|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/2376 |
24.11.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2376
tal-4 ta’ Novembru 2025
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni rispettivi tagħhom
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 103 u 352, flimkien mal-Artikolu 218(5) u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fit-8 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-“Renju Unit”) għal ftehim supplimentari fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (1), tat-30 ta’ Diċembru 2020 (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”), fir-rigward tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni rispettivi tagħhom f’isem l-Unjoni (il-“Ftehim”). In-negozjati tlestew fil-livell tekniku. |
|
(3) |
L-għan tal-Ftehim huwa li jippromwovi u joħloq qafas għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni eżistenti fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra, bil-ħsieb li jissaħħaħ l-infurzar effettiv tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tar-Renju Unit. Filwaqt li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u tar-Renju Unit jikkooperaw abbażi tal-Artikolu 361(2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, l-Artikolu 361(4) jiddikjara li l-partijiet jistgħu jidħlu fi ftehim separat dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni. Bħala tali, il-Ftehim huwa ftehim supplimentari skont it-tifsira fl-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni rrikonoxxiet permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1772 (2) li r-Renju Unit jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali ttrasferita fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) mill-Unjoni għar-Renju Unit. |
|
(5) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard. |
|
(6) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta opinjoni fil-15 ta’ Lulju 2025 (5), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq rigward il-kooperazzjoni fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni rispettivi tagħhom huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, bil-kundizzjoni li l-Ftehim jiġi konkluż (6).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
L. AAGAARD
(1) Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj).
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1772 tat-28 ta’ Ġunju 2021 skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata ta’ data personali mir-Renju Unit (ĠU L 360, 11.10.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1772/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(5) https://www.edps.europa.eu/data-protection/our-work/publications/opinions/2025-07-15-opinion-132025-proposals-council-decisions-signing-and-conclusion-agreement-between-european-union-and-united-kingdom-great-britain-and_en.
(6) It-test tal-Ftehim se jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni tal-konklużjoni tiegħu.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2376/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)