|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/502 |
13.3.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/502
tal-5 ta’ Marzu 2025
li tawtorizza lill-Greċja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-2 ta’ Lulju 2024, il-Greċja talbet awtorizzazzjoni għal miżura speċjali biex tidderoga mill-Artikoli 218 u 232 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tintroduċi fatturazzjoni elettronika obbligatorja għat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa bejn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Greċja (il-“miżura speċjali”). Il-miżura speċjali ġiet mitluba għal perjodu mill-1 ta’ Lulju 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2027. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba li għamlet il-Greċja lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata l-24 ta’ Settembru 2024 (it-“talba”). Permezz ta’ ittra datata l-25 ta’ Settembru 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Greċja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta t-talba. |
|
(3) |
Il-Greċja għandha pjattaforma diġitali msejħa myDATA. L-entitajiet li huma obbligati jżommu rekords kontabilistiċi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali huma obbligati wkoll li jittrażmettu data dwar l-introjtu u l-ispejjeż lil dik il-pjattaforma. L-implimentazzjoni tal-miżura speċjali tippermetti li d-data mill-fatturi elettroniċi tiġi trażmessa direttament lill-pjattaforma myDATA. Bħala riżultat, informazzjoni b’livell għoli ta’ kwalità tilħaq il-pjattaforma myDATA f’ħin reali, u b’hekk l-amministrazzjoni tat-taxxa Griega tkun tista’ tikxef b’mod aktar faċli u rapidu każijiet ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) mhux iddikjarata jew mhux iddikjarata biżżejjed. Barra minn hekk, dan jgħin lill-amministrazzjoni tat-taxxa fil-ġlieda kontra l-frodi ċirkolari jew “karusell”, u b’hekk iqassar iż-żmien meħud biex jiġu identifikati l-partijiet involuti. |
|
(4) |
Il-Greċja tqis li l-implimentazzjoni tal-miżura speċjali ma tkunx wisq ta’ piż għall-persuni taxxabbli, billi l-fatturazzjoni elettronika diġà hija prattika komuni f’bosta setturi tal-ekonomija. Il-Greċja waslet ukoll biex timplementa l-fatturazzjoni elettronika obbligatorja fil-qasam tal-akkwist pubbliku. Barra minn hekk, il-miżura speċjali tagħmel il-ħruġ ta’ dikjarazzjonijiet tal-VAT mimlijin lesti aktar faċli u tagħmilha possibbli li l-persuni taxxabbli jikkonformaw ma’ aktar minn obbligu wieħed ta’ rappurtar fl-istess ħin, u dan inaqqas l-iżbalji u l-kostijiet amministrattivi. Skont il-Greċja, iż-żieda fil-kostijiet għan-negozji minħabba l-miżura speċjali tiġi kkumpensata permezz ta’ tnaqqis fil-kostijiet assoċjati mal-ħruġ, l-ispedizzjoni u l-ħżin tal-fatturi stampati u mill-benefiċċji għall-persuni taxxabbli li jirriżultaw mit-titjib tal-proċessi tagħhom permezz tad-diġitalizzazzjoni. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Greċja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2027. Jekk il-Greċja tqis li tkun neċessarja estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mill-2027, hija jenħtieġ li tippreżenta talba għal estensjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dik it-talba tkun akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali, inkluż valutazzjoni tal-miżura speċjali rigward l-effettività tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi. |
|
(6) |
Madankollu, jenħtieġ li l-miżura speċjali tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ sistema ġenerali għall-fatturazzjoni elettronika adottata mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew abbażi ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra ta’ dak it-Trattat, jekk tali sistema ġenerali ssir applikabbli qabel il-31 ta’ Diċembru 2027. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-miżura speċjali ma taffettwax id-dritt tal-konsumaturi li jirċievu fatturi stampati f’każ ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji. |
|
(8) |
Il-miżura speċjali hija proporzjonata għall-objettivi segwiti peress li hija limitata fiż-żmien u fil-kamp ta’ applikazzjoni. Barra minn hekk, il-miżura speċjali ma tagħtix lok għal riskju li l-frodi timxi lejn setturi oħra jew lejn Stati Membri oħra. |
|
(9) |
Il-miżura speċjali mhux ser ikollha effett negattiv fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux ser ikollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni dovuti mill-VAT, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikolu 218 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Greċja hija awtorizzata li taċċetta biss fatturi li jkunu nħarġu minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Greċja fil-forma ta’ dokumenti jew messaġġi f’format elettroniku.
Artikolu 2
B’deroga mill-Artikolu 232 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Greċja hija awtorizzata tipprevedi li l-użu ta’ fatturi elettroniċi maħruġa minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tal-Greċja ma għandux ikun soġġett għal aċċettazzjoni mir-riċevitur stabbilit fit-territorju tal-Greċja.
Artikolu 3
Il-Greċja għandha tinnotifika l-miżuri nazzjonali li jimplimentaw il-miżura speċjali stabbilita fl-Artikoli 1 u 2 lill-Kummissjoni.
Artikolu 4
1. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2025 sal-31 ta’ Diċembru 2027.
2. Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027, u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi valutazzjoni ta’ kemm il-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3 kienu effettivi fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT u fis-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi. Barra minn hekk, dak ir-rapport għandu jevalwa l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq il-persuni taxxabbli u, b’mod partikolari, jekk dawk il-miżuri jżidux il-piż u l-kostijiet amministrattivi tagħhom.
3. Madankollu, fil-każ li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew abbażi ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra ta’ dak it-Trattat, jintroduċi sistema ġenerali għall-fatturazzjoni elettronika, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih dik is-sistema ġenerali ssir applikabbli.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
T. SIEMONIAK
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/502/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)