoni hija limitata mill-iskadenzi qosra applikabbli u mill-ħtieġa li wieħed jibbaża fuq l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni. Dik l-informazzjoni toriġina minn sorsi diġà disponibbli jew mill-informazzjoni miksuba fil-kuntest tat-talba skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/25/UE, u ma tistax tiġi ssupplimentata minn metodi li jieħdu aktar żmien, inkluż, b’mod partikolari, l-inkjesti pubbliċi indirizzati lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati (3).

(12)

L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni f’suq partikolari jenħtieġ li jiġi evalwat abbażi ta’ diversi kriterji, li l-ebda wieħed minnhom ma huwa deċiżiv minnu nnifsu.

(13)

Għall-finijiet tal-valutazzjoni dwar jekk l-attivitajiet rilevanti humiex soġġetti għal kompetizzjoni diretta fis-swieq ikkonċernati minn din id-Deċiżjoni, irid jitqies is-sehem mis-suq tal-atturi ewlenin, kif ukoll l-eżistenza u l-firxa tal-appoġġ għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku rinnovabbli fil-Belġju permezz ta’ skemi.

(14)

Kif imfakkar mill-Qorti Ġenerali (4), l-oneru tal-provi jaqa’ fuq l-applikant biex juri li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE huma ssodisfati u, għalhekk, jibbenefika minn eżenzjoni mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE. Dan jimplika li l-applikant jenħtieġ li jakkumpanja t-talba tiegħu b’evidenza komprensiva li turi li l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni huma ssodisfati.

3.   VALUTAZZJONI

(15)

Għall-fini tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE, din id-Deċiżjoni trid tistabbilixxi jekk l-attivitajiet ikkonċernati mit-talba, fi swieq li l-aċċess għalihom ma huwiex ristrett skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni, humiex esposti għal livell ta’ kompetizzjoni li jiżgura li, anke fin-nuqqas tad-dixxiplina tal-akkwist miġjuba mir-regoli dettaljati tal-akkwist stabbiliti fid-Direttiva 2014/25/UE, l-akkwist għat-twettiq tal-attività kkonċernata jitwettaq b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju abbażi ta’ kriterji li jippermettu lix-xerrejja jidentifikaw is-soluzzjoni li b’mod ġenerali hija l-aktar waħda ekonomikament vantaġġuża.

(16)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni legali u fattwali minn Lulju 2024 u fuq l-informazzjoni mressqa mill-applikanti u l-informazzjoni li hija disponibbli għall-pubbliku. Tista’ tiġi riveduta, jekk ikun hemm xi bidliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali li jwasslu li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE ma jibqgħux jiġu ssodisfati.

3.1.   Aċċess mhux ristrett għas-suq

(17)

L-aċċess għal suq jitqies li ma huwiex ristrett jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun implimenta u applika l-atti legali rilevanti tal-Unjoni elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE, li jinkludu, fir-rigward tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(18)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-Belġju implimenta u applika d-Direttiva (UE) 2019/944 (6). Konsegwentement, l-aċċess għas-suq rilevanti jitqies li ma huwiex ristrett skont it-tifsira tal-Artikolu 34(3) tad-Direttiva 2014/25/UE.

3.2.   Valutazzjoni tal-kompetizzjoni

3.2.1.    Definizzjoni tas-suq tal-prodotti rilevanti

(19)

Skont l-applikanti, is-suq tal-prodotti rilevanti huwa s-suq għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku konvenzjonali u rinnovabbli. Dan huwa konformi mal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni rigward it-talbiet għal eżenzjoni relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku. Id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti miżmuma f’din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

(20)

F’deċiżjonijiet tal-passat, il-Kummissjoni sabet li xi skemi ta’ sussidju ma kinux ta’ xkiel għall-konklużjoni li l-ġenerazzjoni tal-elettriku li tibbenefika minnhom setgħet tappartjeni għas-suq tal-prodotti rilevanti. Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/71 (7) indirizzata lin-Netherlands, il-Kummissjoni nnotat fil-premessi 19 u 21 li l-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli nbiegħ direttament fis-suq, u li s-sistema Netherlandiża Stimulering Duurzame Energieproductie (SDE+) ħeġġet offerti kompetittivi, filwaqt li l-kompetituri jippruvaw jimminimizzaw il-kost tagħhom (għalhekk premium feed-in li jirċievu). Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli kien jappartjeni għall-istess suq bħall-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali. Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1499 (8) indirizzata lill-Italja, il-Kummissjoni rrimarkat fil-premessi 37 u 38 li xi skemi tal-elettriku rinnovabbli kienu soġġetti għal proċess ta’ offerti b’għadd kbir ta’ applikanti. Konsegwentement, il-ġenerazzjoni tal-elettriku li tibbenefika minn dawk l-iskemi nstabet li kienet parti mill-istess suq bħall-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali. Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1500 (9) indirizzata lil-Litwanja, il-Kummissjoni ddikjarat fil-premessa 30 li l-elettriku prodott skont it-tielet skema ta’ appoġġ irċieva appoġġ abbażi tal-primjum stabbilit permezz ta’ proċedura kompetittiva ta’ offerti u sabet li kien parti mill-istess suq bħall-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali. Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1376 (10) indirizzata lid-Danimarka, il-Kummissjoni sabet fil-premessa 29 li l-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku kienet esposta għall-kompetizzjoni permezz ta’ proċess ta’ offerti, li ddixxiplina l-imġiba tal-produtturi tal-elettriku rinnovabbli fir-rigward tal-politika tal-akkwist tagħhom. B’riżultat ta’ dan, hija kkonkludiet li l-faċilitajiet għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli soġġetti għat-talba kienu jappartjenu għall-istess suq bħall-ġenerazzjoni konvenzjonali tal-elettriku. Fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1978 (11) indirizzata lill-Ġermanja, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa 47 li l-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku rinnovabbli li ma jirċievu l-ebda sussidju jew sussidju marbut direttament mal-prezz tas-suq kienu esposti direttament għall-kompetizzjoni.

(21)

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli setgħet tinstab tikkompeti mal-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali jew jekk ma tirċevix sussidji jew jekk is-sussidji li rċeviet jingħataw permezz ta’ mekkaniżmu li jiggarantixxi li l-livell ta’ sussidji kien marbut direttament ma’ prezz tas-suq. F’għadd ta’ każijiet, il-Kummissjoni sabet li l-eżistenza ta’ proċess ta’ offerti żgurat li s-sussidji kienu marbuta ma’ prezz tas-suq.

(22)

Il-Kummissjoni tinnota li l-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-Belġju hija appoġġata minn tliet kategoriji ta’ skemi b’karatteristiċi differenti. Dawn huma l-mekkaniżmu ta’ remunerazzjoni tal-kapaċità (“CRM”), l-iskema ta’ sussidju għall-impjanti tal-enerġija nukleari ta’ Doel 4 u Tihange 3 kif estiżi lil hinn mill-2025 (12) u l-iskemi ta’ sussidju għall-elettriku rinnovabbli.

3.2.1.1.   Il-Mekkaniżmu ta’ Remunerazzjoni tal-Kapaċità (CRM)

(23)

L-applikanti jiddeskrivu s-sitwazzjoni kif ġej. Il-Belġju qed jippjana li jagħlaq ir-reatturi nukleari kollha fit-territorju tiegħu sal-2025, bl-eċċezzjoni tal-aktar żewġ reatturi reċenti, wieħed f’Doel u wieħed f’Tihange. Skont l-Operatur Belġjan tas-Sistema ta’ Trażmissjoni Elia (13), dan l-għeluq se jirrikjedi l-installazzjoni ta’ bejn 2 u 4 GW ta’ kapaċità addizzjonali bejn issa u l-2030. Madankollu, l-operat tas-swieq bl-ingrossa ma jipprovdix biżżejjed inċentivi għal investiment bħal dan. Madankollu, huwa essenzjali għas-sistema tal-enerġija li tkun disponibbli kapaċità flessibbli. Mill-perspettiva tad-domanda, l-enerġiji rinnovabbli, li huma intermittenti u aleatorji, jeħtieġ li jiġu kkomplementati b’mezzi ta’ produzzjoni flessibbli biżżejjed.

(24)

L-applikanti jżidu li l-Belġju introduċa s-CRM għal din ir-raġuni. Sakemm produttur ikun jista’ jiggarantixxi d-disponibbiltà, huwa jkun eliġibbli għall-mekkaniżmu, li huwa newtrali fir-rigward tat-teknoloġija jew tas-sors tal-oriġini tal-enerġija. Is-CRM, li daħal fis-seħħ f’Marzu 2021, jinkoraġġixxi l-investiment billi jiggarantixxi profittabbiltà suffiċjenti għal proġetti li jipprovdu produzzjoni massima u mekkaniżmi ta’ bbilanċjar. Huwa jopera permezz ta’ rkant kompetittiv. Dan il-mekkaniżmu ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/639 (14) fl-2021.

(25)

Skont l-applikanti, l-attivitajiet li jibbenefikaw mill-mekkaniżmu tas-CRM jappartjenu għas-suq globali tal-bejgħ bl-ingrossa u tal-ġenerazzjoni peress li (i) l-elettriku jinbiegħ direttament fis-suq tal-operaturi, (ii) ma jibbenefikawx minn prijorità ta’ injezzjoni, (iii) jew mill-eżenzjoni tal-ibbilanċjar tar-responsabbiltà; (iv) is-sussidju ma jwassal l-ebda ħħeġġjar mir-riskju tas-suq; (v) l-ammont ta’ sussidju jkopri mhux aktar mill-kostijiet żejda netti assoċjati mal-kostijiet tal-bini, tal-manutenzjoni u tat-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija termoelettrika mħaddem biex jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista bit-tnaqqis tad-dħul tas-suq rilevanti ta’ dan l-impjant tal-enerġija. Il-Kummissjoni hija tal-istess fehma.

3.2.1.2.   Skemi ta’ sussidju għall-elettriku rinnovabbli

(26)

L-applikanti pproponew li l-iskemi ta’ sussidju applikabbli għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli fil-Belġju jiġu raggruppati fil-kategoriji li ġejjin.

3.2.1.2.1.   Primjums fissi u definiti legalment

(27)

Din il-kategorija tinkludi: il-parks eoliċi lil hinn mill-kosta ta’ C-Power, Belwind, Northwind u Nobelwind, l-ewwel skema ta’ ċertifikati ħodor (“GC”, green certificates) tar-reġjun ta’ Brussell (faċilitajiet installati bejn l-2004 u Ġunju 2011), l- ewwel u t-tieni skema GC tar-reġjun ta’ Wallonia (faċilitajiet installati bejn l-2002 u Lulju 2014), l-ewwel skema GC tar-reġjun Fjamming (faċilitajiet installati bejn l-2009 u l-2012).

(28)

L-applikanti jsostnu li dawn il-parks eoliċi lil hinn mill-kosta jenħtieġ li jitqiesu li jappartjenu għas-suq ġenerali tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa, peress li s-sussidji rċevuti jkopru biss il-kostijiet żejda netti tal-proġetti. Madankollu, fid-deċiżjonijiet imsemmija fil-premessa 18, il-Kummissjoni qieset ripetutament li l-installazzjonijiet li jirċievu sussidji fissi ma kinux parti mis-suq globali tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku. Għall-Kummissjoni, tali sussidji jipproteġu lill-benefiċjarji mill-kompetizzjoni billi jipprovdu livelli garantiti ta’ dħul. Il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni biex titbiegħed minn dan l-approċċ.

3.2.1.2.2.   Primjum dipendenti fuq il-prezz tas-suq tal-elettriku u definit legalment

(29)

Din il-kategorija tinkludi: it-tieni skema GC tar-reġjun ta’ Brussell (faċilitajiet installati minn Lulju 2011), it-tielet skema GC tar-reġjun ta’ Wallonia (faċilitajiet installati minn Lulju 2014), l-ewwel skema GC tar-reġjun Fjamming (faċilitajiet installati mill-2013), il-parks eoliċi lil hinn mill-kosta ta’ Norther, Rentel, Seamade u Northwester II.

(30)

Għall-iskemi reġjonali, il-kostijiet tal-proġetti jiġu vvalutati mill-ġdid kull sena, u l-kost stmat tal-proġett tal-proġetti installati huwa indiċjat biex jitqiesu l-varjazzjonijiet fin-nefqa operatorja. Għall-parks eoliċi lil hinn mill-kosta, is-sussidju huwa soġġett għal indiċjar speċifiku ta’ kull xahar għall-proġett fuq indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur.

(31)

L-applikanti jsostnu li l-faċilitajiet li jibbenefikaw minn sussidji li jiddependu mill-prezz tas-suq tal-elettriku bi primjum definit legalment jagħmlu parti mis-suq globali tal-generazzjoni u tal-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku. Il-Kummissjoni hija tal-istess fehma, peress li dawk is-sussidji huma marbuta ma’ prezz tas-suq.

3.2.1.2.3.   Primjum dipendenti fuq il-prezz tas-suq tal-elettriku definit permezz ta’ proċess ta’ rkant kompetittiv

(32)

Din il-kategorija tinkludi l-proġetti taż-żona Princessa Elisabeth. L-applikanti jsostnu li peress li l-faċilitajiet futuri taħt din l-iskema ser jirċievu sussidji definiti permezz ta’ proċess ta’ rkant kompetittiv, huma jenħtieġ li jkunu parti mis-suq globali tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa. Il-Kummissjoni hija tal-istess fehma, peress li dawk is-sussidji huma marbuta ma’ prezz tas-suq.

3.2.1.2.4.   Sussidju bbażat fuq il-kapaċità - livell ta’ sussidju definit permezz ta’ proċess ta’ rkant kompetittiv

(33)

Din il-kategorija tinkludi l-proġetti solari u eoliċi fuq l-art b’kapaċità żgħira sa medja installati fi Flanders bejn l-2021 u l-2023. L-applikanti jsostnu li peress li dawn il-faċilitajiet jibbenefikaw minn sussidji definiti permezz ta’ proċess ta’ rkant kompetittiv, huma jenħtieġu li jkunu parti mis-suq globali tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku. Il-Kummissjoni hija tal-istess fehma, peress li dawk is-sussidji huma marbuta ma’ prezz tas-suq.

3.2.1.2.5.   Faċilitajiet li ma baqgħux jirċievu sussidji

(34)

L-applikanti jsostnu li l-faċilitajiet li ma baqgħux jirċievu sussidji jenħtieġ li jkunu parti mis-suq globali tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa. Il-Kummissjoni hija tal-istess fehma peress li dawn il-faċilitajiet ma jirċievu l-ebda sussidju u jbigħu l-produzzjoni tagħhom filwaqt li jirċievu biss il-prezz tas-suq tal-elettriku. Dan huwa konformi mal-approċċ meħud f’deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni preċedenti, bħad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1978 li tikkonċerna il-Ġermanja.

(35)

Il-Kummissjoni ssib li s-suq globali tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku huwa magħmul mill-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku konvenzjonali, mill-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku appoġġati mis-CRM u mill-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku rinnovabbli li jirċievu sussidji bbażati fuq il-prezzijiet tas-suq. Il-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jirċievu primjums fissi u definiti legalment jiffurmaw suq separat.

3.2.2.    Definizzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti

(36)

Skont l-applikanti, abbażi tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, is-suq ġeografiku rilevanti jenħtieġ li jiġi ddefinit bħala nazzjonali, li jinkludi t-territorju tal-Belġju (15). L-applikanti jenfasizzaw li l-Belġju għandu rabtiet b’saħħithom mal-pajjiżi l-oħra tar-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Punent (l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u n-Netherlands).

(37)

Fil-prattika preċedenti tagħha (16), il-Kummissjoni kienet tal-fehma li s-suq għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku huwa nazzjonali fl-ambitu tiegħu. Il-pożizzjoni tal-applikanti hija konformi mal-prattika tal-Kummissjoni.

(38)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni ta’ ambitu differenti tas-suq ġeografiku, għall-finijiet tal-valutazzjoni skont din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-ambitu ġeografiku tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi konvenzjonali u rinnovabbli jista’ jitqies li jikkonsisti mit-territorju tal-Belġju.

3.2.3.    Analiżi tas-suq

(39)

F’dan l-istadju, il-Kummissjoni għandha l-għan li tivvaluta jekk l-attivitajiet ikkonċernati mit-talba humiex esposti għal livell suffiċjenti ta’ kompetizzjoni biex tiżgura li d-dixxiplina tal-akkwist tad-Direttiva 2014/25/UE ma tkunx meħtieġa. F’dan il-każ, il-fatturi li għandhom jitqiesu sabiex titwettaq din l-evalwazzjoni huma l-ishma mis-suq, il-livelli ta’ konċentrazzjoni u l-influwenza tal-importazzjonijiet tal-elettriku fuq il-kompetizzjoni fis-suq Belġjan tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku.

3.2.3.1.   Faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli li jirċievu primjums fissi u definiti legalment

(40)

B’konformità mad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha msemmija fil-premessa 18, f’dan il-każ preżenti l-Kummissjoni ssib li s-sussidji fissi u definiti legalment għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli ma jiżgurawx li l-faċilitajiet li jibbenefikaw minn tali sussidji jkunu direttament esposti għall-kompetizzjoni.

(41)

Konsegwentement, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE ma jkunux issodisfati, id-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li tkompli tapplika għall-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli li jirċievu l-primjums fissi u definiti legalment fil-Belġju.

3.2.3.2.   Ishma mis-suq fis-suq globali tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Belġju

(42)

L-applikanti jipprovdu l-ħarsa ġenerali li ġejja tal-ishma mis-suq matul il-perjodu 2019-2023 dwar is-suq tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku.

Ishma mis-suq tal-akbar ħames produtturi fil-Belġju (enerġija prodotta, f’MWh)

2019

2020

2021

2022

2023

Engie

64  %

64  %

62,4  %

53,5  %

52,2  %

Luminus

13,7  %

13,7  %

11,9  %

13,7  %

14,1  %

RWE

2,6  %

2,6  %

3  %

2,8  %

2,7  %

Eneco

3,1  %

3,1  %

3,2  %

4,4  %

4,2  %

Total ta’ Enerġiji

2,5  %

2,5  %

3,5  %

3,5  %

3,3  %

Ishma mis-suq tal-akbar ħames produtturi fil-Belġju (kapaċità installata, f’MW)

2019

2020

2021

2022

2023

Engie

43,7  %

43,7  %

41,9  %

37,8  %

33,5  %

Luminus

11,4  %

11,4  %

11,1  %

10,5  %

10,2  %

RWE

2,6  %

2,6  %

2,4  %

2,4  %

2,5  %

Eneco

4,2  %

4,2  %

4,1  %

4,3  %

4,5  %

Total ta’ Enerġiji

3,7  %

3,7  %

3,5  %

3,8  %

3,9  %

(43)

It-tnaqqis fis-sehem mis-suq ta’ Engie fl-2022 u fl-2023 jista’ prinċipalment jiġi attribwit għall-għeluq tar-reatturi nukleari Doel 3 (Settembru 2022) u Tihange 2 (Marzu 2023).

(44)

Is-sehem mis-suq ta’ Engie huwa mistenni li jkompli jonqos aktar mill-2025, bl-għeluq ta’ tliet reatturi oħra, Doel 1, Doel 2 u Tihange 1. Ir-reatturi nukleari li jifdal, Doel 4 u Tihange 3, se jitħaddmu sal-2035 wara ftehim bejn il-gvern Belġjan u Engie.

(45)

Skont l-applikanti, is-sehem mis-suq ta’ Engie tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Belġju huwa ta’ 52 % fl-2023, 44 % fl-2024 u 32 % fl-2025. Dan huwa dovut għall-fatt li, mill-2025 ’il quddiem, il-produzzjoni taż-żewġ reatturi nukleari li jifdal titqies li hija maqsuma bejn Engie u l-Istat Belġjan, peress li r-reatturi se jiġu operati minn BE-NUC, impriża konġunta bejn Engie u l-Istat Belġjan, fejn kull wieħed jipposjedi 50 %.

(46)

L-Indiċi Herfindahl-Hirschman (HHI, Herfindahl-Hirschman Index), li jkejjel il-konċentrazzjoni tas-suq, jinsab fil-livelli li ġejjin (minn għoli ħafna sa għoli) għas-suq għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Belġju:

HHI

2019

2020

2021

2022

2023

 

4 108

3 996

4 343

4 115

3 150

Hija mistennija li tonqos b’mod sinifikanti (2 253) fl-2025 u wara peress li l-ġenerazzjoni mir-reatturi nukleari se tibqa’ stabbli filwaqt li l-ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli se tiżdied.

(47)

Is-sehem mis-suq tal-akbar tliet impriżi fis-suq għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku naqas minn 79 % għal 72 % bejn l-2019 u l-2023.

(48)

Il-Kummissjoni tosserva li s-suq Belġjan għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku sa issa kien ikkonċentrat ħafna. Il-konċentrazzjoni jenħtieġ li titnaqqas wara l-2025 bl-għeluq ippjanat ta’ tliet reatturi nukleari oħra.

3.2.3.3.   Analiżi tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-importazzjonijiet tal-elettriku

(49)

L-applikanti jispjegaw li, filwaqt li l-konċentrazzjoni tas-suq hija għolja, l-importazzjonijiet tal-elettriku jeżerċitaw pressjoni kompetittiva importanti.

(50)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-importazzjonijiet tal-elettriku jeżerċitaw xi pressjoni kompetittiva. Madankollu, matul dawn l-aħħar 10 snin, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Belġju kien qed jesporta l-elettriku l-aktar lejn pajjiżi ġirien. Skont iċ-ċifri pprovduti mill-applikanti (17), il-Belġju kien importatur nett tal-elettriku fl-2023, iżda kien esportatur nett bejn l-2018 u l-2022. Fis-snin li ġejjin, il-Belġju x’aktarx li jimporta aktar elettriku minħabba l-għeluq tar-reatturi nukleari.

(51)

L-applikanti jqabblu s-sitwazzjoni fil-Belġju mas-sitwazzjoni tal-Litwanja, fejn il-Kummissjoni rrikonoxxiet is-sinifikat tal-importazzjonijiet tal-elettriku (18). Madankollu, iż-żewġ każijiet huma differenti, peress li fil-Litwanja l-importazzjonijiet kienu jirrappreżentaw 80 % tad-domanda elettrika fl-2018, filwaqt li fil-Belġju l-importazzjonijiet jgħoddu minn 20 sa 40 % tad-domanda elettrika fl-10 snin li ġejjin skont studju mill-Kummissjoni għar-Regolamentazzjoni dwar l-Elettriku u l-Gass imsemmi fit-talba (19).

(52)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma hijiex tal-istess fehma tal-applikanti li tgħid li l-importanza tal-importazzjonijiet hija paragunabbli bejn il-kawżi Belġjani u Litwani. Fid-dawl tad-differenzi esposti fil-premessi (46) u (47), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-importazzjonijiet tal-elettriku ma jistgħux jitqiesu bħala fattur deċiżiv biex jitkejjel l-esponiment għall-kompetizzjoni għas-suq Belġjan tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku.

(53)

Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li fil-futur l-importazzjonijiet tal-elettriku jistgħu jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq il-ġenerazzjoni tal-elettriku peress li l-kapaċità tal-Belġju se titnaqqas bl-għeluq ippjanat ta’ tliet reatturi nukleari fl-2025. Dik ix-xejra għadha ma mmaterjalizzatx, peress li f’dawn l-aħħar 5 snin fil-biċċa l-kbira il-Belġju kien esportatur nett.

3.2.3.4.   Entitajiet kontraenti attivi fis-suq globali tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Belġju

(54)

L-applikanti jispjegaw li Luminus hija entità kontraenti, peress li hija 68,63 % proprjetà ta’ EDF Belgium SA, li hija sussidjarja 100 % tal-grupp EDF, kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Franċiż, proprjetà tal-Istat Franċiż.

(55)

L-applikanti jqisu li Norther hija entità kontraenti, peress li hija 50 % proprjetà ta’ Nethys, hija stess sussidjarja 100 % proprjetà ta’ Enodia, proprjetà “intercommunale” tal-provinċja ta’ Liège, ta’ 74 komuni taż-żona ta’ Liège u tar-reġjun ta’ Wallonia. Il-Kummissjoni taqbel li Norther għandha titqies bħala entità kontraenti. Minbarra Norther, Nethys tikkontrolla għadd ta’ sussidjarji attivi fil-Belġju permezz tas-sussidjarja tagħha Elicio (20) fl-attività ta’ ġenerazzjoni u ta’ bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku rinnovabbli (minn hawn ’il quddiem “is-sussidjarji l-oħra ta’ Nethys”), li l-Kummissjoni tqis bħala entitajiet kontraenti.

(56)

Skont l-applikanti, l-entitajiet kontraenti (grupp li fih l-applikanti jinkludu lil Luminus u Norther iżda għalissa mhux lil Ørsted, peress li din tal-aħħar għadha ma hijiex attiva fil-Belġju) għaqqdu l-ishma mis-suq fis-suq globali tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Belġju ta’ bejn 20 u 30 % fil-kapaċità u ta’ bejn 15 u 20 % fil-ġenerazzjoni matul il-perjodu 2019-2023 (21).

(57)

Minkejja l-fatt li l-applikanti jindikaw li Engie hija 23,64 % proprjetà tal-Istat Franċiż, li jikkontrolla 33,97 % tad-drittijiet tal-vot, huma jiddikjaraw li Engie ma toperax fuq il-pjattaformi Ewropej tal-akkwist pubbliku minħabba li fil-fehma tal-applikanti ma hijiex soġġetta għad-Direttiva. (22)

(58)

Il-Caisse des Dépôts et Consignations (“CDC”), istituzzjoni pubblika Franċiża, għandha 3,63 % tal-ishma u 3,53 % tad-drittijiet tal-vot (23). L-azzjonisti pubbliċi Franċiżi, b’27,27 % tal-ishma u 38,03 % tad-drittijiet tal-vot, għandhom minoranza li timblokka.

(59)

L-azzjonisti sinifikanti li jifdal ta’ Engie huma The Capital Group Companies (6,37 % tal-ishma, 5,05 % tad-drittijiet tal-vot), Blackrock (4,51 % tal-ishma u 3,44 % tad-drittijiet tal-vot) u l-impjegati ta’ Engie (3,49 % tal-ishma u 4,18 % tad-drittijiet tal-vot). Għalhekk, l-awtoritajiet kontraenti Franċiżi kollha flimkien huma bil-bosta l-akbar azzjonist ta’ Engie.

(60)

Fl-aħħar ħames laqgħat ġenerali annwali (AGM, annual general meetings) tal-azzjonisti ta’ Engie, l-Istat Franċiż u s-CDC għoddew aktar minn nofs il-voti mitfugħa attwalment mill-azzjonisti. Abbażi tal-iskedi tal-votazzjoni tal-AGM disponibbli fuq is-sit web ta’ Engie (24), il-Kummissjoni tagħmel il-kalkolu li ġej tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot:

 

2020

2021

2022

2023

2024

Sehem tal-entitajiet pubbliċi Franċiżi (l-Istat + is-CDC) (f’% tad-drittijiet tal-vot totali)

36,9

36,91

37,3

37,3

38,03

Perċentwal ta’ voti mitfugħa (f’% tad-drittijiet tal-vot totali)

71,682

68,472

70,6

74,17

72,1

Perċentwal tad-drittijiet tal-vot tal-awtoritajiet kontraenti Franċiżi (f’% tal-voti mitfugħa)

51,48

53,9

52,83

50,29

52,75

(61)

Skont il-dritt Franċiża (25), l-Istat Franċiż għandu wkoll il-possibbiltà li jibdel sehem ordinarju ta’ Engie f’sehem tad-deheb permezz ta’ digriet jekk l-interessi nazzjonali essenzjali, b’mod partikolari fil-kontinwità u s-sigurtà tal-provvista, ikunu involuti. Dan is-sehem tad-deheb jagħti drittijiet speċifiċi lill-Istat, bħal jopponi l-bejgħ ta’ assi strateġiċi lil parti terza jew li jikkundizzjona d-dħul ta’ azzjonisti ġodda fil-kapital tal-kumpanija lil hinn minn limitu partikolari mal-ftehim tal-Ministru tal-ekonomija.

(62)

Il-Kummissjoni tat lil Engie l-opportunità li tipprovdi kummenti dwar dan il-punt speċifiku, li din tal-aħħar għamlet fl-24 ta’ Diċembru 2024. Engie targumenta li l-Istat u s-CDC jenħtieġ li ma jitqisux bħala awtorità kontraenti waħda u li, anke kieku kienu, ma jistgħux jiġu preżunti li jeżerċitaw influwenza dominanti fuq Engie. Engie żżid li l-Istat Franċiż jaħtar biss 3 mill-14-il membru tal-bord tad-diretturi ta’ Engie.

(63)

Engie targumenta li, skont l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva, il-maġġoranza tal-voti marbuta mal-ishma maħruġa mill-impriża biss hija rilevanti, u mhux il-perċentwal ta’ voti espressi fil-laqgħat ġenerali tal-azzjonisti. Madankollu, id-definizzjoni ta’ impriża pubblika fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tinkludi influwenza dominanti eżerċitata mill-awtoritajiet kontraenti permezz tal-maġġoranza tal-voti mitfugħa fil-laqgħat ġenerali tal-azzjonisti. L-influwenza dominanti permezz tal-kontroll tal-maġġoranza tal-voti marbuta mal-ishma maħruġa mill-impriża, kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(b), hija waħda mill-każijiet fejn din l-influwenza dominanti hija preżunta; ma tipprekludix influwenza dominanti f’sitwazzjonijiet oħra.

(64)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, fid-dawl tal-elementi deskritti fil-premessi minn (57) sa (63), l-awtoritajiet kontraenti jeżerċitaw influwenza dominanti fuq Engie skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/25/UE. Konsegwentement, Engie jenħtieġ li titqies bħala entità kontraenti skont dak l-Artikolu.

(65)

Il-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni kompetittiva ta’ Engie u Luminus, min-naħa, u ta’ Norther, is-sussidjarji l-oħra ta’ Nethys kif ukoll ta’ Ørsted, min-naħa l-oħra, hija differenti ħafna. Engie u Luminus it-tnejn għandhom preżenza qawwija li ilha teżisti fis-suq Belġjan tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku. Fl-2019, l-ishma mis-suq tagħhom kienu ta’ 64 % u 13,7 % rispettivament, u fl-2023 kienu ta’ 52,2 % u 14,1 %. (26). Anke wara l-2025, abbażi tal-previżjonijiet tal-applikanti, Engie u Luminus iżommu pożizzjoni b’saħħitha ħafna fis-suq Belġjan tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku, peress li huma mistennija li jibqgħu bil-bosta l-akbar atturi tas-suq sa mill-inqas l-2034 (27).

(66)

Il-pożizzjonijiet b’saħħithom akkumulati ta’ Engie u Luminus fis-suq Belġjan tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku huma msaħħa mill-portafolli tal-ġenerazzjoni diversifikati tagħhom. Dawn jinkludu l-produzzjoni minn impjanti tal-enerġija nukleari li jinsabu fil-Belġju (28), li tagħtihom aċċess għal sors ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku ta’ karga bażika stabbli u (bis-saħħa tal-kost marġinali baxx tiegħu) flessibbli u kompetittiv. Fil-Belġju it-tnejn li huma wkoll joperaw kemm impjanti tal-idroenerġija kif ukoll dawk li jaħdmu bil-gass li jipprovdu ġenerazzjoni tal-elettriku flessibbli għall-eqqel sigħat.

(67)

Barra minn hekk, l-indiċi HHI, imsemmi fil-premessa 46 juri livelli għoljin ta’ konċentrazzjoni tas-suq u, fir-rigward tal-ishma mis-suq, juri l-fatt li l-kompetituri qed jieħdu żmien twil biex jisfidaw id-dominanza ta’ atturi stabbiliti sew. Fil-fatt, il-konċentrazzjoni tas-suq hija mistennija biss li tonqos b’mod sinifikanti fir-rigward tal-għeluq ippjanat tar-reatturi nukleari fil-Belġju, u mhux minħabba d-dħul fis-suq jew l-espansjoni.

(68)

Madankollu, is-sitwazzjoni tal-entitajiet kontraenti Norther, is-sussidjarji l-oħra ta’ Nethys u Ørsted hija differenti. Fil-preżent, Norther topera biss park eoliku. Il-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-potenza eolika ma hijiex flessibbli u tiddependi mill-kundizzjonijiet tat-temp. Ørsted għadha ma hijiex preżenti fis-suq Belġjan tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku. Anke fl-10 snin li ġejjin, dawn iż-żewġ kumpaniji ma humiex mistennija jsiru atturi ewlenin fil-Belġju (29). It-tnejn li huma jiffaċċjaw il-kompetizzjoni mill-atturi ewlenin Engie u Luminus. Minn dan isegwi li l-attivitajiet ta’ Norther u Ørsted fis-suq tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Belġju jenħtieġ li jitqiesu li huma direttament esposti għall-kompetizzjoni.

(69)

Filwaqt li l-eżenzjoni prevista mill-Artikoli 34 u 35 tad-Direttiva 2014/25/UE, fid-dawl taċ-ċirkostanzi rilevanti, sa issa ngħatat jew ġiet irrifjutata fir-rigward tal-attività tas-suq rilevanti meqjusa fit-totalità tagħha, dan il-każ jippreżenta karatteristiċi li jagħmlu tali approċċ inkompatibbli mal-objettiv segwit minn din id-Direttiva, jiġifieri l-iżgurar tar-rispett tal-libertajiet tas-suq intern fl-akkwist ta’ entitajiet li joperaw networks iddominati mill-gvern mingħajr ma jpoġġu piż bla bżonn fuq l-attivitajiet li huma esposti direttament għall-kompetizzjoni.

(70)

Is-setturi ekonomiċi koperti mid-Direttiva 2014/25/UE huma kkaratterizzati mill-preżenza ta’ monopolji tal-Istat preċedenti, li għadhom ikkontrollati jew influwenzati mill-awtoritajiet pubbliċi, li jistgħu jkunu qed jiffaċċjaw gradi differenti ta’ kompetizzjoni u li l-ishma mis-suq tagħhom, għalkemm qed jonqsu, spiss jibqgħu għoljin. L-influwenza tal-awtoritajiet pubbliċi fuq l-entitajiet kontraenti tiġġenera r-riskju li, fin-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-direttiva dwar l-akkwist pubbliku, il-fornituri nazzjonali jiġu ppreferuti fl-akkwist tal-entità kontraenti kkonċernata. Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti f’dan il-każ, peress li wħud mill-applikanti huma entitajiet kontraenti li għandhom sehem mis-suq żgħir, u xi drabi huma biss kompetitur potenzjali jew kompetitur ġdid fis-suq rilevanti. Jidher li, għalkemm l-attività ta’ wħud mill-applikanti tista’, għal din ir-raġuni, titqies li hija esposta direttament għall-kompetizzjoni, b’mod partikolari mill-entitajiet kontraenti stabbiliti li għandhom ishma mis-suq kbar, ma tistax tingħata eżenzjoni lill-applikanti kollha, u lanqas lill-attività meħuda fit-totalità tagħha fis-suq tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Belġju u mwettqa mill-entitajiet kollha attivi fih. Madankollu, ir-rifjut li tingħata l-eżenzjoni lil dawk l-applikanti li l-attivitajiet tagħhom huma direttament esposti għall-kompetizzjoni minħabba li l-attivitajiet ta’ atturi ewlenin oħra fis-suq ma humiex direttament esposti għall-kompetizzjoni jmur kontra l-objettiv segwit mill-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ huwa xieraq li fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq l-eżenzjoni tingħata biss lil xi applikanti.

4.   KONKLUŻJONI

(71)

Peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-eżenzjoni fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE ma humiex issodisfati, id-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li tkompli tapplika għal kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli li tirċievi primjums fissi u definiti legalment fil-Belġju.

(72)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi minn (40) sa (70), il-kundizzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li titqies li ma ġietx issodisfata fil-Belġju fir-rigward tal-attivitajiet ta’ Engie u Luminus relatati mas-suq globali tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Belġju.

(73)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/25/UE tkompli tapplika meta Engie u Luminus jagħtu kuntratti maħsuba biex jippermettu dawk l-attivitajiet, jew meta jiġu organizzati kompetizzjonijiet tad-disinn kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 17, tad-Direttiva 2014/25/UE għat-twettiq ta’ tali attivitajiet f’dik iż-żona ġeografika.

(74)

Fid-dawl tal-fatturi eżaminati fil-premessi minn (40) sa (70), il-kundizzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/25/UE jenħtieġ li titqies li ġiet issodisfata fil-Belġju fir-rigward tal-attivitajiet ta’ Norther, is-sussidjarji l-oħra ta’ Nethys u Ørsted relatati mas-suq globali tal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Belġju.

(75)

Għall-kuntrarju, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/25/UE ma tapplikax meta Norther, is-sussidjarji l-oħra ta’ Nethys u Ørsted jagħtu kuntratti maħsuba biex jippermettu dawk l-attivitajiet, jew meta jiġu organizzati kompetizzjonijiet ta’ disinn kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt 17, tad-Direttiva 2014/25/UE għat-twettiq ta’ tali attivitajiet f’dik iż-żona ġeografika.

(76)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni u tad-dispożizzjonijiet f’oqsma oħrajn tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-kriterji u l-metodoloġija użati għall-valutazzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni skont l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE ma humiex neċessarjament identiċi għal dawk użati sabiex titwettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 101 jew 102 tat-Trattat jew tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (30) kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (31),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2014/25/UE għandha tkompli tapplika għall-għoti minn entitajiet kontraenti ta’ kuntratti maħsuba biex jippermettu l-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-attivitajiet bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jirċievu primjums fissi u definiti legalment li għandhom jitwettqu fil-Belġju.

Artikolu 2

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1, id-Direttiva 2014/25/UE ma għandhiex tapplika għall-għoti minn Norther, is-sussidjarji l-oħra ta’ Nethys u Ørsted ta’ kuntratti maħsuba biex jippermettu l-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-attivitajiet bl-ingrossa tal-elettriku jitwettqu fil-Belġju. Id-Direttiva 2014/25/UE għandha tkompli tapplika għall-għoti minn entitajiet kontraenti oħra ta’ kuntratti maħsuba biex jippermettu l-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-attivitajiet bl-ingrossa tal-elettriku li għandhom jitwettqu fil-Belġju.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kummissjoni

Stéphane SÉJOURNÉ

Viċi President Eżekuttiv


(1)   ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/25/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1804 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 34 u 35 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU L 275, 12.10.2016, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1804/oj).

(3)  Ara l-Kawża T-575/20, SŽ – Tovorni promet vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2022:551, il-punt 34.

(4)  Ara l-Kawża T-463/14 Österreichische Post AG vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2016:243, il-punt 41, u l-Kawża T-575/20 SŽ – Tovorni promet vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2022:551, il-punt 29.

(5)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE, (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/944/oj).

(6)  Id-Direttiva 2009/72/KE, li hija msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2014/25/UE, ġiet sostitwita bid-Direttiva (UE) 2019/944.

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/71 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fin-Netherlands mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 12, 17.1.2018, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/71/oj).

(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1499 tat-28 ta’ Lulju 2020 dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fl-Italja (ĠU L 342, 16.10.2020, p. 8, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1499/oj).

(9)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1500 tat-28 ta’ Lulju 2020 dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kuntratti mogħtija għal attivitajiet relatati mal-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Litwanja (ĠU L 342, 16.10.2020, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1500/oj).

(10)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1376 tas-26 ta’ Lulju 2022 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fid-Danimarka (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 42, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1376/oj).

(11)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1978 tal-21 ta’ Settembru 2023 dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rabta mal-għoti ta’ kuntratti għall-attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fil-Ġermanja, bl-eċċezzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli ġġenerat f’installazzjonijiet li bdew joperaw qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 u li għadhom jirċievu finanzjament pubbliku, u attivitajiet relatati mal-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn parks eoliċi lil hinn mill-kosta kkummissjonati wara l-1 ta’ Jannar 2012 u soġġetti għall-Att dwar is-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli tal-2012 (Erneuerbare-Energien-Gesetz) fil-Ġermanja (ĠU L 235, 25.9.2023, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1978/oj).

(12)  Peress li l-ġenerazzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku minn Doel 4 u Tihange 3 mhumiex koperti mit-talba, il-Kummissjoni mhux se tanalizza din l-iskema.

(13)  Ara Elia, Adequacy & flexibility study for Belgium (2024-2034), 29 ta’ Ġunju 2023, pp. 15, 191, 205, 223, 269, disponibbli fuq https://issuu.com/eliagroup/docs/adequacy_flexibility_study_for_belgium_2024-203?fr=sOTBhNDYxOTUwMTY.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/639 tas-27 ta’ Awwissu 2021 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.54915 — 2020/C (ex 2019/N) Il-Belġju — Mekkaniżmu ta’ remunerazzjoni tal-kapaċità (ĠU L 117, 19.4.2022, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/639/oj).

(15)  It-talba, il-punt 3.2.

(16)  Ara d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/71, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1500, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1978, op. cit.

(17)  Il-paragrafu 121 tat-talba.

(18)  Ara l-premessi 51 u 52 tal-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1500, op. cit.

(19)  It-tabella 9 tal-Anness II tat-talba.

(20)  Elicio plateau de Bassenge, Elicio Wind for Water NV, Elicio WP NV, Elicio Bastogne NV, Elicio Maldegem NV, Elicio Berlare NV, Elicio SLH NV u Elicio Plus NV kif imsemmijin fl-Anness 1 tat-tweġiba tal-awtoritajiet Belġjani tas-27 ta’ Jannar 2025.

(21)  Il-paragrafu 116 tat-talba.

(22)  Il-paragrafu 164 tat-talba.

(23)  Ara https://www.engie.com/en/shareholders/engie-share/shareholder-structure.

(24)  Ara https://www.engie.com/sites/default/files/assets/documents/2024-05/R%C3%A9sultat%20Des%20Votes%20VF%20AGM%2030.04.2024.pdf

https://www.engie.com/sites/default/files/assets/documents/2023-04/R%C3%A9sultat%20Des%20Votes.pdf

https://www.engie.com/sites/default/files/assets/documents/2022-04/ENGIE%20-%20Re%CC%81sultat%20du%20scrutin%20en%20franc%CC%A7ais.pdf

https://www.engie.com/sites/default/files/assets/documents/2021-05/ENGIE%20-%20R%C3%A9sultat%20du%20scrutin%20en%20fran%C3%A7ais.pdf

https://www.engie.com/sites/default/files/assets/documents/2020-05/ENGIE%20-%20R%C3%A9sultat%20du%20scrutin%20AG%20du%2014-05-2020.pdf.

(25)  L-Artikolu L111-69 tal-code de l’énergie emendat bil-Loi 2019-486 li jirrelata à la croissance et à la transformation des entreprises, magħruf bħala l-“Loi Pacte”.

(26)  Ara t-tabella 8 tal-Anness II tat-talba.

(27)  Ara t-tabella 8 tal-Anness II tat-talba.

(28)  Kemm Engie kif ukoll Luminus igawdu wkoll minn drittijiet ta’ prelevament fuq xi impjanti tal-enerġija nukleari Franċiżi. Fi Franza, l-azzjonist kontrollanti ta’ Luminus (EDF) jopera flotta ta’ 56 reattur nukleari. Il-produzzjoni tal-elettriku nukleari Franċiża tista’ tiġi importata fil-Belġju permezz tal-interkonnessjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.

(29)  Ara t-tabella 8 tal-Anness II tat-talba.

(30)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/139/oj).

(31)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ April 2016, Österreichische Post AG vs Il-Kummissjoni, T-463/14, ECLI:EU:T:2016:243, il-punt 28. Ara wkoll id-Direttiva 2014/25/UE, il-premessa 44.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/477/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)