European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/7

8.1.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/7

tas-7 ta’ Jannar 2025

dwar it-twaqqif tal-Osservatorju tal-Impjant tat-Teleskopju ta’ Cherenkov ERIC(CTAO ERIC)

(notifikata bid-dokument C(2025) 9)

(It-testi biċ-Ċek, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bil-Pollakk, bis-Sloven u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1), il-punt (a), tiegħu,

Billi:

(1)

L-Awstrija, iċ-Ċekja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, is-Slovenja, Spanja u l-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Astronomika fl-Emisferu tan-Nofsinhar ippreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 biex jitwaqqaf l-Osservatorju tal-Impjant tat-Teleskopju ta’ Cherenkov (CTAO, Cherenkov Telescope Array Observatory) (“l-applikazzjoni”). L-Iżvizzera ħabbret id-deċiżjoni tagħha li tipparteċipa fis-CTAO ERIC inizjalment bħala osservatur.

(2)

L-applikanti qablu li l-Italja tkun l-Istat Membru ospitanti tas-CTAO ERIC.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2).

(4)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament. Matul il-valutazzjoni, il-Kummissjoni kisbet il-fehmiet ta’ esperti indipendenti fil-qasam tal-impatti tal-astronomija tar-raġġi gamma, l-astrofiżika, il-fiżika tal-partiċelli, il-fiżika tal-plażma u l-fiżika fundamentali.

(5)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Jitwaqqaf l-Osservatorju tal-Impjant tat-Teleskopju ta’ Cherenkov ERIC (CTAO ERIC).

2.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti tas-CTAO ERIC kif imsemmi fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Astronomika fl-Emisferu tan-Nofsinhar.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Ekaterina ZAHARIEVA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/723/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta’ Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet [2016/755] (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/755/oj).


ANNESS

ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAS-CTAO ERIC

1.   Isem u sede

(L-Artikolu 1 tal-Istatuti tas-CTAO ERIC)

1.

Għandu jkun hemm Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka msejħa l-Osservatorju tal-Impjant tat-Teleskopju ta’ Cherenkov (CTAO, Cherenkov Telescope Array Observatory).

2.

Is-CTAO għandu jkollu l-forma ġuridika ta’ Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC, European Research Infrastructure Consortium) inkorporat skont id-dispożizzjoni tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u għandu jkun jismu l-Osservatorju tal-Impjant tat-Teleskopju ta’ Cherenkov ERIC (CTAO ERIC).

3.

Is-CTAO ERIC għandu jkollu s-sede statutorja tiegħu u l-kwartieri ġenerali tiegħu f’Bologna, l-Italja.

2.   Kompiti u attivitajiet

(L-Artikolu 2 tal-Istatuti tas-CTAO ERIC)

1.

Il-kompitu tas-CTAO ERIC għandu jkun li jibni osservatorju għall-astronomija tar-raġġi gamma fuq l-art kif deskritt fid-“Deskrizzjoni Xjentifika u Teknika tal-Osservatorju tas-CTA” (il-konfigurazzjoni Alpha) u li jkompli jopera, jaġġorna u jiddekummissjona din il-faċilità. Il-kostijiet tal-kostruzzjoni huma stabbiliti fil-Ktieb tal-Kostijiet tas-CTAO.

2.

Is-CTAO ERIC għandu jwettaq l-attivitajiet li ġejjin fost l-oħrajn:

(a)

jikkontribwixxi għal riċerka tal-ogħla livell, l-iżvilupp teknoloġiku, l-innovazzjoni u l-isfidi tas-soċjetà u b’hekk jirrappreżenta valur miżjud għall-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u lil hinn minnha;

(b)

jiżgura sfruttament xjentifiku sħiħ tas-CTAO u s-sett ta’ strumenti tiegħu;

(c)

jagħti aċċess effettiv lill-Utenti f’konformità mal-Politika ta’ Aċċess stabbilita fl-Artikolu 3;

(d)

jikkontribwixxi għad-disseminazzjoni tar-riżultati xjentifiċi;

(e)

tagħmel l-aqwa użu tar-riżorsi u tal-għarfien; u

(f)

kwalunkwe azzjoni oħra meħtieġa relatata mal-paragrafi minn (a) sa (e).

3.

Is-CTAO ERIC għandu jwettaq il-kompitu prinċipali tiegħu fuq bażi mhux ekonomika. Madankollu, jista’ jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, bil-kundizzjoni li jkunu marbuta mill-qrib mal-kompitu prinċipali tiegħu u li ma jippreġudikawx il-ksib tiegħu. Is-CTAO ERIC għandu jirreġistra l-kostijiet u d-dħul tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu separatament u għandu jitlob prezzijiet tas-suq għalihom, jew, jekk dawn ma jkunux jistgħu jiġu aċċertati, il-kostijiet sħaħ flimkien ma’ marġni raġonevoli.

3.   Politika ta’ aċċess għall-utenti tal-Osservatorju tal-Impjant tat-Teleskopju ta’ Cherenkov

(L-Artikolu 3 tal-Istatuti tas-CTAO ERIC)

1.

Is-CTAO ERIC se jipprovdi aċċess effettiv għar-riċerkaturi Ewropej u internazzjonali (l-Utenti) abbażi tal-mertu xjentifiku, il-fattibbiltà teknika u/jew kriterji rilevanti oħra pertinenti għall-għan tas-CTAO ERIC. Għandu jkun disponibbli ammont limitat ta’ Ħin ta’ Osservazzjoni għal proposti xjentifikament meritevoli minn riċerkaturi li ma jappartjenux għal Membru, Sieħeb Strateġiku, Parti Terza jew Osservatur, minn hawn ’il quddiem imsejħa Utenti Oħra, taħt termini speċifiċi ta’ aċċess, kif definit mill-Kunsill.

2.

L-aċċess għas-CTAO jista’ jkun fil-forma ta’ aċċess għall-Ħin ta’ Osservazzjoni tas-CTAO, jew fil-forma ta’ aċċess għall-Prodotti tad-Data tas-CTAO fl-arkivji (l-Artikolu 33). Id-dettalji tal-aċċess għandhom jiġu definiti f’Politika ta’ Aċċess, adottata mill-Kunsill (l-Artikolu 25(13)(j)), li għandha tiddefinixxi t-tipi differenti ta’ proposti u tipprovdi għal livell xieraq ta’ opportunità għal programmi ta’ legat kbar (Proġetti Xjentifiċi Ewlenin).

3.

Id-Direttur Ġenerali huwa responsabbli għall-allokazzjoni tal-ħin billi jorganizza u jimmaniġġja proċess ta’ rieżami bejn il-pari li matulu l-eċċellenza xjentifika u l-fattibbiltà tal-proposti jiġu evalwati. Il-proċeduri u l-kriterji ta’ evalwazzjoni għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tas-CTAO ERIC. Id-Direttur Ġenerali għandu jirrapporta darba fis-sena lill-Kunsill dwar l-allokazzjoni tal-ħin.

4.

Il-Ħin tal-Utenti jindika l-Ħin tal-Osservazzjonijiet disponibbli wara li jitqiesu l-Osservazzjonijiet tal-Ħin Garantiti li jirriżultaw mill-obbligi kuntrattwali tas-CTAO ERIC. Il-Ħin tal-Utenti se jinqasam bejn il-Ħin Miftuħ għall-Proposti Standard u l-ħin tal-Proġett Ewlieni tax-Xjenza (KSP, Key Science Project) għal programmi ta’ legat kbar, il-Ħin ta’ Osservazzjoni tal-Komunità Internazzjonali għal Utenti Oħra u l-Ħin Diskrezzjonarju tad-Direttur Ġenerali (DDT, Director General’s Discretionary Time). Id-definizzjonijiet jinsabu fid-Deskrizzjoni Xjentifika u Teknika tal-Osservatorju tas-CTA

5.

Utenti oħra għandhom jikkontribwixxu għall-kostijiet tal-operat relatati mal-użu tagħhom tas-CTAO, kif definit fil-Politika ta’ Aċċess u fil-ftehimiet ta’ sħubija rispettivi.

6.

Id-dispożizzjoni fl-Artikolu 3(5) tal-Istatuti ma għandhiex tapplika għall-allokazzjonijiet tal-ħin mogħtija mis-CTAO ERIC permezz ta’ ftehimiet speċjali (eż. ftehimiet ta’ akkoljenza).

4.   Evalwazzjoni Xjentifika

(L-Artikolu 4 tal-Istatuti tas-CTAO ERIC)

L-attivitajiet xjentifiċi u tekniċi tas-CTAO ERIC għandhom jiġu evalwati kull sena mill-Kumitat Konsultattiv Xjentifiku u Tekniku (l-Artikolu 28). Id-dettalji għandhom jiġu definiti f’Politika ta’ Evalwazzjoni Xjentifika, adottata mill-Kunsill (l-Artikolu 25(13)(k)).

5.   Disseminazzjoni tar-Riżultati tar-Riċerka

(L-Artikolu 5 tal-Istatuti tas-CTAO ERIC)

1.

Is-CTAO ERIC għandu jkun faċilitatur tar-riċerka u bħala regola ġenerali għandu jinkoraġġixxi l-aċċess miftuħ għad-data tar-riċerka. Irrispettivament minn dan il-prinċipju, is-CTAO ERIC għandu jippromwovi riċerka ta’ kwalità għolja u għandu jappoġġa kultura fejn tintuża “l-aħjar prattika” permezz ta’ attivitajiet ta’ taħriġ.

2.

Is-CTAO ERIC għandu jitlob lill-Utenti jagħmlu r-riżultati tar-riċerka tagħhom disponibbli għall-pubbliku u jagħmlu r-riżultati disponibbli permezz tas-CTAO ERIC.

3.

Is-CTAO ERIC għandu jadotta l-Politika ta’ Disseminazzjoni tiegħu stess (l-Artikolu 25(13)(l)). Il-Politika ta’ Disseminazzjoni għandha tiddeskrivi d-diversi gruppi fil-mira, u s-CTAO ERIC għandha tuża diversi mezzi biex tilħaq l-udjenzi fil-mira, bħal portali tal-web, bullettini, workshops, preżenza f’konferenzi, artikli f’ġurnali, rivisti u gazzetti ta’ kuljum.

6.   Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali

(L-Artikolu 6 tal-Istatuti tas-CTAO ERIC)

1.

It-terminu “Proprjetà Intellettwali” għandu jinftiehem skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali ffirmata fl-14 ta’ Lulju 1967.

2.

Is-CTAO ERIC għandu jadotta l-Politika tiegħu stess dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (l-Artikolu 25(13)(m)).

3.

Is-CTAO ERIC għandu jkun is-sid tal-Proprjetà Intellettwali kollha li tirriżulta mill-attivitajiet tiegħu skont dawn l-Istatuti inkluż, iżda mhux limitat għal, Proprjetà Intellettwali prodotta minn persunal impjegat mis-CTAO ERIC, ħlief jekk kopert minn ftehimiet kuntrattwali separati jew fejn il-leġiżlazzjoni obbligatorja jew dawn l-Istatuti jiddikjaraw mod ieħor.

4.

Il-Proprjetà Intellettwali ta’ sfond tal-Membri jew tal-entitajiet rappreżentanti tagħhom għandha tibqa’ l-proprjetà tagħhom. Dan għandu jiġi liċenzjat lis-CTAO ERIC jekk ikun meħtieġ u permezz ta’ ftehimiet speċifiċi.

7.   Impjieg

(L-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-CTAO ERIC)

1.

Is-CTAO ERIC għandu jkun impjegatur b’opportunitajiet indaqs. Il-kuntratti ta’ impjieg għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet tal-pajjiż jew territorju li fih ikun impjegat il-persunal.

2.

Soġġett għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kull Membru għandu, fil-ġuriżdizzjoni tiegħu, ifittex li jiffaċilita l-moviment u r-residenza ta’ ċittadini tal-Membri, l-Osservaturi u s-Sħab Strateġiċi involuti fil-kompiti tas-CTAO ERIC u tal-membri tal-familja ta’ tali ċittadini.

3.

Il-proċeduri tal-għażla għall-pożizzjonijiet tal-persunal tas-CTAO ERIC għandhom ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji u jirrispettaw l-opportunitajiet indaqs. Ir-reklutaġġ u l-impjiegi ma għandhomx ikunu diskriminatorji.

4.

Is-CTAO ERIC għandu jħeġġeġ il-formazzjoni ta’ rappreżentanza istituzzjonalizzata tal-impjegati.

8.   Għoti ta’ kuntratti

(L-Artikolu 8 tal-Istatuti tas-CTAO ERIC)

1.

Is-CTAO ERIC għandu jittratta lill-kandidati għall-għoti ta’ kuntratti u lill-offerenti b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni irrispettivament minn jekk humiex ibbażati fl-Unjoni Ewropea. Għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-proċeduri u l-kriterji tal-akkwist fil-Politika dwar l-Akkwist adottata mill-Kunsill (l-Artikolu 25(12)(i) tal-Istatuti). Din il-Politika dwar l-Għoti ta’ Kuntratti għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, il-kompetizzjoni, il-proporzjonalità, ir-rikonoxximent reċiproku, it-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni u s-sostenibbiltà.

2.

L-għoti ta’ kuntratti minn Membri, Osservaturi, Sħab Strateġiċi u Partijiet Terzi dwar l-attivitajiet tas-CTAO ERIC għandu jsir b’tali mod li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-ħtiġijiet tas-CTAO ERIC, ir-rekwiżiti tekniċi, u l-ispeċifikazzjoni maħruġa mill-korpi rilevanti.

3.

Il-Politika dwar l-Għoti ta’ Kuntratti għandha tistipula li d-dispożizzjonijiet tagħha ma għandhomx japplikaw għal għotjiet ta’ kuntratti mis-CTAO ERIC li jsiru bl-użu ta’ fondi mgħoddija permezz tas-CTAO ERIC skont l-Artikolu 21(4) tal-Istatuti. F’dawn il-każijiet, il-Prinċipji Bażiċi għall-Kontribuzzjonijiet In Natura lis-CTAO ERIC u l-Qafas ta’ Kontribuzzjoni In Natura (l-Anness B) għandhom jiġu applikati minflok il-Politika tal-Għoti ta’ Kuntratti.

9.   Tul ta’ żmien

(L-Artikolu 9 tal-Istatuti tas-CTAO ERIC)

Is-CTAO ERIC għandu jitwaqqaf għal terminu indefinit.

10.   Stralċ

(L-Artikolu 10 tal-Istatuti tas-CTAO ERIC)

1.

L-istralċ tas-CTAO ERIC għandu jiġi deċiż mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 25(13)(h) tal-Istatuti.

2.

Mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ, fi żmien 10 ijiem wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ stralċ tas-CTAO ERIC, is-CTAO ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni.

3.

Mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ, fi żmien 10 ijiem mill-għeluq tal-proċedura ta’ stralċ, is-CTAO ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b’dan.

4.

Is-CTAO ERIC ma għandux jibqa’ jeżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni tippubblika l-avviż xieraq f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

11.   Xoljiment tas-CTAO ERIC jew twaqqif tal-privileġġi tat-taxxa tiegħu

(L-Artikolu 11 tal-Istatuti tas-CTAO ERIC)

1.

Max-xoljiment tas-CTAO ERIC jew it-twaqqif tal-privileġġi tat-taxxa u l-benefiċċji tat-taxxa tiegħu, il-Membri ma għandhom jirċievu xejn aktar mill-kontribuzzjonijiet fi flus imħallsa tagħhom u l-valur reali tal-kontribuzzjonijiet in natura tagħhom.

2.

Max-xoljiment tas-CTAO ERIC jew mat-twaqqif tal-privileġġi tat-taxxa u tal-benefiċċji tat-taxxa tiegħu, l-assi tas-CTAO ERIC li jaqbżu l-kontribuzzjonijiet fi flus imħallsa u l-valur reali tal-kontribuzzjonijiet in natura għandhom jiġu ttrasferiti lil entità ġuridika pubblika oħra jew lil korporazzjoni oħra bi privileġġi tat-taxxa jew lil entità ġuridika oħra li ssegwi oġġetti simili għal dawk tas-CTAO ERIC għall-promozzjoni tax-xjenza u r-riċerka.

12.   Reġim ta’ responsabbiltà u assigurazzjoni

(L-Artikolu 12 tal-Istatuti tas-CTAO ERIC)

1.

Is-CTAO ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

2.

Il-membri mhumiex responsabbli b’mod konġunt għad-djun tas-CTAO ERIC. Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Membri għad-djun tas-CTAO ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni annwali rispettiva tagħhom.

3.

Is-CTAO ERIC għandu jieħu kopertura tal-assigurazzjoni xierqa biex ikopri r-riskji speċifiċi għall-kostruzzjoni u l-operat tas-CTAO.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/7/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)