16.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/52


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2355

tal-14 ta' Diċembru 2017

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-faqqiegħ trattat bir-raġġi UV bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2017) 8474)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Ġunju 2016, il-kumpanija Ekoidé AB għamlet talba lill-awtoritajiet kompetenti tal-Iżvezja biex tqiegħed il-faqqiegħ trattat bir-raġġi UV (Agaricus bisporus) b'livelli miżjuda ta' Vitamina D2 fis-suq tal-Unjoni bħala ingredjent tal-ikel ġdid skont it-tifsira tal-punt (f) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(2)

Fis-27 ta' Frar 2017, l-awtorità kompetenti tal-Iżvezja ħarġet ir-rapport ta' valutazzjoni inizjali tagħha. F'dak ir-rapport waslet għall-konklużjoni li l-faqqiegħ trattat bir-raġġi UV (Agaricus bisporus) b'livelli miżjuda tal-Vitamina D2 jissodisfa l-kriterji għal ikel ġdid stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(3)

Fit-2 ta' Marzu 2017, il-Kummissjoni għaddiet ir-rapport ta' valutazzjoni inizjali lill-Istati Membri l-oħra.

(4)

Tqajmu oġġezzjonijiet motivati minn Stati Membri oħra fi żmien il-perjodu ta' 60 jum stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97. Spjegazzjonijiet addizzjonali min-naħa tal-applikant taffew dak it-tħassib u dan kien ta' sodisfazzjon għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni.

(5)

Il-Punt 1 tal-Parti A tal-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jirrikjedi li l-isem tal-ikel għandu jinkludi jew ikun akkumpanjat minn dettalji dwar it-trattament speċifiku li l-ikel ikun għadda minnu f'kull każ fejn l-ommissjoni ta' informazzjoni bħal din tista' tqarraq bil-konsumaturi. Billi l-konsumaturi normalment ma jistennewx li l-faqqiegħ jiġi trattat bit-trattamenti tal-UV, l-isem tal-ikel għandu jinkludi jew jiġi akkumpanjat b'informazzjoni bħal din sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu żgwidati.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-faqqiegħ trattat bir-raġġi UV (Agaricus bisporus) b'żieda fil-livelli tal-Vitamina D2 kif speċifikat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni jista' jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni bħala ikel ġdid.

Artikolu 2

L-isem tal-faqqiegħ (Agaricus bisporus) li qed jiġi ttrattat bir-raġġi UV biex jiżdied il-livell tal-Vitamina D2 awtorizzat b'din id-Deċiżjoni għandu jkun “faqqiegħ trattat bir-raġġi UV (Agaricus bisporus)”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Ekoidé AB, Vårbruksgatan 67, 583 32 Linköping, l-Iżvezja.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal- Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).


ANNESS

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TAL-FAQQIEGĦ TRATTAT BIR-RAĠĠI UV (AGARICUS BISPORUS) B'LIVELLI MIŻJUDA TA' VITAMINA D2

Deskrizzjoni/Definizzjoni:

L-Agaricus bisporus imkabbar kummerċjalment fejn jiġi applikat it-trattament tar-raġġi UV lil faqqiegħ li jkun inħasad li jagħti kontenut ta' vitamina D2 ta' ≤ 10 μg/100 g (f'piż frisk).

Radjazzjoni UVB: proċess ta' radjazzjoni bid-dawl ultravjola fil-frekwenza ta' 290-320 nm.

Vitamina D2:

Isem kimiku

(3β,5Z,7E,22E)-9,10-sekoergosta-5,7,10(19),22-tetraen-3-ol

Sinonimi:

Ergokalċiferol

Nru tal-CAS

50-14-6

Piż molekulari

396,65 g/mol

Kontenut:

Vitamina D2 fil-prodott finali: 5-10 μg/100g f'piż frisk fid-data tal-iskadenza tal-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa.