IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.3.2021
COM(2021) 98 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2018/643 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) 2018/643 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija
1.Introduzzjoni
L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2018/643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 10. Il-Kummissjoni tista’ teżerċita din is-setgħa biex tqis l-iżviluppi l-ġodda u fl-istess ħin tiżgura l-armonizzazzjoni tal-istatistika billi tiddefinixxi ċerti dettalji tekniċi. B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati sabiex:
-tadatta d-definizzjonijiet tekniċi stabbiliti fil-punti (8), (9), (10), (21), (22) u (23) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 3;
-tipprevedi definizzjonijiet tekniċi addizzjonali.
Meta teżerċita dik is-setgħa, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni trid tiġġustifika l-azzjonijiet statistiċi previsti f’dawk l-atti delegati, bl-użu, meta xieraq, ta’ analiżi tal-kosteffettività li tivvaluta l-piż fuq ir-rispondenti u l-ispejjeż tal-produzzjoni.
Kif speċifikat fl-Artikolu 10(4), qabel tadotta att delegat, il-Kummissjoni trid tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
2.Bażi ġuridika
Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2018/643, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(2) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mit-13 ta’ Diċembru 2016. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ ħames snin, sakemm ma jkunx hemm oppożizzjoni għal tali estensjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Il-Kummissjoni trid tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Dan ir-rapport jissodisfa dak l-obbligu għall-ewwel darba.
3.Eżerċizzju tad-delega
Il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa li tadotta atti delegati li ngħatatilha permezz tar-Regolament (UE) 2018/643.
Il-Kummissjoni tiddiskuti regolarment it-titjib potenzjali fl-istatistika tat-trasport bil-ferrovija mal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Istatistika tat-Trasport bil-Ferrovija u l-Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-Istatistika dwar it-Trasport. Dawn id-diskussjonijiet iqisu wkoll l-ispejjeż u l-piżijiet possibbli fuq il-pajjiżi u r-rispondenti.
Il-ħtiġijiet statistiċi fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti u l-inizjattivi tal-politika stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, jistgħu jeħtieġu li l-Kummissjoni tadotta atti delegati rigward id-definizzjonijiet tekniċi fir-Regolament (UE) 2018/643.
4.Konklużjoni
Il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa tagħha li tadotta atti delegati li ngħatatilha permezz tar-Regolament (UE) 2018/643.
Il-Kummissjoni tqis li għandu jkompli jkollha dawn is-setgħat delegati peress li jista’ jkollha bżonn tadotta atti delegati fil-futur biex tappoġġa l-iżviluppi fl-istatistika tat-trasport bil-ferrovija.