26.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 221/105


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1431

tal-24 ta’ Awwissu 2022

dwar is-sorveljanza ta’ sustanzi perfluworalkilati fl-ikel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sustanzi perfluworalkilati (PFAS) kienu u xi wħud għadhom jintużaw f’medda wiesgħa ta’ applikazzjonijiet industrijali u għall-konsumatur, li jinkludu l-kisi reżistenti għat-tbajja’ fuq id-drappijiet u fuq it-twapet, il-kisi reżistenti għaż-żejt fuq il-prodotti tal-karti u tal-kartun għall-kuntatt mal-ikel, l-ixkumi għat-tifi tan-nar, l-aġenti tensjoattivi fil-minjieri u fil-bjar taż-żejt, il-lostri tal-art u l-formulazzjonijiet tal-insettiċidi. L-użu mifrux tagħhom, flimkien mal-persistenza tagħhom fl-ambjent irriżultaw f’kontaminazzjoni ambjentali mifruxa. Il-kontaminazzjoni tal-ikel b’dawn is-sustanzi hija prinċipalment ir-riżultat ta’ bijoakkumulazzjoni fil-ktajjen tal-ikel akkwatiċi u terrestri, u tal-użu ta’ materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel li fihom il-PFASs. L-aċidu perfluworottansulfoniku (PFOS) u l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA) u l-imlieħ tagħhom huma l-PFASs li jinsabu fl-ikel u fil-bnedmin fl-ogħla konċentrazzjonijiet.

(2)

Għalhekk l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità) talbet lill-Bord Xjentifiku dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tagħha biex iħejji opinjoni dwar l-importanza tal-ikel u l-kontribut relattiv tal-oġġetti tal-ikel differenti u tal-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel fl-esponiment tal-bniedem għall-PFOS, il-PFOA u l-imlieħ tagħhom, u biex jagħti l-parir tiegħu dwar passi oħra marbutin mal-valutazzjoni tar-riskju tal-PFASs.

(3)

Il-Bord Xjentifiku dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel adotta opinjoni xjentifika dwar il-PFOS, il-PFOA u l-imlieħ tagħhom fit-21 ta’ Frar 2008 (1), li tiddikjara li aktar data dwar il-livelli tal-PFASs fl-ikel u fil-bnedmin tkun rakkomandata, b’mod partikolari fir-rigward ta’ xejriet ta’ monitoraġġ fl-esponiment tal-bniedem.

(4)

Inġabret data addizzjonali tal-okkorrenza dwar diversi PFASs fl-ikel skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/161/UE (2).

(5)

Fl-2020, fuq talba tal-Kummissjoni, l-Awtorità aġġornat il-valutazzjoni tar-riskju tagħha tal-PFOS u tal-PFOA u estendietha għall-aċidu pefluworononanojku (PFNA) u għall-aċidu perfluworoeżansulfoniku (PFHxS), filwaqt li qieset l-aktar informazzjoni xjentifika reċenti u d-data dwar l-okkorrenza miġbura skont ir-Rakkomandazzjoni 2010/161/UE. Fl-opinjoni tagħha dwar ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem relatat mas-sustanzi perfluworoalkilati (3), ikkonkludiet li partijiet mill-popolazzjoni Ewropea jaqbżu d-doża tollerabbli fil-ġimgħa. Madankollu, l-Awtorità nnutat li għad hemm nuqqas ta’ sett rappreżentattiv ta’ data dwar l-okkorrenzi għal ħafna ikel u, għalhekk, irrakkomandat li tinġabar tali data għal firxa wiesgħa PFASs f’firxa wiesgħa ta’ ikel ikkunsmat b’mod wiesa’. Barra minn hekk, peress li l-konċentrazzjonijiet imkejla tal-PFASs f’ċertu ikel inkisbu biss b’metodi analitiċi sensittivi ħafna, li bħalissa ma jistgħux jinkisbu għall-maġġoranza tal-laboratorji, hija rrakkomandat li jiġu implimentati metodi analitiċi sensittivi għall-analiżijiet tal-PFASs.

(6)

Fid-dawl tal-opinjoni tal-Awtorità, id-data dwar l-okkorrenza għal firxa wiesgħa ta’ PFASs jenħtieġ li tinġabar f’ikel li huwa rilevanti għall-esponiment tal-bniedem għall-PFASs sabiex tiġi appoġġata valutazzjoni tal-esponiment djetetiku u tiġi vvalutata l-ħtieġa li dawn is-sustanzi jiġu rregolati f’komoditajiet speċifiċi. Għal dan il-għan, ikel speċifiku minn tipi speċifiċi ta’ produzzjoni jew b’karatteristiċi speċifiċi, li għalih hemm nuqqas ta’ data, jenħtieġ li jiġi mmonitorjat u jenħtieġ li tiġi pprovduta stima tal-fatturi tal-ipproċessar għal diversi prodotti pproċessati.

(7)

Investigazzjonijiet ta’ segwitu lejn is-sorsi ta’ kontaminazzjoni huma meħtieġa biex jippermettu l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ segwitu biex tiġi evitata l-okkorrenza tal-PFASs fl-ikel. Sabiex tingħata gwida f’dan ir-rigward, huwa xieraq li jiġu stabbiliti livelli indikattivi tal-konċentrazzjonijiet tal-PFASs fl-ikel. Dawk il-livelli jenħtieġ li ma jaffettwawx il-possibbiltà li jitqiegħed fis-suq kwalunkwe ikel, iżda l-investigazzjonijiet jenħtieġ li jitwettqu meta l-konċentrazzjoni tal-PFASs f’oġġett tal-ikel taqbeż dawk il-livelli. Sabiex jiġu kkwantifikati l-konċentrazzjonijiet tal-PFASs fil-kwantitajiet li jseħħu fihom, jenħtieġ li jintużaw metodi sensittivi biżżejjed. Dan jenħtieġ li jitħeġġeġ billi jiġu rrakkomandati limiti fil-mira ta’ kwantifikazzjoni.

(8)

L-ikel li joriġina mill-annimali huwa kontributur importanti għall-esponiment tal-bniedem għall-PFASs. L-Awtorità kkonkludiet li l-PFASs jiġu ttrasferiti mill-għalf għal ikel derivat mill-annimali, b’differenzi ċari bejn l-ispeċijiet u t-tip tal-PFASs. Dan it-trasferiment tal-PFASs jista’ jseħħ ukoll mill-ħamrija li tiġi inġestita mill-annimali tal-farms li jieklu l-ħaxix u mill-ilma tax-xorb għall-annimali. Għalhekk, għall-investigazzjonijiet ta’ segwitu li għandhom l-għan li jiddeterminaw il-kawżi tal-kontaminazzjoni, fejn jinqabżu l-livelli massimi tal-PFASs fl-ikel li joriġina mill-annimali stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (4), huwa importanti li l-laboratorji jkunu jistgħu jikkontrollaw ukoll l-għalf, l-ilma tax-xorb tal-annimali u l-ħamrija li fuqha jgħixu l-annimali. Madankollu, bħalissa ftit hemm data disponibbli dwar l-okkorrenza tal-PFASs fl-għalf tal-Unjoni u li tippermetti l-istudju tal-għalf bħala sors tal-PFASs fl-ikel li joriġina mill-annimali. Peress li għadd limitat biss ta’ laboratorji huma kapaċi janalizzaw il-PFASs fl-għalf, qed isir aktar xogħol mil-Laboratorju ta’ Referenza Ewropew għal pollutanti organiċi persistenti aloġenati fl-għalf u fl-ikel, biex jgħinu lil-laboratorji jiżviluppaw tali kapaċità. Filwaqt li dik il-ħidma jenħtieġ li tippermetti l-adozzjoni fil-futur ta’ aktar rakkomandazzjonijiet dwar il-PFASs fl-għalf, ladarba jkun hemm kapaċità analitika suffiċjenti fost il-laboratorji, sadanittant, dawk l-Istati Membri, li l-laboratorji tagħhom diġà jistgħu janalizzaw il-PFASs fl-għalf, jenħtieġ li jiġu rakkomandati li jagħmlu dan diġà u, f’dawk l-Istati Membri li għad m’għandhomx il-kapaċità analitika meħtieġa, il-laboratorji jenħtieġ li diġà jivvalidaw metodi analitiċi għall-PFASs fl-għalf.

(9)

Sabiex jiġi żgurat li l-kampjuni jkunu rappreżentattivi tal-lott ikkampjunat, jenħtieġ li jiġu segwiti l-proċeduri tat-teħid tal-kampjuni kif stipulati fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1428 (5) li jistabbilixxi metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll ta’ sustanzi ta’ perfluworalkil f’ċerti oġġetti tal-ikel.

B’DAN TIRRAKKOMANDA:

1.

L-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mal-operaturi tan-negozji tal-ikel, jenħtieġ li jimmonitorjaw matul is-snin 2022, 2023, 2024 u 2025 il-preżenza tal-PFASs fl-ikel.

L-Istati Membri jenħtieġ li jittestjaw għall-preżenza fl-ikel tal-PFASs li ġejjin:

(a)

Aċidu perfluworoottansulfoniku (PFOS)

(b)

Aċidu perfluworoottanojku (PFOA);

(c)

Aċidu perfluworononanojku (PFNA);

(d)

Aċidu perfluworoeżan sulfoniku (PFHxS).

Jenħtieġ li l-Istati Membri, jekk ikun possibbli, jittestjaw ukoll għall-preżenza ta’ komposti li huma simili għall-PFOS, il-PFOA, il-PFNA u l-PFHxS, iżda li għandhom katina alkilika differenti u b’okkorrenza rilevanti fl-ikel, fl-ilma tax-xorb u/jew fis-seru tal-bniedem bħal:

(a)

Aċidu perfluworobutanojku (PFBA);

(b)

Aċidu perfluworopentanojku (PFPeA);

(c)

Aċidu perfluworoeżanojku (PFHxA);

(d)

Aċidu perfluworoeptanojku (PFHpA);

(e)

Aċidu perfluworodekanojku (PFDA);

(f)

Aċidu perfluworoundekanojku (PFUnDA);

(g)

Aċidu perfluworododekanojku (PFDoDA);

(h)

Aċidu perfluworotridekanojku(PFTrDA);

(i)

Aċidu perfluworotetradekanojku (PFTeDA);

(j)

Aċidu perfluworobutan sulfoniku (PFBS);

(k)

Aċidu perfluworopentan sulfoniku (PFPS);

(l)

Aċidu perfluworoeptan sulfoniku (PFHpS)

(m)

Aċidu perfluworononan sulfoniku (PFNS)

(n)

Aċidu perfluworodekan sulfoniku (PFDS)

(o)

Aċidu perfluworoundekan sulfoniku (PFUnDS);

(p)

Aċidu perfluworododekan sulfoniku (PFDoDS);

(q)

Aċidu perfluworotridekan sulfoniku (PFTrDS);

(r)

Perfluworoottan sulfonammid (FOSA).

L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll l-ittestjar għall-preżenza fl-ikel ta’ PFASs emerġenti, bħal:

(a)

l-aċidu 2-[(6-klor-1,1,2,2,3,3,4,4,5,5,6,6-dodekafluworeżil)ossi]-1,1,2,2-tetrafluworetansulfoniku (il-forma aċida tal-F53B);

(b)

l-aċidu 2,3,3,3-tetrafluwor-2-(eptafluworpropossi)-propanojku (il-forma aċida ta’ GenX);

(c)

l-aċidu (2,2,3-Trifluwor-3-[1,1,2,2,3,3-eżafluwor-3-(trifluwormetosssi)propossi]-propjoniku (il-forma aċida ta’ ADONA);

(d)

1-Propanamminju, N,N-dimetil-N-ossidu-3-[[(3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoottil)sulfonil]ammino]-, idrossidu (Capstone A);

(e)

1-Propanamminju, N-(karbossimetil)-N,N-dimetil-3-[[(3,3,4,4,5,5,6,6,7,7,8,8,8-tridekafluworoottil)sulfonil]ammino]-, idrossidu (Capstone B);

(f)

Alkoħols u sulfonati tal-fluworotelomeri.

2.

Il-monitoraġġ jenħtieġ li jinkludi varjetà wiesgħa ta’ oġġetti tal-ikel li jirriflettu d-drawwiet tal-konsum, inklużi l-frott, il-ħxejjex, l-għeruq u t-tuberi tal-lamtu, l-alka tal-baħar, iċ-ċereali, il-ġewż, iż-żrieragħ żejtnija, l-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar, l-ikel li joriġina mill-annimali, ix-xorb mhux alkoħoliku, l-inbid u l-birra.

Id-data jenħtieġ li tinġabar għall-firxa li ġejja ta’ tipi ta’ produzzjoni jew karatteristiċi tal-prodott:

(a)

għal prodotti minn tipi differenti ta’ produzzjoni, inkluża l-produzzjoni organika;

(b)

għal prodotti tal-annimali, għal prodotti minn annimali b’aċċess fuq barra għall-ħamrija jew l-ilma u għal prodotti minn annimali mingħajr aċċess fuq barra għall-ħamrija jew l-ilma;

(c)

għall-prodotti tal-annimali, għal prodotti minn firxa wiesgħa ta’ speċijiet imrobbija u selvaġġi, li huma rappreżentattivi tad-drawwiet tal-konsum nazzjonali;

(d)

għall-patata, għall-patata mqaxxra jew, għall-varjetajiet tal-patata, li tiġi kkunsmata bil-qoxra, għall-patata mhux imqaxxra, sakemm dan ikun indikat b’mod ċar fis-sottomissjoni tad-data;

(e)

għall-fungi, għall-fungi selvaġġi u mrobbija.

Il-parti tal-oġġetti tal-ikel li tittiekel biss jenħtieġ li tiġi analizzata. Il-frott, il-ħxejjex, l-għeruq u t-tuberi tal-lamtu jenħtieġ li jinħaslu qabel ma jittieħdu l-kampjuni, filwaqt li jiġi żgurat li ma jiġux introdotti kontaminazzjonijiet addizzjonali tal-PFASs permezz tal-ilma tal-ħasil. L-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar jenħtieġ li jiġi analizzat niexef jew likwidu, kif kummerċjalizzat.

Jenħtieġ li tinġabar data għall-ikel prodott f’reġjuni mhux imniġġsa, iżda tista’ tiġi rrappurtata wkoll data minn ikel minn reġjuni mniġġsa, sakemm dan ikun indikat b’mod ċar, meta d-data tiġi rrappurtata lill-Awtorità.

3.

L-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mal-operaturi tan-negozju tal-ikel, jenħtieġ li jiġbru informazzjoni dwar konċentrazzjonijiet tal-PFASs fi prodotti nejjin u pproċessati mill-istess lott ta’ prodotti nejjin u jiddeterminaw il-fatturi tal-ipproċessar għal diversi prodotti pproċessati, b’mod partikolari, ġobon, trab tax-xorrox, isfar tal-bajd, prodotti fini tal-forn b’kontenut għoli ta’ bajd u prodotti tal-laħam li fihom il-fwied.

4.

L-Istati Membri, li għandhom il-kapaċità analitika li janalizzaw il-PFASs fl-għalf, jenħtieġ li ukoll jimmonitorjaw il-PFASs fl-għalf. L-Istati Membri li għad m’għandhomx il-kapaċità analitika meħtieġa jenħtieġ li jivvalidaw metodi analitiċi għall-PFASs fl-għalf.

5.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu l-proċeduri tat-teħid tal-kampjuni kif stabbiliti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1428 li jistabbilixxi metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u analiżi għall-kontroll ta’ sustanzi ta’ perfluworalkil f’ċerti oġġetti tal-ikel.

6.

L-analiżijiet jenħtieġ li jitwettqu f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) billi jintuża metodu ta’ analiżi li ġie ppruvat li jagħti riżultati affidabbli. Il-limiti tal-kwantifikazzjoni tal-metodi analitiċi jenħtieġ li jkunu taħt jew fil-livell ta’:

(a)

0,002 μg/kg għall-PFOS, 0,001 μg/kg għall-PFOA, 0,001 μg/kg għall-PFNA u 0,004 μg/kg għall-PFHxS fil-frott, fil-ħxejjex, fl-għeruq u fit-tuberi tal-lamtu u fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar

(b)

0,010 μg/kg għall-PFOS, 0,010 μg/kg għall-PFOA, 0,020 μg/kg għall-PFNA u 0,040 μg/kg għall-PFHxS fil-ħalib

(c)

0,10 μg/kg għall-PFOS, il-PFOA, il-PFNA u l-PFHxS fil-laħam tal-ħut u fil-laħam tal-annimali terrestri

(d)

0,30 μg/kg għall-PFOS, il-PFOA, il-PFNA u l-PFHxS fil-bajd, fil-krustaċji u fil-molluski.

(e)

0,50 μg/kg għall-PFOS, il-PFOA, il-PFNA u l-PFHxS fil-ġewwieni li jittiekel tal-annimali terrestri u fiż-żejt tal-ħut.

L-Istati Membri li jużaw metodi li ma jistgħux jilħqu dawn il-limiti ta’ kwantifikazzjoni jistgħu jissottomettu riżultati miksuba b’metodi b’limiti ogħla ta’ kwantifikazzjoni. Madankollu, dawk l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jiksbu l-limiti ta’ kwantifikazzjoni fil-mira malajr kemm jista’ jkun.

7.

Investigazzjoni ulterjuri tal-kawżi tal-kontaminazzjoni jenħtieġ li titwettaq meta jinqabżu l-livelli indikattivi li ġejjin:

(a)

0,010 μg/kg għall-PFOS, 0,010 μg/kg għall-PFOA, 0,005 μg/kg għall-PFNA u 0,015 μg/kg għall-PFHxS fil-frott, fil-ħxejjex (minbarra l-faqqiegħ selvaġġ), fl-għeruq u fit-tuberi tal-lamtu;

(b)

1,5 μg/kg għall-PFOS, 0,010 μg/kg għall-PFOA, 0,005 μg/kg għall-PFNA u 0,015 μg/kg għall-PFHxS fil-faqqiegħ selvaġġ;

(c)

0,020 μg/kg għall-PFOS, 0,010 μg/kg għall-PFOA, 0,050 μg/kg għall-PFNA u 0,060 μg/kg għall-PFHxS fil-ħalib;

(d)

0,050 μg/kg għall-PFOS, 0,50 μg/kg għall-PFOA, 0,050 μg/kg għall-PFNA u 0,050 μg/kg għall-PFHxS fl-ikel tat-trabi (7).

8.

L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu d-data ta’ monitoraġġ lill-Awtorità fuq bażi regolari, flimkien mal-informazzjoni u fil-format ta’ rapportar elettroniku kif stabbilit mill-Awtorità, għall-kompilazzjoni f’bażi tad-data waħda. L-Istati Membri jenħtieġ li:

(a)

jirrapportaw data minn reġjuni b’livell għoli ta’ tniġġis ambjentali magħruf bħala kampjuni suspettużi, b’mod partikolari għall-ħut, il-kaċċa, pollam bi trobbija fil-beraħ u pollam ta’ barra, il-frott u l-ħxejjex ta’ barra;

(b)

jispeċifikaw it-tip ta’ produzzjoni, b’mod partikolari għall-prodotti tal-annimali (selvaġġi, miġbura jew ikkaċċjati versus produzzjoni mhux organika mrobbija jew produzzjoni organika mrobbija; trobbija fil-beraħ jew produzzjoni fuq barra versus metodi ta’ produzzjoni fuq ġewwa) u fungi (selvaġġi jew miġbura versus imrobbija);

(c)

għal-laħam u l-ġewwieni tal-kaċċa, jirrapportaw l-età tal-annimali, fejn ikun possibbli; u

(d)

għall-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar, jirrapportaw l-ingredjenti ewlenin (il-ħalib tal-baqar, il-fażola tas-sojja, il-ħut, il-laħam tal-annimali terrestri, iċ-ċereali, il-ħxejjex jew il-frott).

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Opinion of the Scientific Panel on Contaminants in the Food chain on Perfluorooctane sulfonate (PFOS), perfluorooctanoic acid (PFOA) and their salts, The EFSA Journal (2008) 653, pp. 1-131.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/161/UE tas-17 ta’ Marzu 2010 dwar is-sorveljanza ta’ sustanzi perfluworalkilati fl-ikel (ĠU L 68, 18.3.2010, p. 22).

(3)  Il-Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM); Scientific opinion on the risk to human health related to the presence of perfluoroalkyl substances in food., EFSA Journal 2020;18(9):6223.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1428 tal-24 ta’ Awwissu 2022 jistabbilixxi metodi għall-kampjunar u għall-analiżi għall-kontroll tas-sustanzi perfluworoalkiliċi f’ċerti oġġetti tal-ikel (ara paġna 66 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(7)  Ikel tat-trabi kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).