Brussell, 21.5.2024

COM(2024) 209 final

2024/0114(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati biex jiġu aġġornati ċerti klawżoli ta’ estinzjoni fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għat-Tibdil fil-Klima


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni biex tinbidel id-data ta’ żewġ klawżoli ta’ estinzjoni, fir-rigward tal-klassijiet tal-proġetti G u I, rispettivament, tal-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għat-Tibdil fil-Klima (“CCSU”, Climate Change Sector Understanding) tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.L-Arranġament

L-Arranġament huwa “ftehim informali” bejn l-UE, l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Awstralja, New Zealand, it-Turkija u r-Renju Unit, li jipprovdi qafas għall-użu ordnat ta’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. Fil-prattika, dan ifisser li jistabbilixxi regoli li jaħdmu biex jeliminaw is-sussidji u d-distorsjonijiet kummerċjali relatati mal-krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. L-Arranġament daħal fis-seħħ f'April 1978, huwa għal durata indefinita u, għalkemm jirċievi s-sostenn amministrattiv tas-Segretarjat tal-OECD, mhuwiex Att tal-OECD 1 .

L-Arranġament huwa soġġett għal aġġornamenti regolari, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tas-suq finanzjarju u tal-politika li jaffettwaw l-għoti ta’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. L-Arranġament ġie traspost, u għalhekk sar legalment vinkolanti fl-UE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 . Ir-reviżjonijiet tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-Arranġament huma inkorporati fid-dritt tal-UE permezz ta’ Atti delegati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011.

Is-CCSU huwa anness tal-Arranġament li jipprovdi termini massimi ta’ ripagament aktar flessibbli għal proġetti li ma jagħmlux ħsara lill-klima, biex jinċentiva l-finanzjament tagħhom u l-għan huwa li jiġu pprovduti termini u kundizzjonijiet finanzjarji adegwati għal proġetti f’setturi magħżula identifikati bħala li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, inklużi l-enerġija rinnovabbli, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u proġetti ta’ effiċjenza enerġetika għolja, l-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll proġetti tal-ilma.

2.2.Il-Parteċipanti fl-Arranġament

Il-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta lill-Unjoni fil-laqgħat tal-Parteċipanti fl-Arranġament (“Parteċipanti”), kif ukoll fil-proċeduri bil-miktub għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Parteċipanti. Id-deċiżjonijiet kollha dwar l-emendi tal-Arranġament jittieħdu b’kunsens.

2.3.L-att previst tal-Parteċipanti

Fl-2023, il-Parteċipanti żiedu mas-CCSU għadd ta’ klassijiet ġodda ta’ proġetti li jistgħu jiġu appoġġati skont it-termini tiegħu. Għal tnejn minn dawn, il-klassijiet tal-proġetti G (Manifattura b’emissjonijiet baxxi) u I (Minerali u Minerali mhux Maħduma ta’ Enerġija Nadifa), ġie miftiehem li l-kapaċità li jiġu appoġġati tranżazzjonijiet f’dawn il-klassijiet bil-flessibbiltajiet tas-CCSU tiġi vvalutata fuq bażi individwali minħabba li ma kienx possibbli li jintlaħaq qbil dwar kriterji biex jiġu definiti dawn il-klassijiet ta’ proġetti, b’mod partikolari peress li ma kien hemm l-ebda kriterju eżistenti maqbul internazzjonalment disponibbli. Barra minn hekk, bl-intenzjoni li l-Parteċipanti jiġu inċentivati jaqblu dwar il-kriterji, ġew inklużi klawżoli ta’ estinzjoni għaż-żewġ klassijiet tal-proġetti, kif ġej: “Wara t-30 ta’ Ġunju 2024, din il-klassi ta’ proġetti għandha titwaqqaf sakemm il-Parteċipanti ma jaqblux mod ieħor. Fl-istess ħin, il-Parteċipanti se jirrieżaminaw l-istandards internazzjonali żviluppati sa dak iż-żmien u jiddeċiedu jekk humiex se jinkorporawhom f’din l-entrata.”

Għalkemm ma ntlaħaq qbil dwar l-ebda kriterju u l-ebda proġett ma ġie appoġġat taħt iż-żewġ klassijiet ta’ proġetti, huwa fl-interess tal-UE li żżomm il-possibbiltà li tapprova proġetti individwali taħt dawn il-klassijiet ta’ proġetti jekk dawn jinqalgħu u tippermetti aktar żmien biex il-kriterji rilevanti jiżviluppaw f’fora internazzjonali oħra. Il-Parteċipanti l-oħra kollha esprimew interess li jkomplu ż-żewġ klassijiet, bħala klawżola ta’ estinzjoni ġdida jew bħala klawżola ta’ rieżami.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

L-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa modifika tal-Arranġament biex jinkludi klawżola ġdida ta’ estinzjoni sa mill-inqas it-30 ta’ Ġunju 2026. Parteċipanti oħra jistgħu jipproponu li jimxu għal klawżola ta’ rieżami jew li jkun hemm skadenza itwal, li tista’ tkun aċċettabbli wkoll.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu ‘‘l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.’’

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-att previst jista’ jinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE. Dan minħabba l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament li jiddikjara li “l-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 3 sabiex temenda l-Anness II b’riżultat ta’ emendi għal-linji gwida miftiehma mill-Parteċipanti għall-Arranġament”. Dan jinkludi modifiki fl-annessi tal-Arranġament.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-krediti ta’ esportazzjoni, li huwa fl-ambitu tal-politika kummerċjali komuni. Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Parteċipanti se jemenda s-CCSU, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

6.

2024/0114 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati biex jiġu aġġornati ċerti klawżoli ta’ estinzjoni fil-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għat-Tibdil fil-Klima

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti ta’ Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (“l-Arranġament”) ġew trasposti, u għalhekk saru legalment vinkolanti fl-UE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 .

(2)Il-klawżoli ta’ estinzjoni għall-klassijiet tal-proġetti G u I tal-Ftehim Settorjali tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għat-Tibdil fil-Klima (“Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima”) se jiskadu fit-30 ta’ Ġunju 2024.

(3)Huwa fl-interess tal-Unjoni li tali proġetti jkunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mit-termini favorevoli tal-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima, u li tibqa’ l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim dwar il-kriterji għal dawn il-klassijiet ta’ proġetti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa estensjoni tal-klawżola ta’ estinzjoni, jew is-sostituzzjoni tagħha bi klawżola ta’ rieżami, sa mill-inqas it-30 ta’ Ġunju 2026.

(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, għax id-deċiżjoni prevista tal-Parteċipanti fl-Arranġament (“Parteċipanti”) se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fost il-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Kif definit fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni dwar l-OECD.
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti minn 61 sa 64.
(4)    Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45) (“Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011”).