Brussell, 16.7.2021

COM(2021) 320 final

2021/0225(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet Strateġiċi bejn l-UE u t-Tuneżija sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati mill-UE u t-Tuneżija


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni biex ikunu estiżi l-Prijoritajiet Strateġiċi bejn l-UE u t-Tuneżija sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u r-Repubblika tat-Tuneżija.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim Ewro-Mediterranju”) ġie ffirmat fis-17 ta’ Lulju 1995 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 1998. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jifforma l-bażi ġuridika għar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u t-Tuneżija. Il-Ftehim għandu l-għan li

–jipprovdi qafas xieraq għad-djalogu politiku bejn il-Partijiet li jwassal għall-iżvilupp ta’ relazzjonijiet mill-qrib fl-oqsma kollha li huma jikkunsidraw rilevanti għal dan id-djalogu;

–jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ ta’ prodotti, ta’ servizzi u tal-kapital;

–jippromovi l-iskambji kummerċjali u l-espansjoni ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali bbilanċjati bejn il-Partijiet, b’mod partikolari permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni, biex jitrawmu l-iżvilupp u l-prosperità tat-Tuneżija u tal-poplu tagħha;

–jinkoraġġixxi l-integrazzjoni tal-pajjiżi tal-Magreb billi jippromwovi l-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn it-Tuneżija u pajjiżi l-oħra fir-reġjun;

–jippromwovi l-kooperazzjoni fil-qasam ekonomiku, soċjali, kulturali u finanzjarju.

2.2.Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa b’dan stabbilit li għandu jiltaqa’ f’livell ministerjali darba fis-sena u fejn iċ-ċirkostanzi jeħtieġu, bl-inizjattiva tal-President tiegħu u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tiegħu ta’ proċedura. Huwa għandu jeżamina kull kwistjoni ewlenija li tinqala’ fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u kull kwistjoni bilaterali jew internazzjonali oħra ta’ interess reċiproku.

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jikkonsisti mill-membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-membri tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn naħa waħda, u l-membri tal-Gvern tar-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra.

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta’ proċedura. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jkun presedut skont min imissu minn Membru tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u membru tal-Gvern tar-Repubblika tat-Tuneżija, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tiegħu ta’ proċedura.

Id-deċiżjonijiet meħuda għandhom jorbtu liż-żewġ Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ wkoll jagħmel rakkomandazzjonijiet adattati.

2.3.L-att previst tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Prijoritajiet Strateġiċi bejn l-UE u t-Tuneżija 2018-2020 sakemm jiġu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u r-Repubblika tat-Tuneżija. Skont l-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata bi qbil reċiproku bejn il-Partijiet u tista’ tiġi adottata permezz ta’ proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Prijoritajiet Strateġiċi bejn l-UE u t-Tuneżija hija bbażata fuq it-test tad-deċiżjoni annessa ma’ din id-Deċiżjoni.

Bid-Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad-9 ta’ Novembru 2018, l-UE u t-Tuneżija qablu dwar Prijoritajiet Strateġiċi bil-għan li jappoġġaw u jsaħħu t-tranżizzjoni demokratika u l-iżvilupp soċjoekonomiku tat-Tuneżija għall-perjodu 2018-2020.

Fil-qafas tal-proċess kontinwu ta’ tiġdid tas-sħubija tal-UE mal-Viċinat tan-Nofsinhar u wara l-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u l-Istrument il-ġdid ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument, NDICI), it-tħejjija u l-adozzjoni ta’ dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, inkluża t-Tuneżija, huma ppjanati għall-2021. F’dan il-qafas u biex jiġi evitat distakk bejn l-iskadenza tal-Prijoritajiet Strateġiċi bejn l-UE u t-Tuneżija u l-adozzjoni ta’ oħrajn ġodda, huwa fl-interess tal-Partijiet li jestendu l-Prijoritajiet Strateġiċi attwali sakemm jiġu adottati oħrajn aġġornati ġodda.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Dan jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”. 1

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa korp stabbilit bi ftehim, speċifikament il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

L-att li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa mitlub jadotta huwa att b’effetti legali. L-att previst għandu effetti legali għaliex se jestendi l-Prijoritajiet Strateġiċi attwali sakemm jiġu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw kooperazzjoni ma’ pajjiż terz fil-qafas ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 217.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 217 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni se jemenda l-perjodu ta’ validità tal-Prijoritajiet Strateġiċi bejn l-UE u t-Tuneżija, jenħtieġ li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ladarba jiġi adottat.

2021/0225 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf permezz tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet Strateġiċi bejn l-UE u t-Tuneżija sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati mill-UE u t-Tuneżija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fis-17 ta’ Lulju 1995 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 1998 2 .

(2)Il-Prijoritajiet Strateġiċi bejn l-UE u t-Tuneżija ġew adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fid-9 ta’ Novembru 2018 3 .

(3)Fi skambju ta’ ittri, iż-żewġ Partijiet qablu dwar il-validità kontinwa tal-Prijoritajiet Strateġiċi bejn l-UE u t-Tuneżija bħala dokument ta’ gwida biex tiġi kkonsolidata s-sħubija sakemm jiġu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda.

(4)Skont l-Artikolu 80 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet għall-finijiet tal-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim.

(5)Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub biex jestendi l-Prijoritajiet Strateġiċi sakemm jiġu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda bejn l-UE u t-Tuneżija.

(6)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, billi d-deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u t-Tuneżija, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Tuneżija mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   F’isem il-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, Il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti minn 61 sa 64.
(2)    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI tas-26 ta’ Jannar 1998 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Ewro-Mediterranju li jwaqqaf assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra; ĠU L 97; it-30 ta’ Marzu 1998
(3)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tad-9 ta’ Novembru 2018 li tadotta l-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija għall-perijodu 2018-2020; ĠU L 293/39; 20.11.2018