SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
26 ta’ Marzu 2026 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Proċeduri ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni – Determinazzjoni tal-valur doganali – Artikolu 32(1)(a)(ii) u Artikolu 32(1)(b)(iv) – Aġġustament skont l-ispejjeż sostnuti mix-xerrej – Spejjeż li jirriżultaw minn servizzi intanġibbli ta’ disinn ta’ mudelli għall-istampar ta’ tikketti mwaħħla fuq laned tal-ikel – Kunċett ta’ ‘kontenituri’ – Servizzi intanġibbli pprovduti fit-territorju tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawża C‑307/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Mejju 2023, fil-proċedura
G GmbH
vs
Hauptzollamt H,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn F. Bilgen, President tal-Awla, I. Ziemele (Relatriċi), A. Kumin, S. Gervasoni u M. Bošnjak, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal G GmbH, minn L. Harings, Rechtsanwalt, |
|
– |
għal Hauptzollamt H, minn S. Hein, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn G. Bain, J.-L. Carré u B. Fodda, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u F. Moro, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Ottubru 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(1)(a)(ii) u l-Artikolu 32(1)(b)(iv) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol.4, p. 307) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G GmbH u l-Hauptzollamt H dwar l-irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni li jikkonċernaw tikketti mwaħħla fuq laned tal-ikel. |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
L-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi: “Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità [Ekonomika Ewropea], aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33 […]” |
|
4 |
L-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi jiddisponi: “1. Waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 29, għandu jiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata:
[…]” |
|
5 |
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), tinkludi, fit-Taqsima I tal-Parti I tagħha, is-Sottotaqsima A intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”. Ir-regola ġenerali 5 dwar il-klassifikazzjoni tal-merkanzija hija fformulata kif ġej: “Bħala żieda mad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward ta’ oġġetti msemmijin fihom:
|
|
6 |
In-nota ta’ qiegħ il-paġna 1, li tinsab taħt ir-regola ġenerali 5, tippreċiża li “materjali tal-ippakkjar” u “kontenituri tal-ippakkjar” ifissru kwalunkwe kontenituri, holders, sarr jew irfid, esterni jew interni, għajr l-apparat għat-trasport, b’mod partikolari, kontenituri, it-tarpolini, it-taljoli jew tagħmir tat-trasport anċillari. Dan it-terminu ma jkoprix il-kontenituri msemmija fir-regola ġenerali 5(a). |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
7 |
Mit‑12 ta’ Diċembru 2012 sat‑30 ta’ Mejju 2013, G, proprjetarja ta’ maħżen doganali li jinsab fil-Ġermanja, wettqet għaxar operazzjonijiet ta’ żdoganar ta’ prodotti tal-ikel f’laned li jinżammu għal żmien twil mibjugħa minn fornituri ta’ pajjiżi terzi, bl-għan tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera fil-kuntest tal-proċedura ta’ rilaxx favur xerrej. Ix-xerrej kien iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-fornituri, mingħajr ħlas u f’forma elettronika, il-mudelli għall-istampar li jservu bħala mudell għall-produzzjoni tat-tikketti intiżi li jitwaħħlu fuq il-laned. Dawn it-tikketti kienu jiġu stampati u mwaħħla fuq il-laned mill-fornituri. Il-mudelli għall-istampar tal-imsemmija tikketti kienu ġew prodotti minn diversi studios tad-disinn fil-Ġermanja f’isem ix-xerrej u bi spejjeż tiegħu. |
|
8 |
Il-valuri doganali ddikjarati kienu jindikaw l-ammont li kellu jitħallas mix-xerrej lill-fornituri skont it-termini kuntrattwali li kienu jorbtuhom, inkluż, minbarra l-ispiża tal-prodotti tal-ikel, dak tal-imballaġġ għall-bejgħ bl-imnut fil-laned, kif ukoll dak marbut mal-istampar u t-twaħħil tat-tikketti, bl-esklużjoni tal-ispejjeż, sostnuti mix-xerrej, relatati mad-disinn tal-mudelli għall-istampar. |
|
9 |
Permezz ta’ avviż ta’ taxxa, maħruġa fl‑20 ta’ Frar 2014, il-Hauptzollamt H irkupra a posteriori d-dazji doganali, fl-ammont ta’ EUR 1 412.61, li kienu jikkorrispondu għall-inklużjoni fil-valuri doganali ddikjarati tal-ispejjeż relatati mad-disinn tal-mudelli għall-istampar tat-tikketti mwaħħla fuq il-laned. |
|
10 |
Ir-rikors ippreżentat minn G kontra dan l-avviż ġie miċħud minn qorti tal-ewwel istanza, minħabba li t-tikketta li tiddeskrivi l-kontenut tal-landa u li tirriklamah hija inseparabbli mill-landa nnifisha bħala kontenitur, fis-sens tal-Artikolu 32(1)(a)(ii) tal-Kodiċi Doganali. |
|
11 |
Il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita minn G b’appell mis-sentenza tal-ewwel istanza. Din il-qorti tirrileva li l-valur doganali ta’ merkanzija importata fit-territorju tal-Unjoni Ewropea huwa ddeterminat abbażi tal-valur ta’ tranżazzjoni, li miegħu jiżdiedu l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 32 tal-Kodiċi Doganali. |
|
12 |
Skont l-imsemmija qorti, ma hemmx dubju li l-laned użati minn G huma “kontenituri”, fis-sens tal-Artikolu 32(1)(a)(ii) ta’ dan il-kodiċi, li l-ispejjeż tal-manifattura tagħhom, inklużi dawk marbuta mal-landa nnifisha kif ukoll mal-istampar u mat-twaħħil tat-tikketta fuqha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-valur doganali peress li din it-tikketta tifforma unità indiviżibbli mal-landa. |
|
13 |
Madankollu, hija tirrileva li tali konklużjoni ma hijiex ovvja f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż marbuta mas-servizzi intanġibbli ta’ disinn tal-mudelli għall-istampar tat-tikketti mwaħħla fuq dawn il-laned. Fil-fatt, is-servizzi neċessarji għal dan id-disinn jistgħu jaqgħu taħt “inġinerija, żvilupp, illustrazzjoni, xogħol ta’ disinn, u pjanti u abbozzi,”, imsemmija fl-Artikolu 32(1)(b)(iv) tal-imsemmi kodiċi. |
|
14 |
Madankollu, f’din l-ipoteżi, skont din id-dispożizzjoni, l-aġġustament tal-valur doganali skont l-ispejjeż relatati ma’ dawn is-servizzi huwa impost biss bil-kundizzjoni li l-imsemmija servizzi jkunu ġew provduti barra mit-territorju tal-Unjoni, li ma huwiex il-każ hawnhekk, peress li l-mudelli għall-istampar inkwistjoni huma ddisinjati fil-Ġermanja. |
|
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejja: “L-ispejjeż għall-ħolqien ta’ mudelli għall-istampar ta’ tikketti fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiżdiedu mal-valur tat-tranżazzjoni, skont l-Artikolu 32(1)(a)(ii) jew l-Artikolu 32(1)(b)(iv) [tal-Kodiċi Doganali], meta x-xerrejja stabbilita fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea tqiegħed il-mudelli għad-dispożizzjoni b’xejn, fil-format elettroniku, tal-fornituri fil-pajjiż terz?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
16 |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 32(1)(a)(ii) u l-Artikolu 32(1)(b)(iv) tal-Kodiċi Doganali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ispejjeż li jirriżultaw minn servizzi intanġibbli ta’ disinn ta’ mudelli għall-istampar ta’ tikketti mwaħħla fuq laned tal-ikel importati fit-territorju tal-Unjoni għandhom jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għal din il-merkanzija importata, meta dawn il-mudelli għall-istampar jkunu tħejjew fuq talba u bi spejjeż tax-xerrej fit-territorju tal-Unjoni u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-fornituri f’forma elettronika mingħajr ħlas. |
|
17 |
Peress li l-Kodiċi Doganali ma jiddefinixxix espressament il-mod li bih tali spejjeż għandhom jiġu ttrattati għall-finijiet doganali, hemm lok li d-dispożizzjonijiet imsemmija f’din id-domanda jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Storstockholms Lokaltrafik, C‑422/24, EU:C:2025:980, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
18 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 32(1)(a)(ii) tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li, sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali, għandhom jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata l-“prezz ta’kontenituri li jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda, għall-iskopijiet doganali, mal-merkanzija kkonċernata”. |
|
19 |
Skont l-Artikolu 32(1)(b)(iv) ta’ dan il-kodiċi, għandu jiżdied ukoll mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata l-valur tal-“inġinerija, żvilupp, illustrazzjoni, xogħol ta’ disinn, u pjanti u abbozzi”, użati waqt il-produzzjoni u l-bejgħ għall-esportazzjoni tal-merkanzija importata, meta dawn il-prodotti u servizzi jkunu pprovduti direttament jew indirettament mix-xerrej, mingħajr ħlas jew bi prezz imnaqqas, bil-kundizzjoni li dawn ikunu twettqu “barra mit-territorju tal-Komunità” u li jkunu “meħtieġa għall-produzzjoni tal-merkanzija importata”. |
|
20 |
Għall-finijiet tad-distinzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 32(1)(b)(iv) tal-imsemmi kodiċi jirrigwarda l-ispejjeż tal-prodotti u tas-servizzi neċessarji għall-produzzjoni tal-“merkanzija importata”, filwaqt li l-Artikolu 32(1)(a)(ii) tal-istess kodiċi jirreferi għall-prezz tal-“kontenituri li jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda, għall-iskopijiet doganali, mal-merkanzija kkonċernata”. |
|
21 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-valur doganali tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie ddikjarat minn G billi ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-ispiża tal-kontenitur tagħha, jiġifieri l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-laned kif ukoll l-ispejjeż tal-istampar tat-tikketti li huma mwaħħla fuq dawn il-laned, mingħajr, madankollu, ma ħadet inkunsiderazzjoni l-ispejjeż li jirriżultaw mis-servizzi intanġibbli ta’ disinn ta’ dawn it-tikketti. |
|
22 |
Il-klassifikazzjoni bħala “prodotti u servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 32(1)(b) tal-Kodiċi Doganali, mogħtija lis-servizzi intanġibbli neċessarji għad-disinn tal-mudelli għall-istampar imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-fornituri tal-merkanzija importata f’forma elettronika għall-istampar tat-tikketti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex ikkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, ġie deċiż li, peress li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi espressament għall-“prodotti” jew għas-“servizzi”, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma huwiex limitat għall-oġġetti materjali (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, BMW, C‑509/19, EU:C:2020:694, punt 18). |
|
23 |
Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 20 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 32(1)(b)(iv) ta’ dan il-kodiċi jirreferi għall-ispejjeż tal-prodotti u tas-servizzi neċessarji għall-produzzjoni tal-“merkanzija importata”. |
|
24 |
Il-formulazzjoni tal-Artikolu 32(1)(a)(ii) tal-imsemmi kodiċi tistabbilixxi, mill-banda l-oħra, distinzjoni bejn din il-merkanzija u l-“kontenituri” tagħha, fejn din id-dispożizzjoni ssemmi espliċitament dan it-terminu. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 li tinsab taħt ir-regola ġenerali 5, inkluża fis-Sottotaqsima A tat-Taqsima 1 tal-Parti 1 tan-Nomenklatura Magħquda li tifforma l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, il-kelma “kontenitur” hija assoċjata mat-terminu “imballaġġ”, sa fejn dan tal-aħħar jindika l-“kontenituri, holders, sarr jew irfid — esterni jew interni”. Barra minn hekk, konformement mal-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “imballaġġ” ikopri kontenituri li huma adattati mhux biss għat-trasport tal-prodotti, iżda wkoll għall-ħażna u għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1988, Schmid, 357/87, EU:C:1988:478, punt 8). |
|
26 |
Issa, sa fejn is-servizzi intanġibbli marbuta mad-disinn tal-mudelli għall-istampar tat-tikketti msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju huma intiżi għall-istampar tat-tikketti mwaħħla fuq il-laned importati, il-formulazzjoni tal-Artikolu 32(1)(a)(ii) tal-Kodiċi Doganali ma teskludix li l-ispejjeż li jirriżultaw minnhom jistgħu jkunu rekatati mal-“kontenituri”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn dawn il-mudelli għall-istampar jikkostitwixxu effettivament element marbut mill-qrib ma’ dawn il-kontenituri. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk dawn it-tikketti jistgħux jiġu sseparati mill-laned ma tistax tkun deċiżiva għal tali evalwazzjoni. Fil-fatt, it-tikketti jipprovdu informazzjoni b’mod partikolari dwar dak li fihom il-laned tal-ikel importati, dwar il-perijodu ta’ konservazzjoni tagħhom, jew saħansitra rakkomandazzjonijiet dwar it-tisjir u/jew il-konsum tal-kontenut tagħhom, li huma neċessarji għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom u jistgħu, jekk ikun il-każ, jiffaċilitaw l-użu tagħhom. |
|
28 |
Madankollu, l-assenza ta’ tikketti mwaħħla fuq il-laned ma tirrendix, bħala prinċipju, il-kontenut tagħhom inutilizzabbli, b’tali mod li dawn it-tikketti ma jistgħux jitqiesu li jagħmlu parti integrali mill-kontenut ta’ dawn il-laned, u lanqas li huma neċessarji għall-produzzjoni tagħhom fis-sens tal-Artikolu 32(1)(b)(iv) tal-imsemmi kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, BMW, C‑509/19, EU:C:2020:694, punt 20). |
|
29 |
Minn dan isegwi li, minkejja l-fatt li la l-formulazzjoni tal-Artikolu 32(1)(a)(ii) tal-Kodiċi Doganali u lanqas dik tal-Artikolu 32(1)(b)(iv) ta’ dan il-kodiċi ma tinkludi indikazzjoni ċara dwar il-mod kif l-ispejjeż li jirriżultaw mis-servizzi intanġibbli ta’ disinn ta’ mudelli għall-istampar ta’ tikketti mwaħħla fuq il-laned tal-ikel għandhom jiġu ttrattati għall-finijiet doganali, dawn l-ispejjeż jistgħu jaqgħu taħt il-kategorija tal-ispejjeż tal-kontenituri, fis-sens tal-Artikolu 32(1)(a)(ii) ta’ dan il-kodiċi, ladarba teżisti rabta mill-qrib bejn dawn il-mudelli għall-istampar u l-kontenituri li jikkostitwixxu dawn il-laned tal-ikel, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
|
30 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 32(1)(a)(ii) u l-Artikolu 32(1)(b)(iv) tal-imsemmi kodiċi kif ukoll tal-istruttura ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 29 tal-istess kodiċi, il-valur doganali tal-merkanzija importata huwa kkostitwit mill-valur tat-tranżazzjoni tagħha, jiġifieri l-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta din tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni, bla ħsara, madankollu, għall-aġġustamenti li għandhom, jekk ikun il-każ, jitwettqu konformement, b’mod partikolari, mal-Artikolu 32 tal-Kodiċi Doganali (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Baltic Master, C‑599/20, EU:C:2022:457, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat, il-valur doganali għandu jiġi ddeterminat, bi prijorità, skont il-metodu msejjaħ “tal-valur ta’ tranżazzjoni” tal-merkanzija importata. Dan il-metodu għad-determinazzjoni tal-valur doganali huwa għalhekk meqjus bħala l-iktar wieħed adattat u l-iktar wieħed użat ta’ spiss (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Baltic Master, C‑599/20, EU:C:2022:457, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata jikkostitwixxi għalhekk, bħala regola ġenerali, il-bażi ta’ kalkolu tal-valur doganali, anki jekk dan il-prezz huwa element li għandu eventwalment jiġi aġġustat (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Baltic Master (C‑599/20, EU:C:2022:457, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
33 |
B’mod partikolari, l-elementi li għandhom jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata, sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali tagħha, huma stabbiliti fl-Artikolu 32 tal-Kodiċi Doganali. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 20 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 32(1)(a)(ii) ta’ dan il-kodiċi jirrigwarda speċifikament il-“kontenituri” tal-merkanzija importata, filwaqt li l-Artikolu 32(1)(b)(iv) tal-imsemmi kodiċi jirrigwarda, mill-banda l-oħra, il-valur tax-xogħlijiet neċessarji għall-produzzjoni tal-“merkanzija importata” b’mod ġenerali. |
|
35 |
B’dan il-mod, l-Artikolu 32(1)(a)(ii) tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi regola speċifika ta’ aġġustament tal-valur doganali tal-merkanzija importata skont l-ispejjeż li juri rabta mill-qrib mal-kontenut tagħha, tkun xi tkun in-natura tas-servizzi li għalihom jirreferu dawn l-ispejjeż, għall-kuntrarju tal-Artikolu 32(1)(b)(iv) ta’ dan il-kodiċi li jipprevedi aġġustament skont is-servizzi intanġibbli neċessarji għall-produzzjoni tal-merkanzija importata, mingħajr distinzjoni speċifika bejn il-merkanzija nnifisha u l-kontenituri tagħha. |
|
36 |
Għalkemm, għall-aġġustament tal-valur doganali tal-“merkanzija importata”, fis-sens tal-Artikolu 32(1)(b) tal-Kodiċi Doganali, din id-dispożizzjoni tinkludi, fil-punt (iv) tagħha, preċiżazzjoni ġeografika espliċita f’dak li jirrigwarda l-post ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi intanġibbli msemmija fih, l-Artikolu 32(1)(a)(ii) ta’ dan il-kodiċi ma jipprovdi ebda preċiżazzjoni ekwivalenti f’dak li jirrigwarda l-aġġustament eventwali ta’ dan il-valur skont l-ispejjeż ta’ manifattura tal-kontenituri ta’ din il-merkanzija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jintroduċi sistema ta’ aġġustament distinta skont jekk l-ispejjeż inkwistjoni jikkonċernawx servizzi intanġibbli li għandhom rabta mill-qrib mal-kontenituri tal-merkanzija importata jew jekk jikkonċernawx tali servizzi meta dawn ikunu neċessarji għall-produzzjoni tal-merkanzija importata stess. |
|
37 |
Issa, l-ispeċifiċità tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 32(1)(a)(ii) tal-Kodiċi Doganali timmilita favur l-issuġġettar tal-ispejjeż relatati mas-servizzi intanġibbli marbuta mill-qrib mal-kontenituri tal-merkanzija importata għall-istess sistema ta’ aġġustament tal-valur doganali bħal dik irriżervata għall-ispejjeż relatati mal-prodotti u mas-servizzi tanġibbli neċessarji għall-manifattura ta’ dawn il-kontenituri. F’dan il-kuntest, l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ aġġustament differenti għall-ispejjeż li jirriżultaw minn dawn is-servizzi intanġibbli kienet teħtieġ riferiment espress f’dan is-sens min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 32(1)(b)(iv) ta’ dan il-kodiċi f’dak li jirrigwarda l-prodotti u s-servizzi neċessarji għall-produzzjoni tal-merkanzija importata. |
|
38 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Artikolu 32(1)(a)(ii) tal-imsemmi kodiċi japplika għall-ispejjeż kollha marbuta mill-qrib mal-manifattura tal-kontenituri tal-merkanzija, hekk kif jidher li huwa l-każ tal-ispejjeż li jirriżultaw mis-servizzi intanġibbli ta’ disinn tal-mudelli għall-istampar inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
39 |
Fit-tielet lok, ir-regoli tal-Kodiċi Doganali dwar id-determinazzjoni tal-valur doganali għandhom l-għan li jistabbilixxu sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri doganali arbitrarji jew fittizji. Fil-fatt, il-valur doganali għandu jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta’ merkanzija importata u, għaldaqstant, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ din il-merkanzija li għandhom valur ekonomiku (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Baltic Master, C‑599/20, EU:C:2022:457, punt 24). |
|
40 |
F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li s-servizzi intanġibbli ta’ disinn tal-mudelli għall-istampar ta’ tikketti mwaħħla fuq il-laned għandhom valur ekonomiku ċert u li jista’ jiġi kkwantifikat. Issa, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ tali servizzi jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ta’ determinazzjoni ta’ valur doganali li jikkorrispondi għall-valur ekonomiku reali tal-merkanzija importata. |
|
41 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 32(1)(a)(ii) u l-Artikolu 32(1)(b)(iv) tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ispejjeż li jirriżultaw minn servizzi intanġibbli ta’ disinn ta’ mudelli għall-istampar ta’ tikketti mwaħħla fuq l-laned tal-ikel importati fit-territorju tal-Unjoni għandhom jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għal din il-merkanzija importata, meta dawn il-mudelli jkunu tħejjew fuq talba u bi spejjeż tax-xerrej fit-territorju tal-Unjoni u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-fornituri f’forma elettronika mingħajr ħlas, bil-kundizzjoni li l-imsemmija mudelli għall-istampar ikunu marbuta mill-qrib mal-kontenituri tal-merkanzija importata. |
Fuq l-ispejjeż
|
42 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 32(1)(a)(ii) u l-Artikolu 32(1)(b)(iv) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, |
|
għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
l-ispejjeż li jirriżultaw minn servizzi intanġibbli ta’ disinn ta’ mudelli għall-istampar ta’ tikketti mwaħħla fuq l-laned tal-ikel importati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea għandhom jiżdiedu mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għal din il-merkanzija importata, meta dawn il-mudelli jkunu tħejjew fuq talba u bi spejjeż tax-xerrej fit-territorju tal-Unjoni u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-fornituri f’forma elettronika mingħajr ħlas, bil-kundizzjoni li l-imsemmija mudelli għall-istampar ikunu marbuta mill-qrib mal-kontenituri tal-merkanzija importata. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.