24.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/16


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1215

tal-21 ta’ Awwissu 2020

li jagħmel importazzjonijiet ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fl-14 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ notifika ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-notifika ta’ bidu”), il-ftuħ ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ estrużjonijiet tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-“RPĊ”) wara lment imressaq fit-3 ta’ Jannar 2020 minn European Aluminium (“l-ilmentatur” jew “EA”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-estrużjonijiet tal-aluminju.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(2)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa żbarri, vireg, profili (vojta jew le), tubi, pajpijiet; mhux immuntati; kemm jekk ippreparati għall-użu fi strutturi (eż. maqtugħin għall-qies, imtaqqbin, mgħawwġa, iċċanfrinati, bil-kamin); magħmula minn aluminju, legat jew le, li fih mhux iktar minn 99,3 % ta’ aluminju (“il-prodott investigat”), b’oriġini mir-RPĊ.

(3)

Il-prodotti li ġejjin mhumiex koperti:

(i)

prodotti mehmużin (pereżempju b’iwweldjar jew bi qfieli) biex jiffurmaw subassemblaġġi;

(ii)

tubi u pajpijiet iwweldjati;

(iii)

prodotti f’kit imballat bil-partijiet meħtieġa biex jiġi assemblat prodott finali mingħajr irfinar jew fabrikazzjoni ulterjuri tal-partijiet (“kit tal-oġġetti lesti”).

(4)

Il-prodott ikkonċernat bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċijiet NM ex 7604 10 10, ex 7604 10 90, 7604 21 00, 7604 29 10, 7604 29 90, ex 7608 10 00, 7608 20 81, 7608 20 89 u ex 7610 90 90 (il-kodiċijiet TARIC 7604101011, 7604109011, 7604109025, 7604109080, 7608100011, 7608100080, 7610909010). Il-kodiċijiet NM u TARIC jingħataw għall-informazzjoni biss.

2.   TALBA

(5)

Fit-23 ta’ Ġunju 2020, l-ilmentatur ippreżenta talba għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ tali reġistrazzjoni, dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament bażiku.

3.   RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI

(6)

F’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’ tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jieħdu l-passi xierqa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati sussegwentement fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni, dment li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament bażiku jkunu ssodisfati. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni.

(7)

Skont l-ilmentatur, ir-reġistrazzjoni hija ġġustifikata billi l-prodott ikkonċernat qed ikun l-oġġett ta’ dumping. Qed ikun ikkawżat dannu sinifikanti għall-industrija tal-Unjoni kaġun ta’ żieda fl-importazzjonijiet f’termini ta’ sehem mis-suq bi prezzijiet baxxi li se jimminaw l-effett ta’ rimedju tad-dazji definittivi potenzjali.

(8)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talba fid-dawl tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni vverifikat jekk l-importaturi kinux akkonoxxenza, jew jekk kellhomx ikunu akkonoxxenza, tad-dumping fir-rigward tal-livell tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub. Analizzat ukoll jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta’ meta seħħet u l-volum u ċirkostanzi oħra, x’aktarx imminat serjament l-effett ta’ rimedju tad-dazju anti-dumping definittiv li għandu jiġi applikat.

3.1.   Il-konoxxenza tal-importaturi tad-dumping, il-livell tiegħu u d-dannu allegat

(9)

Fir-rigward tad-dumping, f’dan l-istadju l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ qed ikunu oġġett ta’ dumping.

(10)

B’mod partikolari, l-ilmentatur ipprovda evidenza ta’ dumping abbażi ta’ paragun tal-valur normali maħdum abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u l-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, stabbilit f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Abbażi ta’ dan, il-marġnijiet tad-dumping ikkalkulati huma sinifikanti għar-RPĊ, jiġifieri, sa massimu ta’ 37 %.

(11)

Din l-informazzjoni kienet tinsab fin-notifika ta’ bidu.

(12)

Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, importatur wieħed mhux relatat oppona r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mitluba u rrimarka li l-preżenza ta’ passat ta’ dumping ma setgħetx tiġi stabbilita għaliex l-investigazzjoni għadha għaddejja.

(13)

Madankollu, l-Artikolu 10(4)(c) ma jirrikjedix passat ta’ dumping. Minflok, jirrikjedi passat ta’ dumping jew li l-importatur kien akkonoxxenza, jew kellu jkun akkonoxxenza, tad-dumping.

(14)

Permezz tal-pubblikazzjoni tan-notifika ta’ bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-importaturi ġew akkonoxxenza, jew tal-anqas kellhom ikunu akkonoxxenza tad-dumping. In-notifika ta’ bidu hija dokument pubbliku aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-importaturi. Barra minn hekk, bħala partijiet interessati fl-investigazzjoni, l-importaturi għandhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, f’dak il-mument, l-importaturi kienu akkonoxxenza, jew kellhom ikunu akkonoxxenza, tal-prattiki allegati ta’ dumping, il-livell tagħhom u d-dannu allegat.

(15)

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu kumplessivament f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq. L-evidenza pprovduta mill-ilmentatur turi li matul il-perjodu minn Marzu sa Mejju 2020, il-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat ikkonċernat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq il-livell tal-prezzijiet imposti kif ukoll fuq is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni kumplessiva tal-industrija tal-Unjoni.

(16)

B’hekk il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ewwel kriterju għar-reġistrazzjoni kien issodisfat.

3.2.   Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet

(17)

Fit-talba tiegħu għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, l-ilmentatur ipprovda evidenza ta’ żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet. Għal dak l-għan, l-ilmentatur uża l-metodoloġija deskritta fl-ilment biex jikkalkula l-importazzjonijiet tal-volumi matul il-perjodu minn Marzu sa Mejju 2020 u qabbel dawk il-kwantitajiet mal-istess xhur fl-2019. F’konformità mal-metodoloġija użata fl-ilment, il-kodiċijiet NM ikkunsidrati kienu 7604 21 00, 7604 29 10, 7604 29 90, 7608 20 81, 7608 20 89 u ex 7610 90 90. Għall-aħħar kodiċi NM, l-ilmentatur żamm l-istima tiegħu li 95 % tal-volumi taħt dan il-kodiċi kienu kostitwiti mill-prodott ikkonċernat.

(18)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni analizzat jekk il-volumi tal-importazzjonijiet mir-RPĊ għandhomx jiġu kkalkulati skont il-metodoloġija spjegata hawn fuq (jiġifieri dik tal-ilment), jew jekk metodoloġija oħra għandhiex imnejn tkun aktar adattata. Għal dan l-għan, intalbu kummenti u informazzjoni mill-partijiet interessati, u d-DĠ TAXUD u l-awtoritajiet doganali nazzjonali ntalbu jinvestigaw u jipprovdu l-informazzjoni. Il-Kummissjoni qed teżamina wkoll id-data TARIC kunfidenzjali biex tistabbilixxi r-rilevanza tagħha għall-analiżi. Din il-parti tal-investigazzjoni anti-dumping tinsab għaddejja bħalissa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat li l-importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet NM addizzjonali msemmija fin-notifika ta’ bidu (ara wkoll il-premessa (4)) kienu negliġibbli (3). Għaldaqstant, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni kkunsidrat li huwa xieraq li fl-analiżi ta’ din it-talba jiġi eżaminat ir-rekwiżit taż-żieda fl-importazzjonijiet vis-à-vis l-kodiċijiet NM issuġġeriti mill-ilmentatur u abbażi ta’ żewġ xenarji. L-ewwel xenarju jikkunsidra l-metodoloġija deskritta fl-ilment u juża s-sitt kodiċijiet NM u t-tieni xenarju juża l-istess kodiċijiet NM li jissemmew hawn fuq, iżda jeskludi l-kodiċi NM ex 7610 90 90. Iż-żewġ metodoloġiji jużaw data tal-kodiċijiet NM bi 8 ċifri fid-dawl tal-analiżi li għaddejja bħalissa.

(19)

Bl-użu tal-ewwel metodoloġija (jiġifieri dik tal-ilment), skont l-informazzjoni pprovduta fit-talba u kontroverifikata mill-Kummissjoni mad-data miżmuma fil-fajl dwar il-każ, il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni naqas f’termini assoluti b’madwar 17 % matul il-perjodu minn Marzu sa Mejju 2020 meta mqabbel mal-istess xhur fl-2019. Dan jidher li huwa konformi mat-tnaqqis ġenerali tal-importazzjonijiet u l-konsum fil-perjodu minn Marzu sa Mejju 2020 minħabba ċ-ċirkostanzi tas-suq kaġun tal-COVID-19. Madankollu, l-ilmentatur pprovda wkoll evidenza li l-produzzjoni u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqsu bi 28 % matul l-istess perjodu, iżda fl-istess waqt, l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ żdiedu minn madwar 10 % f’Marzu-Mejju 2019 għal madwar 12 % f’Marzu-Mejju 2020, żieda ta’ 20 %. Għaldaqstant, meta mqabbla mal-konsum, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu fil-perjodu minn Marzu sa Mejju 2020.

(20)

Fir-rigward tat-tieni metodoloġija, jiġifieri bil-kodiċi NM 7610 90 90 eskluż, it-talba kienet tinkludi evidenza li l-volumi tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu f’termini assoluti b’16 % f’Marzu sa Mejju 2020 meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2019. Kif jissemma aktar ’il fuq, l-industrija tal-Unjoni sofriet tnaqqis ta’ 28 % fil-produzzjoni u l-bejgħ fir-rigward tal-prodott ikkonċernat. Dawn l-iżviluppi wasslu biex is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina żdied minn 4,9 % f’Marzu sa Mejju 2019 għal madwar 5,6 % f’Marzu sa Mejju 2020, żieda ta’ 15 % f’termini relattivi.

(21)

Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, importatur mhux relatat oppona r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mitluba u rrimarka li ż-żieda relattiva fl-importazzjonijiet mir-RPĊ irreġistrata f’Marzu sa Mejju 2020 jista’ jkun minħabba l-fatt li l-attività ekonomika ta’ dan il-pajjiż soffriet tħarbit u ssoktat qabel dik tal-Unjoni. Skont l-istess importatur, dawk il-kundizzjonijiet tas-suq straordinarji jaf inċentivaw lill-importaturi jespandu l-livell tal-istokkijiet tagħhom, u jieħdu vantaġġ mill-kundizzjonijiet favorevoli tas-suq.

(22)

Fil-prinċipju, ma jistax jiġi eskluż li t-tempistika tat-tħarbit relatat mal-Covid-19 setgħet affettwat ċerti konsenji. Madankollu, perjodu taż-żmien ta’ tliet xhur huwa twil biżżejjed biex jippermetti valutazzjoni sinifikanti tax-xejriet tal-importazzjonijiet, inkluż meta jitqiesu l-fatti u ċ-ċirkostanzi indikati mill-importatur. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li l-perjodu minn Marzu sa Mejju 2020 huwa rappreżentattiv biżżejjed għal din l-analiżi.

(23)

Barra minn hekk, l-istess importatur ressaq l-argument li, minħabba l-kundizzjonijiet favorevoli tas-suq, il-kumpaniji li kellhom biżżejjed mezzi finanzjarji setgħu żammew skorta tal-prodotti importati. Dan l-argument, jekk jiġi kkonfermat, ma jistax jikkostitwixxi raġuni għall-oppożizzjoni tar-reġistrazzjoni mitluba, iżda kuntrarjament, jispjega ulterjorment u għalhekk jikkonferma ż-żieda deskritta fl-importazzjonijiet, u b’hekk jiġġustifika r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet.

(24)

Produttur esportatur ukoll kien kontra t-talba għar-reġistrazzjoni. Skont dan il-produttur, mhuwiex korrett li jsir paragun bejn il-produzzjoni fl-Ewropa u l-importazzjonijiet, minħabba n-natura differenti taż-żewġ proċessi (industrijali vs kummerċjali). Madankollu, kif indikat fil-premessa (19), kemm il-produzzjoni kif ukoll il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqsu. Għaldaqstant, il-paragun tal-ishma mis-suq huwa fuq l-istess livell, jiġifieri l-bejgħ. Għalhekk, din l-argumentazzjoni kienet fattwalment żbaljata u għaldaqstant irrifjutata mill-Kummissjoni.

(25)

L-istess produttur esportatur spjega wkoll li l-effetti tar-reċessjoni ekonomika x’aktarx wasslu biex il-produtturi esportaturi jikkonċentraw fuq is-suq domestiku. Minkejja dan, kif spjegat hawn fuq, l-importazzjonijiet mir-RPĊ żiedu s-sehem mis-suq tagħhom fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-istess produttur sostna wkoll li l-bejgħ tiegħu lejn l-Unjoni mhuwiex oġġett ta’ dumping u pprovda evidenza tat-tnaqqis fil-volumi ta’ bejgħ tiegħu lejn l-Unjoni fil-perjodu minn Marzu sa Mejju 2020. Madankollu, jenħtieġ li wieħed ifakkar li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni jenħtieġ li jiġu vverifikati fil-livell tas-suq tal-Unjoni kollu kemm hu u tal-importazzjonijiet kollha mir-RPĊ, u għal din ir-raġuni, il-volumi ta’ bejgħ minn produtturi esportaturi individwali mhumiex rilevanti. Fl-aħħar nett, il-produttur esportatur ipprovda argumenti li jirrigwardaw allegazzjoni ta’ strateġija antikompetittiva tal-ilmentaturi li, madankollu, ukoll mhumiex rilevanti għal din l-analiżi.

(26)

Il-Kummissjoni, għalhekk, kienet tal-fehma li, fiż-żewġ xenarji, iċ-ċifri ta’ hawn fuq, minkejja t-tnaqqis tal-prodotti importati f’termini assoluti minħabba ċ-ċirkostanzi tas-suq, ipprovdew evidenza ta’ żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet f’termini relattivi u għaldaqstant, ikkonkludiet li t-tieni kriterju tat-talba għar-reġistrazzjoni kien issodisfat ukoll.

3.3.   L-imminar tal-effett ta’ rimedju tad-dazju

(27)

Il-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza għad-dispożizzjoni tagħha li żieda kontinwata fl-importazzjonijiet mir-RPĊ bi prezzijiet li jkomplu jonqsu tikkaġuna dannu addizzjonali.

(28)

Kif stabbilit fil-premessi minn (19) sa (20), hemm biżżejjed evidenza li, biż-żewġ metodoloġiji kkunsidrati, l-importazzjonijiet miċ-Ċina kienu ggwadanjaw sehem mis-suq matul il-perjodu minn Marzu sa Mejju 2020 u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas minn madwar 78 % għal 74 % f’dan il-perjodu.

(29)

Barra minn hekk, it-talba kien fiha evidenza tal-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet miċ-Ċina. Din l-evidenza ġiet kontroverifikata mill-Kummissjoni mad-data miżmuma fil-fajl dwar il-każ. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet taħt il-ħames kodiċijiet taħt l-intestaturi 7604 u 7608 tbaxxa minn EUR 3 029 għall kull tunnellata f’Marzu sa Mejju 2019 għal EUR 3 010 għal kull tunnellata f’Marzu sa Mejju 2020, tnaqqis ta’ 1 %. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet taħt is-sitt kodiċijiet NM (bl-użu tal-metodoloġija tal-ilment) żdied bi 3 % matul l-istess perjodu, minn EUR 2 994 għal kull tunnellata f’Marzu sa Mejju 2019 għal EUR 3 086 għal kull tunnellata. Dawn il-bidliet relattivament żgħar fil-prezzijiet jidher li qed jindikaw li l-pressjoni fuq il-prezzijiet eżerċitata minn dawn l-importazzjonijiet għadha simili għall-pressjoni fuq il-prezzijiet imsemmija fl-ilment.

(30)

Barra minn hekk, meta wieħed iżomm f’moħħu li l-industrija tal-estrużjonijiet tal-aluminju għandha kostijiet fissi għoljin, huwa evidenti li tnaqqis fis-sehem mis-suq u fil-produzzjoni se jwassal għal tnaqqis fil-profittabbiltà matul il-perjodu minn Marzu sa Mejju 2020.

(31)

Dawn il-fatti juru li ż-żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet f’termini relattivi x’aktarx li se timmina serjament l-effett ta’ rimedju tad-dazji li għandhom jiġu applikati. Huwa fil-fatt raġonevoli li wieħed jassumi li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jaf iżidu ulterjorment is-sehem mis-suq qabel l-adozzjoni ta’ miżuri proviżorji, jekk ikun hemm, billi din tal-aħħar iseħħ lejn it-13 ta’ Ottubru 2020 l-aktar tard.

(32)

Żieda ulterjuri bħal din fl-importazzjonijiet wara l-bidu tal-każ x’aktarx għalhekk li, fid-dawl tat-tempistika u tal-volum tagħha u ta’ ċirkostanzi oħra (bħall-kapaċità żejda fir-RPĊ u l-komportament fir-rigward tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kif deskritt fl-ilment), timmina serjament l-effett ta’ rimedju ta’ kull dazju definittiv, sakemm tali dazju ma jiġix applikat b’mod retroattiv.

(33)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tielet kriterju għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet kien issodisfat ukoll.

3.4.   Konklużjoni

(34)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza sabiex tiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

4.   PROĊEDURA

(35)

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn dawn għandhom jinstemgħu.

5.   REĠISTRAZZJONI

(36)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, f’każ li l-investigazzjoni tirriżulta f’konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jkunu ssodisfati, jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(37)

Kull responsabilità fil-futur tiġi mill-konklużjonijiet tal-investigazzjoni anti-dumping.

(38)

L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob li jingħata bidu għal investigazzjoni anti-dumping jagħtu stima ta’ marġni medju ta’ dumping sa massimu ta’ 37 % u livell medju ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ ’l fuq minn 40 % għall-prodott ikkonċernat. Abbażi ta’ dan, l-ammont ta’ responsabbiltà possibbli fil-futur jista’ jiġi stabbilit fil-livell tal-marġini ta’ dumping allegat fl-ilment, jiġifieri sa massimu ta’ 37 % ad valorem fuq il-valur ta’ importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat.

6.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(39)

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ żbarri, vireg, profili (vojta jew le), tubi, pajpijiet; mhux immuntati; kemm jekk ippreparati għall-użu fi strutturi (eż. maqtugħin għall-qies, imtaqqbin, mgħawwġa, iċċanfrinati, bil-kamin); magħmula minn aluminju, legat jew le, li fih mhux iktar minn 99,3 % ta’ aluminju, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet ex 7604 10 10, ex 7604 10 90, 7604 21 00, 7604 29 10, 7604 29 90, ex 7608 10 00, 7608 20 81, 7608 20 89 u ex 7610 90 90 (il-kodiċijiet TARIC 7604101011, 7604109011, 7604109025, 7604109080, 7608100011, 7608100080, 7610909010) u joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

(i)

prodotti mehmużin (pereżempju b’iwweldjar jew bi qfieli) biex jiffurmaw subassemblaġġi;

(ii)

tubi u pajpijiet iwweldjati;

(iii)

prodotti f’kit imballat bil-partijiet meħtieġa biex jiġi assemblat prodott finali mingħajr irfinar jew fabrikazzjoni ulterjuri tal-partijiet (“kit tal-oġġetti lesti”).

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta’ sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)   ĠU C 51, 14.2.2020, p. 26.

(3)  Wara l-bidu, għall-kodiċijiet TARIC l-oħra msemmija fil-premessa 4 (7604101011, 7604109011, 7604109025, 7604109080, 7608100011, 7608100080), saru biss volumi negliġibbli ta’ importazzjonijiet għall-prodott ikkonċernat.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).