European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1893

19.9.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1893

tas-17 ta’ Settembru 2025

li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi għall-attestazzjonijiet ta’ taħriġ ta’ persuni fiżiċi u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku ta’ tali attestazzjonijiet ta’ taħriġ fir-rigward ta’ ċertu tagħmir mobbli li fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew alternattivi tagħhom u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 307/2008

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/573 jinkludi obbligi rigward l-attestazzjonijiet ta’ taħriġ ta’ persuni fiżiċi biex iwettqu ċerti attivitajiet li jikkonċernaw tagħmir tal-arja kundizzjonata f’vetturi bil-mutur li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u barra minnu, u tagħmir tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana f’vetturi tqal, vannijiet, makkinarju mobbli mhux tat-triq użat fl-agrikoltura, fl-operazzjonijiet tal-minjieri u tal-kostruzzjoni, fit-trenijiet, fil-metros u fit-trammijiet, kif ukoll unitajiet ta’ refriġerazzjoni ta’ vetturi ħfief refriġerati, kontejners intermodali u vaguni tal-ferrovija li jinvolvu gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew alternattivi rilevanti għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, inklużi refriġeranti naturali.

(2)

Ir-regoli dwar l-attestazzjoni ta’ taħriġ skont ir-Regolament (UE) 2024/573 ikopru lista estiża ta’ tagħmir mobbli kif ukoll sustanzi li jinsabu f’dak it-tagħmir, inklużi alternattivi għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra.

(3)

Ir-rekwiżiti għall-kontenut tal-programmi ta’ taħriġ u attestazzjoni jenħtieġ li jiżguraw l-immaniġġar sikur tat-tagħmir rilevanti li fih gassijiet fjammabbli jew tossiċi jew li jopera taħt pressjonijiet ogħla.

(4)

It-titjib tal-kwalità tal-manutenzjoni jew tas-servizzjar tat-tagħmir huwa essenzjali għall-ottimizzazzjoni u ż-żamma tal-effiċjenza enerġetika tiegħu, li huwa objettiv ieħor tal-obbligi ta’ taħriġ u ta’ attestazzjoni.

(5)

Għalhekk, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2024/573, huwa meħtieġ li jiġu aġġornati r-rekwiżiti minimi għall-attestazzjonijiet ta’ taħriġ ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ħiliet u l-għarfien li għandhom jiġu koperti fir-rigward tat-tagħmir rilevanti u li jiġu speċifikati r-regoli għall-attestazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-attestazzjonijiet.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2024/573 issostitwixxa r-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u introduċa regoli ġodda dwar l-obbligi ta’ attestazzjoni ta’ taħriġ. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 307/2008 (4) jitħassar.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, stabbiliti bl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2024/573,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal persuni fiżiċi li jwettqu l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

il-manutenzjoni jew is-servizzjar, jew it-tiswija ta’ tagħmir tal-arja kundizzjonata f’vetturi bil-mutur li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/40/KE u ta’ tagħmir tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana f’vetturi tqal, vannijiet, makkinarju mobbli mhux tat-triq użat fl-agrikoltura, fl-operazzjonijiet tal-minjieri u tal-kostruzzjoni, fit-trenijiet, fil-metros u fit-trammijiet li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew is-sustanzi alternattivi idrokarburi jew id-diossidu tal-karbonju (CO2);

(b)

kontrolli biex jinstab ikunx hemm tnixxijiet f’tagħmir tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana f’vetturi tqal, vannijiet, makkinarju mobbli mhux tat-triq użat fl-agrikoltura, fl-operazzjonijiet tal-minjieri u tal-kostruzzjoni, fit-trenijiet, fil-metros u fit-trammijiet li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra elenkati fl-Anness I u t-Taqsima I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2024/573;

(c)

l-irkupru tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra miċ-ċirkwiti ta’ tkessiħ tal-unitajiet ta’ refriġerazzjoni ta’ vetturi ħfief refriġerati, kontenituri intermodali, inklużi reefers, u vaguni ferrovjarji u miċ-ċirkwiti tat-tkessiħ ta’ tagħmir tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana f’vetturi tqal, vannijiet, makkinarju mobbli mhux tat-triq użat fl-agrikoltura, fl-operazzjonijiet tal-minjieri u tal-kostruzzjoni, fit-trenijiet, fil-metros, u fit-trammijiet u minn tagħmir tal-arja kundizzjonata f’vetturi bil-mutur li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/40/KE;

(d)

l-irkupru ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra elenkati fl-Anness I u fit-Taqsima I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2024/573 minn tagħmir tal-arja kundizzjonata f’vetturi tat-triq, mhux kopert taħt il-punt (c), li jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/40/KE.

2.   Dan ir-Regolament ma għandu japplika għall-ebda attività ta’ manifattura mwettqa fis-sit tal-manifattur tat-tagħmir ikkonċernat.

Artikolu 2

Taħriġ ta’ persuni fiżiċi

1.   Il-persuni fiżiċi li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jkollhom attestazzjoni ta’ taħriġ tat-tip stabbilit fil-paragrafu 2. L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-ħruġ ta’ tipi ta’ attestazzjonijiet separati jew attestazzjoni li tikkombina kwalunkwe tip ta’ attestazzjoni, filwaqt li jidentifikaw l-attivitajiet li tkopri.

Iċ-ċertifikati stabbiliti skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2215 (5) jistgħu jitqiesu li jkopru r-rekwiżiti skont dan ir-Regolament għas-sustanzi rilevanti.

2.   L-attestazzjonijiet ta’ taħriġ imsemmija fil-paragrafu 1 li jiċċertifikaw li d-detentur ikun lesta kors ta’ taħriġ li jkopri l-ħiliet u l-għarfien minimi stabbiliti fl-Anness I, għandhom ikunu tat-tipi li ġejjin:

(a)

Attestazzjoni M1, li tiċċertifika li d-detenturi jistgħu jwettqu l-attivitajiet previsti fl-Artikolu 1, il-punti (a), (b), (c) u (d), b’rabta mal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u l-idrokarburi;

(b)

Attestazzjoni M2, li tiċċertifika li d-detenturi jistgħu jwettqu l-attivitajiet previsti fl-Artikoli 1, il-punti (a), (b), (c) u (d), b’rabta mal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u l-idrokarburi, limitati għal fejn ikun qed jintuża stazzjon awtomatizzat ta’ rkupru u ta’ ċċarġjar għal tagħmir tal-arja kundizzjonata;

(c)

Attestazzjoni M3, li tiċċertifika li d-detenturi jistgħu jwettqu l-attivitajiet previsti fl-Artikolu 1, il-punt (a), b’rabta mad-diossidu tal-karbonju (CO2);

(d)

Attestazzjoni M4, li tiċċertifika li d-detenturi jistgħu jwettqu l-attivitajiet previsti fl-Artikolu 1, il-punti (c) u (d), b’rabta mal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra.

3.   Il-persuni fiżiċi li jwettqu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu qed isegwu kors ta’ taħriġ bl-għan li jiksbu attestazzjoni li tkopri l-attività rilevanti u;

(b)

iwettqu l-attività taħt is-superviżjoni ta’ persuna li jkollha attestazzjoni li tkopri l-attività u li tkun responsabbli għalkollox għat-twettiq tal-attività b’mod korrett.

Id-deroga prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tapplika tul il-perjodi li fihom jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), u li b’kollox ma għandhomx jaqbżu l-24 xahar.

Artikolu 3

Ħruġ tal-attestazzjonijiet ta’ taħriġ lil persuni fiżiċi

1.   Korp tal-attestazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4 għandu joħroġ attestazzjoni ta’ taħriġ lil persuni fiżiċi li jkunu lestew kors ta’ taħriġ li jkopri l-ħiliet u l-għarfien minimi stabbiliti fl-Anness I.

2.   L-attestazzjoni ta’ taħriġ għandha tinkludi tal-inqas dan li ġej:

(a)

l-isem tal-korp tal-attestazzjoni, l-isem sħiħ tad-detentur tagħha u numru ta’ reġistrazzjoni;

(b)

it-tip ta’ attestazzjoni ta’ taħriġ kif speċifikat fl-Artikolu 2(2) u l-ispeċifikazzjoni tal-attivitajiet li d-detentur ta’ dak it-tip ta’ attestazzjoni ta’ taħriġ huwa intitolat li jwettaq kif ukoll it-tip ta’ tagħmir ikkonċernat;

(c)

id-data tal-ħruġ u l-firma tal-emittent.

3.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-korpi tal-attestazzjoni jeżentaw lil persuni fiżiċi mir-rekwiżit li jsegwu kors ta’ taħriġ imsemmi fl-Artikolu 3(1), meta l-persuna fiżika tkun kisbet preċedentement ħiliet u għarfien ekwivalenti għal dawk elenkati fl-Anness I.

Artikolu 4

Korp tal-attestazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw fid-dritt nazzjonali jew jaħtru l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti biex jaħtru korp tal-attestazzjoni awtorizzat biex joħroġ attestazzjoni ta’ taħriġ lill-persuni fiżiċi li jkunu lestew kors ta’ taħriġ li jkopri l-ħiliet u l-għarfien minimi stabbiliti fl-Anness I.

Il-korp tal-attestazzjoni għandu jkun indipendenti u imparzjali fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu.

2.   It-taħriġ għandu jkun ippjanat u strutturat b’tali mod li jiġi żgurat li l-ħiliet u l-għarfien minimi stabbiliti fl-Anness I ikunu koperti. Il-korp tal-attestazzjoni għandu jipprovdi l-post tat-taħriġ li jiżgura s-sikurezza tal-applikanti, b’mod partikolari meta jwettqu attivitajiet li jinvolvu refriġeranti li jkunu fjammabbli.

3.   Il-korp tal-attestazzjoni għandu jistabbilixxi u japplika proċeduri għall-ħruġ tal-attestazzjonijiet ta’ taħriġ u għandu jżomm rekords li jippermettu l-verifika tal-ħruġ ta’ tali attestazzjonijiet miżmuma għal perjodu minimu ta’ 5 snin.

Artikolu 5

Kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku

1.   Ir-rikonoxximent reċiproku tal-attestazzjonijiet ta’ taħriġ bejn l-Istati Membri għandu japplika biss għall-attestazzjonijiet ta’ taħriġ maħruġa f’konformità mal-Artikolu 3, għall-attivitajiet speċifikati f’dawn l-attestazzjonijiet.

2.   L-Istati Membri ma għandhom jimponu l-ebda evalwazzjoni jew tip ieħor ta’ proċeduri ta’ valutazzjoni jew rekwiżiti amministrattivi sproporzjonati fuq id-detenturi tal-attestazzjonijiet ta’ taħriġ maħruġa minn Stat Membru ieħor biex jiġu rikonoxxuti dawk l-attestazzjonijiet jew biex jippermettu l-aċċess għall-impjieg lid-detenturi ta’ dawk l-attestazzjonijiet għall-attivitajiet speċifikati fihom.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li d-detenturi ta’ attestazzjoni ta’ taħriġ maħruġa fi Stat Membru ieħor jipprovdu traduzzjoni tal-attestazzjoni b’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 6

Attestazzjonijiet ta’ taħriġ eżistenti, korsijiet ta’ taħriġ ta’ aġġornament jew proċessi ta’ evalwazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korsijiet ta’ taħriġ ta’ aġġornament kif meħtieġ skont l-Artikolu 10(9) tar-Regolament (UE) 2024/573 jagħtu prova tal-għarfien u l-ħiliet prattiċi u teoretiċi tal-persuni fiżiċi kif speċifikat fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Għal dak l-għan, skont l-Artikolu 10(9) tar-Regolament (UE) 2024/573, għandhom jiżguraw li d-detenturi tal-attestazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 307/2008 jitħallew ikomplu jużaw dik l-attestazzjoni biss jekk jaġġornaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom sal-livell tal-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għall-attestazzjoni M1, M2 jew M4 kif imsemmi fl-Artikolu 2(2), il-punti (a), (b) u (d), ta’ dan ir-Regolament u speċifikat fl-Anness I tiegħu.

Artikolu 7

Tħassir

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 307/2008 jitħassar.

2.   Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj.

(2)  Id-Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament ta’ l-arja f'vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (ĠU L 161, 14.6.2006, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/40/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/517/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 307/2008 tat-2 ta’ April 2008 li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi għall-programmi ta’ taħriġ u l-kondizzjonijiet għall-għarfien reċiproku ta’ l-attestazzjonijiet ta’ taħriġ tal-persunal f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sistemi ta’ kondizzjonament ta’ l-arja li fihom ċerti gassijiet serra fluworinati f’vetturi bil-mutur (ĠU L 92, 3.4.2008, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/307/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2215 tas-6 ta’ Settembru 2024 li jistabbilixxi, skont ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi għall-ħruġ ta’ ċertifikati lil persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku ta’ tali ċertifikati, fir-rigward ta’ tagħmir stazzjonarju ta’ refriġerazzjoni, arja kundizzjonata u pompi tas-sħana, ċikli Rankine organiċi u unitajiet ta’ refriġerazzjoni ta’ trakkijiet refriġerati, trejlers refriġerati, vetturi light-duty, kontejners intermodali u vaguni tal-ferrovija li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew l-alternattivi tagħhom, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2067 (ĠU L, 2024/2215, 9.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2215/oj).


ANNESS I

Rekwiżiti minimi fir-rigward tal-ħiliet u tal-għarfien li għandhom jiġu koperti mill-programmi ta’ taħriġ

Il-kors ta’ taħriġ imsemmi fl-Artikolu 3(2) għandu jkopri dan li ġej:

(a)

modulu teoretiku kif indikat bħala (T) fil-kolonni,

(b)

modulu prattiku fejn l-applikant għandu jwettaq il-kompitu korrispondenti bil-materjal, l-għodod u t-tagħmir rilevanti, indikat bħala (P) fil-kolonni.

Għarfien u ħiliet minimi

Attestazzjoni M1

Attestazzjoni M2

Attestazzjoni M3

Attestazzjoni M4

1.1

Fehim bażiku tal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE u ta’ dik nazzjonali, b’mod partikolari r-Regolament dwar il-gassijiet F. Għarfien bażiku dwar il-kwistjonijiet ambjentali rilevanti (it-tibdil fil-klima, l-objettivi klimatiċi tal-UE, il-Ftehim ta’ Pariġi, l-emenda ta’ Kigali għall-Protokoll ta’ Montreal, il-potenzjal ta’ tisħin globali tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra).

T

T

T

T

1.2

Fehim bażiku tat-termodinamika tar-refriġeranti fiċ-ċirkwiti tat-tkessiħ.

T

T

T

T

1.3

Għarfien dwar il-komponenti bażiċi u t-tħaddim ta’ tagħmir tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana (inkluż it-tkessiħ tal-batteriji) kif ukoll unitajiet ta’ refriġerazzjoni f’tagħmir mobbli kopert minn dan ir-Regolament, li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew li jiddependu minnhom u, dwar l-alternattivi għal dawn il-gassijiet.

T

T

T

T

1.4

Għarfien bażiku dwar l-użu u l-proprjetajiet tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u, fejn rilevanti, l-alternattivi għal dawn il-gassijiet użati bħala refriġeranti f’tagħmir tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana kif ukoll unitajiet ta’ refriġerazzjoni f’tagħmir mobbli kopert minn dan ir-Regolament, kif ukoll il-proprjetajiet importanti l-oħra, kif rilevanti, inkluż ir-rekwiżiti dwar il-fjammabbiltà, it-tossiċità jew il-pressjoni.

T

T

T

T

1.5

Għarfien dwar ir-riskji għas-sikurezza u s-saħħa meta jkun qed isir xogħol b’refriġeranti fjammabbli (għodod u tagħmir xierqa, tagħmir protettiv personali, distanzi ta’ ħidma sikuri)

T

T

 

T

1.6

Għarfien dwar ir-riskji għas-sikurezza u s-saħħa meta jkun qed isir xogħol b’refriġeranti (R744) taħt pressjonijiet għolja

 

 

T

 

1.7

Għarfien bażiku dwar il-kunċett tal-Potenzjal ta’ Tisħin Globali (GWP, Global Warming Potential), dwar l-użu ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u ta’ sustanzi oħra bħala refriġeranti, dwar l-impatt tal-emissjonijiet tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra fuq il-klima (ordni ta’ kobor tal-GWP tagħhom) u dwar id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2024/573 u d-Direttiva 2006/40/KE.

Għarfien bażiku dwar theddid possibbli għall-ambjent minn prodotti tad-dekompożizzjoni ta’ ċerti sustanzi fluworurati (PFAS, products of certain fluorinated substances) bħall-HFCs, l-HFOs u l-HCFOs

T

T

 

T

1.8

Għarfien dwar l-istandards regolatorji u ta’ sikurezza għax-xogħol li jsir b’refriġeranti fjammabbli. Ħżin, trasport u mmaniġġar b’mod sikur taċ-ċilindri ta’ pressjoni li jkun fihom refriġerant fjammabbli. Għarfien dwar l-istrateġiji ta’ mitigazzjoni tal-perikli tan-nirien u l-proċeduri ta’ emerġenza fil-każ ta’ tnixxijiet jew tqabbid.

T

T

 

T

2

Kontrolli biex jinstab ikunx hemm tnixxijiet

2.1

Fehim bażiku tal-punti potenzjali ta’ tnixxija tat-tagħmir tal-arja kundizzjonata u tal-pompi tas-sħana fil-vetturi u fil-makkinarju mhux tat-triq.

T

T

 

 

2.2

Metodi u prattiki tajba biex jitwettqu kontrolli biex jinstab ikunx hemm tnixxijiet mit-tagħmir mobbli tal-arja kundizzjonata u mill-pompi tas-sħana f’diversi tipi ta’ vetturi u ta’ makkinarju mobbli mhux tat-triq biex jiġu minimizzati l-emissjonijiet ta’ refriġeranti.

T/P

T

 

 

2.3

Kontroll tar-rekords dwar it-tagħmir qabel isir kontroll biex jinstab ikunx hemm tnixxijiet, u l-identifikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti dwar kwalunkwe kwistjonijiet jew oqsma problematiċi rikorrenti li għandhom jingħataw attenzjoni speċjali.

T

T

 

 

2.4

Twettiq ta’ spezzjoni viżwali u manwali tas-sistema kollha

P

T

 

 

2.5

Twettiq ta’ kontroll indirett biex jinstab ikunx hemm tnixxijiet fis-sistema (bl-użu ta’ apparat għall-kejl tal-pressjoni, tat-temperatura u tal-elettriku u bl-interpretazzjoni tal-parametri mkejla)

P

P

 

 

2.6

Twettiq ta’ kontroll indirett biex jinstab ikunx hemm tnixxijiet fis-sistema, abbażi ta’ test tal-pressjoni u test bil-vakwu

P

P

 

 

2.7

Twettiq ta’ kontroll dirett biex jinstab ikunx hemm tnixxijiet (sprej li jidentifika t-tnixxijiet permezz tal-formazzjoni tal-bżieżaq, likwidu luminexxenti UV, apparat elettroniku għad-detezzjoni tat-tnixxijiet)

P

P

 

 

2.8

Mili tad-data fir-rekords tat-tagħmir.

T

T

 

 

3

Manutenzjoni jew servizzjar u tiswija ta’ tagħmir mobbli tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana fil-vetturi, u makkinarju mobbli mhux tat-triq

3.1

Għarfien dwar prattiki tajba fil-manutenzjoni jew fis-servizzjar ta’ tagħmir tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana f’makkinarju mobbli tal-vetturi u mhux tat-triq.

T

T

T

 

3.2

Twettiq tal-operazzjonijiet standard ta’ manutenzjoni jew servizzjar (mili mill-ġdid) u tiswija ta’ tagħmir mobbli tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana fi grupp ta’ vetturi magħżul jew makkinarju mobbli mhux tat-triq (kategoriji tal-isem) kopert minn dan ir-regolament li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jew idrokarburi jew li jiddependu minnhom, inklużi l-vakwu, il-mili, il-kontroll tal-linja tal-likwidu u tal-ġbid, is-subtkessiħ, is-supertisħin, il-kontroll tat-temperatura u tal-pressjoni, l-ampi tal-kompressur, il-kontroll tas-superfiċe tal-kondensatur u l-evaporatur, l-installazzjoni ta’ komponenti u valvi fil-pożizzjoni korretta.

P

T

 

 

3.3

Twettiq tal-operazzjonijiet standard ta’ manutenzjoni jew servizzjar (mili mill-ġdid) u tiswija ta’ tagħmir mobbli tal-arja kundizzjonata u pompi tas-sħana f’vettura magħżula jew makkinarju mobbli mhux tat-triq kopert minn dan ir-regolament li fihom l-R744 (CO2) jew li jiddependu minnu, inklużi l-vakwu, il-mili, il-kontroll tal-linja tal-likwidu u tal-ġbid, is-subtkessiħ, is-supertisħin, il-kontroll tat-temperatura u tal-pressjoni, l-ampi tal-kompressur, il-kontroll tas-superfiċe tal-kondensatur u l-evaporatur, l-installazzjoni ta’ komponenti u valvi fil-pożizzjoni korretta

 

 

P

 

3.4

Għarfien dwar il-miżuri biex jittejbu jew jinżammu l-effiċjenza enerġetika tat-tagħmir matul il-manutenzjoni jew l-għoti ta’ service.

T

T

T

 

4.

Irkupru li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra

4.1

Għarfien dwar proċeduri komuni għall-irkupru ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra minn tagħmir mobbli tal-arja kundizzjonata, pompi tas-sħana u unitajiet ta’ refriġerazzjoni mobbli filwaqt li jitqies l-aspett ta’ fjammabbiltà ta’ xi wħud minn dawn il-gassijiet.

T

T

 

T

4.2

Għarfien dwar il-ħżin xieraq tar-refriġeranti rkuprati u l-arranġamenti għar-riċiklaġġ, ir-reklamazzjoni u l-qerda kif ukoll ir-rekwiżiti legali rispettivi inklużi d-dokumentazzjoni u r-rappurtar, jekk applikabbli.

T

T

 

T

4.3

Irkupru ta’ refriġerant minn unità mobbli tal-arja kundizzjonata jew tagħmir tal-arja kundizzjonata jew pompa tas-sħana fuq vettura jew vettura mobbli mhux tat-triq inkluża f’dan il-grupp

P

P

 

P


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 307/2008

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

—

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(2)

Artikolu 2(3)

—

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(2)

—

Artikolu 3(3)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(4)

—

Artikolu 4(1)

—

Artikolu 4(2)

—

Artikolu 4(3)

—

Artikolu 5(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 4(2)

Artikolu 6

Artikolu 6


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1893/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)