1988L0357 — MT — 11.06.2005 — 004.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
IT-TIENI DIRETTIVA TAL-KUNSILL tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’ oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (ĠU L 172, 4.7.1988, p.1) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
L 330 |
44 |
29.11.1990 |
||
|
L 228 |
1 |
11.8.1992 |
||
|
L 181 |
65 |
20.7.2000 |
||
|
L 149 |
14 |
11.6.2005 |
||
IT-TIENI DIRETTIVA TAL-KUNSILL
tat-22 ta’ Ġunju 1988
dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’ oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE
(88/357/KEE)
IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 57(2) u 66 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),
B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew ( 2 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),
Billi huwa neċessarju li jiġi żviluppat is-suq intern ta’ l-assigurazzjoni u, biex jintlaħaq dan l-għan, huwa mixtieq li jsir aktar faċli għal intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni li jkollhom l-uffiċċju ewlieni tagħhom fil-Komunità li jipprovdu servizzi fl-Istati Membri, biex b’hekk ikun possibbli għal titolari tal-poloz li ma jkollhomx biss rikors għal assiguraturi stabbiliti fil-pajjiż tagħhom stess, imma wkoll għal assiguraturi li jkollhom l-uffiċċju ewlieni tagħhom fil-Komunità u li huma stabbiliti fi Stati Membri oħrajn;
Billi, skond it-Trattat, kull diskriminazzjoni fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ibbażata fuq il-fatt li intrapriża mhijiex stabbilita fl-Istat Membru li fih huma pprovduti s-servizzi ġiet projbita sa mit-tmiem tal-perjodu transitorju; billi din il-projbizzjoni tapplika għal servizzi pprovduti minn kull stabbiliment fil-Komunità, kemm jekk l-uffiċċju ewlieni ta’ intrapriża kemm jekk aġenzija jew fergħa;
Billi, għal raġunijiet prattiċi, huwa mixtieq li tiġi definita l-provvista ta’ servizzi b’kont meħud kemm ta’ l-istabbiliment ta’ l-assiguratur kemm tal-post fejn ir-riskju jkun jinstab; billi għalhekk għandha wkoll tiġi adottata definizzjoni tas-sitwazzjoni tar-riskju; billi, madanakollu, huwa mixtieq li ssir distinzjoni bejn l-attività mwettqa mill-istabbiliment u l-attività mwettqa permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi;
Billi huwa mixtieq li tiġi ssupplimentata l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-insegwiment tan-negozju ta’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja ( 4 ), hawnhekk iżjed’il quddiem imsemmija bħala “l-ewwel Direttiva,” kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 87/343/KEE ( 5 ), sabiex b’mod partikolari jiġu kkjarifikati il-poteri u l-mezzi ta’ sorveljanza vestiti fl-awtoritajiet ta’ sorveljanza; billi huwa wkoll mixtieq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-bidu, t-twettiq u s-sorveljanza ta’ attività permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi;
Billi titolari tal-poloz li, permezz ta’ l-istatus, id-daqs jew in-natura tar-riskju tagħhom li għandu jiġi assigurat, ma jeħtiġux protezzjoni speċjali fl-Istat li fih ikun jinstab ir-riskju, għandhom jingħataw libertà assoluta biex jagħmlu użu mis-suq ta’ l-assigurazzjoni l-aktar wiesa’ possibbli; billi, barra minnhekk, huwa mixtieq li tiġi garantita lil titolari oħrajn tal-poloz protezzjoni adegwata;
Billi l-ħsieb li jkunu protetti titolari tal-poloz u li jkun evitat kull disturb ta’ kompetizzjoni jiġġustifikaw il-koordinazzjoni tar-rilass tar-regoli dwar l-assi li jaqblu, previsti fl-ewwel Direttiva;
Billi d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri li jirrigwardaw liġi ta’ kuntratt ta’ l-assigurazzjoni jibqgħu ivarjaw; billi l-libertà ta’ l-għażla, bħal-liġi applikabbli għall-kuntratt, liġi ta’ xort’oħra minn dik ta’ l-Istat li fih jinstab ir-riskju tista’ tingħata f’ċerti każijiet, skond ir-reġoli li jieħdu kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi;
Billi l-kamp ta’ din id-Direttiva għandu jinkludi assigurazzjoni obbligatorja imma għandu jeħtieġ li l-kuntratt li jkopri din l-assigurazzjoni jkun inkonformità mad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrelataw għal din l-assigurazzjoni, kif previst mill-Istat Membru li jimponi l-obbligu ta’ l-assigurazzjoni;
Billi d-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel Direttiva dwar it-trasferiment ta’ portfolio għandhom jissaħħu u jiġu supplimentati b’dispożizzjonijiet li speċifikament ikopru t-trasferiment tal-portfolio ta’ kuntratti konklużi għall-provvista ta’ servizzi lil intrapriżi oħra;
Billi l-kamp tad-dispożizzjonijiet li speċifikament jikkonċernaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandu jeskludi ċerti riskji, li l-applikazzjoni għalihom tad-dispożizzjonijiet imsemmija isir b’hekk inapproprjat f’dan l-istadju permezz tar-regoli speċifiċi adottati mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, minħabba n-natura u implikazzjonijiet soċjali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet; billi, għalhekk, dawn l-esklużjonijiet għandhom jiġu rieżaminati wara li din id-Direttiva tkun fis-seħħ għal ċertu perjodu;
Billi, fl-interessi li jiġu protetti t-titolari tal-poloz, l-Istati Membri għandhom, fl-istadju preżenti fil-koordinazzjoni, jitħallew l-għażla li jillimitaw it-twettiq simultanju ta’ attività permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u attività permezz ta’ stabbiliment; billi ma jista’ jkun hemm l-ebda limitazzjoni meta t-titolari tal-poloz ma jeħtiġux din il-protezzjoni;
Billi l-insegwiment ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom ikunu suġġetti għal proċeduri li jiggarantixxu l-konformità ta’ l-intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni mad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw kemm il-garanziji finanzjarji kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni; billi dawn il-proċeduri jistgħu jkunu rilassati f’każijiet meta l-attività permezz tal-provvista ta’ servizzi tkopri titolari tal-poloz li, permezz ta’ l-istatus tagħhom, id-daqs tagħhom jew in-natura tar-riskju li għandu jiġi assigurat, ma jeħtiġux protezzjoni speċjali fl-Istat li fih ikun jinsab ir-riskju;
Billi huwa neċessarju li tinbeda kooperazjoni speċjali fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ sorveljanza ta’ l-Istati Membri u bejn dawn l-awtoritajiet u l-Kummissjoni; billi għandha wkoll issir dispożizzjoni biex tiġi applikata sistema ta’ penalitajiet meta l-intrapriża li tipprovdi s-servizz tonqos milli tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizz;
Billi, fl-istennija ta’ koordinazzjoni fil-ġejjieni, ir-riservi tekniċi għandhom ikunu suġġetti għar-regoli u s-sorveljanza ta’ l-Istat Membru ta’ provvista ta’ servizzi meta din il-provvista ta’ servizzi tinvolvi riskji li fir-rigward tagħhom l-Istat li jirċievi s-servizz ikun jixtieq li jipprovdi protezzjoni speċjali għal titolari tal-poloz; billi, madanakollu, jekk dan il-ħsieb għall-protezzjoni tat-titolari tal-poloz ma jkunx ġustifikat, ir-riservi tekniċi jibqgħu jkunu suġġetti għar-regoli u s-sorveljanza ta’ l-Istat Membru li fih ikun stabbilit l-assiguratur;
Billi xi Stati Membri ma jissuġġettawx operazzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni għal xi forma ta’ tassazzjoni indiretta, waqt li l-maġġoranza japplikaw taxxi speċjali u forom oħrajn ta’ kontribuzzjoni, inklużi sovrapiżijiet intiżi għal korpi ta’ kumpens; billi l-istruttura u r-rata ta’ dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet ivarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri li fihom huma applikati; billi huwa mixtieq li tkun evitata sitwazzjoni fejn id-differenzi eżistenti jwasslu għal disturb ta’ kompetizzjoni f’ servizzi ta’ l-assigurazzjoni bejn Stati Membri; billi, fl-istennija ta’ armonizzazzjoni fil-ġejjieni, l-applikazzjoni tas-sistema tat-taxxa u ta’ forom oħra ta’ kontribuzzjonijiet previsti fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju aktarx li jirrimedjaw dan l-inkwiet u billi huwa għall-Istati Membri li jistabbilixxu metodu biex jassiguraw li dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet jinġabru;
Billi huwa mixtieq li tiġi pprevenuta l-applikazzjoni mhux koordinata ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva tal-Kunsill 78/473/KEE tat-30 ta’ Mejju 1978 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-ko-assigurazzjoni Komunitarja ( 6 ) milli jwasslu għall-eżeistenza ta’ tlett sistemi differenti f’kull Stat Membru; billi, għalhekk, il-kriterji li jiddefinixxu “riskji kbar” f’din id-Direttiva għandhom ukoll jiddefinixxu riskji li aktarx ikunu koperti taħt arranġamenti ta’ ko-assigurazzjoni Komunitarja;
Billi huwa mixtieq li jittieħed kont, fis-sens ta’ l-Artikolu 8Ċ tat-Trattat, tal-limitu ta’ l-isforz li jeħtieġ li jsir minn ċerti ekonomiji li juru differenzi fl-iżvilupp; billi, għalhekk, huwa mixtieq li l-Istati Membri jingħataw ċerti arranġamenti transitorji għall-applikazzjoni gradwali tad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ din id-Direttiva li jirrelataw għall-libertà li jiġu provduti servizzi,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
IT-TITOLU I
Dispożizzjonijiet ġenerali
L-Artikolu 1
L-għan ta’ dan id-Direttiva hu:
(a) li tissupplimenta l-ewwel Direttiva 73/239/KEE;
(b) li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali li jirrelataw għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-intrapriża u fir-rigward tal-klassijiet ta’ l-assigurazzjoni koperti b’dik l-ewwel Direttiva.
Artikolu 2
Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:
(a) “l-ewwel Direttiva” tfisser:
id-Direttiva 73/239/KEE;
(b) “intrapriża”:
— għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Titoli I u II, tfisser:
— kull intrapriża li tkun irċeviet awtorizzazzjoni uffiċjali taħt l-Artikolu 6 jew 23 ta’ l-ewwel Direttiva,
— għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tat-Titoli III u V, tfisser:
— kull intrapriża li tkun irċeviet awtorizzazzjoni uffiċjali taħt l-Artikolu 6 ta’ l-ewwel Direttiva;
(ċ) “stabbiliment:”
ifisser l-uffiċċju ewlieni, l-aġenzija jew il-fergħa ta’ intrapriża, b’kont meħud ta’ l-Artikolu 3;
(d) “Stat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju” jfisser:
— l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà, meta l-assigurazzjoni tirrelata jew għal bini inkella għal bini u l-kontenut tagħhom, sa fejn il-kontenut ikun kopert mill-istess polza ta’ l-assigurazzjoni,
— l-Istat Membru tar- reġistrazzjoni, meta l-assigurazzjoni tirrelata għal vetturi ta’ kull tip,
— l-Istat Membru fejn it-titolari tal-polza jkun ħareġ il-polza fil-każ ta’ poloz ta’ erba’ xhur jew anqas li jkopru riskji ta’ l-ivvjaġġar jew ta’ vaganza, tkun xi tkun il-klassi kkonċernata,
— l-Istat Membru fejn it-titolari tal-polza jkollu r-residenza abitwali tiegħu, jew jekk it-titolari tal-polza jkun persuna ġuridika, l-Istat Membru fejn l-istabbiliment ta’ dan ta’ l-aħħar, li jkun jirrelata għalih il-kuntratt, ikun jinstab, fil-każijiet kollha li mhumiex espliċitament koperti bl-inċiżi ta’ qabel;
(e) “Stat Membru ta’ stabbiliment” ifisser:
l-Istat Membru li fih ikun jinstab l-istabbiliment li jkopri r-riskju;
(f) “Stat Membru tal-provvista tas-servizzi” jfisser: l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju meta dan ikun kopert minn stabbiliment li jkun jinstab fi Stat Membru ieħor.
L-Artikolu 3
Għall-iskopijiet ta’ l-ewwel Direttiva u ta’ din id-Direttiva, kull preżenza permanenti ta’ intrapriża fit-territorju ta’ Stat Membru għandha tiġi ttrattata bl-istess mod bħal aġenzija jew fergħa, anki jekk dik il-preżenza ma jkollhiex il-forma ta’ fergħa jew aġenzija, imma tikkonsisti biss f’uffiċċju amministrat mill-impjegati ta’ l-intrapriża proprja jew minn persuna li tkun indipendenti imma li jkollha l-awtorità permanenti biex taġixxi għall-intrapriża bħal ma kienet tagħmel aġenzija.
L-Artikolu 4
Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva u l-ewwel Direttiva, kundizzjonijiet ġenerali u speċjali tal-polza m’għandhomx jinkludu kundizzjonijiet speċifiċi intiżi biex jissodisfaw, f’każ individwali, iċ-ċirkostanzi partikolari tar-riskju li għandu jiġi kopert.
IT-TITOLU II
Dispożizzjonijiet supplimentari għall-ewwel Direttiva
L-Artikolu 5
Dan li ġej huwa miżjud ma’ l-Artikolu 5 ta’ l-ewwel Direttiva;
“(d) ‘riskji kbar’’ ifissru:
(i) riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 4, 5, 6, 7, 11 u 12 tal-punt A ta’ l-Anness;
(ii) riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 14 u 15 tal-punt A ta’ l-Anness, meta t-titolari tal-polza jkun ingaġġat professjonalment f’attività industrijali jew kummerċjali jew f’waħda mill-professjonijiet liberali, u r-riskji jirrelataw għal din l-attività;
(iii) riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 8, 9, 13 u 16 tal-punt A ta’ l-Anness sa fejn it-titolari tal-polza jeċċedi l-limiti ta’ mill-anqas tnejn minn dawn it-tliet kriterji li ġejjin:
l-ewwel stadju: sal-31 ta’ Diċembru 1992:
— it-total tal-balance-sheet: 12,4 miljun ECU,
— valur fuq il-bejgħnett: 24 miljun ECU,
— numru medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja: 500.
it-teni stadju: mill-1 ta’ Jannar 1993:
— it-total tal-balance-sheet: 6,2 miljun ECU,
— valur fuq il-bejgħnett: 12.8 miljun ECU,
— numru medju ta’ impjegati matul is-sena finanzjarja: 250.
Jekk it-titolari tal-polza jappartieni għal grupp ta’ intrapriżi li jitfasslu għalihom kontijiet konsolidati fis-sens tad-Direttiva 83/349/KEE ( 7 ), il-kriterji msemmija hawn fuq għandhom jiġu applikati fuq il-bażi tal-kontijiet konsolidati.
Kull Stat Membru jista’ jżid mal-kategorija msemmija taħt (iii) riskji assigurati minn assoċjazzjonijiet professjonali, intrapriżi konġunti jew gruppi temporanji.
L-Artikolu 6
Għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 24 ta’ l-ewwel Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw ma’ l-Anness 1 ma din id-Direttiva fir-rigward tar-regoli li jaqblu.
L-Artikolu 7
1. Il-liġi applikabbli għal kuntratti ta’ assigurazzjoni msemmija f’din id-Direttiva u li jkopru riskji li jinstabu fl-Istati Membri hija determinata skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin:
(a) Meta titolari ta’ polza jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew l-amministrazjoni ċentrali fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju, il-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ l-assigurazzjoni għandha tkun il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Madanakollu, meta l-liġi ta’ dak l-Istat Membru tippermetti, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi ta’ pajjiż ieħor.
(b) Meta titolari ta’ polza ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu jew l-amministrazzjoni ċentrali fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju, il-partijiet għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni jistgħu jagħżlu li japplikaw jew il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju jew il-liġi tal-pajjiż li fih it-titolari tal-polza jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew l-amministrazzjoni ċentrali.
(ċ) Meta titolari ta’ polza jwettaq attività kummerċjali jew industrijali jew professjoni liberali u meta l-kuntratt ikopri żewġ riskji jew aktar li jirrelataw għal dawn l-attivitajiet u li jkunu jinstabu fi Stati Membri differenti, il-libertà ta’ l-għażla tal-liġi applikabbli għall-kuntratt għandha tiġi estiża għal-liġijiet ta’ dawk l-Istati Membri u tal-pajjiż li fih it-titolari tal-polza jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew iċ-ċentru ta’ l-amministrazzjoni.
(d) Minkejja s-subparagrafi (b) u (ċ), meta l-Istati Membri msemmija f’dawk is-subparagrafi jagħtu libertà ta’ l-għażla akbar tal-liġi applikabbli għall-kuntratt, il-partijiet jistgħu jieħdu vantaġġ minn din il-libertà.
(e) Minkejja s-subparagrafi (a), (b) u (ċ), meta r-riskji koperti bil-kuntratt huma limitati għal avvenimenti li jseħħu fi Stat Membru wieħed barra mill-Istat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju, kif definit fl-Artikolu 2(d), il-partijiet jistgħu dejjem jagħżlu l-liġi ta’ dak l-Istat ta’ qabel.
(f) Fil-każ tar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d) tad-Direttiva 73/239/KEE, il-partijiet għall-kuntratt jistgħu jagħżlu kwalunkwe liġi.
(g) Il-fatt li, fil-każijiet imsemmija fis-subparagrafu (a) jew (f), il-partijiet ikunu għażlu liġi m’għandux, meta l-elementi l-oħrajn kollha relevanti għas-sitwazzjoni fil-waqt ta’ l-għażla jkunu konnessi ma’ Stat Membru wieħed biss, jippreġudika l-applikazzjoni tar-regoli mandatorji tal-liġi ta’ dak l-Istat Membru, li jfisser ir-regoli li minnhom il-liġi ta’ dak l-Istat Membru ma tippermetti l-ebda deroga permezz ta’ kuntratt.
(h) L-għażla msemmija fis-subparagrafi preċedenti għandha tiġi espressa jew murija b’ ċertezza raġjonevoli skond it-termini tal-kuntratt jew iċ-ċirkostanzi tal-każ. Jekk dan ma jkunx il-każ, jew jekk l-ebda għażla ma tkun saret, il-kuntratt għandu jiġi rregolat bil-liġi tal-pajjiż, minn fost dawk ikkunsidrati fis-subparagrafi relevanti ta’ hawn fuq, li magħhom ikun l-aktar konness mill-qrib. Madanakollu, parti li tista tinqata tal-kuntratt li għandha konnessjoni aktar mill-qrib ma pajjiż ieħor, minn fost dawk ikkunsidrati fis-subparagrafi relevanti, tista’ bħala eċċezzjoni tiġi rregolata bil-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Il-kuntratt għandhu jkun presunt b’mod konfutabbli li jkun konness mill-qrib l-aktar ma l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju.
(i) Meta Stat jinkludi diversi unitajiet territorjali, li kull waħda minnhom ikollha r-regoli proprji tagħha ta’ liġi li tikkonċerna obbligi kuntrattwali, kull unità għandha tiġi kkunsidrata bħala pajjiż għall-iskopijiet ta’ l-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli taħt din id-Direttiva.
Stat Membru li fih l-unitajiet territorjali varji jkollhom ir-regoli proprji tagħhom ta’ liġi li jikkonċernaw obbligi kuntrattwali m’għandhomx ikunu marbuta li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għal konflitti li jorġinaw bejn il-liġijiet ta’ dawk l-unitajiet.
2. Xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-forum f’ sitwazzjoni meta dawn ikunu mandatorji, irrispettivament mil-liġi applikabbli xort oħra għall-kuntratt.
Jekk il-liġi ta’ Stat Membru tistipula hekk, ir-regoli mandatorji tal-liġi ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju jew ta’ l-Istat Membru li jimponi l-obbligu li tittieħed assigurazzjoni tista’ tiġi applikata jekk u sa fejn, taħt il-liġi ta’ dawk l-Istati, dawk ir-regoli għandhom jiġu applikati indipendentament mil-liġi applikabbli għal dak il-kuntratt.
Meta l-kuntratt ikopri riskji li jinstabu f’aktar minn Stat Membru wieħed, il-kuntratt huwa kkunsidrat għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu bħala li jikkostitwixxi diversi kuntratti li kull wieħed minnhom jirrelata biss għal Stat Membru wieħed.
3. Suġġett għall-paragrafi preċedenti, l-Istati Membri għandhom japplikaw għall-kuntratti ta’ l-assigurazzjoni msemmija f’din id-Direttiva ir-regoli ġenerali tagħhom ta’ liġi internazzjonali privata li jikkonċernaw obbligi kuntrattwali.
L-Artikolu 8
1. Taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni jistgħu joffru u jikkonkludu kuntratti obbligatorji ta’ assigurazzjoni skond ir-regoli ta’ din id-Direttiva u ta’ l-ewwel Direttiva.
2. Meta Stat Membru jimponi obbligu biex tittieħed assigurazzjoni, il-kuntratt m’għandux jissoddisfa dak l-obbligu sakemm dan ma jkunx skond id-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrelataw għal dik l-assigurazzjoni stabbilita minn dak l-Istat Membru.
3. Meta, fil-każ ta’ assigurazzjoni obbligatorja, il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju u l-liġi ta’ l-Istat Membru li jimponi l-obbligu li tittieħed assigurazzjoni jikkontradixxu’ l xulxin, dan ta’ l-aħħar għandu jkun prevalenti.
4.
►M2
(a) Soġġett għas-subparagrafu (ċ), it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(2) għandu japplika meta l-kuntratt ta’ assigurazzjoni jipprovdi kopertura f’żewġ Stati Membri jew aktar, li mill-inqas wieħed minnhom jagħmel l-assigurazzjoni obbligatorja.
▼M2 —————
(ċ) Stat Membru jista’, b’deroga mill-Artikolu 7, jistabbilixxi li l-liġi applikabbli għal kuntratt ta’ assigurazzjoni obbligatorja tkun il-liġi ta’ l-Istat li jimponi l-obbligu li tittieħed l-assigurazzjoni.
(d) Meta Stat Membru jimponi assigurazzjoni obbligatorja u l-assiguratur għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti b’kull waqfien tal-kopertura, dan il-waqfien jista’ jiġi invokat kontra partijiet terzi biss fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat.
5.
(a) Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni r-riskji li kontrihom l-assigurazzjoni hija obbligatorja skond il-leġislazzjoni tiegħu, u jiddikjara:
— id-dispożizzjonijiet legali speċifiċi li jirrelataw għal dik l-assigurazzjoni,
— id-dettalji li għandhom jitniżżlu fiċ-ċerrifikat li assiguratur għandu joħroġ lil persuna assigurata meta dak l-Istat jeħtieġ prova li l-obbligu li tittieħed assigurazzjoni ikun ġie sodisfatt. Stat Membru jista’ jeħtieġ li dawk id-dettalji jinkludu dikjarazzjoni mill-assiguratur li l-kuntratt jikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrelataw għal dik l-assigurazzjoni.
(b) Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dettalji msemmija fis-subparagrafu (a) fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
(ċ) Stat Membru għandu jaċċetta, bħala prova li l-obbligu ta’ l-assigurazzjoni jkun ġie ssodisfat, ċertifikat, li l-kontenut tiegħu ikun inkonformità mat-tieni inċiż tas-subparagrafu (a).
L-Artikolu 9
1. L-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 9 u l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 11(1) ta’ l-ewwel Direttiva jinbidlu b’dan li ġej:
“2. Madanakollu, l-informazjoni msemmija f’ (a) u (b) li tikkonċerna il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi u l-iskali ta’ premiums m’għandhiex tkun meħtieġa fil-każ ta’ riskji msemmija fl-Artikolu 5(d).”
2. L-Artikolu 8(3) u l-Artikolu 10(3) ta’ l-ewwel Direttiva huma sostitwiti b’dan li ġej:
“3. Din il-koordinazzjoni m’għandhiex tipprevieni l-Istati Membri milli jmantnu jew milli jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jikkonċernaw, b’mod partikolari, in-neċessità għal amministraturi u diretturi li jkunu teknikament kwalifikati u l-approvazzjoni ta’ l-articles of association, il-kundizzjonijiet ġenerali u speċjali tal-poloz ta’ l-assigurazzjoni, l-iskali ta’ premiums u kull dokument ieħor neċessarju għall-eżerċizzju normali tas-sorveljanza.
Madanakollu, fir-rigward tar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d), Stati Membri m’ għandhomx jistabbilixxu dispożizzjonijiet li jkunu jeħtieġu l-approvazzjoni jew in-notifika sistematika ta’ kundizzjonijiet ġenerali u ta’ politika speċjali, skali ta’ premiums, jew formoli u dokumenti stampati oħrajn li l-intrapriża jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattar tagħha mat-titolari tal-poloz. Huma jistgħu jeħtieġu biss notifika nonsistematika ta’ dawn il-kundizzjonijiet u dokumenti oħrajn, għall-iskop ta’ verifika ta’ konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ dawn ir-riskji, u din il-ħtieġa ma tistax tikkostitwixxi kondizzjoni bil-quddiem biex intrapriża tkun tista twettaq l-attivitajiet tagħha.
Fir-rigward tar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d), Stati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu notifika bil-quddiem jew l-approvazzjoni ta’ żidiet proposti fir-rati ta’ premiums ħlief bħala parti minn sistema ġenerali ta’ kontroll tal-prezz.
Din il-koordinazzjoni m’għandhiex iżżomm l-Istati Membri milli jissoġġettaw intrapriżi li jitolbu jew li jkunu akkwistaw awtorizzazzjoni għall-klassi 18 fil-punt A ta’ l-Anness għal kontrolli fuq ir-riżorsi diretti jew indiretti tagħhom fuq impjegati u tagħmir, inkluża l-kwalifika tal-gruppi mediċi tagħhom u tal-kwalità tat-tagħmir, disponibbli għall-intrapriżi biex jissodisfaw l-impenji tagħhom li joriġinaw minn din il-klassi ta’ assigurazzjoni.”
L-Artikolu 10
Dan il-paragrafu li ġej jiżdied ma’ l-Artikolu 19 ta’ l-ewwel Direttiva;
“3. Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi kollha neċessarji biex jassigura li l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza ta’ intrapriżi ta’ assigurazzjoni jkollhom il-poteri u l-mezzi neċessarji għas-sorveljanza ta’ l-attivitajiet ta’ intrapriżi ta’assigurazzjoni stabbiliti fit-territorju tagħhom, inklużi attivitajiet li jkun daħal għalihom barra dak it-territorju, skond id-Direttiva tal-Kunsill li tirregola dawk l-attivitajiet u għall-iskop li jara li dawn ikunu implimentati.
Dawk il-poteri u mezzi għandhom, b’mod partikolari, jawtorizzaw lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza biex:
— jagħmlu inkjesti dettaljati dwar is-sitwazzjoni ta’ l-intrapriża u n-negozju kollu tagħha, inter alia billi:
—— jiġbru informazzjoni jew jeħtieġu s-sottomissjoni ta’ dokumenti li jikkonċernaw in-negozju ta’ l-assigurazzjoni,
— iwettqu verifiki fuq il-post fil-lokal ta’ l-intrapriża,
— li jieħdu kull miżura fir-rigward ta’ l-intrapriża li tkun approprjata u neċessarja biex jiġi assigurat li l-attivitajiet ta’ l-intrapriża jibqgħu inkonformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li magħhom l-intrapriża għandha tikkonforma f’kull Stat Membru u partikolarment ma’ l-iskema ta’ operazzjonijiet sa fejn din tibqa obbligatorja, u li jipprevienu, jew ineħħu kull irregolarità preġudizzjarja għall-interessi tat-titolari tal-poloz,
— jassiguraw li l-miżuri meħtieġa mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza jkunu mwettqa, jekk jeħtieġ b’applikazzjoni, meta approprjat permezz ta’ mezzi ġudizzjarji.
L-Istati Membri jistgħu ukoll jagħmlu dispożizzjoni għall-awtoritajiet ta’ sorveljanza biex jakkwistaw kull informazzjoni rigward kuntratti li jkunu miżmuma minn intermedjarji.”
L-Artikolu 11
1. L-Artikolu 21 ta’ l-ewwel Direttiva huwa b’hekk imħassar.
▼M2 —————
IT-TITOLU III
Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-libertà ta’ provvista ta’ servizzi
L-Artikolu 12
1. Dan it-Titolu għandu japplika meta intrapriża, permezz ta’ stabbiliment li jkun jinstab fi Stat Membru, tkopri riskju li jkun jinstab, provvista ta’ servizzi għall-iskopijiet ta’ dan it-Titolu.
2. Dan it-Titolu m’għandux japplika għall-operazzjonijiet, l-intrapriżi u istituzzjonijiet li ma tapplikax għalihom l-ewwel Direttiva, lanqas għar-riskji li għandhom ikunu koperti minn istituzzjonijiet skond il-liġi pubblika msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva.
▼M2 —————
L-Artikolu 12a
1. Dan l-Artikolu għandu japplika meta intrapriża, permezz ta’ stabbiliment li jkun jinsab fi Stat Membru, tkopri riskju, barra minn responsabbiltà ta’ trasportatur, ikklassifikat taħt il-klassi 10 tal-punt A ta’ l-Anness għad-Direttiva 73/239/KEE li jinsab fi Stat Membru ieħor.
2. L-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi għandu jeħtieġ li l-intrapriża ssir membru u tipparteċipa fl-iffinanzjar tal-bureau nazzjonali tiegħu u tal-fond nazzjonali ta’ garanzija tiegħu.
L-intrapriża m’għandhiex, madanakollu, tkun meħtieġa tagħmel xi pagament jew kontribuzzjoni lill-bureau u lill-fond ta’ l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi fir-rigward ta’ riskji koperti permezz ta’ provvista ta’ servizzi barra minn wieħed ikkalkolat fuq l-istess bażi bħal għal intrapriżi li jkopru riskji, barra minn responsabbiltà ta’ trasportatur, fil-klassi 10 permezz ta’ stabbiliment li jinsab f’dak l-Istat Membru, b’referenza għad-dħul premium tiegħu minn dik il-klassi f’dak l-Istat Membru jew għan-numru ta’ riskji f’dik il-klassi koperti hemmhekk.
3. Din id-Direttiva m’għandhiex iżżomm intrapriża ta’ assigurazzjoni li tipprovdi servizzi milli tkun meħtieġa tikkonforma mar-regoli fl-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi li jikkonċernaw il-kopertura ta’ riskji aggravati, sakemm dawn japplikaw għal intrapriżi stabbiliti.
4. L-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi għandu jeħtieġ lill-intrapriża li tassigura li l-persuni li għandhom pretensjonijiet li joriġinaw minn avvenimenti li jseħħu fit-territorju tiegħu ma jitqiegħdux f'sitwazzjoni anqas favorevoli bħala riżultat tal-fatt li l-intrapriża tkun qiegħda tkopri riskju, ta’ xort’ oħra minn responsabbiltà ta’ trasportatur, fil-klassi 10 permezz ta’ provvista ta’ servizzi iktar milli permezz ta’ intrapriża li tkun tinstab f'dak l-Istat.
Għal dan l-iskop, l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi għandu jeħtieġ lill-intrapriża li taħtar rappreżentant residenti jew stabbilit fit-territorju tiegħu li għandu jiġborl-informazzjoni kollha neċessarja fir-rigward ta’ pretensjonijiet, u għandu jkollu poteri suffiċjenti biex jirrappreżenta lill-intrapriża fir-rigward ta’ persuni li jsofru ħsara jew li jistgħu isegwu pretensjonijiet, inkluż il-pagament ta’ dawn il-pretensjonijiet, u li jirrappreżentaha jew, meta neċessarju, li jara li tkun rappreżentata quddiem il-qrati u l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru f'relazzjoni għal dawn il-pretensjonijiet.
Ir-rappreżentant jista’ wkoll ikun meħtieġ li jirrappreżenta l-intrapriża quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi fir-rigward tal-kontroll ta’ l-eżistenza u l-validità ta’ poloz ta' assigurazzjoni ta’ responsabbiltà ta’ vetturi bil-mutur.
L-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi ma jistax jeħtieġ li dak il-maħtur jidħol għal attivitajiet għan-nom ta’ l-intrapriża li tkun ħatritu barra minn dawk stabbiliti fit-tieni u t-tielet subparagrafi. ►M4 ————— ◄
Il-ħatra tar-rappreżentant m’għandhiex minnha nnifisha tfisser il-ftuħ ta’ fergħa jew aġenzija għall-iskop ta’ l-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 73/239/KEE u r-rappreżentant m’għandux ikun stabbiliment fis-sens ta’ l-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-Direttiva.
Jekk l-impriża ta assikgrazzjoni tkun naqset milli taħtar rappreżentant, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-approvazzjoni tagħhom lir-rappreżentant tal-pretensjonijiet maħtur skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/26/KE ( 8 ) li jassumi l-funzjoni tar-rappreżentant maħtur skond dan il-paragrafu.
▼M2 —————
L-Artikolu 14
Kull intrapriża li jkollha l-ħsieb li ssegwi negozju għall-ewwel darba fi Stat Membru wieħed jew iktar skond il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi, għandha l-ewwel tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità, tindika in-natura tar-riskji li hija tipproponi li tkopri.
▼M2 —————
L-Artikolu 16
1. Fi żmien xahar min-notifika prevista fl-Artikolu 14, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokal għandhom jikkomunikaw lill-Istat Membru jew l-Istati Membri li fit-territorji tagħhom intrapriża jkollha l-intenzjoni li ssegwi negozju skond il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi:
(a) ċertifikat li jivverifika li l-intrapriża jkollha l-marġini minimu ta’ likwidità ikkalkolat skond l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 73/239/KEE;
(b) il-klassijiet ta’ assigurazzjoni li l-intrapriża tkun ġiet awtorizzata li toffri;
(ċ) in-natura tar-riskji li l-intrapriża tipproponi li tkopri fl-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi.
Fl-istess waqt, huma għandhom jinfurmaw lill-intrapriża kkonċernata kif xieraq.
Kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu intrapriża jkollha l-intenzjoni, skond il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi, li tkopri riskji fil-klassi 10 tal-punt A fl-Anness tad-Direttiva 73/239/KEE barra mir-responsabbiltà ta’ trasportatur, jista’ jeħtieġ li l-intrapriża:
— tikkomunika l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant imsemmi fl-Artikolu 12a(4) ta’ din id-Direttiva,
— tipproduċi dikjarazzjoni li l-intrapriża tkun saret membru tal-bureau nazzjonali u tal-fond nazzjonali ta’ garanzija ta’ l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi.
2. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità ma jikkomunikawx l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 matul il-perjodu stabbilit, huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom lill-intrapriża f’dak l-istess perjodu.
Dak ir-rifjut għandu jkunu soġġett għad-dritt ta’ rikors fil-qrati ta’ l-Istat Membru tal-lokalità.
3. L-intrapriża tista’ tibda negozju fid-data ċertifikata li hija infurmata fiha bil-komunikazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.
L-Artikolu 17
Kull bidla li intrapriża jkollha l-intenzjoni li tagħmel għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 għandha tkun suġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikoli 14 u 16.
▼M2 —————
L-Artikolu 26
1. Ir-riskji li jistgħu jkunu koperti permezz ta’ ko-assigurazzjoni Komunitarja fis-sens tad-Direttiva 78/473/KEE għandhom ikunu dawk definiti fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva.
2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jirrigwardaw ir-riskji definiti fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva għandhom japplikaw għall-assiguratur ewlieni.
TITOLU IV
Arranġamenti transitorji
L-Artikolu 27
1. Il-Greċja, l-Irlanda, Spanja u l-Portugall jistgħu japplikaw l-arranġamenti transitorji li ġejjin:
(i) sal-31 ta’ Diċembru 1992, huma jistgħu japplikaw, għar-riskji kollha, ir-regime barra minn dak għar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva,
(ii) mill-1 ta’ Jannar 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1994, ir-regime għal riskji kbar għandu japplika għal riskji msemmija taħt (i) u (ii) ta’ l-Artikolu 5(d) ta’ l-ewwel Direttiva; għal riskji msemmija taħt (iii) ta’ l-Artikolu 5(d) imsemmi hawn fuq, dawn l-Istati Membri għandhom jiffissaw il-livelli minimi li japplikaw għalihom;
(iii) Spanja
— mill-1 ta’ Jannar 1995 sal-31 ta’ Diċembru 1996, il-livelli minimi ta’ l-ewwel stadju deskritti fl-Artikolu 5(d)(iii) ta’ l-ewwel Direttiva għandhom japplikaw,
— mill-1 ta’ Jannar 1997, il-livelli minimi tat-tieni stadju għandhom japplikaw.
Il-Portugall, l-Irlanda u l-Greċja
— mill-1 ta’ Jannar 1995 sal-31 ta’ Diċembru 1998, il-livelli minimi ta’ l-ewwel stadju deskritti fl-Artikolu 5(d)(iii) ta’ l-ewwel Direttiva għandhom japplikaw,
— mill-1 ta’ Jannar 1999, il-livelli minimi tat-tieni stadju għandhom japplikaw.
Id-derogi permessi mill-1 ta’ Jannar 1995 għandhom japplikaw biss għal kuntratti li jkopru r-riskji kklassifikati taħt il-klassijiet 3, 8, 9, 10, 13 u 16 li jinsabu esklussivament f’wieħed mill-erba' Stati Membri li jibbenefikaw mill-arranġamenti transitorji.
2. Sal-31 ta’ Diċembru 1994, l-Artikolu 26(1) ta’ din id-Direttiva m’għandux japplika għal riskji li jinsabu fl-erba’ Stati Membri elenkati f’dan l-Artikolu. Għall-perjodu transitorju mill-1 ta’ Jannar 1995, ir-riskji definiti taħt l-Artikolu 5(d)(iii) ta’ l-ewwel Direttiva li jinsabu f’dawn l-Istati Membri u li jistgħu jkunu koperti b’ko-assigurazzjoni Komunitarja fis-sens tad-Direttiva 78/473/KEE għandhom ikunu dawk li jeċċedu l-livelli minimi msemmija fil-paragrafu 1(iii) ta’ dan l-Artikolu.
IT-TITOLU V
Dispożizzjonijiet Finali
L-Artikolu 28
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw mill-qrib bl-iskop li jiffaċilitaw is-sorveljanza ta’ assigurazzjoni diretta fil-Komunità.
Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni b’kull diffikultà maġġuri li toħloq l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, interalia dawk li joriġinaw jekk Stat Membru isir jaf b’xi trasferiment mhux normali ta’ negozju ta’ assigurazzjoni għad-detriment ta’ intrapriżi stabbiliti fit-territorju tiegħu u għall-vantaġġ ta’ fergħat jew aġenziji li jkunu jinstabu ftit lil hinn mill-fruntieri tiegħu.
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri ikkonċernati għandhom jeżaminaw dawn id-diffikultajiet malajr kemm jista’ jkun sabiex tinstab soluzzjoni approprjata.
Meta neċessarju, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill.
L-Artikolu 29
Il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Kunsill rapporti regolari, l-ewwel wieħed fl-1 ta’ Lulju 1993, dwar l-iżvilupp tas-suq fl-assigurazzjoni effettwata taħt kundizzjonijiet ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi.
L-Artikolu 30
Meta din id-Direttiva tagħmel referenza għall-ECU, il-valur tal-kambju fil-muniti nazzjonali li għandu jintuża b’effett mill-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena għandu jkun il-valur li japplika fl-aħħar jum ta’ l-Ottubru preċedenti li għalih il-valuri tal-kambju għall-ECU jkunu disponibbli fil-muniti kollha tal-Komunità.
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/580/KEE ( 9 ) għandu japplika biss għall-Artikoli 3, 16 u 17 ta’ l-ewwel Direttiva.
L-Artikolu 31
Kull ħames snin, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jirrevedi u jekk neċessarju jemenda kull ammont espress f’ECU f’din id-Direttiva, billi jieħu kont ta’bidliet fis-sitwazzjoni ekonomika u monetarja tal-Komunità.
L-Artikolu 32
L-Istati Membri għandhom jemendaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar mid-data tan-notifika tagħha ( 10 ) u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.
Id-dispożizzjonijiet emendati skond dan l-Artikolu għandhom jiġu applikati fi żmien 24 xahar mid-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva.
L-Artikolu 33
Man-notifika ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-test tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ewlenija li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.
L-Artikolu 34
L-Annessi għandhom jifformaw parti integrali minn din id-Direttiva.
L-Artikolu 35
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
L-ANNESS 1
REGOLI TA’ KONGRUWENZA
Il-munita li biha jitħallsu l-impenji ta’ l-assiguratur għanda tiġi determinata skond ir-regoli li ġejjin:
|
1. |
Meta l-kopertura pprovduta b’kuntratt tkun espressa fit-termini ta’ munita partikolari, l-impenji ta’ l-assiguratur huma meqjusa bħala pagabbli f’dik il-munita. |
|
2. |
Meta l-kopertura pprovduta b’kuntratt ma tkunx espressa f’termini ta’ xi munita, l-impenji ta’ l-assiguratur huma kkunsidrati bħala pagabbli fil-munita tal-pajjiż li fih ikun jinstab ir-riskju. Madanakollu, l-assiguratur jista’ jagħżel il-munita li biha jkun espress premium jekk ikun hemm bażijiet ġustifikati għall-eżerċizzju ta’ din l-għażla. Dan jista’ jkun il-każ jekk, miż-żmien li fih ikun sar il-kuntratt, ikun jidher li pretensjoni x’aktarx ser titħallas fil-munita tal-premium u mhux fil-munita tal-pajjiż li fih ikun jinstab ir-riskju. |
|
3. |
L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-assiguratur biex jikkonsidra li l-munita li biha hu għandu jipprovdi kopertura tkun jew dik li hu jkun sejjer juża skond l-esperjenza akkwistata jew, fl-assenza ta’ din l-esperjenza, il-munita tal-pajjiż li fih ikun stabbilit: — għal kuntratti li jkopru riskji klassifikati taħt il-klassijiet 4, 5, 6, 7, 11, 12 u 13 (ir-responsabbiltà tal-produtturi biss), u — għal kuntratti li jkopru r-riskji klassifikati taħt klassijiet oħrajn, skond in-natura tar-riskji, il-koperta għandha tkun provduta f’munita minbarra dik li kienet tirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ hawn fuq. |
|
4. |
Meta tkun ġiet irrapurtata pretensjoni lill-assiguratur u tkun pagabbli f’munita speċifikata barra mill-munita li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ hawn fuq, l-impenni ta’ l-assiguratur għandhom jiġu kkunsidrati li huma pagabbli f’dik il-munita, u b’mod partikolari il-munita li biha għandu jitħallas il-kumpens mill-assiguratur tkun ġiet determinata minn sentenza tal-qorti jew bi ftehim bejn l-assiguratur u min ikun assigurat. |
|
5. |
Meta tkun stmata talba f’munita li hija magħrufa mill-assiguratur bil-quddiem imma li hija differenti mill-munita li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ hawn fuq, l-assiguraturi jistgħu jikkonsidraw l-impenji tagħhom bħala pagabbli f’dik il-munita. |
|
6. |
L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw intrapriżi biex ma jkoprux ir-riservi tekniċi tagħhom b’assi li jaqblu jekk l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ hawn fuq kienu jirriżultaw f’ li l-intrapriża kemm jekk uffiċċju ewlieni kemm jekk fergħa tkun obbligata, sabiex tikkonforma mal-prinċipju ta’ kongruwenza, li żżomm l-assi f’munita li tammonta għal mhux aktar minn 7 % ta’ l-assi eżistenti f’muniti oħrajn. Madanakollu: (a) fil-każ ta’ assi ta’ riserva teknika li għandhom jiġu mqabbla fi drachmas Griegi, liri Irlandiżi u e scudos Portugiżi, dan l-ammont m’għandux jeċċedi: — 1 miljun ECU matul perjodu transitorju li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 1992, — 2 miljun ECU mill-1 ta’ Jannar 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1998; (b) fil-każ ta’ assi ta’ riserva teknika li għandhom ikunu mqabbla fi franki Belġjani, franki tal-Lussemburgu u pesetas Spanjoli, dan l-ammont m’għandux jeċċedi ż-2 miljun ECU tul perjodu transitorju li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 1996. Mit-tmien tal-perjodi transitorji definiti taħt (a) u (b) ir-regime ġenerali għandha tapplika għal dawn il-muniti, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor. |
|
7. |
L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jeħtiġux li l-intrapriżi kemm jekk uffiċċji ewlenija kemm jekk fergħat — japplikaw il-prinċipju ta’ kongruwenza meta l-impenji jkunu pagabbli f’munita barra mill-munita ta’ wieħed mill-Istati Membri Komunitarji, jekk investimenti f’dik il-munita huma rregolati, jekk il-munita hija suġġetta għal restrizzjonijiet ta’ trasferimenti jew jekk, għal raġunijiet simili, ma tkunx addattata biex tkopri riservi tekniċi. |
|
8. |
Intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni jistgħu iżommu assi li ma jaqblux biex ikopru ammont li ma jeċċedix 20 % ta’ l-impenji tagħhom f’munita partikolari. |
|
9. |
Stat Membru jista’ jippermetti li meta permezz tal-proċeduri preċedenti impenn għandu jiġi kopert b’assi espressi fil-munita ta’ dak l-Istat Membru, dik il-ħtieġa għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala ssoddisfata meta l-assi jkunu espressi f’ECU. |
L-ANNESS 2A
Kont ta' l-assigurazzjoni
|
1. |
Premiums grossi totali akkwistati |
|
2. |
L-ispiża totali tal-pretensjonijiet |
|
3. |
Spejjeż ta' kummissjoni |
|
4. |
Ir-riżultat gross ta' l-assigurazzjoni |
L-ANNESS 2B
Kont ta' l-assigurazzjoni
|
1. |
Premiums grossi għas-sena ta' assigurazzjoni ta' l-aħħar |
|
2. |
Pretensjonijiet grossi fl-aħħar sena ta' assigurazzjoni (inkluża r-riserva fit-tmiem tas-sena ta' assigurazzjoni) |
|
3. |
L-ispejjeż ta' kummissjoni |
|
4. |
Ir-riżultat gross ta' l-assigurazzjoni |
( 1 ) ĠU C 32, tat-12. 2. 1976, p. 2.
( 2 ) ĠU C 36, tat-13. 2. 1978, p. 14; ĠU C 167, tas-27. 6. 1988 u d-Deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 1988 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
( 3 ) ĠU C 204, tat-30. 8. 1976, p. 13.
( 4 ) ĠU L 228, tas-16. 8. 1973, p. 3.
( 5 ) ĠU L 185, ta’ l-4. 7. 1987, p. 72.
( 6 ) ĠU L 151, tas-7.6.1978, p. 25.
( 7 ) ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1.”
( 8 ) Id-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE u 88/357/KEE (ĠU L 181, ta’ l-20.7.2000, p. 65).
( 9 ) ĠU L 189, tat-13.9.1976, p. 13.
( 10 ) Din id-Direttiva ġiet innotifikata lill-Istati Membri fit-30 ta’ Ġunju 1988.