SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)
2 ta’ April 2025 ( *1 )
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li huma s-suġġett ta’ restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kunċett ta’ ‘negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja’ – Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK – Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Żball ta’ evalwazzjoni – Dritt għal smigħ – Ċittadinanza tal-Unjoni – Libertà ta’ moviment – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità”
Fil-Kawża T‑297/23,
Gennady Nikolayevich Timchenko, residenti fi Moska (ir-Russja), irrappreżentat minn T. Bontinck, S. Bonifassi, E. Federova, J. Goffin u J. Bastien, avukati,
rikorrent,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M.-C. Cadilhac u V. Piessevaux, bħala aġenti,
konvenut,
IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),
komposta minn R. Mastroianni, li qiegħed jaġixxi bħala President, M. Brkan, I. Gâlea, T. Tóth (Relatur) u S. L. Kalėda, imħallfin,
Reġistratur: H. Eriksson, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:
|
– |
ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Mejju 2023, |
|
– |
in-nota ta’ adattament ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Novembru 2023, |
wara s-seduta tal‑11 ta’ Ġunju 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent, Gennady Nikolayevich Timchenko, jitlob, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament, l-ewwel, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/572 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 134), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/571 tat‑13 ta’ Marzu 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddul-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 75 I, p. 1) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Marzu 2023”), u, it-tieni, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1767 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 104), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1765 tat‑13 ta’ Settembru 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2023, L 226, p. 3), (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti ta’ Settembru 2023”) sa fejn dawn l-atti (iktar ’il quddiem, flimkien l-“atti kkontestati”) jikkonċernawh, u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, il-kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab minħabba l-adozzjoni ta’ dawn l-atti. |
I. Fatti li wasslu għall‑kawża u fatti sussegwenti għall‑preżentata tar‑rikors
|
2 |
Ir-rikorrent huwa negozjant ta’ nazzjonalità Russa u Finlandiża. |
|
3 |
Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. |
|
4 |
Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16). |
|
5 |
Fl-istess jum, huwa adotta, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64). |
|
6 |
Wara l-aggressjoni tal-Ukraina mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa, il-Kunsill adotta, fil‑25 ta’ Frar 2022, id-Deċiżjoni (PESK) 2022/329, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2022, L 50, p. 1), b’mod partikolari sabiex jadatta l-kriterji li abbażi tagħhom persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi setgħu jkunu suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. |
|
7 |
L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/145, fil-verżjoni tagħha emendata bid-Deċiżjoni 2022/329, jipprevedi dan li ġej: “1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:
[…]
[…]
u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati. 2. L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness.” |
|
8 |
Il-modalitajiet għal dan l-iffriżar ta’ fondi huma ddefiniti fil-paragrafi sussegwenti tal-istess artikolu. |
|
9 |
L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 jippreskrivi d-dħul jew il-passaġġ fi tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri tal-persuni fiżiċi li jissodisfaw kriterji sostanzjalment identiċi għal dawk elenkati fl-Artikolu 2(1)(a) u (d) ta’ din l-istess deċiżjoni. |
|
10 |
Ir-Regolament Nru 269/2014, fil-verżjoni tiegħu emendata bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/330 tal‑25 ta’ Frar 2022 (ĠU 2022, L 51, p. 1), jimponi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ dan l-iffriżar f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329. Fil-fatt, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1)(a) u (d) ta’ dan ir-regolament jirriproduċi essenzjalment l-istess kriterji bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(a) u (d) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 (iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“kriterju (a)” u l-“kriterju (d)”). |
A. Inklużjoni inizjali u żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi sat‑13 ta’ Marzu 2023
|
11 |
Fit‑28 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/337, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2022, L 59, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 67, p. 112), kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/336, li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 58, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 67, p. 113) (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ Frar 2022”). |
|
12 |
Permezz ta’ dawn l-atti, isem ir-rikorrent żdied, bin-numru 694, għal-lista annessa mad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 u, taħt dan l-istess numru, għal-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat bir-Regolament 2022/330, rispettivament (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”), għar-raġunijiet li ġejjin: “[Ir-rikorrent] huwa konoxxenza għal żmien twil tal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin u huwa deskritt b’mod ġenerali bħala wieħed mill-persuni ta’ fiduċja tiegħu. Qed jibbenefika mir-rabtiet tiegħu ma’ persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja. Huwa fundatur u azzjonist ta’ Volga Group, grupp ta’ investiment b’portafoll ta’ investimenti f’setturi ewlenin tal-ekonomija Russa. Volga Group jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ekonomija Russa u l-iżvilupp tagħha. Huwa wkoll azzjonist ta’ Bank Rossiya li huwa meqjus bħala l-bank personali ta’ Uffiċjali Għolja tal-Federazzjoni Russa. Wara l-annessjoni illegali tal-Krimea, Bank Rossiya fetaħ fergħat kullimkien fil-Krimea u f’Sevastopol, u b’hekk ikkonsolida l-integrazzjoni tagħhom fil-Federazzjoni Russa. Barra minn dan, il-Bank Rossiya għandu interessi importanti fin-National Media Group li, min-naħa tiegħu, jikkontrolla l-istazzjonijiet televiżivi li jappoġġaw attivament il-politika tal-gvern Russu ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna. Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ ta’ azzjonijiet u politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Huwa responsabbli wkoll għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju u materjali, u li jibbenefika minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.” |
|
13 |
Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Marzu 2022, ir-rikorrent talab lill-Kunsill sabiex jagħtih aċċess għall-fajl kollu li jikkonċernah, li seħħ fit‑13 ta’ April 2022 permezz tat-trażmissjoni tal-fajl WK 2807/2022 INIT (iktar ’il quddiem il-“fajl WK inizjali”). |
|
14 |
Wara talba għal komunikazzjoni ta’ dokumenti addizzjonali mitluba mir-rikorrent fil‑15 ta’ April 2022, il-Kunsill bagħatlu dawn id-dokumenti li kienu jinsabu fil-fajl WK 12005/2019 INIT, kif ukoll dokumenti elenkati MD 2015 293, 294, 296 u 297 Kovalchuk, fit‑28 ta’ April 2022 (iktar ’il quddiem il-“fajl WK inizjali addizzjonali”). |
|
15 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Mejju 2022, ir-rikorrent ippreżenta rikors, irreġistrat bin-numru T‑252/22, li kellu bħala suġġett talba għall-annullament tal-atti ta’ Frar 2022. |
|
16 |
Fl‑14 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1530, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2022, L 239, p. 149), kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1529, li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 239, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ Settembru 2022”, li żammew isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi. |
|
17 |
Fil‑25 ta’ Novembru 2022, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u fil-kuntest tal-Kawża T‑252/22, ir-rikorrent ippreżenta nota ta’ adattament sabiex jitlob ukoll l-annullament tal-atti ta’ Settembru 2022, sa fejn jikkonċernawh. |
|
18 |
Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑252/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2023:496), il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod partikolari t-talba għall-annullament tal-atti ta’ Frar 2022 u tal-atti ta’ Settembru 2022. |
B. Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi sal‑15 ta’ Settembru 2023
|
19 |
Fit‑22 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jżomm il-miżuri restrittivi li kien suġġett għalihom u kkomunikalu l-fajl WK 17609/2022 INIT (iktar ’il quddiem il-“fajl WK ta’ żamma 1”) kif ukoll il-fajl WK 17683/2022 INIT. |
|
20 |
L-atti ta’ Marzu 2023 żammew isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi għar-raġunijiet li ġejjin: “[Ir-rikorrent] huwa konoxxenza għal żmien twil tal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin u huwa deskritt b’mod ġenerali bħala wieħed mill-persuni ta’ fiduċja tiegħu. Qed jibbenefika mir-rabtiet tiegħu ma’ persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja. Huwa fundatur u azzjonist ta’ Volga Group, grupp ta’ investiment b’portafoll ta’ investimenti f’setturi ewlenin tal-ekonomija Russa. Volga Group jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ekonomija Russa u l-iżvilupp tagħha. Huwa wkoll azzjonist ta’ Bank Rossiya li huwa meqjus bħala l-bank ta’ Putin u tal-assoċjati tiegħu. Wara l-annessjoni illegali tal-Krimea, Bank Rossiya fetaħ fergħat kullimkien fil-Krimea u f’Sevastopol, u b’hekk ikkonsolida l-integrazzjoni tagħhom fil-Federazzjoni Russa. Barra minn hekk, il-Bank Rossiya għandu interessi fin-National Media Group, azjenda tal-media, li tikkontrolla 28 intrapriża tal-media fir-Russja li qed ixerrdu b’mod attiv il-propaganda u d-diżinformazzjoni relatati mal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Għalhekk huwa responsabbli għall-appoġġ ta’ azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Huwa responsabbli wkoll għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju jew materjali, u li jibbenefika minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.” |
|
21 |
Fl‑14 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tiegħu li jżomm ismu fil-listi kontenzjużi, u wieġeb għall-ittri tiegħu tal‑31 ta’ Ottubru 2022 u tal‑20 ta’ Jannar 2023 billi indikalu, essenzjalment, li l-azzjonijiet li huwa kellu fil-Bank Rossiya u fin-National Media Group kienu jippermettu li jiġi konkluż li huwa kien qiegħed jappoġġa l-azzjonijiet meħuda kontra l-Ukraina u li l-miżuri li huwa kien qiegħed jikkontesta kienu proporzjonati, peress li seta’ jkollhom effett fuq is-sitwazzjoni fl-Ukraina kif ukoll fuq it-teħid ta’ deċiżjoni tal-mexxejja Russi. |
|
22 |
Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Mejju 2023, ir-rikorrent bagħat talba għal eżami mill-ġdid lill-Kunsill. |
C. Modifika tal-kriterji ta’ inklużjoni fil-listi kontenzjużi
|
23 |
Fil‑5 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/1094, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2023, L 146, p. 20), u r-Regolament (UE) 2023/1089, li jemenda r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2023, L 146, p. 1). |
|
24 |
Din id-deċiżjoni emendat l-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 (iktar ’il quddiem il-“kriterju (g), kif emendat”), kif ġej: “1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:
|
|
25 |
Il-premessa 4 ta’ din id-deċiżjoni kienet tipprovdi dan li ġej: “Il-Kunsill evalwa li teżisti relazzjoni ta’ benefiċċju u appoġġ reċiproċi bejn il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja. B’mod partikolari, il-Gvern tal-Federazzjoni Russa sistematikament ippermetta lil negozjanti prominenti Russi jakkumulaw il-ġid tagħhom permezz tal-isfruttament ta’ riżorsi naturali u riżorsi pubbliċi oħra. Il-Kunsill iqis, fid-dawl ta’ din ir-relazzjoni ta’ interdipendenza bejn negozjanti ewlenin u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li l-kriterji ta’ deżinjazzjoni jenħtieġ li jkopru negozjanti ewlenin li joperaw fi kwalunkwe settur ekonomiku tar-Russja. Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li l-kriterji ta’ deżinjazzjoni jenħtieġ li jiġu estiżi sabiex jippermettu l-elenkar kif opportun ta’ negozjanti oħra li huma involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, sabiex tiżdied il-pressjoni fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa biex itemm il-gwerra ta’ aggressjoni tiegħu kontra l-Ukrajna.” |
|
26 |
Ir-Regolament Nru 269/2014 kif emendat bir-Regolament 2023/1089 jipprevedi modifiki f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2023/1094. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1)(g) ta’ dan ir-regolament jirriproduċi essenzjalment l-istess kriterju bħal dak stabbilit fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2023/1094. |
D. Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi sat‑13 ta’ Marzu 2024
|
27 |
Fid‑19 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jżomm ismu fil-listi kontenzjużi abbażi ta’ raġunijiet emendati u ta’ kriterju ġdid ta’ inklużjoni. Fl‑10 ta’ Lulju 2023, huwa kkomunikalu dokument ta’ ħidma ġdid intitolat WK 5142/2023 INIT (iktar ’il quddiem il-“fajl WK ta’ żamma 2”), flimkien mal-komunikazzjoni, fit‑18 ta’ Awwissu 2023, ta’ dokument ta’ ħidma addizzjonali intitolat WK 5142/2023 ADD 1 (iktar ’il quddiem il-“fajl WK addizzjonali ta’ żamma 2”) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“fajls WK addizzjonali ta’ żamma 2”). |
|
28 |
Permezz ta’ ittri tas‑27 ta’ Ġunju u tal‑21 ta’ Lulju 2023, ir-rikorrent bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu lill-Kunsill dwar l-abbozz ta’ estensjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu. |
|
29 |
Fit‑18 ta’ Awwissu 2023, il-Kunsill indika lir-rikorrent li huwa kellu l-intenzjoni li jżomm il-miżuri restrittivi li kien suġġett għalihom. Ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan l-abbozz ta’ żamma fil‑31 ta’ Awwissu 2023. |
|
30 |
Fit‑13 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill adotta l-atti ta’ Settembru 2023. |
|
31 |
Permezz ta’ dawn l-atti, il-Kunsill żamm isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi għar-raġunijiet li ġejjin: “[Ir-rikorrent] ilu ħafna żmien jaf lill-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin u huwa deskritt b’mod ġenerali bħala wieħed mill-persuni ta’ fiduċja tiegħu. Qed jibbenefika mir-rabtiet tiegħu ma’ persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja. Huwa fundatur u azzjonist ta’ Volga Group, grupp ta’ investiment b’portafoll ta’ investimenti f’setturi ewlenin tal-ekonomija Russa. Volga Group jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ekonomija Russa u l-iżvilupp tagħha. Huwa wkoll azzjonist ta’ Bank Rossiya, li jitqies bħala l-bank ta’ [Vladimir] Putin u ta’ dawk assoċjati miegħu. Wara l-annessjoni illegali tal-Krimea, Bank Rossiya fetaħ fergħat kullimkien fil-Krimea u f’Sevastopol, u b’hekk ikkonsolida l-integrazzjoni tagħhom fil-Federazzjoni Russa. Barra minn hekk, Bank Rossiya għandu interessi f’National Media Group, impriża tal-media li tikkontrolla 28 intrapriża tal-media fir-Russja li b’mod attiv qed ixerrdu l-propaganda u d-diżinformazzjoni relatati mal-gwerra tar-Russja ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna. Għalhekk huwa negozjant ewlieni li qed jopera fir-Russja u li huwa responsabbli għall-fatt li appoġġa azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Huwa responsabbli wkoll għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju jew materjali, u li jibbenefika minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna.” |
|
32 |
Fil‑15 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill wieġeb għall-ittri tar-rikorrent tal‑31 ta’ Mejju, tas‑27 ta’ Ġunju, tal‑21 ta’ Lulju u tal‑31 ta’ Awwissu 2023 billi indikalu b’mod partikolari li l-kriterju (g), kif emendat la kien wiesa’ b’mod sproporzjonat u lanqas ma kien intiż għall-adozzjoni ta’ miżuri arbitrarji. |
II. L-argumenti tal-partijiet
|
33 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
34 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id-dritt
A. Fuq it-talba għal annullament
|
35 |
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-ħames wieħed, fuq ksur tad-dritt fundamentali għal-libertà ta’ moviment previst fl-Artikolu 21 TFUE, tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u, is-sitt wieħed, fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà, tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u tad-dritt għall-ħajja privata. |
|
36 |
Fin-nota ta’ adattament, ir-rikorrent iqajjem is-seba’ motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità fil-konfront tal-kriterju (g), kif emendat, sa fejn dan jirrigwarda n-“negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja” (iktar ’il quddiem l-“ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat”). |
1. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
|
37 |
Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu kif previst mill-Artikolu 296 TFUE. Huwa jindika, għal dan l-għan, li, billi ma mmotivax id-deċiżjoni tiegħu li jiffriża l-fondi li jikkonċernawh u li jirrestrinġi l-libertà ta’ moviment tiegħu fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mid-Deċiżjoni 2014/145, il-Kunsill ma jurix kif l-applikazzjoni tal-atti kkontestati tippermetti li jintlaħqu dawn l-għanijiet. |
|
38 |
Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
39 |
Skont il-ġurisprudenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju tal-osservanza tad-drittijiet ta’ difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk jistax ikun ivvizzjat b’difett li abbażi tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-Qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Il-motivazzjoni meħtieġa fl-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut ta’ dan l-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. B’mod partikolari ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti u lanqas li tissodisfa b’mod iddettaljat il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-parti kkonċernata meta din tiġi kkonsultata qabel l-adozzjoni tal-att innifsu, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Għalhekk, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat mal-possibbiltajiet materjali u mal-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ żmien li fihom għandu jseħħ (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
42 |
Il-ġurisprudenza ppreċiżat li l-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma kellux jidentifika biss il-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill iqis, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-parti kkonċernata kellha tkun is-suġġett ta’ tali miżura (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
43 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, li taqa’ taħt il-legalità fuq il-mertu tal-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67). Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ att tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom huwa bbażat dan l-att. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tal-imsemmi att, iżda mhux il-motivazzjoni tiegħu, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li tesprimi raġunijiet żbaljati (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li kemm id-Deċiżjoni 2014/145 kif ukoll ir-Regolament Nru 269/2014 jirreferu għall-bażi legali li fuqha huma bbażati, jiġifieri, l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215 TFUE, rispettivament. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kuntest ġenerali li wassal lill-Kunsill sabiex jadotta l-atti kkontestati huwa espost fil-premessi tal-atti kkontestati. |
|
45 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kriterju (a), il-Kunsill, fil-motivi tal-atti kkontestati riprodotti fil-punti 20 u 31, iktar ’il fuq, b’mod partikolari rrileva, fl-ewwel lok, li r-rikorrent kien azzjonist tal-Bank Rossiya, li fetħet fergħat fil-Krimea u f’Sevastopol, b’tali mod li huwa kkonsolida l-integrazzjoni ta’ dan ir-reġjun fil-Federazzjoni Russa u, fit-tieni lok, li kien proprjetarju ta’ Volga Group li “[kienet] tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ekonomija Russa u l-iżvilupp tagħha”, biex wasal għall-konklużjoni li huwa “appoġġa azzjonijiet jew politiki li [kienu] jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna”. |
|
46 |
Fir-rigward tal-kriterju (d), il-Kunsill, fil-motivi tal-atti kkontestati, irrileva, minn naħa, li r-rikorrent kien “ilu ħafna żmien jaf lill-President tal-Federazzjoni Russa” u, min-naħa l-oħra, li l-Bank Rossiya, li tagħha huwa kien azzjonist, kien “jitqies bħala l-bank ta’ [Vladimir] Putin u ta’ dawk assoċjati miegħu”, sabiex minn dan jislet il-konsegwenza li r-rikorrent “[kien jagħti] appoġġ finanzjarju jew materjali, u li jibbenefika minn persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-Russja li huma responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna [u kien] qed jibbenefika minn dawn ir-responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet”. |
|
47 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kriterju (g), kif emendat, il-Kunsill, fil-motivi tal-atti ta’ Settembru 2023, b’mod partikolari rrileva, minn naħa, li r-rikorrent kien ilu ħafna żmien jaf lill-President tal-Federazzjoni Russa u, min-naħa l-oħra, li, minbarra l-fatt li kien azzjonist tal-Bank Rossiya, huwa “[kien] fundatur u azzjonist ta’ Volga Group, grupp ta’ investiment b’portafoll ta’ investimenti f’setturi ewlenin tal-ekonomija Russa [u li] [kien] jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ekonomija Russa u l-iżvilupp tagħha”, sabiex wasal għall-konklużjoni li huwa kien negozjant ewlieni li jopera fir-Russja. |
|
48 |
Mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2014/145, mill-premessi 3 u 4 tar-Regolament Nru 269/2014 kif ukoll mill-premessi 10 u 11 tad-Deċiżjoni 2022/329 jirriżulta li l-Kunsill qies li, għall-persuni li jaqgħu taħt il-kriterji ta’ inklużjoni previsti mid-Deċiżjoni 2014/145, il-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni kif ukoll l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi tagħhom kienu jikkostitwixxu miżuri neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK). Barra minn hekk, il-premessi 10 u 11 tad-Deċiżjoni 2022/329 kif ukoll il-premessi 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094 isemmu, essenzjalment, li t-twessiegħ tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżuri restrittivi tqies neċessarju fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-kunflitt, sabiex tingħata risposta progressiva u gradwata għall-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, bl-għan aħħari li ssir pressjoni massima fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet tagħhom u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina kif ukoll l-aggressjoni militari subita minn dan il-pajjiż. |
|
49 |
Barra minn hekk, l-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill ma jurix kif l-applikazzjoni tal-miżuri adottati fir-rigward tiegħu tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnu fid-Deċiżjoni 2014/145 u fir-Regolament Nru 269/2014 peress li ma jimmotivax ir-raġunijiet għal dan, għandu jiġi miċħud, sa fejn jikkontesta l-ġustifikazzjoni tal-miżuri kontenzjużi, li taqa’ taħt il-fondatezza tagħhom u mhux taħt il-motivazzjoni formali tagħhom (ara l-punt 43 iktar ’il fuq). |
|
50 |
Għalhekk u peress li mill-elementi preċedenti jirriżulta li kemm il-kuntest kif ukoll il-motivazzjoni tal-atti kkontestati ppermettew lir-rikorrent jidentifika l-bażi legali tal-miżuri restrittivi li għalihom kien suġġett kif ukoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill qies, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata kellha tkun is-suġġett ta’ tali miżuri, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
2. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ
|
51 |
Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent jilmenta li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa minnu fid-diversi ittri tiegħu, b’mod partikolari fl-ittra tiegħu tal‑20 ta’ Jannar 2023. |
|
52 |
Ir-rikorrent jenfasizza li l-Kunsill ma jipproduċi ebda prova li huwa bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu u t-talbiet tiegħu għal eżami mill-ġdid lill-Istati Membri, sabiex wasal għall-konklużjoni li d-dritt tiegħu għal smigħ ġie strumentalizzat. |
|
53 |
Fir-rigward tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, ir-rikorrent jilmenta li l-Kunsill tah biss terminu ta’ ħdax-il jum xogħol sabiex jistudja l-fajl WK ta’ żamma 2 u tah disat ijiem xogħol sabiex jistudja l-fajl WK addizzjonali ta’ żamma 2. |
|
54 |
Huwa jindika li dan il-fajl ma kienx jindika s-siltiet li fuqhom il-Kunsill kellu l-intenzjoni li jibbaża ruħu sabiex jiġġustifika l-użu tal-kriterju (g), kif emendat, fir-rigward tiegħu. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li t-terminu qasir ħafna, inkluż bejn id-data tal-komunikazzjoni tal-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-fajl WK addizzjonali ta’ żamma 2 u d-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, juri waħdu li l-Kunsill ma ħax żmien suffiċjenti sabiex jistudja korrettament l-osservazzjonijiet tiegħu. |
|
55 |
Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għal smigħ f’kull proċedura, previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li jagħmel parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha matul proċedura amministrattiva u qabel ma tittieħed deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida,C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 34 u 36, u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punti 65 u 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
57 |
Fil-kuntest ta’ proċedura li tirrigwarda l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ inklużjoni jew ta’ żamma tal-isem ta’ persuna f’lista li tinsab fl-anness għal att li jirrigwarda miżuri restrittivi, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeżiġi li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi li hija għandha kontra l-imsemmija persuna sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha, sabiex din il-persuna tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk ikunx utli li tadixxi lill-qorti tal-Unjoni. Waqt din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuna li turi b’mod effettiv il-perspettiva tagħha dwar il-motivi meqjusa kontriha (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 111 u 112; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 93). |
|
58 |
L-Artikolu 52(1) tal-Karta madankollu jipprovdi limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti minnha, sa fejn il-limitazzjoni kkonċernata tirrispetta l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali inkwistjoni u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija tkun neċessarja u tirrispondi effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
Bl-istess mod, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari, b’mod partikolari tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni ta’ atti li jżommu l-isem ta’ persuna jew ta’ entità f’lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi huwa impost meta l-Kunsill ikun adotta, fid-deċiżjoni dwar iż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha f’din il-lista, provi ġodda kontra din il-persuna, jiġifieri elementi li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni ta’ isimha f’din l-istess lista (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2016, Central Bank of Iran vs Il‑Kunsill, C‑266/15 P, EU:C:2016:208, punt 33). |
|
60 |
Barra minn hekk, meta osservazzjonijiet huma fformulati mill-persuna kkonċernata fir-rigward tal-espożizzjoni tal-motivi, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina, bir-reqqa u imparzjalità, il-fondatezza tal-motivi allegati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet u ta’ provi eventwali li jiskaġunaw mehmuża ma’ dawn tal-aħħar (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 114). |
|
61 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li t-talbiet għal eżami mill-ġdid, mitluba mir-rikorrent lill-Kunsill fil‑31 ta’ Mejju 2023, fir-rigward tal-atti ta’ Marzu 2023, kif ukoll l-ittri tas‑27 ta’ Ġunju u tal‑21 ta’ Lulju 2023, li kienu jikkontestaw l-intenzjoni ddikjarata tal-Kunsill li jżomm dawn l-atti, ġew ikkomunikati lid-delegazzjonijiet kollha ta’ din l-istituzzjoni. |
|
62 |
Barra minn hekk, il-Kunsill indika lir-rikorrent, fit‑22 ta’ Diċembru 2022 u fid‑19 ta’ Ġunju 2023, li huwa kellu l-intenzjoni jżomm il-miżuri restrittivi li kien suġġett għalihom. Fl-ittri tiegħu tal‑14 ta’ Marzu u tal‑15 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill wieġeb, essenzjalment, għall-oġġezzjonijiet kollha mqajma mir-rikorrent, billi rrefera b’mod partikolari għas-sottomissjonijiet bil-miktub li huwa kien ippreżenta fl-okkażjoni tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑252/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2023:496), u billi wieġeb b’mod iktar issostanzjat fir-rigward tal-allegazzjonijiet tiegħu dwar l-infondatezza tal-miżuri li kien is-suġġett tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward ta’ allegat ksur tad-dritt għal smigħ, kif ukoll fir-rigward tal-fondatezza tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi taħt l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat. |
|
63 |
Fir-rigward tat-termini mogħtija lir-rikorrent sabiex jistudja l-fajl WK addizzjonali ta’ żamma 2, ikkomunikat wara li l-Kunsill informah, fid‑19 ta’ Ġunju 2023, bl-intenzjoni tiegħu li jinkludi ismu fil-listi kontenzjużi skont l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, indipendentement mid-daqs ta’ dan il-fajl ta’ 192 paġna, it-terminu ta’ iktar minn għaxart ijiem mogħti lir-rikorrent, jiġifieri bejn it‑18 u l‑31 ta’ Awwissu 2023, kien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jistudjah u sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, ħaġa li barra minn hekk huwa għamel. Dan huwa wkoll il-każ tal-fajl WK ta’ żamma 2, peress li, fl-ittra tal‑10 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill kien ta lir-rikorrent il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu sal‑25 ta’ Lulju 2023. Fil-fatt, diġà ġie deċiż li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ tiġdid tal-miżuri restrittivi, terminu ta’ tnax-il jum seta’ jkun suffiċjenti sabiex jippermetti lil persuni jew entitajiet suġġetti għal tali miżuri jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2020, Ocean Capital Administration vs Il‑Kunsill, T‑332/15, EU:T:2020:308, punt 191). |
|
64 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jindika r-rikorrent u kif jirriżulta mill-ittra tal‑15 ta’ Settembru 2023, il-Kunsill wieġeb għall-oġġezzjonijiet imqajma minnu fl-ittra tiegħu tat‑18 ta’ Awwissu 2023, billi rrileva b’mod partikolari li l-elementi ta’ informazzjoni li jinsabu fil-fajl WK ta’ żamma 2 “[kienu jinkludu] riferimenti speċifiċi [għar-rikorrent], li [kienu jikkonfermaw] l-osservazzjonijiet u l-argumenti li huwa kien ippreżenta fil-Kawżi T‑252/22 u T‑297/23”. |
|
65 |
Għalhekk, u peress li ebda wieħed mill-elementi invokati mir-rikorrent ma jistabbilixxi li l-Kunsill kiser id-dritt għal smigħ tiegħu, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud. |
3. Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat
|
66 |
Permezz tas-seba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent iqajjem, permezz tal-eċċezzjoni, l-illegalità tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel waħda, fuq insuffiċjenza ta’ provi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan il-kriterju, it-tieni waħda, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ legalità u, it-tielet waħda, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
67 |
Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 277 TFUE, kull parti tista’, fil-kuntest ta’ tilwima li ddaħħal inkwistjoni att ta’ portata ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, tibbaża ruħha fuq il-motivi previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE sabiex tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att. |
|
69 |
L-Artikolu 277 TFUE jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiżgura lil kull parti d-dritt li tikkontesta, b’mod inċidentali, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni indirizzata lilha, il-validità tal-atti ta’ portata ġenerali li jifformaw il-bażi ta’ tali deċiżjoni jekk din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors dirett kontra dawn l-atti, li hija għaldaqstant tbati l-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom. L-att ġenerali li l-illegalità tiegħu hija invokata għandu japplika, direttament jew indirettament, għall-kwistjoni li tkun is-suġġett tal-kawża u għandu jkun hemm rabta diretta bejn l-att ikkontestat u l-att ġenerali li l-legalità tiegħu hija kkontestata (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2017, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, T‑14/14 u T‑87/14, EU:T:2017:102, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 145 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
70 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati tal-Unjoni għandhom, b’mod konformi mal-kompetenzi li huma għandhom taħt it-Trattat FUE, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali li jiffurmaw parti integrali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit huwa espressament stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
71 |
Xorta jibqa’ l-fatt li l-Kunsill għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni ġenerali u astratta tal-kriterji ta’ inklużjoni u tal-modalitajiet ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2015, Anbouba vs Il‑Kunsill, C‑605/13 P, EU:C:2015:248, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, ir-regoli ta’ portata ġenerali li jiddefinixxu dawn il-modalitajiet, bħalma huma d-dispożizzjonijiet tal-atti kkontestati li jipprevedu l-kriterju kkontestat mill-eċċezzjoni ta’ illegalità, huma s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju ristrett, limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedurali u ta’ motivazzjoni, l-eżattezza materjali tal-fatti, l-assenza ta’ żball ta’ liġi kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2015, Bank of Industry and Mine vs Il‑Kunsill, T‑10/13, EU:T:2015:235, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 149 (mhux ippubblikata)). |
|
72 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser jiġu analizzati t-tliet partijiet tas-seba’ motiv. |
a) Fuq l-ewwel parti tas-seba’ motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ element probatorju sabiex tiġi ġġustifikata l-adozzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni
|
73 |
Permezz tal-ewwel parti tas-seba’ motiv, ir-rikorrent isostni li, bl-adozzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, il-Kunsill, kif turi l-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094, stabbilixxa preżunzjoni ta’ interdipendenza bejn, minn naħa, in-negozjanti ewlenin u, min-naħa l-oħra, il-Gvern Russu. |
|
74 |
Huwa jindika li l-provi li jinsabu fil-fajls WK addizzjonali ta’ żamma 2 ma jistgħux jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, peress li partikolarment il-fajl WK addizzjonali ta’ żamma 2 tfassal wara l-adozzjoni ta’ dan il-kriterju. |
|
75 |
Huwa jżid li l-adozzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, tirrifletti żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kunsill, minħabba li l-provi li jinsabu fil-fajl WK addizzjonali ta’ żamma 2 juru li n-negozjanti qrib il-President tal-Federazzjoni Russa ma kellhom l-ebda influwenza fuq dan tal-aħħar sa mill-bidu tal-gwerra fl-Ukraina. |
|
76 |
Minn dan huwa jikkonkludi li l-preżunzjoni maħluqa mill-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, ma hijiex issostanzjata u hija infondata u li, billi adotta tali preżunzjoni, il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. |
|
77 |
Għandu jiġi rrilevat li, qabel l-emenda tal-kriterju (g), dan kien jirrigwarda biss in-“negozjanti influwenti […] li għandhom attività f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”. L-emenda li saret għal dan il-kriterju bid-Deċiżjoni 2023/1094 kellha l-effett li twessa’ l-portata ta’ dan il-kriterju għal “negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja”, li huwa dak ikkontestat mir-rikorrent, kif ukoll in-“negozjanti, persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”. |
|
78 |
F’dan il-każ, ir-rikorrent jitlaq mill-preżunzjoni, billi jibbaża ruħu fuq il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094, li l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, jistabbilixxi preżunzjoni ta’ rabtiet ta’ interdipendenza li jeżistu bejn in-negozjanti influwenti u n-nisa u l-irġiel li jeżerċitaw is-setgħa politika fil-Federazzjoni Russa. |
|
79 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kriterju (g), kif emendat, jirriproduċi l-kunċett ta’ “negozjanti ewlenin” li kien jintuża qabel l-emendi, b’tali mod li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat bl-istess mod, jiġifieri bħala li jirreferi għall-importanza tal-imsemmija negozjanti fir-rigward, skont il-każ, tal-istatus professjonali tagħhom, tal-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, tal-portata tal-assi kapitalistiċi tagħhom jew tal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan impriża waħda jew iktar li fihom huma jeżerċitaw dawn l-attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 143). |
|
80 |
Fi kliem ieħor, l-emenda li saret għall-kriterju (g) ma tikkonċernax id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “negozjanti ewlenin” bħala tali, iżda kellha biss l-għan li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi sabiex dawn japplikaw għan-negozjanti ewlenin kollha, inklużi dawk li ma joperawx f’settur ekonomiku li jipprovdi sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa. |
|
81 |
Ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-estensjoni tal-kriterju previst fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 huma esposti fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094. Fil-fatt, din il-premessa tiddeskrivi l-funzjonament tal-ekonomija Russa kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ rabta ta’ interdipendenza bejn in-negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Għalhekk, billi mmira għal dawn in-negozjanti, il-Kunsill għandu l-intenzjoni li juża l-influwenza li din il-kategorija ta’ persuni tista’ teżerċita fuq ir-reġim Russu, billi jġiegħelhom jagħmlu pressjoni fuq dan il-gvern sabiex jibdel il-politika tiegħu fir-rigward tal-Ukraina |
|
82 |
Fir-rigward tal-argument li l-adozzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat ma hijiex iġġustifikata minn provi suffiċjenti, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-adozzjoni ta’ kriterju ta’ inklużjoni ta’ persuna jew ta’ entità fil-listi kontenzjużi tikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali intiż sabiex jintlaħaq għan li jaqa’ taħt il-PESK, f’dan il-każ il-waqfien tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukraina u, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa fir-rigward tal-adozzjoni ta’ tali kriterji. |
|
83 |
Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-Kunsill ma huwiex obbligat jipproduċi provi sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ interdipendenza bejn il-Gvern tal-Federazzjoni Russa u n-negozjanti ewlenin għall-finijiet tal-adozzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat. Fil-fatt, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi, insostenn tal-eċċezzjoni tiegħu ta’ illegalità, kull element li jista’ jistabbilixxi li tali kunsiderazzjoni dwar l-eżistenza tal-imsemmija rabtiet hija manifestament żbaljata u li għalhekk tivvizzja l-legalità tal-imsemmija parti. |
|
84 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-provi misluta mill-fajls WK addizzjonali ta’ żamma 2, li jinvoka r-rikorrent sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-kriterju (g), kif emendat, jekk jitqies li dawn ikunu ta’ natura li juru l-eżistenza ta’ dgħufija relattiva tas-setgħa ta’ influwenza tan-negozjanti ewlenin fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa wara l-gwerra fl-Ukraina, xorta ma jistgħux juru n-natura manifestament żbaljata tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kunsill tal-eżistenza tar-rabtiet ta’ interdipendenza bejn il-Gvern Russu u n-negozjanti ewlenin sabiex jadotta l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat. |
|
85 |
Għalhekk, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni għandu jiġi miċħud. Għandu wkoll jiġi miċħud, għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fil-punt 83 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrent li l-provi li jinsabu fil-fajl WK addizzjonali ta’ żamma 2 ma jistgħux jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, minħabba li dan il-fajl tfassal wara l-adozzjoni ta’ dan il-kriterju. |
|
86 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, għas-sitwazzjoni individwali ta’ kull persuna li isimha jkun inkluż fil-listi kontenzjużi, huwa l-Kunsill li għandu juri, minn naħa, li persuna fiżika tista’ tiġi kklassifikata bħala negozjant ewlieni fis-sens indikat fil-punt 79 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, li din il-persuna fiżika topera fir-Russja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li jappartjenu għall-kategorija ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja huwa biżżejjed sabiex jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi neċessarji abbażi tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi prodotta l-prova ta’ rabta bejn il-kwalità ta’ negozjant ewlieni u r-reġim Russu, u lanqas bejn dik ta’ negozjant ewlieni u l-appoġġ għal dan ir-reġim jew il-benefiċċju li jirriżulta minnu (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill, C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punt 66, u d-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2022, Haikal vs Il‑Kunsill, C‑113/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:640, punt 41). |
|
87 |
Għalhekk u peress li l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, kellha biss l-għan li tistabbilixxi kriterju oġġettiv, awtonomu u suffiċjenti li jippermetti li tiġi ġġustifikata l-inklużjoni ta’ persuni fil-listi kontenzjużi, li jeħtieġ li l-Kunsill juri li jkunu ssodisfatti żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li l-persuna kkonċernata hija negozjant ewlieni u, min-naħa l-oħra, li din il-persuna topera fil-Federazzjoni Russa, ir-rikorrent ma jistax isostni li din il-parti stabbilixxiet preżunzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Haswani vs Il‑Kunsill, C‑241/19 P, EU:C:2020:545, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
88 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tas-seba’ motiv għandha tiġi miċħuda. |
b) Fuq it-tieni parti tas-seba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ legalità
|
89 |
Permezz tat-tieni parti tas-seba’ motiv, ir-rikorrent isostni li, anki jekk kellu jiġi kkunsidrat li l-kriterju (g), kif emendat, jista’ jitqies li jikkostitwixxi preżunzjoni konfutabbli, xorta jibqa’ l-fatt li tali preżunzjoni hija fformulata f’termini wiesgħa b’mod sproporzjonat u għalhekk tikser kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipju ta’ legalità, kif previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
|
90 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ewwel ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali permezz tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi. Sanzjoni, anki jekk mhux ta’ natura kriminali, tista’ tiġi imposta biss jekk tkun ibbażata fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika, b’mod partikolari, li kull leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari meta din tkun timponi jew tkun tippermetti li jiġu imposti sanzjonijiet, għandha tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu b’mod ċar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnha u jkunu jistgħu jieħdu l-passi neċessarji fid-dawl ta’ dan. Dan ir-rekwiżit ta’ bażi legali ċara u preċiża ġie stabbilit fil-qasam tal-miżuri restrittivi (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punti 112 u 113 |
|
91 |
Barra minn hekk, ġie deċiż li s-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kunsill mill-kriterju previst fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 ma kinitx tmur kontra r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, peress li l-imsemmi kriterju kien suffiċjentement ċar u prevedibbli u kien jaqa’ f’kuntest ġuridiku ddelimitat b’mod ċar mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-miżuri restrittivi inkwistjoni, jiġifieri, essenzjalment, in-neċessità, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, li ssir pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet tagħhom u l-politiki tagħhom li jiddestabbilizzaw l-Ukraina u l-aggressjoni militari li tagħha hija vittma. Minn din il-perspettiva, il-miżuri restrittivi inkwistjoni tqiesu li huma konformi mal-għan imsemmi fl-Artikolu 21(2)(c) TUE tal-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, skont l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata f’San Francisco fis‑26 ta’ Ġunju 1945. Għaldaqstant, dan il-kriterju tqies li huwa konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punti 45 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
92 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-kunċett ta’ “negozjanti ewlenin”, fis-sens tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, għandu jitfakkar li dan il-kunċett jirrigwarda l-importanza ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward, b’mod partikolari, l-istatus professjonali tagħhom, l-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, il-portata tal-propjetà kapitalistika tagħhom jew il-funzjonijiet tagħhom fi ħdan impriża waħda jew iktar li fihom huma joperaw (ara l-punt 79 iktar ’il fuq). |
|
93 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżerċizzju ta’ attivitajiet fir-Russja minn dawn in-negozjanti, għandu jiġi kkonstatat li din hija suffiċjentement limitata u ddefinita sabiex ma tiksirx il-prinċipju ta’ sigurtà. |
|
94 |
Għalhekk, mill-punti 92 u 93 iktar ’il fuq jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, huma suffiċjentement ċari, preċiżi u prevedibbli sabiex jiġu ddeterminati l-persuni li għalihom huma intiżi li japplikaw u li jaqgħu f’kuntest ġuridiku ddelimitat b’mod ċar mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-miżuri restrittivi inkwistjoni u mfakkra fil-punt 91 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, is-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kunsill mill-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, hija bbilanċjata minn obbligu ta’ motivazzjoni u minn drittijiet proċedurali msaħħa (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2014, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, T‑578/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:678, punt 122, u tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 47). |
|
95 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, ġiet introdotta bid-Deċiżjoni 2023/1094, jiġifieri att ta’ portata ġenerali adottat abbażi tal-Artikolu 29 TUE. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jistax isostni li dan il-kriterju ma josservax il-prinċipju ta’ legalità. |
|
96 |
Għalhekk, peress li ma jistax jingħad li l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ legalità, it-tieni parti tas-seba’ motiv għandha tiġi miċħuda. |
c) Fuq it-tielet parti tas-seba’ motiv, dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mill-kriterju (g), kif emendat
|
97 |
Permezz tat-tielet parti tas-seba’ motiv, ir-rikorrent isostni li l-kriterju (g), kif emendat, jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
98 |
Għal dan l-għan, l-ewwel nett, huwa jsostni li l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, minħabba l-formulazzjoni wiesgħa ħafna tagħha, tippermetti l-inklużjoni arbitrarja ta’ numru kbir ħafna ta’ persuni, b’tali mod li l-miżuri hekk adottati ma jistgħux jitqiesu li huma mmirati. It-tieni nett, huwa jindika li din il-parti tippermetti li jiġu adottati miżuri restrittivi mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir personali tal-persuni kkonċernati fir-rigward tal-politika segwita mill-Gvern Russu fl-Ukraina, minkejja li s-sempliċi kwalità ta’ negozjant ewlieni ma tikkostitwixxi ebda rabta ma’ dan il-gvern, u lanqas setgħa ta’ influwenza fuq l-imsemmi gvern. It-tielet nett, huwa jsostni li, filwaqt li l-provi prodotti mill-Kunsill huma ta’ natura li juru li n-negozjanti, anki dawk importanti, ma għandhomx influwenza fuq il-Gvern Russu, l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, hija manifestament inadegwata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-Kunsill, li huwa iktar u iktar minnu li, bl-abbandun ta’ kull teħid inkunsiderazzjoni tal-provvista mill-persuni fil-mira ta’ sors sostanzjali ta’ dħul, dan il-kriterju l-ġdid jidher nieqes minn kull effettività. |
|
99 |
Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu ta’ natura li jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il‑Kunsill, C‑380/09 P, EU:C:2012:137, punt 52). |
|
100 |
Barra minn hekk, il-Kunsill ma huwiex obbligat jipproduċi l-prova li l-miżuri restrittivi li huwa jistabbilixxi jipproduċu l-effetti mistennija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata, iżda biss li dawn il-miżuri jistgħu jwettqu l-għanijiet imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni. (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il‑Kunsill, C‑729/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:499, punt 66). |
|
101 |
F’dan il-każ, l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat ġiet adottata mill-Kunsill għaliex, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa tiegħu u fid-dawl tal-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, huwa qies li, sabiex issir pressjoni fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, huwa kellu jkun jista’ jinkludi fil-listi kontenzjużi n-negozjanti ewlenin li kienu joperaw f’dan il-pajjiż. |
|
102 |
Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-approċċ tal-Kunsill li jikkonsisti fl-estensjoni taċ-ċirku ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, fid-dawl tal-aggravazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija huwa bbażat fuq il-progressività tal-preġudizzju għad-drittijiet skont l-effettività tal-miżuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Almaz-Antey Air and Space Defence vs Il‑Kunsill (T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
103 |
Sussegwentement, permezz tal-adozzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, kif jirriżulta mill-punt 81 iktar ’il fuq, il-Kunsill għandu l-intenzjoni li juża l-influwenza li din il-kategorija ta’ persuni tista’ teżerċita fuq ir-reġim Russu billi jġiegħelhom jagħmlu pressjoni fuq dan il-gvern sabiex jibdel il-politika tiegħu fir-rigward tal-Ukraina. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, ma tirrigwardax b’mod indifferenzjat u ġenerali n-negozjanti kollha li joperaw fil-Federazzjoni Russa, iżda, b’mod immirat, in-negozjanti ewlenin li joperaw f’dan il-pajjiż. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-adozzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, kienet xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi. |
|
104 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat hija neċessarja sabiex jintlaħqu u jiġu implimentati l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21 TUE. Fil-fatt, mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2023/1094 jirriżulta li, permezz tat-twessiegħ tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-miżuri restrittivi, billi jimmiraw negozjanti ewlenin li joperaw fi kwalunkwe settur ekonomiku tar-Russja, il-Kunsill seta’ jqis, mingħajr ma jwettaq ebda żball ta’ evalwazzjoni, li l-imsemmija miżuri kienu jikkontribwixxu sabiex tiżdied il-pressjoni fuq l-imsemmi gvern, responsabbli għall-invażjoni tal-Ukraina. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma weriex li kriterju alternattiv ta’ portata iktar limitata kien jippermetti li jintlaħqu b’mod daqstant effettiv l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi. |
|
105 |
Barra minn hekk, l-oġġezzjonijiet imqajma mir-rikorrent, li jikkonsistu fil-kontestazzjoni tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, minħabba li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-aġir personali tan-negozjanti kkonċernati mill-miżuri restrittivi inkwistjoni u li dawn ma għandhomx influwenza fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma weriex li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ rabtiet ta’ interdipendenza bejn in-negozjanti ewlenin u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa kienu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara l-punt 84 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, ir-rikorrent lanqas ma wera li din il-kategorija ta’ persuni ma hijiex f’pożizzjoni li tagħmel pressjoni fuq il-Gvern tal-Federazzjoni Russa sabiex jibdel il-politika tiegħu fir-rigward tal-Ukraina. Minn dan isegwi li l-fatt li n-negozjanti ewlenin li joperaw fir-Russja ma humiex responsabbli għall-annessjoni u għall-invażjoni tal-Ukraina, u lanqas ma jappoġġaw jew jisiltu vantaġġ minn dan il-kunflitt, ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi li l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat hija manifestament sproporzjonata sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi. |
|
106 |
Għalhekk u peress li r-rikorrent ma weriex li l-istabbiliment tal-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, kien ta’ natura li jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tielet parti tas-seba’ motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
4. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni
|
107 |
Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li, fl-atti ta’ Marzu 2023, il-kriterji (a) u (d) kienu ssodisfatti fir-rigward tiegħu u li l-kriterji (a), (d) u (g) kienu ssodisfatti fl-atti ta’ Settembru 2023. |
|
108 |
Il-Kunsill jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud. |
|
109 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis utli li tanalizza l-fondatezza tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi fid-dawl tal-kriterji kollha li ntużaw fir-rigward tiegħu fl-atti kkontestati, jiġifieri, minn naħa, il-kriterju (a), min-naħa l-oħra, il-kriterju (d), f’dak li jirrigwarda l-atti kkontestati u, fl-aħħar nett, il-kriterju (g), fir-rigward tal-atti ta’ Settembru 2023. |
|
110 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel motiv għandu jitqies li huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, u mhux fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa veru li l-Kunsill għandu ċertu setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex jiddetermina, fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk ikunux issodisfatti l-kriterji legali li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-qrati tal-Unjoni għandhom iwettqu stħarriġ, bħala prinċipju sħiħ, tal-atti kollha tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
111 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tirrikjedi, b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li biha ġew adottati jew miżmuma fis-seħħ il-miżuri restrittivi, li hija ta’ portata individwali għall-persuna jew għall-entità kkonċernata, hija msejsa fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li l-imsemmija deċiżjoni tkun ibbażata fuqha, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-punt dwar jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom meqjus li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, ikunux fondati (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119, u tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:716, punt 122). |
|
112 |
Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, f’każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna jew l-entità kkonċernata, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121, u tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:716, punt 123). |
|
113 |
Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dawn il-motivi għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi u l-informazzjoni mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jagħmlu parti minnu. Fil-fatt, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqu meta huwa jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti biżżejjed li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ konnessjoni suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim, jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet miġġielda (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
114 |
Barra minn hekk, il-miżuri restrittivi huma ta’ natura kawtelatorja u, mid-definizzjoni tagħhom, provviżorja, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan relatat magħhom. Għaldaqstant huwa l-Kunsill, matul l-evalwazzjoni perjodika ta’ dawn il-miżuri restrittivi, li għandu jwettaq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u jistabbilixxi bilanċ tal-impatt ta’ tali miżuri, sabiex jiddetermina jekk dawn ikunux jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tal-persuni u entitajiet ikkonċernati fil-listi kontenzjużi jew jekk ikunx għadu possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni fir-rigward tal-imsemmija persuni u entitajiet (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il‑Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
115 |
Sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem persuna fil-listi kontenzjużi, il-Kunsill ma huwiex ipprojbit milli jibbaża ruħu fuq l-istess provi li jkunu ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, l-inklużjoni mill-ġdid jew iż-żamma preċedenti ta’ isem il-persuna kkonċernata fil-lista, sakemm, minn naħa, il-motivi għall-inklużjoni jkunu għadhom l-istess u, min-naħa l-oħra, il-kuntest ma jkunx żviluppa b’tali mod li dawn il-provi jkunu saru obsoleti. L-imsemmi kuntest jinkludi mhux biss is-sitwazzjoni tal-pajjiż li fir-rigward tiegħu ġiet stabbilita s-sistema ta’ miżuri restrittivi, iżda wkoll is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata. Bl-istess mod, iż-żamma fil-listi kontenzjużi hija ġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi ma jkunux intlaħqu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
116 |
F’tali kuntest, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jżomm fil-listi kontenzjużi l-ismijiet tal-persuni kkonċernati, billi jżomm il-motivi relatati ma’ fatti fil-passat u kkunsidrati f’deċiżjonijiet preċedenti li jikkonċernawhom sakemm din iż-żamma tibqa’ ġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li l-għanijiet imfittxija mill-miżuri restrittivi ma jkunux intlaħqu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2023, Mutondo vs Il‑Kunsill, T‑94/22, mhux ippubblikata, EU:T:2023:120, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
117 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser jiġu analizzati l-argumenti mressqa mir-rikorrent kontra l-atti kkontestati. |
a) Fuq l-allegat żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-atti ta’ Marzu 2023
|
118 |
F’dan il-każ, l-atti ta’ Marzu 2023 ġew adottati abbażi tal-kriterji (a) u (d). Ir-rikorrent isostni li dawn ma humiex issodisfatti sa fejn jikkonċernawh, fin-nuqqas ta’ provi suffiċjenti prodotti mill-Kunsill. Konsegwentement, kull wieħed minn dawn il-kriterji għandu jiġi analizzat suċċessivament. |
1) Fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni relatat mal-kriterju (a)
|
119 |
F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-provi li jinsabu fil-fajl WK inizjali u fil-fajl WK inizjali addizzjonali, kif ukoll fil-fajl WK ta’ żamma 1 u fil-fajl WK 17683/2022 INIT (ara l-paragrafu 19 iktar ’il fuq), ma humiex biżżejjed biex juru li huwa, personalment u individwalment, appoġġa jew implimenta azzjonijiet jew politiki tal-Federazzjoni Russa li jikkompromettu jew jheddu l-integrità, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. |
|
120 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑252/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2023:496), huwa ma jistax jitqies li personalment appoġġa l-azzjonijiet jew il-politiki li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukraina, f’ċirkustanzi fejn, bħal f’dan il-każ, tali appoġġ ma jingħatax minnu stess, iżda permezz tal-Bank Rossiya, li fiha, minn naħa, huwa ma għandu ebda funzjoni ta’ amministratur u, min-naħa l-oħra, huwa azzjonist minoritarju indirett. |
|
121 |
Għal dan l-għan, huwa jindika li l-adozzjoni ta’ tali raġunament twassal sabiex tiċħad kull realtà lill-personalità ġuridika tal-kumpanniji u b’hekk tikser “prinċipju fundamentali u universali tad-dritt tal-kumpanniji”, minkejja li, bħala azzjonist minoritarju, huwa jista’ jieħu sehem biss f’numru limitat ta’ deċiżjonijiet, peress li l-linji gwida l-kbar tal-kumpannija huma adottati mill-bord tad-diretturi. |
|
122 |
Huwa jżid li ma jistax jiġi ddikjarat personalment responsabbli għall-istabbiliment ta’ fergħat fil-Krimea mill-Bank Rossiya, sa fejn tali deċiżjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija. Fir-rigward tar-rabtiet kapitalistiċi li jgħaqqdu lill-Bank Rossiya mal-grupp tal-istampa National Media Group, huwa jindika li, peress li s-sehem ta’ dan il-bank fil-kapital ta’ dan il-grupp huwa ta’ 17 %, is-sehem effettiv tiegħu f’dan il-grupp jammonta biss għal 1.7 % tal-kapital. |
|
123 |
Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
124 |
Fir-rigward tal-kriterju (a), għandu jitfakkar li dan jimplika li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta, diretta jew indiretta, bejn l-attivitajiet jew l-azzjonijiet tal-persuna jew tal-entità msemmija u s-sitwazzjoni fl-Ukraina li tat lok għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Fi kliem ieħor, dawn il-persuni jew dawn l-entitajiet għandhom, minħabba l-aġir tagħhom, ikunu saru responsabbli minħabba azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 74). |
|
125 |
F’dan il-każ, u kif imsemmi fil-punt 45 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, fil-motivi tal-atti kkontestati, l-elementi li huma marbuta mal-kriterju (a) jirrigwardaw il-fatt li r-rikorrent huwa azzjonist ta’ Bank Rossiya u li dan il-bank, l-ewwel nett, għandu azzjonijiet sinjifikattivi fin-National Media Group, li jikkontrolla stazzjonijiet televiżivi li jappoġġaw attivament il-politika tal-Gvern Russu u, it-tieni nett, imexxi politika ta’ investiment attiva fil-Krimea bl-istabbiliment ta’ fergħat f’dan ir-reġjun. Barra minn hekk, din il-motivazzjoni tirreferi għal Volga Group, li “tikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għall-iżvilupp tal-ekonomija Russa”. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kunsill iqis li, permezz tal-imsemmi bank, ir-rikorrent jappoġġa l-politika ta’ annessjoni tal-Ukraina mmexxija mill-Gvern Russu. |
|
126 |
F’dan il-każ, sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-inklużjoni tar-rikorrent abbażi tal-kriterju (a), il-Kunsill jibbaża ruħu fuq id-dokumenti li jinsabu fil-fajls WK inizjali u WK inizjali addizzjonali kif ukoll fuq dawk li jinsabu fil-fajl WK ta’ żamma 1 u, b’mod partikolari, fuq dawn li ġejjin:
|
|
127 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ibbaża ruħu wkoll, sabiex jikkaratterizza l-eżistenza tal-kriterju (a) fir-rigward tar-rikorrent, fuq żewġ artikli tal-gazzetta The Guardian annessi mar-risposta, (Annessi B 19 A u B 19 B), l-ewwel wieħed, mingħajr data, intitolat “Il-Bank Rossiya, il-bank iffavorit tal-Kremlin, li wasal biex jiġi ffriżat f’dollari” u, it-tieni wieħed, bid-data ta’ April 2016, intitolat “Skoperta: it-traċċa tal-flus ta’ 2 biljun dollaru offshore li twassal għal Vladimir Putin”. Għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill kellu aċċess għal dawn iż-żewġ artikli qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2023, peress li jsir riferiment għalihom fil-punti 82 u 83 tas-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑252/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2023:496). |
|
128 |
F’dan il-każ, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jikkontesta l-valur probatorju ta’ ebda wieħed mid-dokumenti msemmija fil-punti 126 u 127 iktar ’il fuq. |
|
129 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li r-rikorrent kien jappoġġa l-politika ta’ annessjoni tal-Ukraina u li konsegwentement kien jaqa’ taħt il-kriterju (a), għandu jiġi kkonstatat li mid-dokumenti 5 u 6 tal-fajl WK inizjali addizzjonali jirriżulta li l-Bank Rossiya għamlet investimenti fil-Krimea sabiex tistabbilixxi network ta’ tletin fergħa f’dan ir-reġjun tal-Ukraina. |
|
130 |
Din il-politika ta’ investiment tal-Bank Rossiya fir-reġjuni tal-Ukraina annessi mill-Federazzjoni Russa hija kkonfermata, minn naħa, mill-informazzjoni li tinsab fid-dokument 1 tal-fajl WK inizjali addizzjonali, li turi li fl‑2019 il-Bank Rossiya sellfet lill-kumpannija ferrovjarja tal-Krimea l-ammont ta’ 1 biljun rublu (RUB) (madwar EUR 14‑il miljun) u, min-naħa l-oħra, mill-informazzjoni li tinsab fid-dokument 2 tal-fajl WK inizjali addizzjonali. Fil-fatt, din l-informazzjoni turi li dan il-bank sar azzjonist tal-ajruport ta’ Sevastopol. |
|
131 |
Issa, tali avvenimenti, li seħħew wara l-invażjoni tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa, huma ta’ natura li juru li dawn l-investimenti jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ annessjoni tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa. |
|
132 |
Fir-rigward, barra minn hekk, tal-kwistjoni dwar jekk, minħabba l-politika ta’ investiment imwettqa mill-Bank Rossiya u li tikkontribwixxi għall-annessjoni ekonomika tal-Krimea, ir-rikorrent jistax jitqies li jappoġġa l-azzjonijiet jew politiki li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina fis-sens tal-kriterju (a), għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent jirrikonoxxi li huwa l-azzjonist uniku ta’ Volga Group, li għandha 100 % ta’ Transoil, li min-naħa tagħha għandha 10.323 % tal-Bank Rossiya. |
|
133 |
Issa, tali skema ta’ detenzjoni kapitalistika tfisser li l-interpożizzjoni ta’ Transoil bejn ir-rikorrent u l-Bank Rossiya ma taffettwax il-fatt li, fil-fatt u fid-dawl tal-pussess ta’ Transoil sa 100 %, ir-rikorrent jista’ jitqies li huwa detentur ta’ 10.323 % tal-azzjonijiet ta’ Bank Rossiya, li jagħmluh it-tieni l-ikbar azzjonist ta’ dan il-bank. |
|
134 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif juri l-qari flimkien tad-dokument 7 tal-fajl WK inizjali, tad-dokument 8 tal-fajl WK ta’ żamma 1 u tal-Anness B 19 B, il-Bank Rossiya hija magħrufa bħala istituzzjoni bankarja qrib ħafna tal-persuni ta’ madwar V. Putin, li huwa kkonfermat mill-kompożizzjoni tal-azzjonisti tagħha (I. Kovalchuk għandu 37 % tiegħu, K. Shamalov għandu 9.64 % u S. Rolduguin għandu 3.03 %). Kif jirriżulta mid-dokument 4 tal-fajl WK inizjali addizzjonali, dan iċ-ċirku ta’ persuni ilu għal iktar minn għaxar snin jikkostitwixxi grupp ta’ azzjonisti stabbli tal-Bank Rossiya, li l-kapitalizzazzjoni tagħha kienet tammonta fl‑2010 għal RUB 231 biljun (madwar EUR 3 biljun). |
|
135 |
Issa, tali elementi huma suffiċjenti sabiex jitqies li r-rikorrent huwa wieħed mill-ikbar azzjonisti tal-Bank Rossiya u li huwa jagħmel ukoll parti minn grupp ta’ azzjonisti storiċi stabbli ta’ dan il-bank. |
|
136 |
Għalhekk, peress li r-rikorrent huwa azzjonist sinjifikattiv tal-Bank Rossiya u li dan il-bank jipparteċipa fl-appoġġ jew fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet jew politiċi mmexxija mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa kontra s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, għandu jitqies li l-Kunsill stabbilixxa b’mod suffiċjenti fid-dritt rabta diretta jew indiretta bejn l-attivitajiet jew l-azzjonijiet tar-rikorrent u s-sitwazzjoni fl-Ukraina, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 124 iktar ’il fuq. |
|
137 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li indika r-rikorrent waqt is-seduta, l-elementi msemmija fil-punti 132 sa 136 iktar ’il fuq ma jistgħux jitqiesu li jmorru kontra s-sentenzi tal‑10 ta’ April 2024, Aven vs Il‑Kunsill (T‑301/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:214), u tal‑10 ta’ April 2024, Fridman vs Il‑Kunsill (T‑304/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2024:215). Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li, fl-assenza ta’ kwalunkwe element fattwali li jippermetti li jitqies li bank kien wettaq atti li jaqgħu taħt il-kriterji (a) u (d), ma kienx possibbli li jiġi konkluż li l-azzjonisti ta’ tali bank, anki jekk sinjifikattivi, setgħu jiġu inklużi fil-listi tal-miżuri restrittivi. |
|
138 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kunsill seta’, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, iqis li, fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Marzu 2023, ir-rikorrent kien jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-kriterju (a). |
2) Fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni relatat mal-kriterju (d)
|
139 |
Fir-rigward tal-kriterju (d), ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-provi kollha prodotti mill-Kunsill ma jistabbilixxux li huwa jappoġġa materjalment jew finanzjarjament lill-President tal-Federazzjoni Russa, u lanqas li huwa jibbenefika minnu. |
|
140 |
Huwa jindika li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Timchenko vs Il‑Kunsill (T‑252/22, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2023:496), ebda wieħed mid-dokumenti invokati mill-Kunsill ma jidentifika konkretament l-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Bank Rossiya lill-President tal-Federazzjoni Russa, peress li tali element ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi fatt li l-Bank Rossiya hija l-bank ta’ dan tal-aħħar. |
|
141 |
Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-Kunsill li r-rikorrent jipprovdi appoġġ materjali jew finanzjarju lill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-invażjoni tal-Ukraina permezz tal-azzjonijiet tiegħu kemm fil-mument tal-kriżi tal-COVID-19 kif ukoll permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-Kunsill tal-Affarijiet Russi-Ċiniżi, huwa jindika li huwa jaġixxi biss fuq il-bażi ta’ interessi kummerċjali li ma għandhomx bżonn jiġu orkestrati mill-Istat u li, kif dejjem iddikjara, huwa qatt ma segwa linji gwida li kienu ddettati lilu mill-awtoritajiet governattivi Russi. |
|
142 |
Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
143 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dokument 8 tal-fajl WK ta’ żamma 1, li huwa artiklu meħud mis-sit internet “eastwest.eu”, jirrileva b’mod partikolari li l-analiżi tal-Panama Papers enfasizzat it-tekniki finanzjarji implimentati mill-Bank Rossiya sabiex jiġu ddevjati x-“xmajjar” ta’ dollari favur il-qraba taċ-ċirku ta’ madwar V. Putin. |
|
144 |
Din l-informazzjoni hija kkonfermata mill-artiklu tal-gazzetta The Guardian mehmuż mal-Anness B 19 B, intitolat “It-traċċa tal-flus ta’ 2 biljun dollaru offshore li twassal għal Vladimir Putin” u li, minn ħidma investigattiva mmexxija minn diversi ġurnalisti abbażi tal-Panama Papers, juri l-mod kif fondi, li inizjalment jirriżultaw minn self u li kienu jgħaddu minn kumpanniji offshore u permezz ta’ Bank Rossiya, kienu jibbenefikaw lill-President tal-Federazzjoni Russa u lill-ħbieb tiegħu, jiġifieri I. Kovalchuk u S. Rolduguin. |
|
145 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rabta li teżisti bejn il-grupp tal-azzjonisti stabbli tal-Bank Rossiya u, konsegwentement ma’ dan il-bank, il-President tal-Federazzjoni Russa hija kkonfermata mid-dokument 7 tal-fajl WK inizjali addizzjonali, f’dan il-każ l-artiklu tan-Novaya Solieta intitolat “15‑il sena tal-lagi l-iktar opaki tad-dinja”. Dan l-artiklu ta’ gazzetta, għalkemm inkiteb qabel l-invażjoni tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa, jinkludi madankollu informazzjoni rilevanti. Fil-fatt, dan jenfasizza l-fatt li r-rabtiet li jgħaqqdu ċ-ċirku żgħir tal-ħbieb tal-President tal-Federazzjoni Russa, iktar komunement imsejjaħ iċ-“ċirku ta’ Dacha Ozero”, li minnu jagħmlu parti jew huma qrib ir-rikorrent kif ukoll I. Kovalchuk u K. Shamalov, huma bbażati fuq ħbiberija antika li fuqha ġie strutturat il-kapitaliżmu Russu kollu għal kważi tletin sena. Fir-rigward ta’ S. Rolduguin, dan huwa deskritt bħala l-ikbar ħabib tal-President tal-Federazzjoni Russa mill-artiklu tal-Guardian imsemmi fil-punt 139 iktar ’il fuq. |
|
146 |
Issa, mill-elementi msemmija fil-punti 143 sa 145iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bank Rossiya tagħti appoġġ finanzjarju lill-President tal-Federazzjoni Russa. |
|
147 |
Minn dan jirriżulta li l-Kunsill seta’ jqis, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, li r-rikorrent, fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist sinjifikattiv tal-Bank Rossiya, appoġġja finanzjarjament lill-President tal-Federazzjoni Russa, u konsegwentement li huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-kriterju (d). |
|
148 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għall-annullament tal-atti ta’ Marzu 2023 għandha tiġi miċħuda. |
b) Fuq l-allegat żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-atti ta’ Settembru 2023
|
149 |
Fir-rigward tal-atti ta’ Settembru 2023, għandu jiġi rrilevat li t-talba għall-annullament ta’ dawn l-atti hija bbażata fuq żewġ partijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq l-assenza ta’ valur probatorju tad-dokumenti miġbura fil-fajls WK addizzjonali ta’ żamma 2 u t-tieni waħda fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi skont il-kriterji (a), (d) u (g), kif emendat. |
1) Fuq il-valur probatorju tad-dokumenti li jinsabu fil-fajls WK addizzjonali ta’ żamma 2
|
150 |
Fir-rigward tal-kontestazzjoni tal-valur probatorju tad-dokumenti li jinsabu fil-fajls WK addizzjonali ta’ żamma 2, ir-rikorrent isostni li, b’mod ġenerali, id-dokumenti li jinsabu fihom ma jikkostitwixxux analiżi jew rapporti mwettqa mill-Kunsill, iżda huma sempliċi kompilazzjoni ta’ dokumenti, ta’ ritratti tal-iskrin u ta’ estratti li tqiegħdu wieħed wara l-ieħor, mingħajr ma huwa f’pożizzjoni li jiddetermina dak li l-Kunsill għandu l-intenzjoni li juri konkretament bl-għajnuna ta’ dawn id-dokumenti, u lanqas li jiddetermina l-konklużjonijiet li huwa jislet minnhom. |
|
151 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-attività tal-qorti tal-Unjoni hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi u li l-uniku kriterju sabiex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. F’dan ir-rigward, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-plawżibbiltà tal-informazzjoni li tinsab fiha, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tat-tfassil tiegħu u d-destinatarju tiegħu, u jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx li jagħmel sens u li huwa affidabbli (ara s-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour vs Il‑Kunsill, T‑461/16, EU:T:2018:316, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il‑Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 95 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
152 |
Fl-assenza ta’ setgħat ta’ investigazzjoni f’pajjiżi terzi, l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet tal-Unjoni għandha, fil-fatt, tkun ibbażata fuq sorsi ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, rapporti, artikli tal-istampa, rapporti tas-servizzi sigrieti jew sorsi oħra ta’ informazzjoni simili (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2018, Kim et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑533/15 u T‑264/16, EU:T:2018:138, punt 107, u tal‑1 ta’ Ġunju 2022, Prigozhin vs Il‑Kunsill, T‑723/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:317, punt 59). |
|
153 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni ta’ kunflitt li fiha huma involuti l-Federazzjoni Russa u l-Ukraina tirrendi fil-prattika partikolarment diffiċli l-aċċess għal ċerti sorsi, l-indikazzjoni espressa tas-sors primarju ta’ ċerta informazzjoni kif ukoll l-eventwali ġbir ta’ xhieda minn persuni li jaċċettaw li jiġu identifikati. Id-diffikultajiet ta’ investigazzjoni li jirriżultaw jistgħu għalhekk jikkontribwixxu sabiex jipprekludu l-produzzjoni ta’ provi preċiżi u elementi ta’ informazzjoni oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il‑Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
154 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, f’dak li jirrigwarda l-atti ta’ Settembru 2023, l-estratti tar-rapport imfassal minn Iwona Wisniewska, ippubblikat f’Ottubru 2018, intitolat “Priceless Friendship (Ħbiberija mingħajr prezz)” u li l-Kunsill kellu aċċess għalih f’April 2023, li jinsabu fil-paġni 227 sa 232 tal-fajl WK ta’ żamma 2, huma utli sabiex tiġi analizzata l-fondatezza tal-miżuri restrittivi li għalihom huwa suġġett ir-rikorrent. |
|
155 |
Għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma jipproduċi ebda prova oġġettiva ta’ natura li tqiegħed fid-dubju l-valur probatorju ta’ dan id-dokument, li l-qari tiegħu juri li l-analiżi żviluppata fih hija bbażata fuq elementi oġġettivi u serji, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrent. |
|
156 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 152 u 153 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li juża, bħal f’dan il-każ, rapporti dwar is-sitwazzjoni tal-Federazzjoni Russa sabiex jipproduċi l-prova tal-fondatezza tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi. |
|
157 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li l-Kunsill kellu jibbaża ruħu fuq l-analiżi tiegħu stess tas-sitwazzjoni eżistenti fil-Federazzjoni Russa, peress li tali analiżi ma setgħetx titqies li tikkostitwixxi prova, billi ma ġietx minn terz. |
|
158 |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-ilmenti tar-rikorrent dwar il-valur probatorju tad-dokument imsemmi fil-punt 154 iktar ’il fuq għandhom jiġu miċħuda. |
2) Fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni relatat mal-kriterju (a)
|
159 |
Fir-rigward tal-kriterju (a), għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma weriex li s-sitwazzjoni personali tiegħu kienet evolviet, sa fejn, b’mod partikolari, jibqa’ azzjonist indirett sinjifikattiv tal-Bank Rossiya, u lanqas ma wera li dan il-bank kien temm il-politika tiegħu intiża li tikkontribwixxi għall-annessjoni ekonomika tal-Krimea. |
|
160 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma weriex li l-inklużjoni tiegħu abbażi tal-kriterju (a) kienet ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni. |
3) Fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni relatat mal-kriterju (d)
|
161 |
Fir-rigward tal-kriterju (d), għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma weriex li s-sitwazzjoni personali tiegħu kienet evolviet, sa fejn, b’mod partikolari, jibqa’ azzjonist indirett sinjifikattiv tal-Bank Rossiya, u lanqas ma wera li dan il-bank kien temm l-appoġġ finanzjarju tiegħu favur il-President tal-Federazzjoni Russa. |
|
162 |
Barra minn hekk, l-estratti tar-rapport intitolat “Priceless Friendship (Ħbiberija mingħajr prezz)”, imsemmi fil-punt 154 iktar ’il fuq, juru li, wara s-sanzjonijiet imposti kontrih, ir-rikorrent, f’April 2017, ibbenefika minn liġi kklassifikata minn ċerti bħala l-“liġi Timchenko”, li permezz tagħha huwa bbenefika minn eżenzjonijiet fiskali. Barra minn hekk, dawn l-istess estratti jsemmu l-fatt li l-kumpanniji Novatek u Sakhatrans irċevew għajnuna mingħand il-Gvern tal-Federazzjoni Russa, rispettivament, fl‑2015, sa RUB 150 biljun (madwar EUR 2.2 biljun ta’ dak iż-żmien) u, fl‑2016, fl-ammont ta’ RUB 1.5 biljun (madwar EUR 20 miljun ta’dak iż-żmien). Issa, mid-dokument 6 tal-fajl WK inizjali jirriżulta li r-rikorrent huwa, permezz ta’ Volga Group, li huwa proprjetarju tagħha b’mod sħiħ, azzjonist ta’ waħda u l-oħra minn dawn il-kumpanniji sa, rispettivament, 23 % u 89 %, mingħajr ma juri l-kuntrarju. |
|
163 |
Dawn l-elementi juru għalhekk li r-rikorrent jikseb vantaġġ, fis-sens tal-kriterju (d), minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. |
|
164 |
Għalhekk, peress li l-elementi diġà msemmija fil-punti 143 sa 148 iktar ’il fuq baqgħu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023 u peress li l-Kunsill, barra minn hekk, wera li r-rikorrent kien jikseb vantaġġ mill-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina, il-Kunsill, mingħajr ma wettaq żball, seta’ jqis, waqt l-adozzjoni tal-imsemmija atti, li r-rikorrent kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-kriterju (d). |
4) Fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni dwar il-kriterju (g), kif emendat
|
165 |
Kif jirriżulta mill-punti 92 u 93 iktar ’il fuq, l-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat, teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, fl-ewwel lok, li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “negozjant ewlieni”, li jimplika li hija tkun importanti għall-ekonomija Russa fid-dawl, b’mod partikolari, tal-istatus professjonali tagħha, tal-importanza tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha, tal-portata tal-assi kapitali tagħha jew tal-funzjonijiet tagħha fi ħdan impriża waħda jew iktar li fihom hija topera u, fit-tieni lok, li l-persuna kkonċernata topera fi ħdan il-Federazzjoni Russa. |
|
166 |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, ir-rikorrent huwa negozjant li għandu azzjonijiet f’diversi kumpanniji stabbiliti fir-Russja permezz tal-kumpannija holding Volga Group, li tagħha huwa l-uniku azzjonist. |
|
167 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dokument 6 tal-fajl WK inizjali kif ukoll ir-rikors juru, minn naħa, li dan tal-aħħar huwa proprjetarju prinċipalment, permezz ta’ Volga Group, 100 % ta’ Transoil, 10.323 % ta’ Bank Rossiya, 89 % ta’ Sakhatrans, 23 % ta’ Novatek kif ukoll 12.5 % ta’ Sogaz u, min-naħa l-oħra, li l-kumpanniji li jikkostitwixxu dan il-grupp, li jimpjegaw 90000 persuna, jiġġeneraw dħul annwali kkonsolidat tal-ekwivalenti ta’ 116 biljun dollaru tal-Istati Uniti. |
|
168 |
Issa, peress li r-rikorrent ma invokax elementi li jikkontestaw il-veraċità u l-attwalità tal-informazzjoni msemmija fil-punt 167 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ipproduċa l-prova li huwa kien negozjant ewlieni minħabba l-importanza tal-assi kapitali tiegħu. |
|
169 |
Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, dwar l-eżerċizzju ta’ attivitajiet fil-Federazzjoni Russa, għandu jiġi rrilevat li din hija ssodisfatta, peress li l-impriżi msemmija fil-punt 167 iktar ’il fuq huma kollha stabbiliti u joperaw fil-Federazzjoni Russa. |
|
170 |
Minn dan isegwi li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta, bl-adozzjoni tal-atti ta’ Settembru 2023, qies li r-rikorrent kien jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ewwel parti tal-kriterju (g), kif emendat. |
|
171 |
Minn dan jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
5. Fuq il-ħames motiv, dwar il-ksur tad-dritt fundamentali tar-rikorrent għal-libertà ta’ moviment bħala ċittadin tal-Unjoni
|
172 |
Permezz tal-ħames motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-miżuri restrittivi li huwa suġġett għalihom jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 TFUE kif ukoll dawk tal-Artikolu 45(1) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
|
173 |
Huwa jenfasizza li, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, ma huwiex possibbli, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċjali f’dan is-sens, li jiġi ristrett il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE, dwar il-libertà ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni. |
|
174 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li, kuntrarjament għal dak li diġà ġie deċiż fis-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill (T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926), il-miżuri restrittivi meħuda abbażi tal-Artikolu 29 TUE ma jistgħux jitqiesu li huma lex specialis u li jistgħu jidderogaw mit-testi leġiżlattivi adottati abbażi tal-Artikolu 21 TFUE, fosthom b’mod partikolari d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), li l-Artikolu 27 tagħha jippermetti li tiġi limitata, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-libertà ta’ moviment biss għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. |
|
175 |
Barra minn hekk, huwa jsostni li l-analiżi tal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati tal-Unjoni turi li teżisti tradizzjoni kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri li tipprovdi li l-libertà ta’ moviment tista’ tiġi ristretta biss għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika u taħt stħarriġ ġudizzjarju strett. |
|
176 |
Minn dan ir-rikorrent jikkonkludi li l-kontradizzjoni eżistenti bejn il-prattika tal-Unjoni u l-imsemmija tradizzjoni kostituzzjonali komuni timplika li l-atti kkontestati jiksru l-Artikolu 21 TFUE u l-Artikoli 45 u 52 tal-Karta. |
|
177 |
Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti. |
|
178 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, meta ġiet mistoqsija waqt is-seduta, ir-rikorrent indika u kkonferma li huwa ma qajjimx eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/145, sa fejn dan l-artikolu kien jipprevedi li l-Istati Membri kellhom jipprojbixxu l-passaġġ fit-territorju tagħhom tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi. Huwa żied li huwa kien qiegħed jikkontesta, min-naħa l-oħra, il-legalità tal-miżuri li kien suġġett għalihom sa fejn, b’mod partikolari, dawn ma kinux josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
179 |
Għandu jiġi rrilevat li d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, stabbilit fl-Artikolu 45(1) tal-Karta, huwa eżerċitat, konformement mal-Artikolu 52(2) tagħha, fil-kundizzjonijiet u fil-limiti ddefiniti mit-Trattati. Kif jirriżulta mill-iSpjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), id-dritt iggarantit mill-Artikolu 45(1) tal-Karta huwa d-dritt iggarantit mill-Artikolu 20(2)(a) TFUE. Il-portata ta’ dan id-dritt hija spjegata fl-Artikolu 21 TFUE. |
|
180 |
Skont l-Artikolu 21(1) TFUE, il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri tiġi eżerċitata suġġetta għal-limitazzjonijiet u kundizzjonijiet previsti mit-Trattati u mid-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tagħhom. L-imsemmija riżerva, ifformulata fit-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 21(1) TFUE, li tirreferi għat-Trattati, fil-plural, tinkludi wkoll it-Trattat UE u d-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tiegħu. Minn dan isegwi li limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu u għar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 45(1) tal-Karta jistgħu jiġu imposti mid-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-PESK li huma adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE, bħalma huma d-Deċiżjonijiet 2023/572 u 2023/1767 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punti 195 u 196, u tal‑4 ta’ Diċembru 2015, Sarafraz vs Il‑Kunsill, T‑273/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:939, punti 194 u 195). |
|
181 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-qasam tal-PESK, l-Artikolu 29 TUE, li l-formulazzjoni tiegħu saret f’termini wiesgħa, jagħti l-kompetenza lill-Kunsill sabiex jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-pożizzjoni tal-Unjoni fuq kwistjoni partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika, sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 21(2) TUE, anki jekk minn dan tirriżulta limitazzjoni tal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-territorju ta’ Stati Membri li ma humiex ċittadini tagħhom. Dan jimplika li din il-libertà tista’, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, tiġi ristretta għal raġunijiet differenti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/38. |
|
182 |
Dan huwa l-każ hawnhekk peress li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma intiżi li jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Fil-fatt, dan huwa għan ta’ interess ġenerali li jaqa’ taħt dawk segwiti fil-kuntest tal-PESK u msemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (c) TUE, bħall-konsolidazzjoni u ż-żamma tad-demokrazija, tal-Istat tad-Dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali kif ukoll iż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u tal-protezzjoni tal-populazzjonijiet ċivili (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 176). |
|
183 |
Madankollu, sabiex ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 45(1) tal-Karta għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha, li jimplika li dawn għandhom ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet, ikollhom għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni u ma jkunux sproporzjonati. Din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll għad-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta li huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne,C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 46, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Agenzia delle dogane e dei monopoli u Ministero dell’ Economia e delle Finanze, C‑452/20, EU:C:2021:855, punt 60). Għaldaqstant, il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 45(1) tal-Karta, magħmula fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-PESK, għandhom jissodisfaw l-imsemmija kundizzjonijiet. |
|
184 |
F’dan il-każ, l-ewwel nett, il-limitazzjonijiet tad-dritt tar-rikorrent li jiċċaqlaq liberament fit-territorju tal-Istati Membri li jirriżultaw mid-Deċiżjonijiet 2023/572 u 2023/1767 huma “previsti mil-liġi”, peress li huma stabbiliti f’atti li għandhom, b’mod partikolari, portata ġenerali, jiġifieri d-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329, u li għandhom bażi legali ċara fid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 29 TUE. |
|
185 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-limitazzjonijiet imsemmija fil-punt 184 iktar ’il fuq josservawx l-“essenza” tad-dritt tar-rikorrent li jiċċaqlaq liberament fit-territorju tal-Istati Membri, għandha tingħata importanza lin-natura u lill-portata tal-miżuri restrittivi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Lulju 2022, RT France vs Il‑Kunsill, T‑125/22, EU:T:2022:483, punt 153). |
|
186 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-limitazzjonijiet imsemmija fil-punt 184 iktar ’il fuq josservaw l-“essenza” tad-dritt tar-rikorrent li jiċċaqlaq liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Fil-fatt, qabel kollox, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329, l-imsemmija limitazzjonijiet josservaw il-prinċipju tad-dritt internazzjonali li jgħid li Stat ma jistax jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dritt li jidħlu fit-territorju tiegħu u li jibqgħu hemmhekk. Sussegwentement, skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329, il-listi kontenzjużi huma suġġetti għal eżami mill-ġdid perijodiku sabiex l-ismijiet tal-persuni li ma jissodisfawx iktar il-kriterji ta’ inklużjoni jitħassru. Fl-aħħar nett, l-imsemmija limitazzjonijiet ma jikkontestawx dan id-dritt bħala tali, peress li għandhom l-effett li jissospendu temporanjament, f’kundizzjonijiet speċifiċi u minħabba s-sitwazzjoni individwali ta’ ċerti persuni, id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fit-territorju tal-Istati Membri, sakemm l-imsemmija kundizzjonijiet jibqgħu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne,C‑650/13, EU:C:2015:648, punt 48). |
|
187 |
It-tielet nett, il-limitazzjonijiet imsemmija fil-punt 184 iktar ’il fuq huma intiżi li jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi, sabiex dawn itemmu l-azzjonijiet u l-politiki tagħhom ta’ destabbilizzazzjoni tal-Ukraina. Fil-fatt, dan huwa għan ta’ interess ġenerali li jaqa’ taħt dawk segwiti fil-kuntest tal-PESK u msemmija fl-Artikolu 21(2)(b) u (c) TUE, bħall-konsolidazzjoni u ż-żamma tad-demokrazija, tal-Istat tad-Dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali kif ukoll iż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u tal-protezzjoni tal-populazzjonijiet ċivili (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 176). |
|
188 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju, inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tingħażel l-inqas waħda oneruża, u l-inkonvenjenti li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
189 |
Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-limitazzjonijiet imsemmija fil-punt 184 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent baqa’ ma weriex li l-Kunsill seta’ jipprevedi li jadotta miżuri inqas restrittivi, iżda daqstant xierqa bħal dawk previsti. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni hija marbuta ma’ sistema ta’ derogi msemmija fl-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329, li tawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw mill-miżuri imposti, b’mod partikolari meta ċ-ċaqliq ta’ persuna jkun iġġustifikat għal raġunijiet umanitarji urġenti. |
|
190 |
Barra minn hekk, filwaqt li jiġu rrikonoxxuti l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni għar-rikorrenti kif deskritti minn dan tal-aħħar, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-importanza tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija miżuri, il-limitazzjonijiet imsemmija fil-punt 184 iktar ’il fuq ma humiex sproporzjonati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 71). |
|
191 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li r-rikorrent ma jistax igawdi mill-proprjetajiet immobbli li huwa għandu fl-Unjoni minħabba r-restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment li huwa suġġett għaliha ma jikkostitwixxix restrizzjoni sproporzjonata fid-dawl tal-importanza tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija miżuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 71). |
|
192 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri ma jistabbilixxux dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tagħhom. Minn dan jirriżulta li r-rikorrent ma għandux raġun issostni li l-imsemmija tradizzjonijiet huma ta’ natura li jillimitaw il-kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta, fil-kuntest tal-PESK, restrizzjonijiet tal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini għal raġunijiet li ma humiex l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika. |
|
193 |
Minn dan isegwi li l-limitazzjonijiet għad-dritt tar-rikorrent li jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri josservaw il-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati. |
|
194 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud. |
6. Fuq is-sitt motiv, dwar il-ksur tal-Artikoli 7 u 17 tal-Karta fir-rigward tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri
|
195 |
Permezz tas-sitt motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-miżuri restrittivi li huwa suġġett għalihom jiksru l-Artikoli 7 u 17 tal-Karta li jipproteġu d-dritt għall-proprjetà u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. |
|
196 |
Huwa jenfasizza li l-preġudizzju kkawżat lid-dritt għall-proprjetà ġie msaħħaħ mill-fatt li, permezz tar-Regolament (UE) 2022/1273 tal‑21 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 194, p. 1), il-Kunsill daħħal fir-Regolament Nru 269/2014 Artikolu 9 ġdid, li l-paragrafi 2 u 3 tiegħu jimponu fuq il-persuni li isimhom huwa inkluż fil-listi kontenzjużi li jiddikjaraw il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru li jappartjenu lilhom jew li huma jippossjedu, iżommu jew jikkontrollaw, filwaqt li l-assenza ta’ din id-dikjarazzjoni hija kkunsidrata bħala evażjoni tal-miżuri restrittivi. |
|
197 |
Huwa jindika li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat bir-Regolament 2022/1273 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/880 tat‑3 ta’ Ġunju 2022 (ĠU 2022, Vol. 153, p. 75), hija ta’ natura li toħloq riskju ta’ konfiska tal-beni u tal-assi tiegħu. |
|
198 |
Huwa jsostni li l-ksur tad-dritt għall-proprjetà permezz tal-miżuri restrittivi jikkostitwixxi ndħil illegali fid-dawl tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. |
|
199 |
Għal dan l-għan, huwa jindika li d-drittijiet nazzjonali jawtorizzaw iffriżar tal-beni u tal-assi biss bil-kundizzjoni li tkun teżisti rabta kawżali bejn l-aġir personali tal-individwu u l-beni jew l-assi ffriżati, li jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta attiv ikun ippermetta t-twettiq ta’ reat jew jikkostitwixxi r-rikavat ta’ dan ir-reat. |
|
200 |
Barra minn hekk, huwa jsostni li l-miżuri restrittivi li huwa suġġett għalihom jippreġudikaw ir-reputazzjoni tiegħu u jimplikaw, konsegwentement, ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu, minħabba li l-fatt li jiġi indikat bħala responsabbli għall-appoġġ tal-azzjonijiet u tal-politiki li jikkompromettu l-integrità territorjali tal-Ukraina jxejjen il-persuna tiegħu għal atti li ma huwiex responsabbli għalihom. |
|
201 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma jqajjimx eċċezzjoni ta’ illegalità kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 269/2014 u dawk tad-Deċiżjoni 2014/145 li jipprevedu l-iffriżar tal-beni u tal-assi tal-persuni li isimhom huwa inkluż fil-listi kontenzjużi u d-derogi relatati ma’ dawn il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, u lanqas ma jikkontesta, permezz tal-eċċezzjoni, il-legalità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat bir-Regolament 2022/1273 flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat bir-Regolament 2022/880. |
|
202 |
Għalhekk, fin-nuqqas tar-rikorrent li jinvoka, permezz tal-eċċezzjoni, l-illegalità tal-imsemmija dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma tistax tinvalida l-miżuri restrittivi li huwa suġġett għalihom minħabba li d-dispożizzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn il-miżuri huma illegali. |
|
203 |
Fir-rigward, barra minn hekk, tal-ksur tad-dritt għall-ħajja privata u tad-dritt għall-proprjetà permezz tal-miżuri restrittivi li r-rikorrent huwa suġġett għalihom, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija miżuri jikkostitwixxu miżuri kawtelatorji li ma għandhomx l-għan li jċaħħdu lill-persuni kkonċernati minn dawn id-drittijiet, stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 7 u fl-Artikolu 17 tal-Karta. Madankollu, dawn il-miżuri jwasslu inkontestabbilment f’dan il-każ għal limitazzjoni tal-imsemmija drittijiet fundamentali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2014, Al Assad vs Il‑Kunsill, T‑202/12, EU:T:2014:113, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
204 |
Madankollu, kif tfakkar fil-punt 183 iktar ’il fuq, sabiex ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tagħha, jiġifieri li l-miżuri għandhom ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet, ikollhom għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni u ma jkunux sproporzjonati. |
|
205 |
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-erba’ kundizzjonijiet huma ssodisfatti. |
|
206 |
L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju mir-rikorrent tad-dritt għall-proprjetà tiegħu kif ukoll għall-ksur tad-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata huma “previsti mil-liġi”, peress li huma stabbiliti f’atti li għandhom, b’mod partikolari, portata ġenerali, jiġifieri d-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 u r-Regolament Nru 269/2014 kif emendat bir-Regolament 2022/330, u li għandhom bażi legali ċara fid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, rispettivament, l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215 TFUE. |
|
207 |
It-tieni nett, peress li l-atti kkontestati japplikaw għaż-żmien ta’ sitt xhur u huma suġġetti għal monitoraġġ kostanti, bħalma huwa previst fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329, il-limitazzjonijiet imsemmija fil-punt 206 iktar ’il fuq huma temporanji u reversibbli. Għaldaqstant, għandu jitqies li dawn ma jippreġudikawx il-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja kif ukoll tad-dritt tagħha għall-proprjetà. Barra minn hekk, l-atti kkontestati jipprevedu l-possibbiltà li jingħataw derogi mill-miżuri restrittivi applikati. B’mod partikolari, fir-rigward tal-iffriżar ta’ fondi, l-Artikolu 2(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif emendata bid-Deċiżjoni 2022/329 u l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 269/2014 kif emendat bir-Regolament 2022/330, jipprevedu l-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jintlaħqu ċerti bżonnijiet essenzjali jew jiġu ssodisfatti ċerti impenji u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu li fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi oħra ma jibqgħux iffriżati. |
|
208 |
It-tielet nett, il-limitazzjonijiet imsemmija fil-punt 206 iktar ’il fuq jirrigwardaw l-għan ta’ interess ġenerali msemmi fil-punt 187 iktar ’il fuq. |
|
209 |
Ir-raba’ nett, fir-rigward tan-natura xierqa ta’ dawn il-limitazzjonijiet, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li dawn huma xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali msemmi fil-punt 187 iktar ’il fuq, sa fejn dawn jikkontribwixxu għat-twettiq tiegħu. Sussegwentement, fir-rigward tan-natura neċessarja tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jinvokax miżuri alternattivi u inqas vinkolanti li jippermettu li jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi l-għanijiet imfittxija. Fl-aħħar nett, dawn huma restrizzjonijiet temporanji u reversibbli li jipprovdu possibbiltajiet għal derogi. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-inkonvenjenzi kkawżati lir-rikorrent ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-importanza tal-għan imfittex minn dawn l-atti. |
|
210 |
Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrent bbażat fuq l-eżistenza ta’ tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri dwar id-dritt għall-proprjetà għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minbarra l-fatt li r-rikorrent jibbaża ruħu fuq numru limitat ta’ analiżi tad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, għandu jiġi rrilevat li huwa ma weriex li dawn id-drittijiet nazzjonali jeżiġu l-osservanza ta’ kundizzjonijiet sostanzjalment differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
|
211 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
7. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
|
212 |
Permezz tar-raba’ motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-miżuri inkwistjoni jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn, l-ewwel, la huma xierqa u lanqas neċessarji, it-tieni, l-interpretazzjoni magħmula mill-Kunsill tal-kriterji (a) u (d) għandha l-effett li tissanzjona possibbilment kull azzjonist ta’ kumpannija Russa li, permezz tal-attività tagħha, tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ġid, u, it-tielet, huwa ma għandu l-ebda influwenza personali fuq il-President tal-Federazzjoni Russa. |
|
213 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet diġà msemmija fil-punti 189, 190 u 209 iktar ’il fuq, il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma neċessarji u xierqa u ma jiksrux il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
214 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-interpretazzjoni wiesgħa wisq tal-kriterji (a) u (d), għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jindika r-rikorrent, l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kriterji mill-Kunsill ma għandhiex l-effett li tapplika għal kwalunkwe azzjonist ta’ kumpannija li tikkontribwixxi għall-ekonomija Russa, iżda, kif jirriżulta mill-punti 135 u 136 iktar ’il fuq, għal kull azzjonist sinjifikattiv ta’ kumpannija li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn dawn iż-żewġ kriterji. |
|
215 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tiegħu, indipendentement mill-fatt li r-rikorrent jikkontesta li huwa involut fl-azzjonijiet jew politiki tal-mexxejja tal-Federazzjoni Russa jew li jista’ jeżerċita kwalunkwe influwenza fuqhom, għandu jiġi kkonstatat li r-restrizzjonijiet tal-libertà ta’ moviment fl-Istati Membri tal-Unjoni, bħalma huma l-iffriżar tal-fondi jew tar-riżorsi tal-persuni li isimhom huwa inkluż fil-listi kontenzjużi, huma ta’ natura li jagħmlu pressjoni mhux biss fuq dawn il-persuni, iżda wkoll fuq il-funzjonament ġenerali tal-ekonomija Russa, u fl-aħħar nett, tal-inqas pressjoni indiretta fuq il-mexxejja tal-Federazzjoni Russa, li huwa konformi mal-għan imfittex mill-miżuri restrittivi, kif imsemmi fil-punt 182 iktar ’il fuq. |
|
216 |
Minn dan jirriżulta li għandu jiġi miċħud ir-raba’ motiv, kif ukoll it-talba għal annullament kollha kemm hi. |
B. Fuq it-talba għall-kumpens
|
217 |
Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrent isostni li l-atti kkontestati kkawżawlu dannu morali li għalih huwa qiegħed jitlob kumpens. |
|
218 |
Il-Kunsill jitlob li din it-talba tiġi miċħuda. |
|
219 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba aġir illegali tal-korpi tagħha, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa suġġett għall-fatt li jiġi ssodisfatt sett ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Sa fejn dawn it-tliet kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà huma kumulattivi, l-assenza ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex jiġi miċħud rikors għad-danni, mingħajr ma jkun għaldaqstant neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Haswani vs Il‑Kunsill, T‑479/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:383, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
220 |
Fir-rigward tad-dannu allegatament imġarrab minħabba l-adozzjoni tal-atti kkontestati, mill-konstatazzjonijiet esposti fir-rigward tat-talbiet għal annullament jirriżulta li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi ma hijiex ivvizzjata b’illegalità. Għaldaqstant, peress li waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 219 iktar ’il fuq hija nieqsa, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda. |
|
221 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
IV. Fuq l-ispejjeż
|
222 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, kif mitlub minn dan tal-aħħar. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Mastroianni Brkan Gâlea Tóth Kalėda Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, it-2 ta’ April 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.