02014D0219 — MT — 11.01.2017 — 004.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/219/PESK

tal-15 ta' April 2014

dwar il-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali)

(ĠU L 113 16.4.2014, p. 21)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/76 tad-19 ta' Jannar 2015

  L 13

5

20.1.2015

►M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/50 tat-18 ta' Jannar 2016

  L 12

48

19.1.2016

 M3

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/890 tas-6 ta' Ġunju 2016

  L 149

6

7.6.2016

►M4

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/50 tal-11 ta' Jannar 2017

  L 7

18

12.1.2017




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/219/PESK

tal-15 ta' April 2014

dwar il-Missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali)



Artikolu 1

Missjoni

L-Unjoni għandha twettaq missjoni ċivili f'Mali ( EUCAP Sahel Mali) b'appoġġ għall-forzi tas-sigurtà interna (FSI) (pulizija, ġendarmerija, gwardja nazzjonali) ta' Mali.

▼M4

Artikolu 2

Objettiv u Kompiti

1.  L-objettiv tal-EUCAP Sahel Mali għandu jkun li l-awtoritajiet Maljani jkunu jistgħu jerġgħu jistabbilixxu u jżommu l-ordni kostituzzjonali u demokratiku u l-kondizzjonijiet għal paċi dejjiema fil-Mali, u li jerġgħu jistabbilixxu u jżommu l-awtorità u l-leġittimità tal-Istat fuq it-territorju kollu tal-Mali permezz tal-instawrazzjoni mill-ġdid effikaċi tal-amministrazzjoni tiegħu.

2.  Sabiex tiġi appoġġata d-dinamika Maljana fl-istabbiliment mill-ġdid tal-awtorità tal-Istat, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Patt għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Mali ffirmat fil-15 ta' Mejju u fl-20 ta' Ġunju 2015 u f'koordinament mill-qrib ma' atturi internazzjonali oħra, b'mod partikolari l-MINUSMA, il-EUCAP Sahel Mali għandha tassisti u tforni konsulenza lill-forzi tas-sigurtà interni fl-implimentazzjoni tar-riforma ta' sigurtà stabbilita mill-Gvern il-ġdid, bil-ħsieb li:

(a) titjieb l-effikaċja operazzjonali tagħhom;

(b) jiġu stabbiliti mill-ġdid il-linji ġerarkiċi rispettivi tagħhom;

(c) jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi fir-rigward tat-tmexxija u s-superviżjoni tal-missjonijiet tagħhom; u

(d) tiġi faċilitata l-instawrazzjoni mill-ġdid tagħhom fit-tramuntana tal-pajjiż.

3.  Il-EUCAP Sahel Mali għandha tikkontribwixxi, fl-ambitu tal-attivitajiet tagħha, għat-titjib tal-interoperabbiltà u l-koordinament bejn il-forzi tas-sigurtà interna tal-pajjiżi tas-Sahel G5 u l-FSI.

4.  Biex tilħaq l-objettiv tagħha, il-EUCAP Sahel Mali għandha topera skont il-linji strateġiċi ta' operazzjoni definiti fil-Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżi approvati mill-Kunsill fis-17 ta' Marzu 2014 u ppreżentati fid-dokumenti ta' ppjanar operazzjonali approvati mill-Kunsill.

▼B

Artikolu 3

Linja ta' kmand u struttura

1.  L-EUCAP Sahel Mali għandu jkollha linja ta' kmand unifikata għall-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet.

2.  L-EUCAP Sahel Mali għandu jkollha l-kwartier ġenerali tagħha f'Bamako.

Artikolu 4

Pjanifikazzjoni u tnedija ta' EUCAP Sahel Mali

1.  Il-missjoni għandha tiġi mnedija permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill fid-data rrakkomandata mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-EUCAP Sahel Mali ladarba hija tkun laħqet il-kapaċità operazzjonali inizjali tagħha.

2.  Il-kompiti tal-element ewlieni tal-EUCAP Sahel Mali huma li jħejji l-installazzjoni tal-missjoni EUCAP Sahel Mali f'termini ta' loġistika u ta' infrastruttura, li jistabbilixxi l-kuntatti mal-interlokuturi ta' Mali, b'mod partikolari l-gvern u l-awtoritajiet ċentrali biex flimkien magħhom, isiru evalwazzjonijiet prospettivi tal-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-missjoni EUCAP Sahel Mali, li jibda jiddefinixxi l-qafas tal-kooperazzjoni u tal-koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali — b'mod partikolari l-MINUSMA — u li jagħti l-elementi meħtieġa għat-tħejjija tal-kunċett tal-operazzjonijiet (CONOPS), tal-pjan operattiv (OPLAN) u t-tieni dikjarazzjoni tal-impatt fuq il-baġit.

Artikolu 5

Kmandant tal-operazzjoni ċivili

1.  Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CCPC) tal-missjoni EUCAP Sahel Mali għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-EUCAP. Is-CCPC hija għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija tal-missjoni EUCAP Sahel Mali.

2.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u taħt l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-missjoni EUCAP Sahel Mali.

3.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura, fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet, kif meħtieġ, lill-Kap tal-Missjoni u bl-għoti ta' pariri u appoġġ tekniku lilu.

4.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

5.  Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istat ta' oriġini f'konformità mar-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Dawn l-awtoritajiet jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

6.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-Unjoni jitwettaq korrettament.

Artikolu 6

Kap tal-Missjoni

1.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi r-responsabbiltà għal u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EUCAP Sahel Mali fuq il-post tal-operazzjonijiet. Il-Kap tal-Missjoni jaqa' direttament taħt il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u jaġixxi f'konformità mal-istruzzjonijiet mogħtija minnu.

2.  Il-Kap tal-Missjoni huwa r-rappreżentant tal-EUCAP Sahel Mali fiż-żona tal-azzjonijiet tiegħu. Il-Kap tal-Missjoni jista' jiddelega kompiti ta' ġestjoni marbuta ma' kwistjonijiet ta' persunal u kwistjonijiet finanzjarji lil membri tal-persunal tal-Missjoni, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita r-responsabbiltà amministrattiva u loġistika tal-missjoni EUCAP Sahel Mali, inkluż fir-rigward tal-mezzi, ir-riżorsi u t-tagħrif għad-dispożizzjoni tal-missjoni.

4.  Il-Kap tal-Missjoni huwa responsabbli għall-kwistjonijiet dixxiplinarji relatati mal-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjonijiet dixxiplinari għandhom jiġu eżerċitati mill-awtorità nazzjonali f'konformità mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-missjoni EUCAP Sahel Mali.

Artikolu 7

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.  Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni EUCAP Sahel Mali. Il-Kunsill jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet adatti f'dan ir-rigward, f'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-TUE. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi b'mod partikolari s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu riveduti l-CONOPS u l-OPLAN. Is-setgħat tad-deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-missjoni EUCAP Sahel Mali għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.

2.  Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

3.  Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kap tal-Missjoni dwar il-kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà rispettivi tagħhom.

Artikolu 8

Persunal

1.  Il-persunal tal-missjoni EUCAP Sahel Mali jikkonsisti, primarjament, minn persunal issekondat mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE. Kull Stat Membru, istituzzjoni tal-Unjoni, u s-SEAE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma' kwalunkwe persunal issekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonament, is-salarji, il-kopertura medika u allowances minbarra l-allowances applikabbli ta' kuljum.

2.  L-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni, jew is-SEAE rispettivament għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni relatata mas-sekondar minn jew dwar il-membru tal-persunal issekondat, u biex iressqu kwalunkwe azzjoni kontra dik il-persuna.

3.  Il-persunal internazzjonali u lokali jistgħu jiġu reklutati wkoll fuq bażi kuntrattwali mill-EUCAP Sahel Mali jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu provduti minn persunal issekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f'każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali, kif adatt.

4.  Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn l-EUCAP Sahel Mali u l-membri tal-persunal ikkonċernati.

Artikolu 9

Status tal-EUCAP Sahel Mali u tal-persunal tagħha

L-istatus tal-missjoni EUCAP Sahel Mali u l-persunal tagħha, inklużi, fejn ikun kunsiljabbli, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni EUCAP Sahel Mali, għandhom ikunu l-oġġett ta' ftehim konkluż taħt l-Artikolu 37 tat-TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.  Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jikkontribwixxu għall-EUCAP Sahel Mali, sakemm dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta' sussistenza ta' kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u min-Niġer, u sakemm huma jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi tal-missjoni EUCAP Sahel Mali, kif meħtieġ.

2.  L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-EUCAP Sahel Mali għandhom ikollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' ġestjoni ta' kuljum tal-missjoni EUCAP Sahel Mali bħall-Istati Membri.

3.  Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.

4.  L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi f'konformità mal-Artikolu 37 tat-TUE. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu jew ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat terz f'operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar ta' kriżi, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-missjoni EUCAP Sahel Mali.

Artikolu 11

Sigurtà

1.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar mill-Kap tal-Missjoni tal-miżuri ta' sigurtà u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom mill-EUCAP Sahel Mali f'konformità mal-Artikolu 5.

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-missjoni EUCAP Sahel Mali u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għall-EUCAP Sahel Mali, f'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal stazzjonat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-TUE.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jiġi megħjun minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-SEAE.

4.  Fir-rigward tas-sigurtà, il-persunal tal-EUCAP Sahel Mali għandu jirċievi taħriġ obbligatorju ta' sigurtà, adattat għar-riskju kif evalwat fil-qasam tar-riorganizzazzjoni. Għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta' aġġornament, fuq il-post tal-operazzjonijiet, li jkun organizzat mill-MSO.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE ( 1 ).

Artikolu 12

Kapaċità tal-Għassa

Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUCAP Sahel Mali.

Artikolu 13

Arranġamenti legali

L-EUCAP Sahel Mali għandha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi mill-assi u tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Arranġamenti finanzjarji

▼M4

1.  L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUCAP Sahel Mali mill-15 ta' April 2014 sal-14 ta' Jannar 2015 għandu jkun ta' EUR 5 500 000 . L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUCAP Sahel Mali mill-15 ta' Jannar 2015 sal-14 ta' Jannar 2016 għandu jkun ta' EUR 11 400 000 . L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUCAP Sahel Mali bejn il-15 ta' Jannar 2016 u l-14 ta' Jannar 2017 għandu jkun ta' EUR 19 775 000 . L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUCAP Sahel Mali bejn il-15 ta' Jannar 2017 u l-14 ta' Jannar 2018 għandu jkun ta' EUR 29 800 000 . L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodi sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

▼M2

2.  In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist mill-EUCAP Sahel Mali għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Barra minn hekk, ma għandha tapplika l-ebda regola ta' oriġini għall-prodotti mixtrija mill-EUCAP Sahel Mali. Soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, il-EUCAP Sahel Mali tista' tikkonkludi arranġamenti tekniċi mal-Istati Membri, l-Istat ospitanti, Stati terzi parteċipanti u atturi internazzjonali oħra fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u siti lill-EUCAP Sahel Mali.

▼B

3.  L-EUCAP Sahel Mali għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit. Għal dan il-għan, l-EUCAP Sahel Mali għandha tiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

4.  L-arranġamenti finanzjarji għandhom iqisu l-linja ta' kmand kif stipulat fl-Artikoli 3, 5 u 6 u l-ħtiġijiet operattivi tal-missjoni EUCAP Sahel Mali, inkluż il-kompatibilità tat-tagħmir u l-interoperabilità tat-timijiet tagħha.

5.  In-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data tal-firma tal-ftehim imsemmi f'paragrafu 3.

Artikolu 15

Ċellula ta' proġetti

1.  L-EUCAP Sahel Mali għandha Ċellula ta' Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. L-EUCAP Sahel Mali għandha, fejn meħtieġ, tikkoordina l-proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f'oqsma marbutin mal-mandat tal-EUCAP Sahel Mali u biex tippromwovi l-objettivi tagħha, tiffaċilita dawn il-proġetti u tagħti pariri dwarhom.

2.  Soġġett għal paragrafu 3, l-EUCAP Sahel Mali hija awtorizzata li tuża l-arranġamenti finanzjarji tal-Istati Membri jew ta' Stati terzi għall-implimentazzjoni ta' proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b'mod koerenti l-azzjonijiet l-oħra tal-missjoni EUCAP Sahel Mali jekk il-proġett ikun:

— previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja ta' din id-deċiżjoni;

— inkluż matul il-mandat permezz ta' modifika ta' din id-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-kap tal-missjoni.

L-EUCAP Sahel Mali għandha tikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, li jkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta' kull ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjonijiet mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

L-Istati Membri kontributuri ma jistgħu f'ebda każ iżommu lill-Unjoni jew lir-Għ responsabbli ta' atti jew ommissjonijiet mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi minn dawk l-Istati.

3.  Il-KPS għandu jaqbel dwar l-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja tal-Istati terzi għaċ-ċellulla ta' proġett.

Artikolu 16

Konsistenza tar-rispons u l-koordiment tal-Unjoni

1.  Ir-RGħ għandha tiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni inġenerali, inklużi l-programmi ta' żvilupp tal-Unjoni.

2.  Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f'koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Unjoni f'Mali sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea f'Mali. Mingħajr ma jinterferixxi fil-linja ta' kmand, il-Kap tad-delegazzjoni f'Bamako b'koordinazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fis-Saħel (RSUE Saħel) għandu jagħti direttivi politiċi fuq livell lokali lill-Kap tal-Missjoni ċivili. Il-Kap tal-Missjoni EUCAP Sahel Mali, il-Kap tad-delegazzjoni f'Bamako u r-RSUE Saħel għandu jkollhom konsultazzjonijiet skont il-ħtieġa.

3.  Għandha tinħoloq kooperazzjoni bejn il-Kap tal-missjoni EUCAP Sahel Mali, il-kmandant tal-missjoni EUTM Mali, il-Kap tal-missjoni EUCAP Sahel Niger u l-Kap tal-missjoni EUBAM Libya.

4.  Barra minn hekk, l-EUCAP Sahel Mali għandha tikkoordina u tarmonizza l-azzjonijiet tagħha fil-qasam tar-riforma tas-sigurtà tagħha ma' MINUSMA u sħab internazzjonali oħrajn.

Artikolu 17

Rilaxx ta' informazzjoni

1.  Ir-RGħ huwa awtorizzat jikkomunika jekk meħtieġ u skont il-ħtiġijiet tal- EUCAP Sahel Mali,lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewopea sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” maħruġa għall-finijiet ta' EUCAP Sahel Mali, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

▼M4

1a.  Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE ġġenerati għall-finijiet tal-EUCAP Sahel Mali sal-livell ta' klassifikazzjoni stabbilit mill-Kunsill skont id-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti bejn ir-RGħ u l-Frontex għal dan il-għan.

▼B

2.  Fil-każ ta' ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ huwa awtorizzat ukoll jikkomunika lill-Istat ospitanti kull informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” maħruġa għall-finijiet tal-EUCAP Sahel Mali, f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE msemmija hawn fuq. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan il-għan bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.

3.  Ir-RGħ huwa awtorizzat jikkomunika lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokumenti mhux klassifikati tal-Unjoni Ewropea marbuta mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-EUCAP Sahel Mali u li jkunu koperti mill-obbligu ta' segretezza professjonali f'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ( 2 ).

▼M4

4.  Ir-RGħ jista' jiddelega tali awtorizzazzjonijiet u l-kompetenza li jikkonkludu l-arranġamenti msemmijin f'dan l-Artikolu lil uffiċjali tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni skont it-taqsima VII tal-Anness VI għad-Deċiżjoni 2013/488/UE.

▼B

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ u dewmien

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

▼M4

Din għandha tapplika sal-14 ta' Jannar 2019.



( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

( 2 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).