52006PC0320(02)

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rati ta’ konverżjoni bejn l-euro u l-muniti ta’ l-Istati Membri li jadottaw l-euro /* KUMM/2006/0320 finali - CNB 2006/0110 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.6.2006

KUMM(2006) 320 finali

2006/0109 (CNS)

2006/0110 (CNB)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

leġiżlazzjoni sekondarja dwar l-euro u s-Slovenja

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rati ta’ konverżjoni bejn l-euro u l-muniti ta’ l-Istati Membri li jadottaw l-euro

(preżentati mill-Kummissjoni)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL ULILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

leġiżlazzjoni sekondarja dwar l-euro u s-Slovenja

Fis-16 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122 (2) tat-Trattat, li tipproponi li s-Slovenja tonora l-kundizzjonijiet neċessarji għall-adozzjoni tal-munita unika u li d-deroga tas-Slovenja tiġi rrevokata b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

Jekk ikun hemm deċiżjoni pożittiva, l-Kunsill sussegwentement jkollu jadotta r-rata ta’ kambju bejn l-euro u t-tolar Sloven b'effett mill-1 ta' Jannar 2007 u se jkollu jieħu wkoll miżuri neċessarji oħra għall-introduzzjoni ta' l-euro fis-Slovenja.

Il-Kummissjoni tippreżenta proposti rispettivi qabel id-deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-revoka tad-deroga tas-Slovenja sabiex tiġi żgurata flessibiltà rigward id-data ta' l-adozzjoni tar-regolamenti mill-Kunsill.

Il-Komunikazzjoni tinkludi proposti għal:

- Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro;

- Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rati ta’ kambju bejn l-euro u l-muniti ta’-Istati Membri li jadottaw l-euro.

- MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-kuntest tal-proposta

Fis-16 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 122 (2) tat-Trattat, li tipproponi li s-Slovenja tonora l-kundizzjonijiet neċessarji għall-adozzjoni tal-munita unika u li d-deroga tas-Slovenja tiġi rrevokata b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

Jekk ikun hemm deċiżjoni pożittiva, l-Kunsill sussegwentement jkollu jieħu wkoll il-miżuri neċessarji l-oħra għall-introduzzjoni ta' l-euro fis-Slovenja

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98[1] dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro jirregola l-introduzzjoni inizzjali ta’ l-euro fl-Istati Membri li kienu fl-ewwel mewġa taż-żona ta’ l-euro u fil-Greċja. Dan ir-Regolament kien emendat mir-Regolament (KE) Nru 2169/2005 bi tħejjija għat-tkabbir futur fiż-żona ta’ l-euro. Madankollu sabiex is-Slovenja tkun koperta mir-Regolament (KE) Nru 974/98, ma’ dan ir-Regolament trid tiżdied referenza għal dan l-Istat Membru. Għalhekk, din l-inizjattiva tipproponi emendi għal dan ir-Regolament.

Il-pjan ta’ bidla għas-Slovenja jispeċifika li x-xenarju tal-“ big bang ” għandu jkun applikabbli, jiġifieri li l-adozzjoni ta’ l-euro bħala l-munita tas-Slovenja u l-introduzzjoni tan-noti u muniti ta’ l-euro f’dan l-Istat Membru għandhom iseħħu fl-istess waqt.

2. L-Aspetti ġURIDIċI

2.1. IL-BAżI ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-proposta kurrenti hija l-Artikolu 123(5) KE, li jippermetti li jiġu adottati miżuri oħra neċessarji għall-introduzzjoni ta' l-euro fl-Istat Membru, li d-deroga tiegħu ġiet irrevokata skond Artikolu 122(2) tat-Trattat.

Fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-BĊE, il-Kunsill se jaġġixxi bl-unanimità ta’ l-Istati Membri mingħajr deroga u ta’ l-Istat Membru konċernat.

2.2. Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

L-inizjattiva kurrenti ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex tikseb l-għan tagħha, u għalhekk, hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

2.3. L-għażla ta’ l-istrument legali

L-istrument tar-Regolament huwa l-uniku strument legali xieraq biex jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro.

3. L-implikazzjonijiet baġitarji

Il-proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-Komunità.

4. Kummentarju dwar ARTIKOLI INDIVIDWALI

4.1. ARTIKOLU 1

Skond l-Artikolu 1 lit. (a) u l-Artikolu 1a tar-Regolament (KE) Nru 974/98, it-tabella fl-Anness ta’ dak ir-Regolament telenka l-Istati Membri li qed jipparteċipaw u tiddefinixxi d-data ta’ l-adozzjoni ta’ l-euro, d-data tal-bidla tal-flus, u l-perjodu "ta' tneħħija gradwali", jekk ikun applikabbli, għal dawn l-Istati Membri kollha. Skond Artikolu 1 lit. (a) tar-Regolament (KE) Nru 974/98 il-perjodu ta’ “tneħħija gradwali” jista’ japplika biss fl-Istati Membri fejn id-data ta’ l-adozzjoni ta’ l-euro u l-bidla proprja għall-munita waħdanija jseħħu fl-istess ġurnata. Waqt li dan ma kienx il-każ għat-tnax-il Stat Membru li qed jipparteċipaw bħalissa, il-pjan ta' bidla għas-Slovenja jispeċifika l-istess data bħad-data għall-adozzjoni ta’ l-euro u bħad-data ta’ bidla proprja għall-munita waħdanija. Madankollu, s-Slovenja għażlet li ma jkollix perjodu ta’ “tneħħija gradwali”.

Dan l-artikolu jżid lis-Slovenja u d-dejta rilevanti kollha li ġejja għal dan l-Istat Membru fit-tabella ta’ l-Anness mar-Regolament (KE) Nru 974/98 fl-ordni tal-protokoll.

Stat Membru | Data ta’ l-adozzjoni ta’ l-euro | Data ta’ tibdil | Stat Membru b'perjodu ta’ “tneħħija gradwali” |

Is-Slovenja: | L-1 ta' Jannar 2007 | L-1 ta' Jannar 2007 | Le |

4.2. Artikolu 2

Dan l-artikolu jistabilixxi l-1 ta’ Jannar 2007 bħala d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, u jassigura li se jkun applikabbli f’konformità mal-ħin ta’ l-atti l-oħra tal-Kunsill li għandhom x’jaqsmu ma’ l-adozzjoni ta’ l-euro mis-Slovenja, jiġifieri d-data tar-revoka u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-rata ta’ kambju tat-tolar Sloven.

2006/0110 (CNB)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 123(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[4],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro[5] jipprovdi għas-sostituzzjoni ta’ l-euro mal-muniti ta’ l-Istati Membri li jkunu wettqu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-adozzjoni tal-munita unika fiż-żmien meta l-Komunità daħlet fit-tielet stadju ta' l-unjoni ekonomika monetarja.

(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (EC) No 2596/2000[6] emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni ta' l-euro mal-munita tal-Greċja.

(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2169/2005[7] emenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 sabiex iħejji għal introduzzjonijiet sussegwenti ta’ l-euro fl-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro bħala l-munita unika.

(4) Skond l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003, s-Slovenja hija Stat Membru b’revoka kif definit fl-Artikolu 122 tat-Trattat.

(5) Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/…/KE ta’ … … 2006 bi qbil ma' l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovenja tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2007[8], is-Slovenja issa tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita waħdanija u d-deroga favur is-Slovenja għandha tkun revokata b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2007.

(6) L-introduzzjoni ta’ l-euro fis-Slovenja teħtieġ l-estensjoni għas-Slovenja tad-dispożizzjonijiet eżistenti fl-introduzzjoni ta’ l-euro stipulata fir-Regolament (KE) Nru 974/98.

(7) Il-pjan ta’ bidla tas-Slovenja jispeċifika li n-noti bankarji u l-muniti ta’ l-euro għandhom isiru valuta legali f'dak l-Istat Membru fil-ġurnata ta' l-introduzzjoni ta' l-euro bħala l-munita tiegħu. B’konsegwenza ta’ dan, id-data ta' l-introduzzjoni ta' l-euro u d-data ta' bidla fil-munita għandha tkun l-1 ta’ Jannar 2007. L-ebda “perjodu ta’ tneħħija gradwali” ma japplika.

(8) Ir-Regolament (KE) Nru 974/98 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness mar-Regolament (KE) Nru 974/98 huwa emendat skond l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha skond it-Trattat, soġġett għall-Protokolli 25 u 26 u Artikolu 122 (1).

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

Anness

Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98, il-linja li jmiss għandha tiddaħħal bejn l-informazzjoni għall-Portugall u l-Finlandja.

Stat Membru | Data ta’ l-adozzjoni ta’ l-euro | Data ta’ tibdil | Stat Membru bil perjodu ta’ “tneħħija gradwali” |

- - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - -

“Slovenja: | L-1 ta' Jannar 2007 | L-1 ta' Jannar 2007 | Le” |

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fis-16 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni adottat proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill skond Artikolu 122 (2) tat-Trattat, u tissuġġerixxi li s-Slovenja tonora l-kundizzjonijiet neċessarji għall-adozzjoni tal-munita unika u li d-deroga tas-Slovenja tiġi rrevokata b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

Jekk ikun hemm deċiżjoni pożittiva, il-Kunsill sussegwentement jkollu jadotta r-rata ta’ konverżjoni bejn l-euro u t-tolar Sloven li se tidħol fis-seħħ b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

Ir-Regolament tal-Kunsill (EC) Nru 2866/98 dwar ir-rati ta’ konverżjoni bejn l-euro u l-muniti ta’ l-Istati Membri li jadottaw l-euro[9] jirregola l-introduzzjoni inizzjali ta’ l-euro fl-Istati Membri li kienu fl-ewwel mewġa taż-żona ta’ l-euro u fil-Greċja Sabiex l-ambitu ta’ dan ir-Regolament jiġi estiż għat-tolar Sloven, hemm bżonn li tiżdied referenza għal din il-munita f’dan ir-Regolament. Għalhekk, din l-inizjattiva tissuġġerixxi emendi għal dan ir-Regolament.

2. L-Aspetti legali

2.1. Il-bażi legali

Il-bażi legali għall-proposta kurrenti hija Artikolu 123(5) KE, li jippermetti li tiġi adottata r-rata ta’ konverżjoni li fiha l-euro se tieħu post il-munita ta’ l-Istat Membru li d-deroga tiegħu ġiet irrevokata skond Artikolu 122(2) tat-Trattat.

Fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-BĊE, il-Kunsill se jaġġixxi bl-unanimità ta’ l-Istati Membri mingħajr deroga u ta’ l-Istat Membru konċernat.

2.2. Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Komunità. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

L-inizjattiva kurrenti ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex tikseb l-għan tagħha, u għalhekk, hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità.

2.3. L-għażla ta’ l-istrument ġuridiċi

L-istrument tar-Regolament huwa l-uniku strument ġuridiku xieraq biex jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rati ta’ kambju bejn l-euro u l-muniti ta’l-Istati Membri li jadottaw l-euro.

3. L-implikazzjonijiet baġitarji

Il-proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-Komunità.

4. Kummentarju dwar artikolu b'artikolu

4.1. Artikolu 1

Ir-rata proposta hija r-rata ċentrali kurrenti tat-tolar fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM II).

Fir-rigward tal-muniti l-oħra u skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97 dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni ta' l-euro, ir-rata għandha tiġi definita b'sitt ċifri sinifikattivi.

4.2. Artikolu 2

Dan l-artikolu jistabilixxi l-1 ta’ Jannar 2007 bħala d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, u jassigura li se jkun applikabbli f’konformità mal-ħin ta’ l-atti l-oħra tal-Kunsill li għandhom x’jaqsmu ma’ l-adozzjoni ta’ l-euro mis-Slovenja, jiġifieri d-data tar-revoka u d-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri l-oħra neċessarji għall-introduzzjoni ta’ l-euro fis-Slovenja..

(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rati ta’ konverżjoni bejn l-euro u l-muniti ta’ l-Istati Membri li jadottaw l-euro

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 123(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[10],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew[11],

Billi:

1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2866/98 dwar ir-rati ta’ konverżjoni bejn l-euro u l-muniti ta’ l-Istati Membri li jadottaw l-euro[12] jiddetermina r-rati ta’ konverżjoni mill-1 ta’ Jannar 1999.

2. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1478/2000[13] emenda r-Regolament (KE) Nru 2866/98 biex jipprovdi għas-sostituzzjoni ta' l-euro mal-munita tal-Greċja.

3. Skond l-Artikolu 4 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-2003, is-Slovenja hija Stat Membru b’revoka kif definit fl-Artikolu 122 tat-Trattat.

4. Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/…/KE ta’ … … 2006 bi qbil ma' l-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar l-adozzjoni mis-Slovenja tal-munita unika fl-1 ta' Jannar 2007[14], is-Slovenja issa tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika u d-deroga favur is-Slovenja għandha tiġi revokata mill-1 ta' Jannar 2007.

5. L-introduzzjoni ta’ l-euro fis-Slovenja teħtieġ li r-rata ta' konverżjoni bejn l-euro u t-tolar tiġi adottata. Din ir-rata ta’ konverżjoni għandha tkun determita bħala 239.640 tolari Slovenjani għal kull euro, li tikkorrispondi mar-rata ċentrali preżenti tat-tolar fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM II).

6. Ir-Regolament (KE) Nru 2866/98 għandu għaldaqstant jiġi emendat skond dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan li ġej għandu jiġi mdaħħal bejn ir-rati applikabbli ta’ l-ecscudo Portugiż u l-mark Finlandiż f'Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2866/98:

“= 239.640 tolars Sloveni”,

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 139, tal-11.5.1998, p. 1, ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2169/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005, ĠU L 346, 29.12.2005, p. 1.

[2] ĠU C, p. .

[3] ĠU C, p. .

[4] ĠU C, p. .

[5] ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2169/2005 (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 1).

[6] ĠU L 300, 29.11.2000, p. 2.

[7] ĠU L 346, 29.12.2005, p. 1.

[8] ĠU L , , p.

[9] ĠU L 359, 31.12.1998 p. 1, Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1478/2000 tad-19 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 167, 7.7.2000, p.1).

[10] ĠU C,…, p.

[11] ĠU C,…, p.

[12] ĠU L 359, 31.12.1998 p. 1, Regolament hekk kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1478/2000 tad-19 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 167, 7.7.2000, p.1).

[13] ĠU L 167, 7.7.2000, p.1.

[14] …