Brussell, 12.5.2021

COM(2021) 237 final

2021/0121(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Unjoni Ewropea għal estensjoni tad-deroga tad-WTO li tippermetti preferenzi kummerċjali awtonomi għall-Balkani tal-Punent


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni li testendi d-deroga tad-WTO li tippermetti lill-Unjoni Ewropea (“UE”) tipprovdi preferenzi kummerċjali awtonomi lill-Balkani tal-Punent.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

Il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim.

2.2.Il-Konferenza Ministerjali u l-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

Skont l-Artikolu IV(1) tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali għandha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha koperti minn kwalunkwe wieħed mill-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali.

Skont l-Artikolu IV(2) tal-Ftehim tad-WTO, fl-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, il-funzjonijiet tagħha jitmexxew mill-Kunsill Ġenerali.

Skont l-Artikolu IX(1) tal-Ftehim tad-WTO, id-WTO normalment tieħu deċiżjonijiet b’kunsens.

2.3.L-att previst tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO

Skont l-Artikolu IX(3) tal-Ftehim tad-WTO, obbligu impost fuq membru jista’ jitneħħa b’deroga f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni.

B’segwitu għal talba mill-UE, il-Kunsill Ġenerali tad-WTO jista’ jadotta deċiżjoni li testendi d-deroga eżistenti tad-WTO li tippermetti lill-UE tipprovdi preferenzi kummerċjali awtonomi lill-Balkani tal-Punent (“l-att previst”).

Id-deroga eżistenti tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021. Għaldaqstant, l-iskop tal-att previst huwa li d-deroga tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2026.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-Membri tad-WTO f’konformità mal-Artikolu IX(3), kif ukoll mal-Artikolu II(2) tal-Ftehim tad-WTO, li jipprevedi li: “Il-ftehimiet u l-istrumenti legali inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 […] huma partijiet integrali minn dan il-Ftehim, u vinkolanti għall-Membri kollha”.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Fis-16 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2020/2172 li jestendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-preferenzi kummerċjali awtonomi sal-31 ta’ Diċembru 2025 1 għall-prodotti li joriġinaw fil-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo 2*, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, u s-Serbja). Il-preferenzi kummerċjali inizjalment ingħataw permezz tar-Regolament (KE) Nru 2007/2000 3 , li wara ġie emendat u estiż diversi drabi.

Fin-nuqqas ta’ deroga mill-obbligi tal-UE skont l-Artikolu I(1) tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (“GATT tal-1994”) u tal-Artikolu XIII tal-GATT tal-1994, sa fejn ikun meħtieġ, it-trattament ipprovdut mill-preferenzi kummerċjali awtonomi jkollu jiġi estiż għall-Membri l-oħra kollha tad-WTO.

Għaldaqstant, l-UE għandha l-obbligu li tippreżenta talba biex testendi d-deroga tad-WTO fuq il-preferenzi kummerċjali awtonomi mogħtija mill-UE lill-Balkani tal-Punent, skont l-Artikolu IX(3) tal-Ftehim tad-WTO għal perjodu ta’ żmien addizzjonali ta’ ħames snin, sal-31 ta’ Diċembru 2026. Jenħtieġ li l-UE, minbarra li tagħmel din it-talba, tappoġġa l-adozzjoni tagħha fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO.

Din tkun ir-raba’ estensjoni tad-deroga, li inizjalment kienet ingħatat fit-8 ta’ Diċembru 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2006 4 , u ġiet estiża l-aħħar fis-7 ta’ Diċembru 2016 5 . Ir-raġuni għad-deroga inizjali u l-estensjonijiet tagħha hija s-sitwazzjoni ekonomika mwiegħra persistenti fir-reġjun u li t-trattament preferenzjali għall-prodotti eliġibbli li l-Unjoni tikkonċedi lil dawn il-pajjiżi huwa maħsub biex jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku b’mod konsistenti mal-objettivi tal-GATT tal-1994.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni.

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kunsill Ġenerali tad-WTO huwa korp imwaqqaf permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Ftehim tad-WTO.

L-att li l-Kunsill Ġenerali jintalab jadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu II(2) u l-Artikolu IX(3) tal-Ftehim tad-WTO.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni fir-rigward tiegħu. Jekk l-att previst ikollu żewġ miri jew żewġ komponenti, u jekk waħda minn dawn il-miri jew wieħed minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-mira jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4).

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

2021/0121 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-talba tal-Unjoni Ewropea għal estensjoni tad-deroga tad-WTO li tippermetti preferenzi kummerċjali awtonomi għall-Balkani tal-Punent

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE 6 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2)Skont l-Artikolu II(2) tal-Ftehim tad-WTO, il-ftehimiet u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 (“Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali”), inkluż il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (“GATT tal-1994”), huma partijiet integrali minn dan il-Ftehim, u vinkolanti għall-Membri kollha.

(3)Skont l-Artikolu IV(1) tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali tista’ tadotta deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha koperti minn kwalunkwe wieħed mill-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali. Il-Konferenza Ministerjali hija komposta minn rappreżentanti tal-Membri kollha u tiltaqa’ minn tal-anqas darba kull sentejn. Skont l-Artikolu IV(2) tal-Ftehim tad-WTO, waqt l-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali, il-Kunsill Ġenerali għandu jmexxi l-funzjonijiet tagħha. Skont l-Artikolu IX(1) ta’ dak il-Ftehim, id-WTO normalment tieħu deċiżjonijiet b’kunsens.

(4)F’konformità mal-Artikolu IX(3) tal-Ftehim tad-WTO, f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, il-Konferenza Ministerjali tista’ tiddeċiedi li tneħħi b’deroga obbligu impost fuq Membru mill-Ftehim tad-WTO jew minn kwalunkwe Ftehim Kummerċjali Multilaterali.

(5)L-Unjoni ngħatat għall-ewwel darba deroga mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu I(1) tal-GATT tal-1994 fit-8 ta’ Diċembru 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2006 7 , li ġiet estiża l-aħħar fis-7 ta’ Diċembru 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2021, sa fejn ikun meħtieġ biex l-Unjoni tkun tista’ tikkonċedi trattament preferenzjali għall-prodotti eliġibbli li joriġinaw fil-Balkani tal-Punent.

(6)Fis-16 ta’ Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2020/2172 u għal darb’oħra estenda l-perjodu ta’ applikazzjoni tal-preferenzi kummerċjali awtonomi sal-31 ta’ Diċembru 2025 8 għall-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo 9 , il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, u s-Serbja).

(7)Fin-nuqqas ta’ deroga mill-obbligi tad-WTO, l-applikazzjoni tal-preferenzi kummerċjali awtonomi mill-Unjoni għall-Balkani tal-Punent sal-31 ta’ Diċembru 2025 ikollha tiġi estiża għall-Membri l-oħra kollha tad-WTO.

(8)It-talba biex tiġi estiża d-deroga tad-WTO li tippermetti preferenzi kummerċjali awtonomi għall-Balkani tal-Punent hija ġustifikata meta titqies is-sitwazzjoni ekonomika mwiegħra persistenti fir-reġjun u li t-trattament preferenzjali għall-prodotti eliġibbli li l-Unjoni tikkonċedi lil dawn il-pajjiżi huwa maħsub biex jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku b’mod konsistenti mal-objettivi tal-GATT tal-1994 u mhux biex joħloq ostakli għall-kummerċ ta’ Membri oħra tad-WTO. Għaldaqstant, iċ-ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni li jiġġustifikaw l-estensjoni tad-deroga mill-Artikolu I(1) u mill-Artikolu XIII tal-GATT tal-1994 għadhom japplikaw.

(9)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO, billi l-estensjoni tad-deroga tad-WTO fuq il-preferenzi kummerċjali awtonomi mogħtija mill-Unjoni lill-Balkani tal-Punent se tkun vinkolanti għall-Membri tad-WTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għandha tkun li ssir talba għal estensjoni tad-deroga eżistenti tad-WTO fuq il-preferenzi kummerċjali awtonomi mogħtija mill-Unjoni lill-Balkani tal-Punent sal-31 ta’ Diċembru 2026, u li tiġi appoġġata l-adozzjoni ta’ dik it-talba.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2020/2172 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu (ĠU L 432, 21.12.2020, p. 7).
(2) *     Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(3)    ĠU L 240, 23.9.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 530/2007 (ĠU L 125, 15.5.2007, p. 1), kif ikkodifikat bir-Regolament (KE) Nru 1215/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 1).
(4)    WT/L/380.
(5)    G/C/W/731.
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).
(7)    WT/L/380.
(8)    Ir-Regolament (UE) 2020/2172 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1215/2009 li jintroduċi miżuri kummerċjali eċċezzjonali għal pajjiżi u territorji li jipparteċipaw fil-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew li huma marbutin miegħu (ĠU L 432, 21.12.2020, p. 7).
(9) *    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.