Brussell, 15.5.2024

COM(2024) 195 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-operat tar-Regolament (UE) 2018/841 (“ir-Regolament LULUCF”) skont l-Artikolu 17(2) kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/839


1.Introduzzjoni

Is-settur tal-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (land-use, land-use change and forestry, “LULUCF”) ikopri l-ħamrija, il-pjanti u bijomassa oħra li tista’ tkun kemm sors ta’ CO2 (jiġifieri l-emissjoni tas-CO2 fl-atmosfera) kif ukoll bir tas-CO2 (jiġifieri t-tneħħija tas-CO2 mill-atmosfera). L-emissjonijiet u l-assorbimenti mis-settur huma integrati fil-mira klimatika tal-UE għall-2030 permezz tar-Regolament (UE) 2018/841 1 (“ir-Regolament LULUCF”) li daħal fis-seħħ fl-2018.

Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew 2 , il-Liġi Ewropea dwar il-Klima 3 stabbiliet mira ta’ tnaqqis nett tal-emissjonijiet fl-ekonomija kollha tal-UE ta’ mill-inqas -55 % sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-1990, u mira tan-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050. Bil-pakkett dwar il-klima “Lesti għall-mira ta’ 55 %” 4 , ir-Regolament LULUCF ġie emendat fl-2023 5 biex jirrifletti t-tisħiħ fl-ambizzjoni. Hu introduċa miri ġodda għas-settur għall-2030 u ssimplifika l-obbligi ta’ rapportar.

Is-settur tal-art għandu rwol ewlieni fil-kisba tal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE. Għandu l-potenzjal li jipprovdi benefiċċji klimatiċi fit-tul, kemm f’termini ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll biex jikkontribwixxi għall-għanijiet klimatiċi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi. 6 . Barra minn hekk, is-settur joffri diversi servizzi vitali oħra lis-soċjetà. Dawn jinkludu: il-produzzjoni ta’ bijomassa sostenibbli li tista’ tissostitwixxi prodotti, materjali u enerġija intensivi fir-rigward tal-fossili u l-karbonju, li tikkontribwixxi wkoll għat-tranżizzjoni lejn bijoekonomija ċirkolari u newtrali għall-klima; il-produzzjoni tal-ikel; il-bijodiversità; u servizzi tal-ekosistema li huma ta’ importanza ewlenija biex tiżdied ir-reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

Kif stipulat fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament LULUCF, il-Kummissjoni għandha l-kompitu li tevalwa l-operat tar-Regolament fi żmien 6 xhur wara l-ewwel rendikont globali skont il-Ftehim ta’ Pariġi, li ġie konkluż fil-COP28 f’Diċembru 2023.

2.Valutazzjoni tal-operat tar-Regolament LULUCF

Il-mira ewlenija riveduta tar-Regolament LULUCF hija li jiżdiedu l-assorbimenti netti bbażati fuq l-art fl-UE b’-42 miljun tunnellata addizzjonali ta’ ekwivalenti ta’ CO₂ (Mt CO₂-eq) sal-2030, meta mqabbel mal-medja annwali matul il-perjodu 2016-2018. Dan huwa mistenni li jirriżulta f’bir nett totali fil-livell tal-Unjoni ta’ -310 Mt CO₂-eq. Għall-perjodu 2021-2025, l-Istati Membri għandhom japplikaw regoli tal-kontabbiltà speċifiċi għal kategoriji differenti ta’ kontabbiltà tal-art u għandhom jikkonformaw mar-regola ta’ “ebda debitu”, li jfisser li l-emissjonijiet kontabbilizzati ma jridux jaqbżu l-assorbimenti kontabbilizzati, f’konformità mal-Artikoli 7 sa 9. Għall-perjodu 2026-2030, il-mira addizzjonali ta’ -42 Mt CO2-eq tkopri l-kategoriji kollha ta’ rapportar tal-LULUCF u hija distribwita fost l-Istati Membri permezz ta’ miri individwali, abbażi tas-sehem tagħhom taż-żona totali tal-art ġestita. Il-miri nazzjonali għall-2030 jirrikjedu li kull Stat Membru jżid l-ambizzjoni klimatika tiegħu fil-politiki dwar l-użu tal-art.

Il-miri stabbiliti għall-perjodu 2026-2030 jallinjaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar tar-Regolament mar-regoli ta’ rapportar kif meħtieġ skont l-inventarji tal-gassijiet serra ppreżentati lill-UNFCCC. Dan se jipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE b’data aħjar biex jippjanaw, iħejju u jimplimentaw politiki u miżuri addizzjonali fis-settur fil-ħin.

Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament LULUCF, dan ir-rapport jinkludi:

·valutazzjoni tal-impatti tal-flessibbiltajiet;

·valutazzjoni tal-kontribut tar-Regolament LULUCF għall-objettiv tan-newtralità klimatika u għall-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi;

·valutazzjoni tal-impatti soċjali u tax-xogħol, inkluż fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

·valutazzjoni tal-progress li jkun sar fil-livell internazzjonali dwar ir-regoli li jirregolaw l-Artikolu 6(2) u 6(4) tal-Ftehim ta’ Pariġi;

·ix-xejriet attwali u l-projezzjonijiet futuri dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra mis-settur tal-art u mill-agrikoltura, kif ukoll l-għażliet regolatorji biex tiġi żgurata l-konsistenza ta’ dawk ix-xejriet u l-projezzjonijiet mal-objettiv li jinkiseb tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi kollha tal-ekonomija f’konformità mal-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE.

2.1.Impatt tal-flessibbiltajiet

Biex jgħinu lill-Istati Membri jikkonformaw mal-miri, huma jistgħu jagħmlu użu mill-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-kisba tal-impenn ġenerali tal-UE ta’ “ebda debitu” (għall-perjodu 2021-2025) jew il-mira ġenerali tal-UE (għall-perjodu 2026-2030) b’mod kollettiv hija prerekwiżit biex isir użu minn dawn il-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà.

B’mod komuni għaż-żewġ perjodi ta’ konformità, se tapplika “flessibbiltà ġenerali” li biha Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jikkumpensa d-defiċit tiegħu skont ir-Regolament LULUCF bi tnaqqis ta’ ammont ekwivalenti tal-allokazzjonijiet annwali tal-emissjonijiet ta’ dak l-Istat Membru skont ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (Effort Sharing Regulation, ESR) 7 , dment li l-Istat Membru jkun laħaq il-mira tal-ESR tiegħu. L-istess japplika fid-direzzjoni opposta; jekk Stat Membru jonqos milli jilħaq il-mira tal-ESR tiegħu, is-surplus skont ir-Regolament LULUCF, soġġett għal-limitazzjoni, jista’ jiġi ttrasferit lill-ESR.

Barra minn hekk, għall-perjodu 2021–2025, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-flessibbiltà għall-art forestali ġestita minħabba disturbi naturali. Għall-perjodu 2026–2030, l-Istati Membri se jkollhom aċċess għal mekkaniżmu ġdid ta’ flessibbiltà fl-użu tal-art biex jindirizzaw l-emissjonijiet netti eċċessivi minħabba disturbi naturali, impatti fit-tul tat-tibdil fil-klima jew proporzjon eċċezzjonalment għoli ta’ ħamrija organika.

Il-flessibbiltajiet se jiġu applikati biss għall-ewwel darba matul il-kontroll tal-konformità fl-2027 skont l-impenji tal-Istati Membri, abbażi tad-data tal-inventarju tal-gassijiet serra għall-perjodu 2021-2025.

2.2.Kontribut tal-LULUCF għall-objettiv tan-newtralità klimatika

Filwaqt li s-settur tal-LULUCF bħalissa jirrappreżenta bir ta’ karbonju, ix-xejra inkwetanti ta’ bir tal-LULUCF li qed jonqos f’dawn l-aħħar għaxar snin għadha tippersisti. Fl-2021, il-bir ta’ karbonju tal-UE kiseb livell ta’ assorbimenti netti ta’ -230 Mt CO₂-eq. Ir-raba’, il-bwar, l-artijiet mistagħdra u l-insedjamenti huma s-sorsi ewlenin ta’ emissjonijiet fis-settur fil-livell tal-UE, bil-ħamrija organika ġestita li tiġġenera emissjonijiet partikolarment għoljin fir-raba’. Il-foresti għandhom rwol ewlieni peress li jikkostitwixxu l-maġġoranza l-kbira tal-bir totali tal-LULUCF. It-tnaqqis tal-bjar tal-Unjoni huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu dovut għal tnaqqis fil-bir nett fil-foresti, prinċipalment minħabba żieda fil-ħsad flimkien ma’ stabbilizzazzjoni jew tnaqqis żgħir fit-tkabbir tal-foresti 8 . Il-muturi ta’ dan l-iżvilupp jinkludu l-ixprunaturi ekonomiċi, il-foresti li qed jixjieħu u l-qtugħ tas-siġar għas-salvataġġ wara disturbi naturali. Il-frekwenza u s-severità dejjem akbar tad-disturbi naturali bħar-riħ, it-tifqigħat tal-insetti, in-nirien fil-foresti u n-nixfiet, kif ukoll l-isforzi li qed jonqsu fit-tisġir, huma kwistjonijiet dejjem aktar prominenti għall-foresti Ewropej.

L-aċċess għal data ta’ kwalità għolja huwa prerekwiżit għat-traċċar tal-progress, l-evalwazzjoni tal-politiki u l-ippjanar għal miżuri futuri. Din hija r-raġuni għaliex skont ir-Regolament LULUCF rivedut, l-Istati Membri huma obbligati li gradwalment jiksbu aktar akkuratezza fir-rapportar, f’konformità ma’ metodi aktar avvanzati tal-linji gwida tal-IPCC 9 . Il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika (MRV) imtejba fis-settur huma permessi kemm permezz ta’ avvanzi teknoloġiċi kif ukoll permezz ta’ politika. Soluzzjonijiet ġodda ta’ monitoraġġ qed jiġu żviluppati b’mod kostanti u qed isiru aċċessibbli b’mod wiesa’, b’mod partikolari teknoloġiji ta’ telerilevament fl-ajru jew fl-ispazju. Dawn l-iżviluppi joffru opportunitajiet kbar għal dawk li jfasslu l-politika biex ifasslu miżuri effettivi u effiċjenti biex jippromwovu l-assorbimenti tal-karbonju bbażati fuq l-art imsaħħa u reżiljenti. Biex tappoġġa lill-Istati Membri f’dan il-proċess importanti, il-Kummissjoni, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), ippubblikat “Manwal tal-LULUCF” aġġornat 10 . L-għan tiegħu huwa li jgħin lil diversi partijiet ikkonċernati jiffamiljarizzaw ruħhom mar-Regolament LULUCF u li jiffaċilita l-implimentazzjoni tiegħu fil-prattika. Għandu l-għan li jxerred l-esperjenza u l-prattiki tajbin dwar kif monitoraġġ imtejjeb tal-gassijiet serra fis-settur tal-art jista’ jappoġġja l-politiki. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni torganizza wkoll b’mod regolari workshop tekniku ddedikat għar-rapportar tal-UNFCCC 11 .

Il-bijomassa miksuba b’mod sostenibbli se jkollha rwol importanti fit-trawwim ta’ bijoekonomija ċirkolari tal-UE newtrali għall-klima u sostenibbli. Skont ir-Rapport Ewropew dwar il-Bijomassa, ippubblikat reċentement mill-EEA, hemm kompetizzjoni qawwija għall-bijomassa fl-UE minħabba l-użi finali multipli tagħha, bħal fl-ikel, fil-materja prima, fl-enerġija, fil-mitigazzjoni u fl-adattament għat-tibdil fil-klima, fil-bijodiversità, u f’servizzi oħra tal-ekosistema 12 . Id-diversi użi finali jenħtieġ li jkunu bbilanċjati bir-reqqa permezz ta’ politiki u inċentivi xierqa.

2.3.Progress fil-livell internazzjonali

L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Pariġi jistabbilixxi mira fit-tul li ż-żieda fit-temperatura globali tiġi limitata għal ferm inqas minn 2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u li jitkomplew l-isforzi biex tinżamm għal 1,5 °C. Jistabbilixxi wkoll l-objettiv li tiżdied il-kapaċità li tadatta għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u titrawwem ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima.

L-UE ppreżentat kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali (nationally determined contribution, NDC) 13 f’Ottubru 2023 bi tħejjija għall-konklużjoni tal-ewwel rendikont globali 14 li sar fil-COP28 f’Diċembru tal-istess sena. L-NDC aġġornat jipprovdi aktar informazzjoni dwar il-politiki u l-miżuri li permezz tagħhom l-UE se tnaqqas l-emissjonijiet netti tagħha ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030.

Fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta’ Pariġi, sar progress limitat fil-COP28 dwar l-adozzjoni ta’ approċċ strutturat għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 6.2 dwar il-kummerċ bilaterali. Rigward l-Artikolu 6.4, il-Partijiet naqsu milli jadottaw ir-rakkomandazzjoni tal-Korp ta’ Sorveljanza dwar gwida metodoloġika u dwar attivitajiet li jinvolvu l-assorbimenti 15 .

2.4.Impatti u opportunitajiet soċjali u tax-xogħol

Ir-riżorsi naturali taż-żoni rurali huma assi ewlenin li fuqhom jista’ jinbena futur sostenibbli u prosperu, kif enfasizzat mill-viżjoni fit-tul tal-Kummissjoni għaż-żoni rurali tal-UE 16 . Madwar l-UE hemm distakk bejn l-impjieg tal-irġiel u n-nisa fiż-żoni rurali ta’ 13 punti perċentwali (meta mqabbel ma’ 10 punti perċentwali fil-bliet), li jitla’ għal aktar minn 20 f’ċerti Stati Membri. Il-pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri jindirizza speċifikament id-disparitajiet bejn il-ġeneri fiż-żoni rurali.

Il-pajsaġġi rurali ġestiti tajjeb jgħinu biex jissalvagwardjaw ix-xogħol u l-għajxien deċenti, is-sistemi ekoloġiċi u l-bijodiversità, u jsaħħu r-reżiljenza għall-klima u għar-riskju. L-appoġġ lill-bdiewa, lill-forestiera u lill-intraprendituri rurali li huma l-faċilitaturi tat-tranżizzjoni lejn soċjetà u ekonomija aktar ekoloġiċi huwa essenzjali.

3.Xejriet fis-setturi tal-LULUCF u tal-agrikoltura

Ir-Regolament dwar il-Governanza 17 jikkostitwixxi l-bażi għal sistema ta’ governanza komprensiva biex jintlaħqu l-miri u l-objettivi klimatiċi tal-UE. Fl-2019, l-Istati Membri ppreżentaw l-ewwel pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar l-enerġija u l-klima (NECP), li huma l-għodda ewlenija ta’ ppjanar strateġiku tal-politika biex titwitta t-triq lejn il-kisba tan-newtralità klimatika u r-reżiljenza sal-2050. Fl-2023, l-Istati Membri rrieżaminaw u aġġornaw l-NECPs tagħhom biex jirriflettu ż-żieda fl-ambizzjoni klimatika għall-2030 skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, inkluż għas-setturi tal-LULUCF u tal-agrikoltura. Bħala parti mir-rapportar tal-inventarju tal-gassijiet serra tagħhom, l-Istati Membri jħejju projezzjonijiet tal-effetti tal-miżuri eżistenti u addizzjonali tagħhom fuq l-emissjonijiet u l-assorbimenti.

Madankollu, fil-valutazzjoni tagħha l-Kummissjoni sabet li l-biċċa l-kbira tal-abbozzi tal-NECPs aġġornati ma jistabbilux ambizzjoni suffiċjenti u lanqas azzjoni dwar il-klima suffiċjenti relatata mal-art 18 . Huma ftit l-Istati Membri li inkludew perkors konkret biex jilħqu l-miri nazzjonali tagħhom ta’ assorbimenti netti, jew azzjoni suffiċjenti biex jassistu lill-bdiewa, lill-forestiera u lil partijiet ikkonċernati oħra fil-bini ta’ mudelli ta’ negozju sostenibbli f’konformità ma’ dawn il-miri.

3.1.Xejriet u projezzjonijiet fis-settur tal-LULUCF

Bir-regoli kontabilistiċi attwali tal-LULUCF applikabbli fil-perjodu 2021–2025, il-bilanċ “kontabbilizzat” provviżorju għall-2021 abbażi tas-sottomissjoni tal-inventarju tal-gassijiet serra tal-2023 wera kreditu żgħir (jiġifieri l-assorbimenti kontabbilizzati qabżu bi ftit l-emissjonijiet kontabbilizzati) ta’ -14 Mt CO₂-eq 19 . Abbażi ta’ dan, l-Unjoni kollettivament tissodisfa r-regola ta’ “ebda debitu” ta’ konformità għall-ewwel sena tal-perjodu 2021–2025. 20 .

L-UE bħalissa mhijiex qed tagħmel il-progress mixtieq biex tilħaq il-mira ta’ assorbiment nett tal-2030. Bil-miżuri eżistenti, l-assorbimenti netti totali huma pproġettati li jilħqu -239 Mt CO₂-eq fl-2030, u -260 Mt CO₂-eq b’miżuri addizzjonali, li jonqsu b’madwar 50-70 Mt CO₂-eq għall-mira tal-UE għall-2030.

Mill-2025 ’il quddiem, l-assorbimenti netti mill-art forestali fl-UE huma pproġettati li jonqsu b’mod kostanti għal madwar -310 Mt CO₂-eq sal-2030 b’miżuri eżistenti u għal -320 Mt CO₂-eq b’miżuri addizzjonali. L-emissjonijiet netti mir-raba’, li bħalissa jirrappreżentaw madwar 38 % tal-emissjonijiet tal-LULUCF tal-UE, huma pproġettati li jiżdiedu jew jistaġnaw bi ftit sal-2025, segwiti minn tnaqqis gradwali biex jintlaħqu 32 Mt CO₂-eq b’miżuri eżistenti u 27 Mt CO₂-eq b’miżuri addizzjonali sal-2030. L-emissjonijiet netti mill-bwar, li bħalissa jirrappreżentaw madwar 12 % tal-emissjonijiet tal-LULUCF tal-UE, huma pproġettati li jistaġnaw sal-2030 bi fluttwazzjonijiet intermedji, li jilħqu 12 Mt CO₂-eq b’miżuri eżistenti u 10 Mt CO₂-eq fl-2030 b’miżuri addizzjonali. L-emissjonijiet netti mill-artijiet mistagħdra huma pproġettati li jonqsu gradwalment biex jilħqu 13 Mt CO₂-eq b’miżuri eżistenti u 12 Mt CO₂-eq b’miżuri addizzjonali sal-2030. L-assorbimenti netti mill-prodotti tal-injam maħsud huma pproġettati li jiżdiedu b’mod kostanti biex jilħqu livelli qrib -35 Mt CO₂-eq f’xenarju b’miżuri eżistenti jew addizzjonali 21 .

Huwa probabbli li l-impatt tat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità se jwasslu għal disturbi naturali aktar frekwenti u aktar intensi. Se jkun essenzjali li din ix-xejra negattiva tittreġġa’ lura malajr biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin tiżdied ir-reżiljenza tas-settur tal-art tal-UE biex jiġu żgurati bjar stabbli fit-tul.

3.2.Xejriet u projezzjonijiet fis-settur agrikolu

Illum, l-emissjonijiet mhux tas-CO2 mill-agrikoltura jirrappreżentaw madwar 11 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra tal-UE, li minnhom madwar żewġ terzi jiġu mill-bhejjem. Mill-2005, l-emissjonijiet fis-settur staġnaw - id-data tal-inventarju turi tnaqqis annwali bil-mod ta’ 0,7 Mt CO₂-eq bejn l-2005 u l-2021. L-EEA 22 stmat li t-tnaqqis tal-emissjonijiet mistenni bejn illum u l-2040 se jkun insinifikanti biex jgħin biex jintlaħaq l-objettiv fit-tul tan-newtralità klimatika. Minħabba t-tnaqqis fl-emissjonijiet f’setturi oħra u d-diffikultajiet fit-tnaqqis sħiħ tal-emissjonijiet fl-agrikoltura, huwa mistenni li sal-2040 l-agrikoltura se ssir is-settur bl-akbar sehem ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li jirrappreżenta madwar nofs l-emissjonijiet totali fl-UE. 23 .

L-aħħar projezzjonijiet mill-Istati Membri jindikaw li skont il-miżuri eżistenti, il-pass tat-tnaqqis tal-emissjonijiet mhux se jinbidel b’mod sinifikanti sal-2030 (1 % meta mqabbel mal-2021, jew tnaqqis medju annwali ta’ 0,6 Mt CO₂-eq). B’miżuri addizzjonali kkunsidrati, l-emissjonijiet ipproġettati aggregati mill-agrikoltura jindikaw tnaqqis ta’ madwar 5 % sal-2030 (tnaqqis medju annwali ta’ 2,2 Mt CO₂-eq). Aktar sforzi huma meħtieġa biex jiġu identifikati u implimentati miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa fis-settur agrikolu.

3.3.Żviluppi reċenti ta’ strateġija politika

 

Minbarra l-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, diversi inizjattivi oħra tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għandhom l-għan li jżidu r-reżiljenza tas-settur tal-LULUCF filwaqt li jipproteġu u jippromwovu s-servizzi tal-ekosistema u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Biex jiżdied il-livell ta’ assorbimenti tal-karbonju ta’ kwalità għolja, il-Kummissjoni pproponiet qafas regolatorju tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju 24 , li reċentement ġie adottat mill-koleġiżlaturi. Il-qafas jinkludi tliet tipi distinti ta’ attivitajiet: il-kultivazzjoni karbonika, il-prodotti għall-ħżin tal-karbonju, u l-assorbimenti permanenti. Barra minn hekk, l-inizjattivi privati marbuta mas-swieq volontarji tal-karbonju jistgħu jissupplimentaw u jippromwovu aktar l-użu fuq skala kbira tal-assorbimenti tal-karbonju. Il-qafas mhux biss se jipprovdi lill-maniġers tal-art b’opportunitajiet ġodda ta’ negozju, iżda se jappoġġja wkoll it-tkabbir tal-bijoekonomija ċirkolari sostenibbli billi jiċċertifika l-prodotti għall-ħżin tal-karbonju, bħall-kostruzzjoni bbażata fuq l-injam. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jista’ jgħin lill-Istati Membri jilħqu l-miri tagħhom tal-LULUCF. Sabiex tingħata spinta lill-qbid industrijali tal-karbonju u l-użu tiegħu fi prodotti b’bażi bijoloġika jew il-ħżin permanenti tiegħu, il-Kummissjoni reċentement adottat il-Komunikazzjoni dwar il-ġestjoni industrijali tal-karbonju 25 .

Ekosistemi b’saħħithom jikkontribwixxu għas-sekwestru tal-karbonju u r-reżiljenza għall-klima u jtejbu l-benesseri tal-popolazzjonijiet. Attivitajiet bħat-tixrib mill-ġdid tat-torbieri skulati jista’ jkollhom impatt pożittiv sinifikanti fuq il-bijodiversità. Il-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura 26 , element ewlieni tal- istrateġija tal-UE għall-bijodiversità 27 , tappella għal miri vinkolanti għar-restawr tal-ekosistemi degradati, b’mod partikolari dawk bl-aktar potenzjal li jaqbdu u jaħżnu l-karbonju u li jipprevjenu u jnaqqsu l-impatt tad-diżastri naturali. Sadanittant, ir-Regolament dwar id-Deforestazzjoni 28 għandu l-għan li jnaqqas l-impatt tal-UE fuq id-deforestazzjoni globali billi jippromwovi l-użu ta’ prodotti “mingħajr deforestazzjoni”.

Għadd ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament huma disponibbli biex itejbu l-assorbimenti tal-karbonju, permezz ta’ sorsi tas-settur pubbliku jew privat. L-UE tipprovdi finanzjament taħt il-politika agrikola komuni (PAK) – l-Istati Membri għandhom l-opportunità li jinkludu miżuri tal-kultivazzjoni karbonika fil-pjanijiet strateġiċi aġġornati tal-PAK tagħhom. Dawn jistgħu jappoġġaw ukoll l-adozzjoni ta’ prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li ġew riveduti u jippermettu l-forniment ta’ servizzi tal-ekosistema tal-foresti bħar-regolazzjoni tal-klima u r-restawr tal-bijodiversità.

Fondi oħra disponibbli tal-UE għaż-żieda fl-assorbimenti tal-karbonju jinkludu l-programmi LIFE u Orizzont Ewropa, u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. B’mod speċifiku, peress li ħamrija b’saħħitha hija waħda mill-aspetti ewlenin tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament u l-attivitajiet agrikoli, il-missjoni “Patt dwar il-Ħamrija għall-Ewropa” tnediet taħt il-programm Orizzont Ewropa 29 . L-għan tal-missjoni huwa li tistabbilixxi 100 laboratorju ħaj biex tmexxi t-tranżizzjoni lejn ħamrija b’saħħitha sal-2030 billi tippromwovi l-kooperazzjoni fost is-setturi biex jiġu indirizzati l-użi kollha tal-art.

Fil-qasam tal-monitoraġġ tal-iżviluppi fis-settur tal-LULUCF, il-proposta għal qafas ta’ monitoraġġ tal-foresti 30 tistabbilixxi qafas ta’ monitoraġġ għall-UE kollha għall-foresti li se jiżgura d-disponibbiltà ta’ data f’waqtha u ta’ kwalità għolja f’format standardizzat. Dan se jippermetti lill-Istati Membri japplikaw miżuri effiċjenti u kosteffettivi fil-ħin, u b’hekk irawmu bjar ta’ karbonju aktar b’saħħithom u aktar reżiljenti, filwaqt li jappoġġjaw bijoekonomija ċirkolari sostenibbli. Il-Qafas huwa riżultat ewlieni tal-istrateġija tal-UE għall-foresti għall-2030 31 , li jirrikonoxxi r-rwol multifunzjonali tal-foresti. Bl-istess mod, il-proposta għal Direttiva dwar il-monitoraġġ u r-reżiljenza tal-ħamrija 32 se tappoġġa l-ksib tal-miri tal-LULUCF. Ħamrija b’saħħitha tissekwestra aktar karbonju, filwaqt li monitoraġġ aħjar tal-art u tal-ħamrija se jgħin biex jiġu mmirati miżuri li jisfruttaw l-ogħla benefiċċji klimatiċi.

Fl-2023, il-Kummissjoni adottat gwida dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE għal ħamrija b’saħħitha 33 . Il-linji Gwida dwar il-ġestjoni tal-forestrija eqreb lejn in-natura 34 kif ukoll il-Gwida dwar l-iżvilupp ta’ skemi ta’ pagament pubbliċi u privati għas-servizzi tal-ekosistema tal-foresti 35 tfasslu biex isaħħu l-multifunzjonalità tal-foresti. Biex tkompli tiffaċilita l-użu tal-kultivazzjoni karbonika permezz ta’ prattiki favur il-bijodiversità, fl-2023 il-Kummissjoni ppubblikat Linji Gwida dwar it-tisġir, ir-riforestazzjoni u t-tħawwil tas-siġar favur il-bijodiversità 36 , u linji gwida dwar id-definizzjoni, l-immappjar u l-protezzjoni stretta tal-foresti primarji u antiki 37 , li huma fost l-ekosistemi l-aktar sinjuri tal-UE, li jaħżnu ħażniet sinifikanti tal-karbonju. F’Novembru 2023, daħlet fis-seħħ id-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli 38 , li tfakkar l-obbligi li jiġu ssodisfati l-kriterji tal-LULUCF meta jiġu prodotti fjuwils mill-bijomassa tal-foresti.

3.4.Għażliet regolatorji għall-art, l-ikel, l-enerġija u l-bijoekonomija lejn in-newtralità klimatika

Il-komunikazzjoni ppubblikata reċentement dwar il-mira klimatika tal-Ewropa għall-2040 u t-triq lejn in-newtralità klimatika tippreżenta tnaqqis nett ta’ 90 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra meta mqabbel mal-livelli tal-1990 bħala l-mira rakkomandata għall-2040. Sabiex tintlaħaq din il-mira, il-valutazzjoni tal-impatt 39  turi li l-assorbimenti tal-karbonju (mill-atmosfera sal-assorbimenti tal-karbonju bbażati fuq l-art u industrijali) jenħtieġ li jilħqu sa 400 Mt CO2-eq. Din il-mira rakkomandata tikkorrispondi għall-parir tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima (“Bord Konsultattiv”) 40 u hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima biex jiġi ppreżentat baġit għall-gassijiet serra f’konformità mal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi.

Bħas-setturi l-oħra kollha, is-settur tal-LULUCF għandu rwol importanti fil-kisba tal-ambizzjoni klimatika tal-UE għall-2040, filwaqt li jikkontribwixxi għas-sovranità tal-ikel tal-UE u għal bijoekonomija ċirkolari sostenibbli. Bil-politiki u l-miżuri adegwati, jenħtieġ li jkun possibbli li jitnaqqsu l-emissjonijiet mhux tas-CO2 mis-settur agrikolu 41 , filwaqt li fl-istess ħin jiżdied il-bir ta’ karbonju bbażat fuq l-art billi tissaħħaħ il-kapaċità tal-ħamrija u l-foresti li jaħżnu aktar karbonju. Din il-kombinazzjoni ta’ benefiċċju għal kulħadd tista’ twassal biex is-setturi kkombinati tal-agrikoltura, tal-użu tal-art u tal-forestrija jsiru newtrali għall-klima.

Il-ġestjoni tal-art hija marbuta mill-qrib mal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ikel. Il-Bord Konsultattiv jinnota fir-rapport reċenti tiegħu 42 li approċċ ta’ sistema sħiħa jippermetti l-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ mitigazzjoni transsettorjali, inklużi għażliet għall-mitigazzjoni mill-produtturi, il-konsumaturi u l-atturi intermedji fil-katina tal-provvista tal-ikel, u jiżgura li jittieħed approċċ koerenti biex jiġu bbilanċjati l-aspetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali differenti. Ir-rapport jinnota wkoll li l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi bbażati fuq is-suq fis-setturi tal-agrikoltura u tal-użu tal-art tista’ tkun għodda effettiva biex tinċentiva lill-atturi fil-katina tal-valur tal-ikel biex jaqilbu lejn proċessi b’emissjonijiet aktar baxxi. Dan se jippermetti wkoll li jseħħ tnaqqis fl-emissjonijiet fejn ikun l-aktar kosteffettiv, u jista’ jipprovdi inċentivi sostanzjali biex tingħata spinta lill-assorbimenti tal-karbonju fis-settur tal-LULUCF. Il-Bord Konsultattiv isib ukoll li allinjament aħjar tal-PAK mal-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE jista’ jkollu rwol ewlieni wkoll.

Approċċ ta’ politika integrat fis-settur tal-ikel jagħti s-setgħa lill-maniġers tal-art biex jadottaw prattiki ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima li jappoġġjaw lil xulxin. Il-ġestjoni tal-art favur il-bijodiversità se żżid l-assorbimenti tal-karbonju, issaħħaħ ir-reżiljenza tal-bir ta’ karbonju tal-UE u ttejjeb il-fertilità tal-ħamrija.

Il-prodotti għall-ħżin tal-karbonju b’ħajja twila miksuba b’mod sostenibbli, bħall-injam użat fil-kostruzzjoni, għandhom il-potenzjal li jżidu l-assorbimenti tal-karbonju, kif ukoll li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni ta’ setturi oħra. Bl-użu tagħhom, il-bijoekonomija ċirkolari sostenibbli tista’ tipprovdi lill-maniġers tal-art b’opportunitajiet ġodda ta’ negozju peress li l-bijomassa tissostitwixxi l-karbonju fossili fl-ekonomija tal-UE. Barra minn hekk, qed jitfaċċaw approċċi ġodda tal-kultivazzjoni karbonika li jistgħu jżidu l-assorbimenti tal-karbonju, bħas-sekwestru tal-karbonju li jirriżulta minn attivitajiet sostenibbli fl-ekosistemi kostali tal-baħar (karbonju blu), li jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

3.5.Konklużjoni u l-passi li jmiss

Filwaqt li s-settur tal-LULUCF jibqa’ bir ta’ karbonju, ix-xejra inkwetanti ta’ bir tal-LULUCF li qed jonqos matul l-aħħar għaxar snin tippersisti. Minħabba l-bosta żviluppi ta’ politika mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament LULUCF madwar 6 snin ilu, il-Kummissjoni se tniedi evalwazzjoni tar-Regolament b’mod parallel ma’ dan ir-rapport. Ladarba l-qafas ta’ ċertifikazzjoni għall-assorbiment tal-karbonju jkun daħal fis-seħħ, l-evalwazzjoni se tivvaluta l-benefiċċji u l-kompromessi possibbli tal-inklużjoni ta’ prodotti għall-ħżin tal-karbonju b’ħajja twila miksuba b’mod sostenibbli li jkollhom effett pożittiv nett ta’ sekwestru tal-karbonju fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament LULUCF 43 .

L-għan tal-evalwazzjoni huwa wkoll li tivvaluta r-Regolament skont il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar (l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza, u l-valur miżjud tal-UE) u li tesplora l-potenzjal għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv. Dan se jippermetti lill-UE tislet tagħlimiet mill-passat biex tgħin fit-teħid ta’ deċiżjonijiet futuri u tidentifika oqsma ta’ titjib fit-tfassil tal-politika futura wara l-2030. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għan huwa li jiġi żgurat li l-qafas ta’ politika għas-settur tal-art jibqa’ adattat għall-iskop tiegħu, u li jkun mezz effettiv biex jintlaħaq l-għan ewlieni tan-newtralità klimatika tal-bijoekonomija ċirkolari sostenibbli.

(1)

 Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE, ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1.

(2)

https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/european-green-deal_mt

(3)

 Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”), ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1.

(4)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”: nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika, COM(2021) 550 final.

(5)

 Ir-Regolament (UE) 2023/839 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/841 fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, is-simplifikazzjoni tar-regoli dwar ir-rapportar u l-konformità, u l-istabbiliment tal-miri tal-Istati Membri għall-2030, u r-Regolament (UE) 2018/1999 fir-rigward tat-titjib fil-monitoraġġ, fir-rapportar, fit-traċċar tal-progress u fir-rieżami, ĠU L 107, 21.4.2023, p. 1.

(6)

 https://unfccc.int/files/meetings/paris_nov_2015/application/pdf/paris_agreement_english_.pdf

(7)

 Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013, ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26.

(8)

 https://doi.org/10.1186/s13021-023-00234-0

(9)

L-inventarji mtejba tal-gassijiet serra jenħtieġ li jkunu bbażati fuq data aktar akkurata, aktar dettaljata, f’waqtha u ġeografikament espliċita kif stipulat fil-Parti 3 tal-Anness V tar-Regolament dwar il-Governanza – eż. permezz ta’ bażijiet tad-data diġitali, sistemi ta’ informazzjoni ġeografiċi (geographic information systems, GIS) u telerilevament, inkluż is-satelliti u s-servizzi Sentinel ta’ Copernicus, jew servizzi oħra disponibbli pubblikament jew kummerċjalment.

(10)

https://climate-energy.eea.europa.eu/topics/climate-change-mitigation/land-and-forests/reports

(11)

 https://forest.jrc.ec.europa.eu/en/activities/lulucf/workshops/

(12)

 The European biomass puzzle, EEA Report 8/2023

(13)

 https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14286-2023-INIT/mt/pdf

(14)

Ir-rendikont globali stabbilit skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Pariġi huwa proċess li bih, kull 5 snin, il-Partijiet jivvalutaw il-progress kollettiv lejn il-ksib tal-objettivi tal-Ftehim, u biex jidentifikaw lakuni u perkorsi ta’ soluzzjoni għall-2030 u lil hinn.

(15)

  https://unfccc.int/process-and-meetings/the-paris-agreement/article-64-mechanism

(16)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE — Lejn żoni rurali aktar b’saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040, COM(2021) 345 final.

(17)

 Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1

(18)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Valutazzjoni madwar l-UE kollha tal-abbozz tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima aġġornati Pass importanti lejn l-objettivi aktar ambizzjużi għall-2030 skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-pjan REPowerEU, COM(2023) 796 final.

(19)

Minħabba titjib fl-inventarji tal-gassijiet serra, għadhom qed isiru kalkoli mill-ġdid li jistgħu jaffettwaw dan ir-riżultat.

(20)

 Ir-Rapport ta’ Progress dwar l-Azzjoni Klimatika. Il-Kummissjoni Ewropea, 2023.

(21)

 Abbażi tad-data rrapportata mill-Istati Membri dwar il-projezzjonijiet, is-sottomissjoni tal-2023 (EEA)

(22)

EEA, Briefing 17/2022

(23)

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Niżguraw il-futur tagħna, Il-mira klimatika Ewropea għall-2040 u l-perkors għan-newtralità klimatika sal-2050 aħna u nibnu soċjetà sostenibbli, prospera u ġusta, COM(2024) 63 final.

(24)

Il-Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi qafas ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni għall-assorbimenti tal-karbonju, COM(2022) 672 final.

(25)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Lejn Ġestjoni Industrijali tal-Karbonju ambizzjuża għall-UE, COM(2024) 62 final.

(26)

 Il-Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ir-restawr tan-natura, COM(2022) 304 final.

(27)

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna, COM/2020/380 final.

(28)

 Ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010, ĠU L 150, 9.6.2023, p. 206.

(29)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Missjonijiet tal-UE sentejn wara: valutazzjoni tal-progress u t-triq ’il quddiem, COM(2023) 457 final.

(30)

Il-Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar qafas għall-monitoraġġ tal-foresti Ewropej reżiljenti COM(2023) 728 final.

(31)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030, COM(2021) 572 final.

(32)

Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Monitoraġġ u r-Reżiljenza tal-Ħamrija (Liġi dwar il-Monitoraġġ tal-Ħamrija), COM(2023) 416 final.

(33)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Gwida dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE għal ħamrija b’saħħitha li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Monitoraġġ u r-Reżiljenza tal-Ħamrija (il-Liġi dwar il-Monitoraġġ tal-Ħamrija), SWD(2023) 423 final.

(34)

https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/2d1a6e8f-8cda-11ee-8aa6-01aa75ed71a1

(35)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Gwida dwar l-Iżvilupp ta’ Skemi ta’ Pagament Pubbliċi u Privati għas-Servizzi tal-Ekosistema tal-Foresti, SWD (2023) 285 final.

(36)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Linji Gwida dwar it-tisġir, ir-riforestazzjoni u t-tħawwil tas-siġar favur il-bijodiversità, SWD(2023) 61 final.

(37)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Linji Gwida għad-Definizzjoni, għall-Immappjar, għall-Monitoraġġ u għall-Protezzjoni Stretta tal-Foresti Primarji u Antiki tal-UE, SWD(2023) 62 final.

(38)

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.

(39)

L-analiżi hija bbażata fuq xenarji li jirriflettu l-politiki u l-miżuri sa Marzu 2023. L-Istati Membri se jippreżentaw il-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima finali tagħhom fl-2024, li jistgħu jinkludu miżuri addizzjonali.

(40)

 ESABCC (2023). DOI: 10.2800/609405

(41)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Rapport tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja d-dokument Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Niżguraw il-futur tagħna, Il-mira klimatika Ewropea għall-2040 u l-perkors għan-newtralità klimatika sal-2050 aħna u nibnu soċjetà sostenibbli, prospera u ġusta, SWD(2024) 63 final.

(42)

ESABCC (2024). DOI: 10.2800/216446

(43)

 Ara l-Artikolu 17(3) tar-Regolament LULUCF.