IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.6.2023
SWD(2023) 235 final
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI
Analiżi tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta
Li jakkumpanja d-dokument
Proposta għal DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) (ST 11941/2021 ADD1) dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta' Malta
{COM(2023) 372 final}
Werrej
Werrej
1.
Sommarju eżekuttiv
2.
L-objettivi tal-modifika tal-pjan
3.
Sommarju tal-valutazzjoni tal-pjan
3.1.
Rispons komprensiv u bbilanċjat sew għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali
3.2.
Rabta mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u s-Semestru Ewropew
3.3.
Il-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, ir-reżiljenza ekonomika, istituzzjonali u soċjali, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-mitigazzjoni tal-impatt tal-kriżi, u l-koeżjoni u l-konverġenza territorjali soċjali
3.4.
Il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”
3.5.
It-tranżizzjoni ekoloġika
3.6.
It-tranżizzjoni diġitali
3.7.
L-impatt dejjiemi tal-pjan
3.8.
L-istadji importanti, il-miri, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni
3.9.
L-ikkostjar
3.10.
Il-kontrolli u l-awditjar
3.11.
Il-koerenza
3.12.
REPowerEU
3.13.
Dimensjoni jew effett transfruntier jew multinazzjonali
ANNESS: It-trekkjar klimatiku u l-ittaggjar diġitali
1.Sommarju eżekuttiv
L-ekonomija Maltija rkuprat b’mod qawwi mill-effetti serji tal-pandemija tal-COVID. Fl-2021 u l-2022 il-PDG Malti żdied sew u fit-terminu medju mistenni jkompli jiżdied b’mod robust. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija trażżnet b’intervent tal-gvern li sewa kost fiskali mdaqqas. Filwaqt li l-ekonomija ma ntlaqtitx wisq mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna, id-dipendenza kbira tal-ekonomija Maltija fuq il-fjuwils fossili tippreżenta diffikultajiet marbuta mal-prospetti ta’ tkabbir sostenibbli tagħha u tliġġem il-progress fil-ksib tal-għanijiet klimatiċi tagħha għall-2030 u n-newtralità klimatika fl-2050.
Malta ppreżentat pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza, li jirrifletti t-tnaqqis fl-allokazzjoni finali tagħha, flimkien ma’ kapitolu REPowerEU li fih miżura biex it-tranżizzjoni ekoloġika titħaffef filwaqt li titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili. Din is-sottomissjoni tiffoka fuq tliet bażijiet legali. L-ewwel nett, il-modifika tqis il-kontribuzzjoni finanzjarja massima aġġornata li ġiet ippubblikata fit-30 ta’ Ġunju 2022 f’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, li wasslet għal tnaqqis fl-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli ta’ Malta minn EUR 316,4 miljun għal EUR 258,3 miljun. It-tieni nett, il-modifika kienet ibbażata fuq il-bażi legali tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241, wara li qieset li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ma għadux jista’ jinkiseb għalkollox jew fejn huwa previst dewmien minħabba ċirkostanzi oġġettivi, u wara li għamlet talba motivata lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta li timmodifika d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. Fl-aħħar nett, f’konformità mal-Artikolu 21c tar-Regolament (UE) 2021/241 dwar l-inklużjoni ta’ riżorsi addizzjonali mid-dħul mill-ETS u r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit (Brexit Adjustment Reserve, BAR), Malta inkludiet kapitolu REPowerEU fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
Il-modifiki li ġew preżentati minn Malta skont l-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 jolqtu sitt miżuri tal-pjan inizjali. Minbarra l-modifiki ta’ dawn il-miżuri, Malta talbet għall-korrezzjoni xi żbalji klerikali. Skont l-Artikolu 18(2), tneħħew tliet investimenti mill-pjan inizjali għall-irkupru u r-reżiljenza, jiġifieri l-post il-ġdid għall-iżbark tal-laneċ f’Buġibba, fil-Bajja ta’ San Pawl, id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi ta’ ġestjoni tal-outpatients u tal-operazzjonijiet fl-isptar Mater Dei, u l-ħolqien ta’ Ċentru għall-Eċċellenza fl-Edukazzjoni Vokazzjonali (il-Kampus tal-Istitut għall-Istudji dwar it-Turiżmu). Barra minn hekk, Malta tipproponi li tnaqqas l-investiment allokat għar-rinnovazzjoni tal-effiċjenza enerġetika tal-isptar Monte Karmeli. Skont l-Artikolu 21(1), Malta talbet biex l-iskedi ta’ żmien indikattivi ta’ żewġ miżuri jiġu posposti fid-dawl tat-tfixkil fil-katina tal-provvista u d-dewmien fl-akkwist. Huwa previst ukoll li jiġu kkoreġuti xi żbalji klerikali fir-rigward ta’ wħud mill-miżuri.
Il-Kapitolu REPowerEU fih miżuri li jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi enerġetiċi ewlenin li qed tħabbat wiċċha magħhom Malta bħalissa. Il-miżuri proposti jinkludu riforma biex jitħaffu l-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli u biex jiġi introdott obbligu tal-installazzjoni ta’ pannelli solari fuq il-bjut fuq ċerti binjiet residenzjali u mhux residenzjali ġodda (C7.R1), u investiment biex jissaħħaħ u jitwessa’ n-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku permezz tat-tisħiħ tal-grilja, tas-servizzi ta’ distribuzzjoni u tal-ħażna tal-batteriji (C7.I1). Ir-riforma mistennija żżid is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija ta’ Malta, li hija waħda mill-aktar baxxi fl-UE, u li tikkontribwixxi għall-objettiv tar-REPowerEU dwar l-aċċelerazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli. L-investiment se jikkontribwixxi għall-objettiv tar-REPowerEU li jiġu indirizzati l-ostakli fuq id-distribuzzjoni interna tat-trażmissjoni tal-elettriku. B’mod ġenerali, l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti mistennija tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili f’konformità mar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż dwar l-enerġija (CSR 4 fl-2022). Il-miżura ta’ investiment fil-kapitolu REPowerEU għandha effett transfruntier li huwa deskritt aktar f’din l-analiżi.
Abbażi tal-valutazzjoni tal-modifika sottomessa u tal-kapitolu REPowerEU, il-pjan modifikat Malti huwa klassifikat bħala “A” f’dak li jikkonċerna l-kriterji kollha, għajr għall-ikkostjar, fejn il-pjan jirċievi klassifikazzjoni “B” (ma nbidlitx mill-valutazzjoni tal-pjan oriġinali).
|
(1)
Rispons Bilanċjat
|
(2)
is-CSRs.
|
(3)
Tkabbir, impjiegi...
|
(4)
DNSH
|
(5)
Mira klimatika
|
(6)
Mira diġitali
|
(7)
Impatt dejjiemi
|
(8)
M & T
|
(9)
Ikkostjar
|
(10)
Sistema ta’ kontroll
|
(11)
Koerenza
|
(12) REPowerEU
|
(13) Transfruntiera
|
|
A
|
A
|
A
|
A
|
A
(68,8 %)
|
A (26,2 %)
|
A
|
A
|
B
|
A
|
A
|
A
|
A
|
2.L-objettivi tal-modifika tal-pjan
Il-Kapitolu REPowerEU fil-pjan modifikat ta’ Malta għall-irkupru u r-reżiljenza huwa rispons qawwi għall-isfidi ġeopolitiċi u tal-enerġija li ġew iffaċjati mill-Unjoni Ewropea minn mindu r-Russja invadiet lill-Ukrajna. Il-modifiki proposti fil-pjan u l-kapitolu REPowerEU li għadu kif ġie integrat jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li ngħataw lil Malta matul iċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew tal-2022.
Minħabba t-tnaqqis tal-appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli ta’ Malta, Malta talbet li jitneħħew xi miżuri mill-pjan oriġinali għall-irkupru u r-reżiljenza skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament RRF. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima ta’ Malta ġiet aġġornata fit-30 ta’ Ġunju 2022 u naqset minn EUR 316,4 miljun għal EUR 258,3 miljun. Biex tqis dan l-aġġornament, Malta talbet li jitneħħew tliet miżuri mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha: il-post il-ġdid tal-iżbark tal-laneċ f’Buġibba, fil-Bajja ta’ San Pawl, id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi ta’ ġestjoni tal-outpatients u tal-operazzjonijiet fl-isptar Mater Dei, u t-twaqqif ta’ Ċentru għall-Eċċellenza fl-Edukazzjoni Vokazzjonali (l-Istitut għall-Istudji dwar it-Turiżmu). Barra minn hekk, Malta talbet ukoll biex tnaqqas l-investiment fir-rinnovazzjoni tal-isptar Monte Karmeli u testendi l-perjodu ta’ żmien allokat għall-implimentazzjoni.
Malta talbet ukoll li timmodifika żewġ miżuri minħabba ċirkostanzi oġġettivi skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament RRF. Il-falliment tal-ewwel proċedura ta’ akkwist, li kellha ssirilha bidla fil-kundizzjonijiet, u t-tnedija mill-ġdid tal-proċedura ta’ akkwist mistennija jolqtu l-perjodu ta’ żmien allokat għall-investiment fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini tas-settur privat. Barra minn hekk, in-nuqqasijiet fil-provvista u d-dewmien tal-konsenja tal-vetturi elettriċi mistennija jħallu impatt fuq l-iskeda ta’ żmien għall-adozzjoni tal-vetturi elettriċi fis-settur privat. Dawn l-avvenimenti jikkostitwixxu ċirkostanzi oġġettivi, li wasslu biex parti mill-pjan oriġinali għall-irkupru u r-reżiljenza ma tistax tinkiseb fiż-żmien stabbilit fil-bidu.
L-elementi ewlenin tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza modifikat u l-kapitolu tar-REPowerEU jinsabu elenkati hawn komponent b’komponent:
Komponent 1 (In-newtralità klimatika), modifika mmirata:
Investiment C1-I1: Investiment fir-rinnovazzjoni u fl-ekoloġizzazzjoni tal-bini tas-settur pubbliku u privat, inkluż modifika retroattiva permezz ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi: Malta talbet li l-iskeda ta’ żmien indikattiva għall-iskema ta’ rinnovazzjoni tal-bini tas-settur privat tiġi posposta b’sitt xhur. It-talba hija bbażata fuq l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 minħabba l-fatt li l-ewwel proċedura ta’ akkwist ma rnexxietx, li jwassal għall-modifika tal-kundizzjonijiet u għat-tnedija ta’ proċedura ġdida.
Investiment C1-I2: Investiment fir-rinnovazzjoni u l-modifika retroattiva tal-isptarijiet pubbliċi: Meta jitqies it-tnaqqis tal-allokazzjoni finanzjarja ġenerali tagħha, Malta talbet li l-investiment fir-rinnovazzjoni effiċjenti fl-enerġija tal-isptar Monte Karmeli jitnaqqas minn EUR 20 miljun għal EUR 12,2-il miljun. It-tnaqqis fil-kostijiet tal-investiment huwa proporzjonali mat-tnaqqis fid-daqs tal-parti rinnovata minn 9 167 m² għal 5 600 m². L-inċertezza dwar l-allokazzjoni finanzjarja dewmet ukoll il-proċeduri ta’ akkwist; għaldaqstant Malta talbet li l-iskeda ta’ żmien indikattiva tal-iffirmar tal-kuntratti tiġi estiża b’sena, u l-mira għat-tlestija tal-investiment tittawwal b’semestru. Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/241.
Komponent 2 (id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport), modifika mmirata:
Investiment C2-I1: Il-post il-ġdid għall-iżbark tal-laneċ għall-promozzjoni ta’ modi alternattivi ta’ trasport f’Buġibba, fil-Bajja ta’ San Pawl: Fid-dawl tat-tnaqqis tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima, Malta talbet li dan l-investiment u l-istadji importanti korrispondenti jitneħħew mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Dan jirriżulta biex il-kost tal-investiment jitnaqqas minn EUR 16,1-il miljun għal EUR 0. Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/241.
Investiment C2-I2: Iż-żieda fl-użu tal-vetturi elettriċi fis-settur privat: Intalbet modifika biex it-tlestija tal-iskema tal-vetturi elettriċi tiġi estiża b’sena. It-talba hija bbażata fuq l-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2021/241 minħabba nuqqas ta’ provvista u dewmien fiż-żmien tal-konsenja tal-vetturi elettriċi.
Komponent 4 (is-Saħħa), modifika mmirata:
Investiment C4-I2: It-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa permezz tad-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda: Malta talbet li d-diġitalizzazzjoni tal-proċessi ta’ ġestjoni tal-outpatients u tal-operazzjonijiet fis-sottomiżura tal-isptar Mater Dei u ż-żewġ stadji importanti relatati mis-C4-I2 jitneħħew (jiġifieri dwar id-diġitalizzazzjoni tal-faċilità tal-outpatients). Dan jirriżulta mit-tnaqqis tal-kost tal-investiment minn EUR 24,9 miljun għal EUR 11,6-il miljun. Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/241.
Komponent 5 (Edukazzjoni ta’ kwalità u s-sostenibbiltà soċjoekonomika), modifika mmirata:
Investiment C5-I1: Il-ħolqien ta’ Ċentru għall-Eċċellenza fl-Edukazzjoni Vokazzjonali (ITS Campus): Fid-dawl tat-tnaqqis tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima, Malta talbet li dan l-investiment jitneħħa mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza. Dan jirriżulta fit-tnaqqis tal-kost tal-investiment minn EUR 41,4 miljun għal EUR 0. Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2021/241.
Komponent 7 (il-kapitolu REPowerEU), modifika sostanzjali:
Skont il-kapitolu REPowerEU u abbażi tal-Artikolu 21c tar-Regolament (UE) 2021/241, Malta pproponiet miżuri għal riforma waħda u investiment wieħed:
Ir-riforma C7-R1 tas-sistemi ta’ permessi eżistenti: Ir-riforma għandha l-għan li taċċellera l-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli u tintroduċi l-obbligu li jiġu installati pannelli solari fuq il-bjut fuq ċerti binjiet ġodda. Din ir-riforma mistennija toħloq il-prekundizzjonijiet biex jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija ta’ Malta.
Investiment C7-I1 fil-grilja tal-elettriku: L-investiment għandu l-għan li jsaħħaħ u jwessa’ n-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku permezz ta’ investimenti fil-grilja, fis-servizzi ta’ distribuzzjoni u fil-ħżin tal-batteriji. L-investiment mistenni jindirizza l-konġestjonijiet fid-distribuzzjoni interna tat-trażmissjoni tal-elettriku u jiffaċilita l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli.
Il-miżuri ppreżentati taħt il-kapitolu REPowerEU huma xierqa biex jindirizzaw xi wħud mill-isfidi ewlenin stabbiliti mill-pjan REPowerEU skont ir-Regolament (UE) 2023/435. L-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-kapitolu tar-REPowerEU mistennija tikkontribwixxi b’mod partikolari għall-appoġġ tal-objettivi fl-Artikolu 21c(3), il-punti (b) u (e) tar-Regolament (UE) 2021/241 billi taċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli, tindirizza l-konġestjonijiet interni tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, tappoġġa l-ħżin tal-elettriku u tappoġġa t-trasport b’emissjonijiet żero u l-infrastruttura tiegħu. Ir-riformi u l-investimenti proposti għandhom l-għan li jsolvu n-nuqqasijiet li ġew identifikati fil-qafas ta’ politika ta’ Malta dwar l-enerġija u l-klima li huma stabbiliti wkoll fir-Rapporti tal-Pajjiżi għall-2022 u l-2023 għal Malta, b’mod partikolari s-sehem baxx ta’ sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija. Dawn l-interventi jibnu fuq l-inizjattivi ppjanati taħt il-Komponent 1 u l-Komponent 2 u għandhom l-għan li jikkontribwixxu wkoll għall-Inizjattiva Ewlenija Ewropea “Enerġizzazzjoni”. Ir-riformi u l-investimenti fil-kapitolu REPowerEU għandhom l-għan li jkomplu jiffaċilitaw u jaċċelleraw l-isforzi ta’ Malta lejn użu akbar tal-enerġija rinnovabbli f’konformità mal-Pjan REPowerEU u l-objettivi tiegħu, u b’hekk jikkontribwixxu għall-miri u l-impenji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Id-deskrizzjoni preċedenti tal-aspetti ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ tal-pjan, il-kontroll u l-awditjar, kif ukoll il-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, ir-reżiljenza ekonomika, istituzzjonali u soċjali, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-mitigazzjoni tal-impatt tal-kriżi, u l-koeżjoni u l-konverġenza territorjali soċjali, kif rifless fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (2021) 269 final, tibqa’ valida.
Ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kompetizzjoni japplikaw bis-sħiħ għall-miżuri ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-fondi tal-Unjoni mgħoddija permezz tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, bħall-fondi tal-RRF, isiru riżorsi tal-Istat u jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Meta dan ikun il-każ u jkun hemm il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tinnofitika u tapprova dawn il-miżuri qabel ma l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħtu l-għajnuna, dment li dawk il-miżuri ma jkunux koperti minn skema ta’ għajnuna eżistenti jew jikkonformaw mal-kundizzjonijiet applikabbli ta’ regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija, b’mod partikolari r-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija (General Block Exemption Regulation, GBER) li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE. Meta l-Istat jagħti din l-għajnuna u jkun irid jinnotifikaha, huwa d-dmir tal-Istat Membru li jinnotifika l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni qabel ma jagħtihom, f’konformità mal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. F’dan ir-rigward, l-analiżi tal-għajnuna mill-Istat ta’ Malta fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ma tistax titqies bħala notifika dwar l-għajnuna mill-Istat. Sa fejn Malta tqis li miżura speċifika li tinsab fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tinvolvi għajnuna de minimis jew għajnuna eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika, hija r-responsabbiltà ta’ Malta li tiżgura konformità sħiħa mar-regoli applikabbli.
Tabella ta’ komponenti ġodda u modifikati u stima tal-kostijiet assoċjati:
|
Komponent
|
Status
|
Kostijiet (f’miljuni ta’ EUR)
|
|
C1: Newtralità klimatika
|
Modifikat
|
70.1
|
|
C2: Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport
|
Modifikat
|
94.3
|
|
C3: L-ekonomija diġitali, intelliġenti u reżiljenti
|
Mhux mibdul
|
55.3
|
|
C4: Ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa
|
Modifikat
|
36.7
|
|
C5: Edukazzjoni ta’ kwalità u s-sostenibbiltà soċjoekonomika
|
Modifikat
|
0
|
|
C6: It-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali
|
Mhux mibdul
|
10
|
|
C7: REPowerEU
|
Ġdid
|
69,9
|
3.Sommarju tal-valutazzjoni tal-pjan
3.1.Rispons komprensiv u bbilanċjat sew għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali
Il-pjan modifikat ta’ Malta flimkien mal-kapitolu REPowerEU jinkludi sett ibbilanċjat ta’ riformi u investimenti li jikkontribwixxu għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni billi jirreferi għas-sitt pilastri tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241. L-uniku impatt tal-modifika tal-pjan flimkien mal-kapitolu tar-REPowerEU huwa fuq il-valutazzjoni tal-kontribut tal-pjan tal-pilastru 1 dwar it-tranżizzjoni ekoloġika. Fir-rigward tal-pilastri l-oħra, in-natura u l-firxa tal-modifiki proposti għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ma jħallu ebda impatt fuq il-valutazzjoni preċedenti tar-rispons komprensiv u bbilanċjat tajjeb tal-pjan għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, u fuq il-kontribut xieraq tiegħu għas-sitt pilastri kollha msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament RRF, kif inhu rifless fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD (2021) 269 final. Fir-rigward tal-pilastru tat-tranżizzjoni ekoloġika, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza modifikat ta’ Malta flimkien mal-kapitolu REPowerEU jindirizza l-isfidi ekoloġiċi b’mod partikolari taħt il-Komponent 1 (in-newtralità klimatika), il-Komponent 2 (id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport) u l-Komponent 7 li għadu kif ġie miżjud (il-kapitolu REPowerEU).
Il-miżuri fil-kapitolu REPowerEU jikkontribwixxu għall-kisba tal-mira klimatika għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050 peress li għandhom l-għan li jinċentivaw l-adozzjoni tal-enerġija rinnovabbli. B’mod aktar preċiż, skont il-Komponent 7 Malta ppjanat miżuri li se jiffaċilitaw is-simplifikazzjoni tal-ħruġ ta’ permessi għal proġetti rinnovabbli, jintroduċu obbligi solari fuq il-bjut ta’ ċerti binjiet ġodda, jaġġornaw u jespandu n-network tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku u jinstallaw kapaċità ċentralizzata tal-ħżin tal-enerġija.
Kopertura tas-sitt pilastri tal-Faċilità mill-komponenti modifikati tal-pjan Malti għall-irkupru u r-reżiljenza
● = l-investimenti u r-riformi tal-komponent jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-pilastru; ○ = il-komponent jikkontribwixxi għall-pilastru parzjalment
|
|
It-tranżizzjoni ekoloġika
|
It-trasformazzjoni diġitali
|
It-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv
|
Il-koeżjoni soċjali u territorjali
|
Ir-reżiljenza tas-saħħa u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali
|
Politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss
|
|
Komponent 1
|
●
|
|
○
|
|
|
●
|
|
Komponent 2
|
●
|
|
○
|
|
|
●
|
|
Komponent 3
|
|
●
|
●
|
|
●
|
○
|
|
Komponent 4
|
|
○
|
●
|
○
|
●
|
○
|
|
Komponent 5
|
|
|
●
|
●
|
○
|
●
|
|
Komponent 6
|
|
●
|
○
|
|
●
|
|
|
Komponent 7
|
●
|
|
○
|
|
|
|
***
Filwaqt li jqis ir-riformi u l-investimenti kollha previsti minn Malta, il-pjan modifikat tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza għadu jirrappreżenta, fil-biċċa l-kbira tiegħu, rispons komprensiv u bbilanċjat xieraq għas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, u b’hekk jikkontribwixxi sew għas-sitt pilastri kollha msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament RRF, filwaqt li jqis l-isfidi speċifiċi u l-allokazzjoni finanzjarja ta’ Malta. Dan ikun jeħtieġ klassifikazzjoni ta’ A skont il-kriterju ta’ valutazzjoni 2.1 fl-Anness V tar-Regolament RRF.
3.2.Rabta mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u s-Semestru Ewropew
B’mod ġenerali, il-pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Malta jirrappreżenta rispons komprensiv u xieraq għall-isfidi ekonomiċi u soċjali li qed tħabbat wiċċha magħhom Malta. Għalkemm il-pjan modifikat ineħħi xi miżuri, jintroduċi riformi u investimenti ġodda li jgħinu biex tinżamm il-kopertura ta’ subsett sinifikanti tal-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (country-specific recommendations, CSRs) rilevanti indirizzati lil Malta.
Fl-aħħar CSRs Malta ġiet irrakkomandata tieħu azzjoni f’erba’ oqsma ta’ politika ewlenin matul l-2022 u l-2023. L-ewwel nett, fl-2023 Malta ġiet irrakkomandata tiżgura li t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fil-livell nazzjonali ikun konformi ma’ pożizzjoni politika ġeneralment newtrali, filwaqt li tqis l-appoġġ temporanju u mmirat kontinwu għall-unitajiet domestiċi u d-ditti l-aktar vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u għan-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. F’dan ir-rigward, il-pajjiż kellu jkun lest li jaġġusta l-infiq attwali għas-sitwazzjoni li qed tevolvi u jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija (CSR 1, 2022). It-tieni rakkomandazzjoni kienet dwar l-issuktar tal-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ottubru 2021 (CSR 2, 2022). It-tielet rakkomandazzjoni hija li Malta tieħu azzjoni biex tindirizza b’mod effettiv il-karatteristiċi tas-sistema tat-taxxa li jistgħu jagħmluha aktar faċli li ċerti individwi u kumpaniji multinazzjonali jippjanaw it-taxxi tagħhom b’mod aggressiv, u temenda r-regoli dwar il-kumpaniji mhux domiċiljati (CSR 3, 2022). Fl-aħħar nett, Malta ġiet irrakkomandata tnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi taċċellera l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, tippromwovi u tippermetti investimenti fl-enerġija eolika u solari, inkluż fl-enerġija lil hinn mill-kosta li żżomm f’wiċċ l-ilma, tkompli ttejjeb il-grilji tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku ta’ Malta, u toħloq inċentivi għall-ħżin tal-elettriku biex tipprovdi enerġija soda, flessibbli u li tirrispondi malajr. Malta ġiet irrakkomandata wkoll li tnaqqas id-domanda għall-enerġija permezz tat-titjib tal-effiċjenza enerġetika, b’mod partikolari f’bini residenzjali, u tnaqqas l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq billi tindirizza l-konġestjoni tat-traffiku permezz ta’ servizz tat-trasport pubbliku ta’ kwalità aħjar, sistemi ta’ trasport intelliġenti u investiment fl-infrastruttura tal-mobbiltà mhux motorizzata (CSR 4, 2022).
Minkejja t-talba ta’ Malta biex jitnaqqas l-investiment fir-rinnovazzjoni għall-effiċjenza enerġetika tal-isptar Monte Karmeli (C1-I1) biex titqies l-allokazzjoni finanzjarja mnaqqsa, il-pjan modifikat xorta jinkludi għadd ta’ investimenti li jindirizzaw ir-rinnovazzjoni u l-modifika retroattiva tal-bini tas-settur pubbliku u privat li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija permezz ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika (CSR 4, 2022). Il-pjan jinkludi wkoll miżuri importanti ta’ riforma li jtejbu l-ġestjoni tas-settur tal-kostruzzjoni u jippromwovu t-titjib tal-ħiliet ta’ diversi segmenti fl-ekosistema tal-kostruzzjoni.
Filwaqt li Malta talbet li l-investiment fil-post tal-iżbark tal-vapuri (C2 I1) jitneħħa fid-dawl tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima mnaqqsa ta’ Malta, il-pjan modifikat xorta jinkludi għadd ta’ investimenti u riformi fit-trasport sostenibbli li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tat-traffiku fit-toroq billi jnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku (CSR 4, 2022). Il-bqija tar-riformi mistennija jtejbu l-ippjanar tat-trasport u jinkoraġġixxu l-użu tat-trasport pubbliku, jinkoraġġixxu x-xogħol mill-bogħod fis-settur pubbliku u jżidu l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-flotta tas-settur pubbliku. Barra minn hekk, il-bqija tall-investimenti se jinċentivaw ix-xiri ta’ vetturi elettriċi b’emissjonijiet żero fis-settur privat u jiffinanzjaw l-akkwist ta’ vetturi elettriċi li jissostitwixxu l-vetturi b’magna ta’ kombustjoni interna fil-flotta tas-servizz pubbliku u l-akkwist ta’ karozzi tal-linja b’emissjonijiet żero għat-trasport pubbliku.
Il-miżuri l-ġodda fl-ambitu tal-kapitolu tar-REPowerUE għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi jaċċelleraw l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, jippromwovu u jippermettu investimenti fl-enerġija eolika u solari, itejbu aktar il-grilji tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku ta’ Malta, u joħolqu inċentivi għall-ħżin tal-elettriku għal enerġija soda, flessibbli u li tirreaġixxi malajr (CSR 4, 2022). Ir-riforma tinvolvi s-simplifikazzjoni tas-sistema ta’ permessi għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli u d-dħul fis-seħħ tal-obbligu li jiġu installati pannelli solari fuq ċerti binjiet ġodda. Din ir-riforma mistennija żżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija ta’ Malta. L-investiment fin-network tal-elettriku għandu l-għan li jsaħħaħ il-grilja tal-elettriku, is-servizzi ta’ distribuzzjoni u l-ħżin tal-batteriji. L-investiment mistenni jindirizza l-konġestjonijiet fid-distribuzzjoni interna tat-trażmissjoni tal-elettriku, jaċċellera l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll jgħin fid-dekarbonizzazzjoni tal-bini u tat-trasport billi jipprovdi infrastruttura tal-enerġija adattata għall-adozzjoni tal-enerġija rinnovabbli.
Il-pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Malta għadu jindirizza subsett sinifikanti tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Minkejja t-talba ta’ Malta biex jitneħħew ċerti miżuri biex titqies l-allokazzjoni finanzjarja mnaqqsa, il-prijoritajiet tal-pjan għadhom koerenti mal-progress fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż. Grazzi għar-riformi u l-investimenti proposti li jindirizzaw l-aktar sfidi imminenti għall-ekonomija u s-soċjetà Maltija, il-prijoritajiet tal-pjan jiffukaw fuq il-kwistjonijiet rilevanti u mistennija li jikkontribwixxu b’mod effettiv għar-riżoluzzjoni ta’ dawn l-isfidi. L-RRP rivedut ma jinkludix miżuri ġodda biex tiġi indirizzata r-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż tal-2022 li tikkonċerna l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.
***
Filwaqt li jitqiesu r-riformi u l-investimenti li ġew previsti minn Malta, il-pjan modifikat tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza mistenni jikkontribwixxi biex l-isfidi kollha, jew subsett sinifikanti minnhom, li ġew identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u l-isfidi f’dokumenti rilevanti oħra adottati uffiċjalment mill-Kummissjoni skont is-Semestru Ewropew, jiġu indirizzati b’mod effettiv. Il-pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Malta jirrappreżenta rispons xieraq għas-sitwazzjoni ta’ Malta. Dan jista’ jingħata klassifikazzjoni ta’ “A” skont il-kriterju ta’ valutazzjoni 2.2 fl-Anness V tar-Regolament RRF.
3.3.Il-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, ir-reżiljenza ekonomika, istituzzjonali u soċjali, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-mitigazzjoni tal-impatt tal-kriżi, u l-koeżjoni u l-konverġenza territorjali soċjali
In-natura u l-firxa tal-modifiki proposti għall-pjan Malti għall-irkupru u r-reżiljenza ma jħallux impatt fuq il-valutazzjoni preċedenti (Klassifikazzjoni ta’ “A”) tal-impatt tal-pjan fuq il-potenzjal tat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali tal-Istat Membru, fuq il-kontribut għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ politiki għat-tfal u ż-żgħażagħ, u fuq il-mitigazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19, u b’hekk isaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-konverġenza fl-Unjoni, kif rifless fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD (2021) 269 final.
3.4.Il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”
Il-pjan modifikat ta’ Malta għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU mistenni jkompli jiżgura li l-ebda miżura inkluża fil-pjan ma tagħmel ħsara sinifikanti lill-objettivi ambjentali, skont it-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar it-Tassonomija. Il-pjan modifikat jivvaluta l-konformità mal-metodoloġija stabbilita fil-Gwida teknika dwar l-applikazzjoni ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” (“do no significant harm”, DNSH) skont ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (2021/C 58/01). Il-valutazzjoni tar-riformi u l-investimenti l-ġodda kollha ssir b’mod sistematiku b’approċċ fuq żewġ stadji. Il-valutazzjoni tikkonkludi li għall-miżuri l-ġodda kollha, jew ma hemm l-ebda riskju ta’ ħsara sinifikanti jew, fejn jiġi identifikat riskju, issir valutazzjoni aktar dettaljata li turi n-nuqqas ta’ ħsara sinifikanti.
Ir-riforma tas-sistemi ta’ permessi eżistenti mmirati lejn it-tħaffif tal-applikazzjonijiet u l-aċċellerazzjoni tal-proċeduri tal-ħruġ ta’ permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli jirrispettaw il-prinċipju tad-DNSH. Din ir-riforma mistennija tiffaċilita l-użu ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u timmassimizza l-użu ta’ riżorsi tal-enerġija rinnovabbli ġġenerati lokalment. L-awtovalutazzjoni tad-DNSH ta’ Malta tiffoka fuq l-iżgurar li, minkejja proċeduri simplifikati u aċċellerati, l-awtorizzazzjonijiet rilevanti li jeħtieġu Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali, Valutazzjonijiet Xierqa u Valutazzjonijiet Ambjentali Strateġiċi se jitwettqu f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Barra minn hekk, Malta twiegħed li se tqis il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fil-każijiet ambjentali u ta’ ppjanar rilevanti li jkunu jirrikjedu dan.
***
Meta wieħed jikkunsidra l-valutazzjoni tal-miżuri kollha li ġew previsti, l-ebda miżura marbuta mal-implimentazzjoni tar-riformi u l-proġetti ta’ invesitment fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza modifikat ta’ Malta, fosthom dawk fil-kapitolu REPowerEU, mhi mistennija tikkaġuna ħsara fuq l-objettivi ambjentali fit-tifsira tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 2020/852 (il-priċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”). Dan ikun ħaqqu jiġi kklassifikat bħala “A” skont il-kriterju ta’ valutazzjoni 2.4 tal-Anness V tar-Regolament RRF.
3.5.It-tranżizzjoni ekoloġika
Il-miżuri tar-REPowerEU jindirizzaw il-ħtieġa kruċjali biex titħaffef il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli f’Malta, titnaqqas id-dipendenza ta’ Malta fuq il-fjuwils fossili importati u jiżdied is-sehem tar-riżorsi rinnovabbli fit-taħlita enerġetika. Il-miżuri l-ġodda kollha jħallu impatt fit-tul, għaliex ir-riformi ma jinkludux klawsoli ta’ estinzjoni, filwaqt li l-investiment isaħħaħ l-infrastruttura kritika.
Għalkemm Malta talbet li tnaqqas l-investiment fir-rinnovazzjoni għall-effiċjenza enerġetika tal-isptar Monte Karmeli minn EUR 20 miljun għal EUR 12,2-il miljun biex titqies l-allokazzjoni finanzjarja mnaqqsa, il-pjan modifikat għadu jinkludi għadd ta’ investimenti fl-effiċjenza enerġetika li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika. Il-pjan jinkludi wkoll miżuri importanti ta’ riforma li jtejbu l-ġestjoni tas-settur tal-kostruzzjoni u jippromwovu t-titjib tal-ħiliet ta’ diversi segmenti fl-ekosistema tal-kostruzzjoni. Il-livell kemxejn imnaqqas ta’ ambizzjoni fl-effiċjenza enerġetika huwa kkumpensat mill-investiment fil-kapitolu REPowerEU.
Għalkemm Malta talbet li l-investiment fil-post tal-iżbark tal-vapuri jitneħħa fid-dawl tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima mnaqqsa ta’ Malta, il-pjan modifikat għadu jinkludi għadd ta’ investimenti u riformi fit-trasport sostenibbli li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tat-traffiku fit-toroq billi jnaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku. Tabilħaqq, ir-riformi li fadal mistennija jtejbu l-ippjanar tat-trasport u jinkoraġġixxu l-użu tat-trasport pubbliku, jinkoraġġixxu x-xogħol mill-bogħod fis-settur pubbliku u jżidu l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-flotta tas-settur pubbliku. Barra minn hekk, l-investimenti li jifdal se jinċentivaw ix-xiri ta’ vetturi elettriċi b’emissjonijiet żero fis-settur privat u jiffinanzjaw l-akkwist ta’ vetturi elettriċi li jissostitwixxu l-vetturi b’magna ta’ kombustjoni interna fil-flotta tas-servizz pubbliku u l-akkwist ta’ karozzi tal-linja b’emissjonijiet żero għat-trasport pubbliku.
Abbażi tal-linji gwida tal-valutazzjoni previsti fis-subkriterju 5b, il-miżuri fil-pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza (inkluż il-kapitolu REPowerEU) li jappoġġaw l-objettivi tat-tibdil fil-klima jammontaw għal EUR 225,9 miljun jew 68,8 % (żieda ta’ 15-il punt perċentwali minn 53,8 % fil-pjan oriġinali) tal-allokazzjoni totali tal-pjan (jiġifieri aktar mis-37 % meħtieġa), abbażi tal-metodoloġija għat-trekkjar klimatiku stabbilita fl-Anness VI. L-aktar kontributi importanti għal din il-mira huma l-investiment fil-grilja tal-elettriku, ir-rinnovazzjoni għall-effiċjenza enerġetika u l-miżuri ta’ dekarbonizzazzjoni tat-trasport.
Barra minn hekk, il-miżuri proposti fi ħdan il-kapitolu tar-REPowerEU li jappoġġaw l-objettivi tat-tibdil fil-klima jammontaw għal 100 % tal-kostijiet totali stmati tal-kapitolu (jiġifieri aktar mis-37 % meħtieġa), abbażi tal-metodoloġija għat-trekkjar klimatiku stabbilita fl-Anness VI. Il-kontribut għall-objettivi tat-tibdil fil-klima ġej mill-investiment fil-grilja tal-elettriku biex jimmodernizzaha u jagħmilha adatta għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
***
Filwaqt li jqis il-valutazzjoni tal-miżuri kollha previsti, il-biċċa l-kbira tal-pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU tiegħu, mistenni jagħti kontribut sinifikanti għat-tranżizzjoni ekoloġika jew li jindirizza l-isfidi li jirriżultaw minnha u jiżgura li mill-inqas 37 % tal-allokazzjoni totali tiegħu tikkontribwixxi għall-mira klimatika. Mill-inqas 37 % tal-kostijiet totali stmati tar-REPowerEU jikkontribwixxu għall-mira klimatika. Dan ikun ħaqqu li jingħata klassifikazzjoni ta’ “A” skont il-kriterju 2.5 tal-Anness V tar-Regolament RRF.
3.6.It-tranżizzjoni diġitali
Il-modifika tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tinvolvi t-tneħħija tas-submiżura dwar id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi ta’ ġestjoni tal-outpatients u tal-operazzjonijiet fl-isptar Mater Dei li kienu jiffurmaw parti mill-investiment C4-I2. Il-baġit ta’ dan l-investiment qed jitnaqqas minn EUR 24,9 miljun għal EUR 11,6 miljun, fid-dawl tal-allokazzjoni finanzjarja massima mnaqqsa ta’ Malta skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament RRF. Il-miżuri l-oħra kollha rigward it-tranżizzjoni diġitali għadhom ma nbidlux fil-pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza.
It-tneħħija tas-submiżura dwar id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi ta’ involviment tal-pazjenti esterni u tal-konsumaturi ma tħallix impatt fuq il-valutazzjoni tal-kriterju 2.6 tal-Anness tar-Regolament RRF, fid-dawl tal-allokazzjoni finanzjarja massima mnaqqsa. Il-pjan modifikat għadu jikkontribwixxi għall-issodisfar tal-elementi li jikkorrispondu għall-kriterju ta’ valutazzjoni 2.6 tal-Anness V, kif inhu deskritt fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD (2021) 269.
Abbażi tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness VII tar-Regolament RRF, il-kontribuzzjoni għall-objettivi diġitali tlaħħaq is-EUR 67,6 miljun, li tirrappreżenta 26,2 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan modifikat; żieda ta’ 0,7 punti perċentwali minn 25,5 % fil-pjan oriġinali, minħabba tnaqqis fl-allokazzjoni finanzjarja totali tal-pjan modifikat, bl-kunsiderazzjoni tat-tneħħija tas-submiżura rilevanti.
***
In-natura u l-firxa tal-modifiki proposti fuq il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Malta ma jħallux impatt fuq il-valutazzjoni preċedenti (Klassifikazzjoni ta’ “A”) tal-kontribut tal-pjan għat-tranżizzjoni diġitali jew biex jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minnha u jiżguraw li mill-inqas 20 % tal-allokazzjoni totali tiegħu (mingħajr il-miżuri fil-kapitolu REPowerEU) jikkontribwixxu biex jappoġġaw l-objettivi diġitali, kif inhu rifless f’SWD (2021) 269.
3.7.L-impatt dejjiemi tal-pjan
Il-pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi miżuri ġodda li, minbarra l-miżuri eżistenti, mistennija jħallu effetti pożittivi dejjiema fuq l-ekonomija Maltija. Il-Kapitolu REPowerEU jintroduċi investiment wieħed u riforma waħda li mistennija jikkontribwixxu aktar għat-tranżizzjoni ekoloġika ta’ Malta billi (i) isaħħu t-tħejjija infrastrutturali tagħha biex jipprovdu għal żieda fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, inklużi s-sorsi rinnovabbli, filwaqt li jippermettu wkoll ħżin aħjar tal-enerġija, u (ii) jintroduċu bidliet strutturali fil-politika tal-enerġija li se jnaqqsu l-konġestjonijiet eżistenti fil-proċeduri tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jinfurzaw l-installazzjoni ta’ pannelli solari fuq il-bjut fuq bini ġdid li jilħaq l-għoli massimu tiegħu, fi sforz biex is-sehem ta’ Malta tal-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli jiżdied. Ċerti miżuri tneħħew biex jiġi rifless il-kontribut finanzjarju massimu li ġie ppubblikat fit-30 ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2021/241, u għadd limitat ta’ modifiki konformi mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241 jirriflettu d-dewmien fl-ilħuq ta’ ċerti objettivi intermedji/miri. Dawn il-modifiki mhumiex mistennija jkollhom xi effett fuq l-impatti pożittivi dejjiema tal-pjan Malti għall-irkupru u r-reżiljenza.
***
In-natura u l-firxa tal-modifiki proposti għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Malta ma jħallux impatt fuq il-valutazzjoni preċedenti (klassifikazzjoni ta’ “A”) tal-impatt dejjiemi tal-pjan, kif inhu rifless fl-SWD (2021) 269.
3.8.L-istadji importanti, il-miri, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni
L-istadji importanti u l-miri tal-pjan modifikat Malti għall-irkupru u r-reżiljenza, inkluż il-kapitolu REPowerEU, jippermettu monitoraġġ adegwat tal-implimentazzjoni tal-pjan. L-istadji importanti u l-miri jinkludu l-elementi ewlenin tal-miżuri u għaldaqstant huma rilevanti għall-implimentazzjoni tal-bidliet proposti. L-istadji importanti u l-miri tal-monitoraġġ jidhru komprensivi u ċari biex jiżguraw li t-tlestija tagħhom tkun tista’ tiġi traċċata u vverifikata. Il-pjan modifikat ta’ Malta għadu jikkorrispondi mal-pjan oriġinali f’dak li għandu x’jaqsam mal-livell ġenerali ta’ ambizzjoni. Barra minn hekk, Malta ddeskriviet b’mod suffiċjenti l-mekkaniżmi ta’ verifika, is-sistemi ta’ ġbir tad-data u r-responsabbiltajiet rilevanti li jistgħu wkoll jiġu kkwalifikati bħala ċari, robusti u effettivi biex tiġi żgurata t-tlestija effettiva tal-objettivi intermedji u l-miri.
***
L-arranġamenti proposti minn Malta fil-pjan modifikat tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza mistennija li jkunu adegwati biex jiżguraw monitoraġġ u implimentazzjoni effettivi tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, fosthom l-iskeda ta’ żmien prevista, l-objettivi intermedji u l-miri, u l-indikaturi relatati. Dan ikun ħaqqu jiġi kklassifikat bħala “A” skont il-kriterju ta’ valutazzjoni 2.8 tal-Anness V tar-Regolament RRF.
3.9.L-ikkostjar
Malta pprovdiet kostijiet stmati individwali għall-RRP rivedut, inkluż il-kapitolu REPowerEU. L-informazzjoni dwar il-kostijiet li ngħatat minn Malta għall-miżuri l-ġodda inklużi fil-kapitolu tar-REPowerEU hija ġeneralment dettaljata u sostanzjata sew. Malta pprovdiet ukoll ġustifikazzjonijiet individwali għall-miżuri li l-modifiki tagħhom kienu jinvolvu bidla fl-istimi tal-kostijiet.
B’mod ġenerali, is-suppożizzjonijiet użati minn Malta biex tistma l-kost tal-miżuri inklużi fil-kapitolu tar-REPowerEU jipprovdu spjegazzjoni raġonevoli tal-motivaturi ewlenin tal-kostijiet tal-miżuri. Ġeneralment, il-kalkoli huma spjegati b’mod ċar, li jwassal biex tiġi identifikata l-metodoloġija użata, anki jekk għal għadd limitat ta’ każijiet l-informazzjoni li ngħatat kienet aktar limitata jew anqas ċara. Il-kostijiet kollha tal-kapitolu tar-REPowerEU jiġġarrbu wara Frar 2022.
L-ammont tal-kostijiet stmati tal-miżuri inklużi fl-RRP rivedut, inkluż il-kapitolu tar-REPowerEU, huwa konformi man-natura u mat-tip tar-riformi u tal-investimenti previsti. Minbarra l-informazzjoni dwar l-ikkostjar ipprovduta fl-RRP oriġinali, f’dak li għandu x’jaqsam mal-miżuri l-ġodda, inklużi fil-kapitolu tar-REPowerEU, Malta pprovdiet ukoll dokumenti ta’ sostenn biex tissostanzja l-istimi tal-kostijiet, inklużi spjegazzjonijiet ta’ kif il-proġetti tal-passat jirrelataw mal-istimi tal-kostijiet tal-miżuri l-ġodda, għalkemm f’għadd limitat ta’ każijiet il-komparabbiltà ta’ proġetti tal-passat ma’ dawk proposti fil-Kapitolu ma setgħetx tiġi stabbilita bis-sħiħ, parzjalment minħabba li din il-miżura hija waħda ġdida. Fir-rigward tal-miżuri riveduti, it-tnaqqis propost fil-kost tal-investiment għar-rinnovazzjoni għall-effiċjenza enerġetika tal-isptar Monte Karmeli huwa proporzjonali mat-tnaqqis fl-erja rinnovata u t-tnaqqis tal-kostijiet għat-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa permezz tad-diġitalizzazzjoni jikkorrispondi għall-kostijiet ibbaġitjati b’rabta ma’ investiment ikkanċellat fuq id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi ta’ ġestjoni tal-outpatients u tal-operazzjonijiet fl-isptar Mater Dei.
Malta indikat li l-kostijiet li għandhom jiġu ffinanzjati mill-RRF mhux se jiġu ffinanzjati minn sorsi oħra ta’ finanzjament tal-Unjoni. B’mod aktar speċifiku, Malta impenjat ruħha li tiżgura li ma jseħħ l-ebda finanzjament doppju bi strumenti oħra ta’ finanzjament fil-każ li tittieħed kwalunkwe azzjoni komplementari fl-ambitu ta’ Fondi oħra. L-istrutturi fil-livell nazzjonali biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-finanzjament u jiġi evitat finanzjament doppju huma meqjusa bħala xierqa (Taqsima 3.10 Kontrolli u awditjar).
Il-kost totali tal-RRP rivedut, inkluż il-kapitolu tar-REPowerEU, huwa proporzjonat għall-impatt soċjali u ekonomiku mistenni tal-miżuri previsti. L-RRP rivedut, inkluż il-kapitolu tar-REPowerEU, mistenni jindirizza b’mod effettiv subsett sinifikanti ta’ sfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs). B’mod partikolari, il-kapitolu REPowerEU jikkontribwixxi għat-trawwim tat-tranżizzjoni ekoloġika u jżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli u jsaħħaħ l-infrastruttura kritika tal-enerġija. L-impatt ekonomiku u soċjali tal-RRP rivedut, inkluż il-kapitolu REPowerEU, flimkien mal-valutazzjoni pożittiva tal-kostijiet, jindika li l-kost huwa konformi mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza.
***
Sa ċertu punt, il-ġustifikazzjoni li ngħatat minn Malta dwar l-ammont tal-kostijiet totali stmati inklużi fl-RRP rivedut, inkluż il-kapitolu REPowerEU, hija raġonevoli, plawżibbli, f’konformità mal-prinċipju tal-kosteffiċjenza u hija proporzjonata għall-impatt ekonomiku u soċjali nazzjonali mistenni. Malta pprovdiet biżżejjed informazzjoni u evidenza li l-ammont tal-kost stmat tar-riformi u l-investimenti tal-pjan modifikat għall-irkupru u r-reżiljenza li għandu jiġi ffinanzjat mill-Faċilità mhuwiex kopert minn finanzjament eżistenti jew ippjanat tal-Unjoni. Dan ikun ħaqqu jiġi kklassifikat bħala B skont il-kriterju ta’ valutazzjoni 2.9 tal-Anness V tar-Regolament RRF.
3.10.Il-kontrolli u l-awditjar
In-natura u l-firxa tal-modifiki proposti għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Malta ma jħallux impatt fuq il-valutazzjoni preċedenti (Klassifikazzjoni ta’ “A”) tal-adegwatezza tal-arranġamenti relatati mal-kontroll u l-awditjar li ġew proposti minn Malta, kif inhu rifless fl-SWD (2021) 269.
3.11.Il-koerenza
Il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza modifikat ta’ Malta fih miżuri li jiżguraw il-komplementarjetà bejn il-komponenti differenti filwaqt li juri wkoll azzjonijiet koerenti fil-komponenti l-ġodda u riveduti, b’mod partikolari dawk relatati mal-kapitolu REPowerEU. Il-miżuri fil-kapitolu REPowerEU jintroduċu miżuri relatati mal-enerġija li jmorru lil hinn minn dak li ġie propost fis-sottomissjoni oriġinali ta’ Malta. Il-miżuri tal-enerġija fil-Komponent 1 tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Malta jiffokaw b’mod predominanti fuq l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, u l-investiment fl-enerġija rinnovabbli huwa limitat. Il-Kapitolu REPowerEU jiżgura l-komplementarjetà billi jippromwovi l-enerġija rinnovabbli b’mod aktar vigoruż milli fis-sottomissjoni oriġinali ta’ Malta, li jirrifletti s-sehem relattivament baxx tagħha fit-taħlita tal-enerġija. L-investiment propost jiffoka fuq il-ħtieġa li l-grilja tal-elettriku tissaħħaħ u ssir adatta biex tintuża aktar enerġija rinnovabbli, filwaqt li s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tissaħħaħ, filwaqt li jinħolqu wkoll faċilitajiet ċentralizzati għall-ħżin tal-batteriji biex l-enerġija rinnovabbli ġġenerata mill-unitajiet domestiċi tkun tista’ tinħażen. Il-Kapitolu REPowerEU jintroduċi wkoll l-ewwel riforma relatata mal-enerġija li se tippermetti l-aċċellerazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli u tintroduċi obbligi legali relatati mal-installazzjoni ta’ pannelli solari fuq il-bjut fuq binjiet ġodda li jkunu laħqu l-għoli massimu tagħhom, u b’hekk l-objettiv li jiżdied is-sehem tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija ta’ Malta jissaħħaħ. Il-miżuri fil-kapitolu REPowerEU jsaħħu l-effetti ta’ xulxin b’mod reċiproku biex jintlaħqu l-objettivi ta’ provvista tal-elettriku aktar nadifa u stabbli f’Malta. Il-modifiki ma għandhomx għanijiet kontradittorji jew effetti negattivi possibbli fuq xulxin.
***
In-natura u l-firxa tal-modifiki proposti għall-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Malta ma jħallux impatt fuq il-valutazzjoni preċedenti (klassifikazzjoni ta’ “A”) tal-koerenza tal-pjan, kif inhu rifless fl-SWD (2021) 269.
3.12.REPowerEU
L-attivitajiet taħt C7.R1 (ir-riforma ta’ sistemi eżistenti ta’ ħruġ ta’ permessi) għandhom l-għan li jaċċelleraw il-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli u tintroduċi l-obbligu li jiġu installati pannelli solari fuq il-bjut fuq binjiet ġodda. Din ir-riforma mistennija żżid is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija ta’ Malta, li hija waħda mill-aktar baxxi fl-UE, u għaldaqstant tikkontribwixxi għall-objettiv tar-REPowerEU dwar l-aċċelerazzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli. B’mod partikolari, ir-riforma tinvolvi r-reviżjoni tal-qafas tal-permessi u d-dħul fis-seħħ ta’ bidliet leġiżlattivi, fejn applikabbli: (i) l-obbligu li jiġu installati pannelli solari fuq il-bjut fuq bini residenzjali u mhux residenzjali ġdid li jkunu laħqu l-għoli massimu tagħhom, (ii) l-immodifikar tal-proċessi eżistenti għall-għoti ta’ permessi, inklużi l-proċeduri ta’ applikazzjoni, permezz tal-adozzjoni u l-pubblikazzjoni online ta’ skedi ta’ żmien imħaffa, (iii) ir-reviżjoni tal-proċeduri ta’ permessi għal sorsi rinnovabbli għas-serer u postijiet xierqa oħra. Ir-riforma C7.R1 se tħalli impatt dejjiemi peress li l-bidliet leġiżlattivi mhux se jkun fihom klawsoli ta’ estinzjoni u r-riformi mhumiex mistennija li jitreġġgħu lura f’data aktar tard. Ir-riforma C7.R1 hija koerenti ma’ sforzi oħra ta’ Malta biex tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika. B’mod partikolari, ir-riforma l-ġdida tikkomplementa l-miżuri eżistenti fil-Komponenti 1 u 2 tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Malta, li jiffokaw prinċipalment fuq il-kisba ta’ użu aktar effiċjenti tal-enerġija fil-bini u fit-trasport, u sa ċertu punt fuq iż-żieda fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli.
L-attivitajiet taħt C7.I1 (l-investiment fil-grilja elettrika) għandhom l-għan li jsaħħu u jwessgħu n-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku permezz ta’ investimenti fil-grilja, fis-servizzi ta’ distribuzzjoni u fil-ħżin tal-batteriji. L-investiment jikkontribwixxi għall-objettivi tar-REPowerEU dwar l-indirizzar ta’ konġestjonijiet fid-distribuzzjoni interna tat-trażmissjoni tal-elettriku u għaldaqstant jaċċelleraw l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. L-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija se jkun ta’ benefiċċju għall-produtturi tal-enerġija rinnovabbli, inklużi produtturi u konsumaturi individwali li jeħtieġ li jikkollegaw il-faċilitajiet tagħhom mal-grilja, kif ukoll promoturi futuri ta’ proġetti rinnovabbli fuq skala kbira (kemm fuq l-art kif ukoll lil hinn mill-kosta), kif ukoll għal min juża l-vetturi elettriċi. L-investimenti fl-infrastruttura fil-grilja jħallu impatt fit-tul peress li ż-żieda sostenibbli fis-sehem tal-elettriku li jinkiseb mill-enerġija rinnovabbli tirrikjedi kapaċità addizzjonali għat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-ħżin fin-network. L-investimenti taħt C7.I1 huma koerenti ma’ sforzi oħra ta’ Malta, speċjalment mal-investimenti tal-baġit nazzjonali tagħha fil-grilja tal-elettriku u l-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni fit-tieni interkonnettur ta’ 230 kV ma’ Sqallija. L-investimenti fil-grilja huma f’sinerġija ma’ miżuri fil-Komponenti 1 u 2 tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Malta, peress li d-dekarbonizzazzjoni tal-bini u tat-trasport tirrikjedi grilja tal-elettriku li hija aktar adattata għall-użu tal-enerġija rinnovabbli.
L-awtoritajiet Maltin kellhom laqgħat tekniċi u bilaterali mal-partijiet ikkonċernati bejn l-2022 u l-2023, organizzaw konsultazzjoni pubblika online formali f’April 2023 u qasmu l-abbozz tal-elementi tal-kapitolu REPowerEU mas-sħab soċjali (il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku). Wara, l-awtoritajiet integraw il-feedback mill-proċess ta’ konsultazzjoni fl-abbozz tal-kapitolu REPowerEU, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li jsir investiment biex l-infrastruttura tal-enerġija tippermetti li jiġu żgurati l-iżvilupp u l-ekoloġizzazzjoni fit-tul, li jiġu promossi s-sostenibbiltà u t-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli ġġenerata lokalment, li jitħarsu l-aspetti ambjentali u soċjali f’permessi rinnovabbli rapidi u li tiġi mfittxija l-komplementarjetà bejn il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Politika ta’ Koeżjoni u l-investimenti baġitarji nazzjonali fl-ekoloġizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni tal-bini u tat-trasport.
***
Meta wieħed jikkunsidra l-valutazzjoni tal-miżuri previsti fil-kapitolu REPowerEU, fil-parti l-kbira tiegħu l-kapitolu mistenni jikkontribwixxi b’mod effettiv għas-sigurtà tal-enerġija, għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, għal żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika, għal żieda fil-kapaċitajiet tal-ħżin tal-enerġija jew għat-tnaqqis meħtieġ tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili qabel l-2030. Dan ikun ħaqqu klassifikazzjoni ta’ “A” skont il-kriterju 2.12 tal-Anness V tar-Regolament RRF.
3.13.Dimensjoni jew effett transfruntier jew multinazzjonali
L-investiment fil-grilja tal-elettriku inkluża fil-kapitolu tar-REPowerEU, u li jirrappreżenta 100 % tal-kostijiet stmati tagħha, għandu effett transfruntier. Kif inhu deskritt fid-dettall hawn fuq, l-investiment fil-grilja se jagħmilha aktar b’saħħitha, usa’ u aktar adatta għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluża linja alimentatriċi għat-tieni interkonnettur tal-elettriku mal-Italja. B’riżultat ta’ dan, l-investiment se jikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija fl-Unjoni kollha kemm hi u, għalhekk, jista’ jitqies li għandu effett transfruntier pożittiv kif stabbilit fil-gwida tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-REPowerEU4.
***
Filwaqt li titqies il-valutazzjoni tal-miżuri kollha previsti fil-kapitolu REPowerEU, il-parti l-kbira tal-miżuri fil-kapitolu mistennija jkollhom dimensjoni jew effett transfruntier ta’ diversi pajjiżi. Dan ikun ħaqqu jiġi kklassifikat bħala “A” skont il-kriterju 2.13 tal-Anness V tar-Regolament RRF.
ANNESS: It-trekkjar klimatiku u l-ittaggjar diġitali
|
ID tal-Miżura/Submiżura
|
Isem tal-Miżura/Submiżura
|
Baġit (f’miljuni ta’ EUR)
|
Il-klima
|
Diġitali
|
|
|
|
|
Qasam Int.
|
Koeff.%
|
Qasam Int.
|
Koeff.%
|
|
C1.I.1 (a)
|
Investiment fir-rinnovazzjoni u fl-ekoloġizzazzjoni tal-bini tas-settur pubbliku u privat, inkluż modifika retroattiva permezz ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi - Submiżura pubblika EE
|
10
|
026bis
|
100%
|
|
|
|
C1.I.1:
|
Investiment fir-rinnovazzjoni u fl-ekoloġizzazzjoni tal-bini tas-settur pubbliku u privat, inkluż modifika retroattiva permezz ta’ miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi - Submiżura privata pubblika EE
|
20
|
024ter
|
100%
|
|
|
|
C1.I.2
|
Investiment fir-rinnovazzjoni u l-modifika retroattiva tal-isptarijiet pubbliċi:
|
12.2
|
026bis
|
100%
|
|
|
|
C1.I.3
|
Investiment fir-rinnovazzjoni, il-modifika retroattiva u l-enerġija rinnovabbli fl-iskejjel pubbliċi
|
10
|
026bis
|
100%
|
|
|
|
C1.I.4 (a)
|
Investiment fil-kostruzzjoni ta’ skola pilota kważi newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju biex isservi bħala mudell għall-futur u tipprovdi esperjenza ta’ tagħlim li tibqa’ valida fil-futur lill-istudenti — submiżura EE
|
14.4
|
025ter
|
40 %
|
|
|
|
C1.I.4:
|
Investiment fil-kostruzzjoni ta’ skola pilota kważi newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju biex isservi bħala mudell għall-futur u tipprovdi esperjenza ta’ tagħlim li tibqa’ valida fil-futur lill-istudenti — submiżura RES
|
0.5
|
029
|
100%
|
|
|
|
C1.I.5
|
Investimenti fl-enerġija rinnovabbli fit-toroq u fiż-żoni pubbliċi
|
3
|
029
|
100%
|
|
|
|
C2.I.2
|
Iż-żieda fl-użu tal-vetturi elettriċi fis-settur privat
|
50.3
|
mhux applikabbli
|
100%
|
|
|
|
C2.I.3
|
Id-dekarbonizzazzjoni tal-flotta tas-settur pubbliku
|
10
|
mhux applikabbli
|
100%
|
|
|
|
C2.I.4
|
Sostituzzjoni parzjali tal-flotta tat-trasport pubbliku
|
34
|
074
|
100%
|
|
|
|
C3.I.1 (a)
|
It-tisħiħ tar-reżiljenza, is-sigurtà u l-effiċjenza tas-sinsla diġitali tal-gvern u l-investiment f’soluzzjonijiet, apparati u għodod diġitali xierqa — submiżura tal-kostijiet kapitali
|
14.1
|
|
|
011
|
100%
|
|
C3.I.1:
|
It-tisħiħ tar-reżiljenza, is-sigurtà u l-effiċjenza tas-sinsla diġitali tal-gvern u l-investiment f’soluzzjonijiet, apparati u għodod diġitali xierqa — submiżura tat-taħriġ
|
2.6
|
|
|
108
|
100%
|
|
C3.I.2
|
Id-diġitalizzazzjoni tad-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili ta’ Transport Malta
|
5.9
|
|
|
084
|
100%
|
|
C3.I.3
|
Aktar diġitalizzazzjoni u modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika
|
17.7
|
|
|
011
|
100%
|
|
C3.I.4
|
L-introduzzjoni ta’ miżuri biex tiġi intensifikata d-diġitalizzazzjoni tas-settur privat
|
15
|
|
|
010
|
100%
|
|
C4.I.2:
|
It-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa permezz tad-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda - submiżura tad-diġitalizzazzjoni
|
2.3
|
|
|
095
|
100%
|
|
C6.I.1
|
Id-diġitalizzazzjoni fis-sistema ġudizzjarja
|
10
|
|
|
011quater
|
100%
|
|
C7.I.1 (il-Kapitolu tar-REPowerEU)
|
It-tisħiħ u t-twessigħ tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku permezz ta’ investimenti fil-grilja, fis-servizzi ta’ distribuzzjoni u fil-ħżin tal-batteriji.
|
69,9
|
033
|
100%
|
|
|