European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2443

3.10.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 320/2021

tas-26 ta’ Novembru 2021

li temenda l-Protokoll 32 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82 [2024/2443]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (‘il-Ftehim dwar iż-ŻEE’), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (1) jalloka dħul assenjat estern addizzjonali għall-Programm Orizzont Ewropa stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u lill-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili rregolat bid-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Fil-Protokoll 32 dwar il-modalitajiet finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 82 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE huwa xieraq li jiġi ċċarat li, għall-fini ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati tal-EFTA, il-bażi għall-kalkolu jenħtieġ li tiżdied b’approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat estern skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-programm.

(2)

L-Artikolu 82 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jistipula li l-fattur ta’ proporzjonalità għall-kontribuzzjonijiet tal-Istati tal-EFTA għall-baġit tal-UE għandu jiġi kkalkulat kull sena bħala proporzjon bejn il-prodott domestiku gross (“PDG”) tal-Istati tal-EFTA u dak tal-Istati Membri tal-UE. Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tal-24 ta’ Jannar 2020 jistabbilixxi l-obbligu kontinwu tar-Renju Unit li jikkontribwixxi finanzjarjament għall-baġit tal-UE fi proporzjon mas-sehem tiegħu ta’ fondi impenjati bil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020. Għalhekk huwa xieraq li l-PDG tar-Renju Unit jitqies fil-kalkolu tal-fattur ta’ proporzjonalità għal-linji baġitarji li jinkludu esklużivament pagamenti għat-tlestija tal-impenji ffirmati bil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020.

(3)

Jenħtieġ għalhekk, il-Protokoll 32 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Fl-Artikolu 1 tal-Protokoll 32, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“10.   Għall-fini biex tiġi kkalkolata l-kontribuzzjoni operattiva skont l-Artikolu 82 tal-Ftehim, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament imdaħħla fil-baġit tal-Unjoni Ewropea adottati definittivament għas-snin applikabbli għall-finanzjament tal-Programm Orizzont Ewropa (stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (irregolat permezz tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), għandhom jiżdiedu bl-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għad-dħul assenjat estern allokat għal dawk l-attivitajiet skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (5).

11.   Għall-fini biex jiġi kkalkolat il-fattur ta’ proporzjonalità għal-linji baġitarji li esklussivament jinvolvu pagamenti għat-tlestija tal-impenji ffirmati fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 u dawk ta’ qablu, il-fattur ta’ proporzjonalità tal-EFTA kif definit fl-Artikolu 82(1) tal-Ftehim għandu jkun is-somma tal-proporzjonijiet bejn, minn naħa waħda, il-prodott domestiku gross (PDG) bil-prezzijiet tas-suq ta’ kull wieħed mill-Istati tal-EFTA, u, min-naħa l-oħra, is-somma tal-prodotti domestiċi grossi bil-prezzijiet tas-suq tal-Istati Membri tal-UE, tar-Renju Unit u ta’ dak l-Istat tal-EFTA. Dan il-fattur għandu jiġi kkalkolat, għal kull sena baġitarja, fuq il-bażi tad-data statistika l-aktar reċenti f’konformità mal-Artikolu 7.

12.   Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, biex jiġi kkalkolat il-fattur ta’ proporzjonalità kif definit skont l-Artikolu 82(1) tal-Ftehim għas-sena baġitarja li matulha jidħol fis-seħħ ftehim dwar l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid, imsemmi fl-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, qabel l-1 ta’ Lulju ta’ dik is-sena, il-PDG bil-prezzijiet tas-suq tal-Istati Membri tal-UE għandu jinkludi l-PDG bil-prezzijiet tas-suq tal-Istat Membru l-ġdid.

13.   Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, għall-fini biex jiġi kkalkolat il-fattur ta’ proporzjonalità kif definit fl-Artikolu 82(1) tal-Ftehim għas-sena baġitarja li matulha jidħol fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ ta’ Stat Membru, kif imsemmi fl-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, wara l-1 ta’ Lulju, il-PDG bil-prezzijiet tas-suq tal-Istati Membri tal-UE għandu jinkludi l-PDG bil-prezzijiet tas-suq tal-Istat Membru li jkun se joħroġ.”

2.   Fil-Protokoll 32, jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 8

Regoli speċifiċi għall-parteċipazzjoni f’garanziji baġitarji

Il-modalitajiet finanzjarji speċifiċi għall-kontribuzzjonijiet tal-Istati tal-EFTA relatati mal-parteċipazzjoni f’garanziji baġitarji, inkluża l-proċedura għad-determinazzjoni tal-parteċipazzjoni finanzjarja fihom, għandhom jiġu stabbiliti fi ftehimiet speċifiċi ta’ kontribuzzjoni li jistgħu jikkomplementaw il-modalitajiet stabbiliti f’dan il-Protokoll. Il-kontribuzzjoni għandha tikkonsisti f’kontribuzzjoni għall-proviżjonament parzjali tal-garanzija baġitarja u l-assunzjoni tal-obbligazzjoni kontinġenti rispettiva, jew inkella għandha tkun kontribuzzjoni ta’ flus għall-proviżjonament sħiħ tal-garanzija baġitarja, fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni speċifiċi.’

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*1).

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, fis-26 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Rolf Einar FIFE


(1)   ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 23.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/836 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 185, 26.5.2021, p. 1).

(5)   ĠU L 433I , 22.12.2020, p. 23.

(*1)  Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2443/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)