European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2034

20.11.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2034

tal-4 ta’ Settembru 2026

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tad-denfil komuni (Delphinus delphis) u ta’ ċetaċji żgħar oħra fil-Golf tal-Biskalja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1241 jistabbilixxi miżuri tekniċi dwar l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Unjoni. L-Anness XIII tiegħu jipprevedi r-regoli fil-livell reġjonali fir-rigward tal-miżuri ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi inklużi ċ-ċetaċji, billi jingħataw dettalji dwar iż-żoni ristretti, il-perjodi, u l-limitazzjonijiet tal-irkaptu.

(2)

Fost l-oħrajn, dak ir-Regolament jipprevedi miżuri speċifiċi biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tad-dniefel komuni u ċetaċji żgħar oħra fil-Golf tal-Biskalja (is-subżona 8 tal-ICES). Dawn il-miżuri jinkludu: (i) l-użu ta’ apparat akustiku deterrenti għax-xbieki tat-tkarkir pelaġiku ta’ nofs l-ilma u x-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi kollha, (ii) l-għeluq tas-sajd mit-22 ta’ Jannar sal-20 ta’ Frar u (iii) s-sett ta’ miżuri anċillari għall-ġbir tad-data xjentifika dwar il-qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji żgħar fil-ġurnal ta’ abbord, kif ukoll ir-reġistrazzjonijiet magħmula billi jiġu koperti ċerti perċentwali tal-isforz tas-sajd b’osservaturi jew sistemi elettroniċi ta’ monitoraġġ li jinkorporaw kameras abbord.

(3)

Dawk il-miżuri speċifiċi, introdotti fir-Regolament (UE) 2019/1241 bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3089 (2), u estiżi bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/2593 (3), jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2026.

(4)

Fit-12 ta’ Ġunju 2026, il-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Ilmijiet tal-Lbiċ (il-Belġju, Spanja, Franza, in-Netherlands, u l-Portugall) ippreżenta rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Ir-rakkomandazzjoni konġunta tipproponi reġim tal-għeluq tas-sajd li permezz tiegħu l-kaptani tal-bastimenti tal-Unjoni jkunu jistgħu jagħżlu perjodu ta’ għeluq alternattiv ta’ 30 jum konsekuttiv bejn il-15 ta’ Jannar u s-27 ta’ Frar 2027, dment li jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwaru mhux aktar tard mit-8 ta’ Jannar 2027. Fin-nuqqas ta’ tali notifika, jenħtieġ li japplika l-perjodu ta’ għeluq prestabbilit, mit-22 ta’ Jannar sal-20 ta’ Frar 2027. Ir-reġim tal-għeluq tas-sajd huwa maħsub biex iżid il-flessibbiltà operazzjonali għas-settur tas-sajd, u b’hekk inaqqas l-impatti ekonomiċi filwaqt li jkompli jkopri l-perjodu meta r-riskju tal-qabdiet aċċessorji jkun għoli. Fir-rakkomandazzjoni konġunta, l-Istati Membri pproponew ukoll l-estensjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2027, tal-użu ta’ apparati akustiċi deterrenti u tal-miżuri ta’ monitoraġġ previsti fir-Regolament Delegat (UE) 2025/2593.

(5)

Waqt it-tħejjija tar-rakkomandazzjoni konġunta, il-Kunsill Konsultattiv tal-Ilmijiet tal-Lbiċ (“SWWAC”) ipprovda opinjoni dwar l-abbozz kważi finali (5). Fl-opinjoni tiegħu, l-SWWAC irrakkomanda, fost l-oħrajn, għeluq tas-sajd flessibbli fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jagħżlu għeluq ta’ 30 jum konsekuttiv fil-perjodu ta’ riskju għoli ta’ qabdiet aċċessorji.

(6)

Fil-laqgħa plenarja tiegħu bejn is-6 u l-10 ta’ Lulju 2026 (6), il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) ikkunsidra l-miżuri proposti fir-rakkomandazzjoni konġunta u kkonkluda li l-valutazzjoni tar-rakkomandazzjoni konġunta preċedenti li saret matul il-PLEN 24-02 għadha tapplika, jiġifieri li l-miżuri proposti jenħtieġ li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali. Madankollu, l-STECF innota li dawn il-miżuri huma inqas stretti mill-miżuri rakkomandati mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (“ICES”) (7), u qajjem tħassib dwar l-impatt tal-irkapti u taż-żoni eżentati mill-għeluq fuq il-mortalità tad-dniefel. L-STECF qies ukoll li għeluq ta’ xahrejn, kif irrakkomandat mill-ICES, jippermetti kopertura aħjar iżda x’aktarx ikollu impatti soċjali u ekonomiċi sinifikanti. L-STECF ikkonkluda wkoll li mhuwiex possibbli li jiġi previst l-effett tal-modifika proposta fil-mod kif ikun strutturat l-għeluq spazjotemporali peress li ż-żmien tal-ogħla interazzjoni bejn il-flotta tas-sajd u d-dniefel huwa varjabbli wisq matul is-snin. L-STECF innota li l-introduzzjoni tal-flessibbiltà taż-żmien tal-għeluq tista’ ttaffi l-impatti ekonomiċi fuq il-flotta tas-sajd u tippromwovi l-konformità, u li n-notifika bikrija tal-perjodi tas-sajd magħżula lill-awtoritajiet tal-Istati Membri hija kruċjali biex jitħalla biżżejjed żmien sabiex jiġu implimentati l-miżuri ta’ kontroll meħtieġa.

(7)

L-STECF irrikonoxxa li r-riċerka estensiva mwettqa f’dawn l-aħħar snin tejbet b’mod sinifikanti l-fehim dwar l-ekoloġija tal-ispeċijiet u l-interazzjoni tagħha mas-sajd, inkluż permezz ta’ delineazzjoni spazjali aktar preċiża taż-żoni ta’ riskju għoli. Innota wkoll li jidher li l-iżvilupp u l-ittestjar tas-sistemi elettronika ta’ monitoraġġ joffru soluzzjoni kosteffettiva għall-ġbir ta’ data affidabbli b’kopertura notevolment usa’. L-STECF innota wkoll li d-data disponibbli tkopri biss il-perjodu sal-2024 u li ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet definittivi fir-rigward tal-effett tal-għeluq. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jirrieżaminaw u jivvalutaw id-data u l-informazzjoni kollha disponibbli l-aktar reċenti dwar il-qabdiet aċċessorji tad-dniefel komuni sabiex jikkunsidraw aġġustamenti possibbli għall-għeluq tas-sajd.

(8)

Wara l-parir tal-STECF, fil-5 ta’ Awwissu 2026 il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Ilmijiet tal-Lbiċ aġġorna r-rakkomandazzjoni konġunta biex jippermetti l-possibbiltà ta’ rieżami tal-miżuri, abbażi ta’ data ġdida dwar il-qabdiet aċċessorji jew ta’ kwalunkwe parir xjentifiku rilevanti ġdid.

(9)

Il-Grupp ta’ Esperti dwar is-Sajd u l-Akkwakultura ġie kkonsultat fis-26 ta’ Awwissu 2026.

(10)

Il-Kummissjoni tqis li, filwaqt li l-miżuri proposti fir-rakkomandazzjoni konġunta huma inqas stretti mill-miżuri rakkomandati mill-ICES, dawn se jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali tad-dniefel komuni fil-Golf tal-Biskalja fl-2027.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1241 jiġi emendat kif xieraq.

(12)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal miżuri addizzjonali għall-protezzjoni tad-dniefel komuni u ċetaċji żgħar oħra li l-Kummissjoni tista’ tadotta skont id-dritt tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-infurzar tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (8) jew, f’każ ta’ raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati relatati ma’ theddida serja għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jew għall-ekosistema tal-baħar skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u għal miżuri nazzjonali aktar stretti li l-Istati Membri jistgħu jadottaw għal dak l-għan fl-ilmijiet tagħhom f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u r-Regolament (UE) 2019/1241.

(13)

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli. Peress li l-miżuri attwali jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2026, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2027 sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali.

(14)

Sabiex l-operaturi u l-awtoritajiet tal-kontroll tas-sajd ikunu jistgħu jippjanaw l-attivitajiet tagħhom u jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa, jenħtieġ li l-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jinnotifikaw il-perjodu tal-għeluq fil-ħin qabel il-bidu ta’ tali għeluq.

(15)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1241 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2027 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Settembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/3089 tat-30 ta’ Settembru 2024 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 fir-rigward ta’ miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet aċċessorji tad-denfil komuni (Delphinus delphis) u ta’ ċetaċji żgħar oħra fil-Golf tal-Biskalja (ĠU L, 2024/3089, 9.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/3089/oj).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/2593 tal-11 ta’ Awwissu 2025 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet aċċessorji tad-denfil komuni (Delphinus delphis) u ta’ ċetaċji żgħar oħra fil-Golf tal-Biskalja (ĠU L, 2025/2593, 23.12.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/2593/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1380/oj).

(5)  SWWAC(2026). L-Opinjoni 187 maħruġa fil-kuntest tal-iżvilupp tar-rakkomandazzjoni konġunta dwar miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali ta’ dniefel komuni fil-Golf tal-Biskalja (https://cc-sud.eu/wp-content/uploads/2026/05/Avis187-cetaces-0526-FR.pdf).

(6)  STECF(2026). 82nd Plenary report (STECF-PLEN-26-02), Publications Office of the European Union, Lussemburgu, 2026, https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/d/stecf/stecf_plen_26-02.

(7)  ICES(2023). EU request on mitigation measures to reduce bycatches of common dolphin (Delphinus delphis) in the Bay of Biscay (ICES Subarea 8), https://doi.org/10.17895/ices.advice.23515176.

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/43/oj).


ANNESS

Il-parti A tal-Anness XIII hija emendata kif ġej:

(1)

fil-punt 1.1(b), l-entrata għas-subżona 8 tal-ICES hija sostitwita b’dan li ġej:

“Żona

Rkaptu

Is-subżona 8 tal-ICES

Xbieki tat-tkarkir pelaġiku ta’ nofs l-ilma (OTM, PTM, TM) u xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi (PTB) (**)

(**)  Din il-miżura għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2027.”

(2)

il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Miżuri speċjali fil-Golf tal-Biskalja (Subżona 8 tal-ICES)

4.1.

Għeluq għas-sajd:

Is-sajd għandu jkun ipprojbit fl-ilmijiet Franċiżi sal-limitu estern taż-żona ekonomika esklużiva ta’ Franza fis-Subżona 8 tal-ICES tul perjodu ta’ 30 jum konsekuttiv bejn il-15 ta’ Jannar u s-27 ta’ Frar għal bastimenti ta’ aktar minn 8 metri li jġorru abbord xbieki tat-tkarkir pelaġiku (PTM, OTM), xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi (PTB), tartaruni tal-borża (PS), għeżula tal-qiegħ (ankrati) (GNS), pariti (GTR) jew għeżula u pariti kkombinati (GTN). Sa mhux aktar tard mit-8 ta’ Jannar 2027, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd ikkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar it-30 jum konsekuttiv li matulhom se jkunu soġġetti għal dak il-perjodu ta’ għeluq. Jekk dik in-notifika ma ssirx, il-bastimenti tas-sajd ikkonċernati għandhom ikunu soġġetti għal dak il-perjodu ta’ għeluq mit-22 ta’ Jannar sal-20 ta’ Frar 2027.

4.2.

Miżuri ta’ monitoraġġ:

4.2.1.

Il-miżuri stabbiliti fil-punti minn 4.2.2 sa 4.2.5 għandhom japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2027.

4.2.2.

Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni għandhom jirreġistraw separatament fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd il-qabdiet aċċessorji tad-dniefel komuni u ta’ ċetaċji żgħar oħra (*1), f’konformità mal-Artikolu 14(8) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

4.2.3.

L-Istati Membri għandhom jiġbru d-data dwar il-qabdiet tad-dniefel komuni u ċ-ċetaċji żgħar oħra permezz ta’ osservaturi abbord jew sistemi elettroniċi ta’ monitoraġġ li jinkorporaw kameras, billi jkopru:

—

mill-inqas 1 % tal-isforz totali tas-sajd imkejjel f’għadd ta’ jiem fuq il-baħar għas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir pelaġiku (PTM), bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi (PTB), bix-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti pelaġiċi (OTM), bil-pariti (GTR), bl-għeżula tal-qiegħ (ankrati) (GNS) u bit-tartaruni tal-borża (PS) tul is-sena kollha,

—

mill-inqas 5 % tal-isforz totali tas-sajd imkejjel f’għadd ta’ jiem fuq il-baħar għas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir pelaġiku bil-paranzi (PTM), bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ bil-paranzi (PTB) u bix-xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti pelaġiċi (OTM) minn Jannar sa Marzu 2027; u

—

mill-inqas 7 % tal-isforz totali tas-sajd imkejjel f’għadd ta’ jiem fuq il-baħar għall-pariti (GTR) u l-għeżula tal-qiegħ (ankrati) (GNS) minn Jannar sa Marzu 2027.

4.2.4.

Il-kaptani tal-bastimenti tal-Unjoni jistgħu jgħammru l-bastimenti tagħhom b’sistemi elettroniċi tal-monitoraġġ li jinkorporaw kameras.

4.2.5.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrieżaminaw u jivvalutaw id-data u l-informazzjoni kollha disponibbli l-aktar reċenti dwar il-qabdiet aċċessorji tad-denfil komuni fl-ilmijiet tal-Golf tal-Biskalja tas-subżona 8 tal-ICES għall-fini tal-possibbiltà ta’ aġġustament tal-għeluq tas-sajd imsemmi fil-punt 4.1.

(*1)  L-ispeċijiet tal-familja Delphinidae u tal-familja Phocoenidae li huma preżenti (b’mod permanenti jew temporanju) fis-subżona 8 tal-ICES”."

()  L-ispeċijiet tal-familja Delphinidae u tal-familja Phocoenidae li huma preżenti (b’mod permanenti jew temporanju) fis-subżona 8 tal-ICES”.


(*1)  L-ispeċijiet tal-familja Delphinidae u tal-familja Phocoenidae li huma preżenti (b’mod permanenti jew temporanju) fis-subżona 8 tal-ICES”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/2034/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)