|
9.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 127/12 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 425/2013
tas-7 ta’ Mejju 2013
li japprova emendi minuri fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni elenkata fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Pesca di Leonforte (IĠP)]
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 53(1), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Italja għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Pesca di Leonforte”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2010 (2). |
|
(2) |
L-għan tat-talba huwa li tinbidel l-ispeċifikazzjoni billi jitneħħa l-limitu massimu għall-kontenut tas-solidi solubbli mid-deskrizzjoni tal-prodott, u jinbidel il-metodu ta' produzzjoni billi tinbidel il-lista ta' riżomi awtorizzati u d-distanza tat-tħawwil għall-metodu ta' tkabbir tal-koni. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġġustifikata. Billi din hija emenda żgħira skont it-tielet sottoparagrafu tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura mogħtija fl-Artikoli 50 sa 52 ta' dan ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta "Pesca di Leonforte" hija b'dan emendata skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Id-Dokument Uniku li jinkludi l-elementi ewlenin tal-Ispeċifikazzjoni jinsab fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Mejju 2013.
Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,
Dacian CIOLOȘ
Membru tal-Kummissjoni
ANNESS I
B'dan huma approvati l-emendi li ġejjin fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'denominazzjoni protetta tal-oriġini “Pesca di Leonforte”:
Deskrizzjoni tal-prodott: Ġie indikat b’mod esklussiv il-kontenut minimu ta’ solidi li jinħallu biex ma jiġix eskluż ħawħ li għandu kontenut ta’ aktar minn 13-il grad Brix. Dan it-titjib se jippermetti li d-denominazzjoni “Pesca di Leonforte” tintuża għall-frott li għandu kontenut ogħla ta’ zokkor minn dak li ġie stabbilit qabel.
Metodu ta' produzzjoni: Emenda waħda hija dwar ir-riżomi awtorizzati: huma awtorizzati r-riżomi slavaġ u klonati tal-ħawħ u ibridi tal-prunus, li wrew li huma kompatibbli mal-ekotipi u li huma adattati għall-kundizzjonijiet lokali tat-temp. Dawn ir-riżomi jridu bilfors jiġu ttestjati fiż-żona ddefinita fl-ispeċifikazzjoni. Fl-istess Artikolu ġiet emendata wkoll id-distanza tat-tħawwil għall-metodi ta’ tkabbir tal-koni tat-tip sempliċi jew forma ta’ lembut, minħabba li din hija iktar konvenjenti għall-bdiewa u diġà qed titwettaq f'xi msaġar tal-ħawħ taż-żona ġeografika ta’ produzzjoni. Fl-aħħar nett, bħala riżultat tal-emenda msemmija iktar 'il fuq, il-produzzjoni massima għal kull ettaru żdiedet għal 25 tunnellata mingħajr ma nbidlet id-densità tat-tħawwil:
ANNESS II
DOKUMENT IKKONSOLIDAT UNIKU
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1)
“ PESCA DI LEONFORTE ”
Nru tal-KE: IT-PGI-0105-01006-20.06.2012
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Denominazzjoni
Isem: “Pesca di Leonforte”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
|
Klassi 1.6. |
Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem fil-punt 1
Il-"Pesca di Leonforte", prodott bl-indikazzjoni ġeografika protetta huwa l-prodott tal-kultivazzjoni ta' żewġ ekotipi lokali ta' ħawħ, Bianco di Leonforte u Giallone di Leonforte, li mhumiex miktuba fil-katalgu nazzjonali tal-varjetajiet.
Mat-tqegħid fis-suq għall-konsum il-"Pesca di Leonforte" IĠP għandu jkollu l-karatteristiċi li ġejjin: dehra friska u intatta; il-frotta trid tkun soda u mingħajr tbajja' suwed minħabba tħassir b'mod li ma tibqax tajba għall-konsum. Barra minn hekk trid tkun nadifa, jiġifieri nieqsa minn kull sustanza viżibbli barranija u minn parassiti fl-istadji kollha tal-iżvilupp; ma jridx ikollha ebda riħa u/jew togħma mhux normali.
Il-valur tal-konsistenza tal-laħma, imkejjel b’penetrometru bil-ponta ta' 8 mm, għandu jkun mill-inqas 4,5 Kg/cm2 għall-ekotip Giallone di Leonforte u mill-inqas 3,5 Kg/cm2 għall-ekotip Bianco di Leonforte; il-kontenut tas-solidi li jinħallu ma għandux ikun inqas minn 11-il grad Brix; u l-piż tal-frott għandu jkun bejn 100 u 350 gramma. Il-frott għandu jkollu forma tonda b'naħat asimetriċi; għall-ekotip Bianco di Leonforte, il-laħma hija bajda, il-qoxra hija ta’ kulur abjad bi strixxi ħomor, li mhux dejjem ikunu ovvji; għall-ekotip Giallone di Leonforte, il-laħma trid tkun safra, filwaqt li l-qoxra tkun ta’ kulur isfar bi strixxi ħomor li wkoll mhux dejjem ikunu ovvji; il-laħma trid tkun imwaħħla mal-għadma tal-frotta.
Il-ħawħ tal-kategoriji Extra u I biss jistgħu jiksbu r-rikonoxximent tal-IĠP "Pesca di Leonforte".
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)
—
3.5. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jittieħdu fiż-żona ġeografika identifikata
Huwa obbligatorju li jintużaw boroż tal-karta pergamena għad-difiża mekkanika kontra l-patoġeni; dawn iridu jitqiegħdu fuq il-frott malli jilħaq id-daqs ta’ ġewża, iżda mhux aktar tard mix-xahar ta’ Lulju. Il-ħsad isir mill-ewwel għaxart ijiem ta' Settembru sal-ewwel għaxart ijiem ta' Novembru. Il-frott għandu jinġabar bl-idejn u ma għandux isir ġbir fis-sigħat l-aktar sħan tal-ġurnata biex ikun evitat li l-frott miġbur ikun espost b’mod dirett għax-xemx. Għandha tingħata attenzjoni partikolari waqt li l-frotta tinqata’ minn mal-fergħa biex ma ssirx ħsara liz-zokk. Barra minn hekk, għandu jitneħħa l-fildiferru, li jintuża biex jintrabtu l-boroż tal-pergamena, biex ma ssirx ħsara lill-frott.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.
L-ippakkjar tal-IĠP “Pesca di Leonforte” għandu jseħħ fiż-żona ta' produzzjoni sabiex ikun evitat li t-trasport u l-immaniġġjar eċċessivi jikkawżaw tbajja' u brix fuq il-frott li jsarrfu f'attakki ta' moffa u patoġeni varji li jikkompromettu l-karatteristiki kwalitattivi tal-prodott.
Il-frott bl-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Pesca di Leonforte” għandu jkun kummerċjalizzat f'kontenituri jew kaxex tal-kartun jew tal-injam, jew fi qfief ta' għamliet differenti li jesgħu minn 0,5 sa 6 kg. Kull pakkett jew lott għandu jkollu frott tal-istess varjetà, kategorija, daqs u grad ta' maturazzjoni. Il-frott għandu jkun tal-istess kulur skont l-ekotip. Dan għandu jiġi ppakkjat f'saff wieħed, u kull ħawħa għandha tkun separata mill-oħra permezz ta' materjal protettiv. Il-materjal protettiv u/jew dekorattiv għandu jkun ġdid, mingħajr riħa u mhux tossiku; barra minn hekk, għandu jiġi evitat li l-prodott jiġi f’kuntatt ma’ kull linka tat-timbri u/jew kolla li tintuża biex jitwaħħlu t-tikketti. Barra minn hekk, il-kaxex tal-ippakkjar iridu jkunu wkoll ħielsa minn kull materjal barrani.
Kull pakkett għandu jkun issiġillat, b'mod li meta jinfetaħ jikkawża l-qtugħ tas-siġill ħalli ma jkunx possibbli li jinbidel il-kontenut f'ebda ħin wara li l-frott ikun ġie ppakkjat.
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Fuq it-tikketta, għandu jkun hemm il-logo tad-denominazzjoni u s-simbolu grafiku tal-Unjoni.
Ma tista' tiżdied l-ebda deskrizzjoni li ma tkunx espressament prevista. Madankollu, tista' ssir referenza għal marki kummerċjali sakemm dawn ma jkunux tip ta' reklamar jew li jingannaw lill-konsumatur.
Il-logo tad-denominazzjoni huwa magħmul minn forma ovali, li fiha hemm xbieha tal-Granfonte, monument simbolu tal-muniċipju ta’ Leonforte, u sovrappost fuqu, ħawħa ppakkjata ġo borża. Max-xifer ta' fuq, iċċentrat fuq wiċċ it-tikketta ovali, jidher il-kliem "Pesca di Leonforte"; iċċentrati fuq ix-xifer ta' isfel tat-tikketta jidhru l-ittri "I.G.P.". Il-logo huwa mdawwar minn linja ħoxna ħadra, l-isfond huwa isfar ċar, il-Granfonte huwa aħdar bħall-kliem "Pesca di Leonforte" u IGP, il-ħawħa hija safra fl-oranġjo b'werqa ħadra; il-borża hija bajda b'dellijiet griżi u linja sewda li ddawwar il-bordura tal-borża; u qafla sewda li tirrappreżenta l-għeluq tal-borża.
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ta' produzzjoni tal-IĠP "Pesca di Leonforte" għandha fiha l-muniċipalitajiet ta' Leonforte, Enna, Calascibetta, Assoro u Agira, fil-provinċja ta' Enna.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Iż-żona ta' kultivazzjoni tal-IĠP “Pesca di Leonforte” tinsab fiċ-ċentru ta’ Sqallija. Il-ħamrija hija ta' tip alluvjali, b'konsistenza medja; fonda ħafna, taflija u mogħnija b'sustanzi organiċi. Il-klima hija Mediterranja, ikkaratterizzata minn sjuf sħan, twal u nixfin u minn xtiewi mhux ħorox u li fihom tagħmel ħafna xita. L-istaġun tax-xita jseħħ l-aktar minn Ottubru sa Marzu. Barra minn hekk, huwa fiż-żona msemmija hawn fuq li l-bdiewa ħolqu u żviluppaw id-drawwa li jippakkjaw il-frott f'boroż waqt li jkunu għadhom mal-fergħa. Din id-drawwa tipproteġihom mill-parassiti u tiggarantixxi li l-maturazzjoni tkompli għaddejja b'mod tajjeb qabel il-qtugħ.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
L-ebusija, il-maturazzjoni fit-tard u d-drawwa tal-għeluq fil-boroż jiddistingwu l-“Pesca di Leonforte” IĠP mill-prodotti l-oħra tal-istess kategorija kummerċjali.
Dawn il-karatteristiki jippermettu li l-prodott "Pesca di Leonforte" jitqiegħed fis-suq meta l-prodotti l-oħra tal-istess kategorija kummerċjali jkunu spiċċaw. Fil-fatt, il-ġbir isir mill-ewwel għaxart ijiem ta’ Settembru sal-ewwel għaxart ijiem ta' Novembru. Il-karatteristika partikolari tal-IĠP “Pesca di Leonforte” hija l-għeluq fil-boroż tal-frott li jkun għadu fis-siġra;. prattika li ilha ssir ħafna deċennji; din id-drawwa hija metodu ta' ħarsien kontra d-dubbiena Mediterranja tal-frott (Ceratiitis capitata). Dan il-metodu, biż-żmien, sar wieħed mill-aktar karatteristiki rappreżentattivi ta' din il-produzzjoni u jippermetti reżistenza akbar għat-twaqqigħ tal-frott peress li dan jiġi mħares minn borża tal-karta pergamena tal-fidda li hija reżistenti għax-xita.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiki tal-prodott (għad-DPO), jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni, jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP)
It-talba ta' rikonoxximent tal-I.Ġ.P. “Pesca di Leonforte” hija ġġustifikata minħabba r-reputazzjoni u l-popolarità tal-prodott li huwa magħruf għall-karatteristiki kwalitattivi tiegħu li huma l-ebusija u l-maturazzjoni tard fl-istaġun li jippermettu li l-prodott ikun disponibbli fis-suq f'perjodi li fihom ma tantx ikun hemm ħawħ. Ix-xogħol tal-bidwi huwa essenzjali; għaliex beda jimmaniġġja l-produzzjonijiet tiegħu stess, għax fehem li f'idejh għandu prodott uniku. Ta’ spiss il-bidwi kellu jitlob l-għajnuna tal-membri tal-familja tiegħu, li jaħdmu lejl u nhar biex jagħlqu l-frott fil-boroż. Id-dħul mill-bejgħ tal-ħawħ huwa tali, li tejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-operaturi fiż-żona.
Minn madwar għoxrin sena ilu 'l hawn, il-koltivazzjoni tal-“Pesca di Leonforte” kellha impatt ekonomiku konsiderevoli, mhux biss fuq iż-żona ta’ produzzjoni, iżda anki fuq il-muniċipji ġirien fl-okkażjoni tal-festa "Sagra" li ssir kull sena fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru, fiċ-ċentru storiku tal-belt mibnija mill-Prinċep Nicolò Placido Branciforti fis-seklu XVII. Dan l-avveniment ta' promozzjoni u ta' valorizzazzjoni tal-prodott inħoloq fl-1982 mill-amministrazzjoni muniċipali ta' dak iż-żmien biex ikun ta' inċentiv għall-iżvilupp ta' dan it-tip ta' frott u biex il-konsumaturi tal-gżira jsiru jafu l-karatteristiki partikolari ta' dan il-prodott uniku. Mill-ħolqien tagħha, il-festa “Sagra della pesca di Leonforte” kienet avveniment ta' promozzjoni ta' dan il-frott li jimmatura tard fl-istaġun.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (2))
Din l-Amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għal emenda għar-rikonoxximent tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Pesca di Leonforte” fil-“ Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana ” nru 106 tat-8 ta' Mejju 2012. It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott emendat huwa disponibbli fuq:
http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335
(1) Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.
(2) Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.