European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1545

17.7.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/1545

tad-29 ta’ Ġunju 2026

li tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Protokoll Nru 37 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2003/76/KE

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 37 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 2, l-ewwel paragrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar skada fit-23 ta’ Lulju 2002, f’konformità mal-Artikolu 97 ta’ dak it-Trattat. L-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) ġew ittrasferiti lill-Komunità Ewropea fl-24 ta’ Lulju 2002.

(2)

F’konformità mal-Protokoll Nru 37 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar (il-“Protokoll”), anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-valur nett tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-KEFA, kif jidhru fil-karta tal-bilanċ tal-KEFA, għandu jitqies bħala assi maħsuba għar-riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar, imsejħa l-“KEFA f’likwidazzjoni”, u, mat-tlestija tal-likwidazzjoni tal-KEFA, imsejħa bħala l-“assi tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar” (flimkien imsejħa “l-assi”).

(3)

Il-Protokoll jipprevedi wkoll li d-dħul mill-assi, imsejjaħ il-“Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar” (RFCS), għandu jintuża esklużivament għar-riċerka, barra mill-programm qafas għar-riċerka, fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar, f’konformità mal-Protokoll u l-atti adottati abbażi tiegħu.

(4)

Fl-1 ta’ Frar 2003, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2003/76/KE (2), li stipulat ir-regoli għall-implimentazzjoni tal-Protokoll.

(5)

Għal ħafna snin, il-valur tad-dħul prodott assenjat għall-finanzjament tal-proġetti ta’ riċerka għall-faħam u l-azzar qed jonqos b’rata mgħaġġla minħabba r-rati baxxi tal-imgħax, u l-assi mhumiex qed jiġġeneraw biżżejjed dħul biex jiffinanzjaw l-allokazzjoni annwali attwali tal-RFCS ta’ EUR 111-il miljun għas-sejħiet, stabbilita bid-Deċiżjoni 2003/76/KE. B’konsegwenza tat-telf fl-2022 u 2023, is-sejħiet fl-2024 u 2025 ġew iffinanzjati kompletament permezz tal-bejgħ tal-assi. Għall-2026 u possibbilment għas-snin sussegwenti ukoll, kwalunkwe profitt ser ikopri l-allokazzjoni annwali parzjalment biss, u, ma huwiex mistenni li jkun biżżejjed biex jippermetti għall-finanzjament ta’ programm ta’ ħidma sinifikanti.

(6)

Bħala parti mill-isforzi tagħha biex issaħħaħ il-kompetittività tas-settur tal-azzar tal-Unjoni u tissalvagwardja l-futur tal-industrija, fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Marzu 2025 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Azzar u l-Metalli”, il-Kummissjoni ħabbret li se tipproponi riforma ġenerali tal-RFCS sabiex tissimplifika u tħaffef aktar l-investimenti fir-riċerka dwar l-azzar. Jenħtieġ li din l-aċċellerazzjoni tirrifletti l-ħtiġijiet tas-settur.

(7)

It-tranżizzjoni tal-enerġija mis-sorsi tal-enerġija fossili, speċjalment il-faħam, bħalissa tirrappreżenta sfida, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta, speċjalment għall-industriji u l-ħaddiema fir-reġjuni dipendenti mill-faħam. Sfidi ulterjuri jinkludu l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-metan mill-minjieri tal-faħam fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(8)

Minn Awwissu 2027, huwa mistenni li l-KEFA f’likwidazzjoni ma jkollha la obbligazzjonijiet finanzjarji u lanqas riċevibbli, u b’hekk tippermetti t-tlestija tal-likwidazzjoni tagħha.

(9)

Il-bejgħ ta’ parti mill-assi biex jiġu ffinanzjati l-proġetti ta’ riċerka fis-setturi tal-faħam u tal-azzar huwa possibbli, fid-dawl tan-nuqqas tal-obbligazzjonijiet tal-KEFA f’likwidazzjoni.

(10)

Fid-dawl tal-bidliet finanzjarji u tal-kunsiderazzjonijiet ta’ politika flimkien, jenħtieġ li d-daqs tal-programm ta’ riċerka jiġi determinat b’mod li jiżgura li l-assi jkunu jistgħu jintużaw u jiġu implimentati b’mod korrett f’konformità mal-objettivi tal-Protokoll u f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Il-massa kritika għad-daqs tal-programm ta’ riċerka ma tistax tinkiseb biss bl-użu tad-dħul jew ta’ parti limitata mill-assi li jifdal. L-ammonti meħtieġa għall-programm ta’ riċerka ser jeħtieġu l-użu tal-assi kollha. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli li jintużaw l-assi li jifdal biex jiġi pprovdut appoġġ sinifikanti, barra mill-programm qafas għar-riċerka tal-Unjoni, għall-proġetti ta’ riċerka kollaborattiva siewja li għandhom il-massa kritika biex joħolqu valur miżjud tal-Unjoni, fis-setturi tal-faħam u tal-azzar.

(11)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-26 ta’ Frar 2025 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu “il-Patt għal Industrija Nadifa” u l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Azzar u l-Metalli, il-Kummissjoni appoġġat l-argument għall-vijabbiltà għall-investimenti kbar li għandhom iseħħu fl-Unjoni fis-snin li ġejjin, inkluż għall-industrija tal-azzar. Abbażi ta’ dak l-inċentiv politiku, il-RFCS jenħtieġ li jikkontribwixxi għal tranżizzjoni rapida għal teknoloġiji aktar nodfa billi jiffinanzja parti mill-isforzi ta’ riċerka meħtieġa, inkluż ir-riċerka preparatorja għal investimenti kbar u riċerka addizzjonali tappoġġa l-użu ta’ investimenti fuq skala kbira.

(12)

Is-sejħiet mill-2027 sal-2033 sa EUR 120 miljun fis-sena, u sejħa fl-2034 ta’ ammont ekwivalenti għall-assi mhux allokati disponibbli li jifdal, huma mistennija li jużaw l-investiment privat biex itejbu l-kompetittività u jaċċelleraw id-dekarbonizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika tas-setturi tal-faħam u tal-azzar. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti allokazzjonijiet annwali xierqa biex jippermettu tali sejħiet u jippermettu appoġġ sinifikanti sat-tmiem tal-2034.

(13)

Sabiex jiġi assenjat id-dħul nett kollu mill-investimenti u biex tiġi ffaċilitata ż-żieda tal-allokazzjoni għall-2027 minn EUR 111-il miljun sa 120 miljun, huwa xieraq li jitnaqqas il-perjodu taż-żmien tal-allokazzjoni tiegħu permezz tal-kopertura tal-allokazzjoni għas-sena n+1 bil-karti ta’ bilanċ magħluqa tal-assi fis-sena n fis-snin 2026 sa 2033, filwaqt li jinżammu l-allokazzjonijiet annwali diġà stabbiliti bid-Deċiżjoni 2003/76/KE.

(14)

Id-distribuzzjoni attwali tal-allokazzjonijiet baġitarji bejn ir-riċerka dwar il-faħam u dwar l-azzar ta’ 27,2 % u 72,8 % rispettivament, huwa appoġġat miż-żewġ setturi u jibqa’ xieraq meta jitqiesu l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ta’ assorbiment rispettivi tagħhom.

(15)

Sabiex tkun tista’ tadatta għall-ħtiġijiet possibbli ta’ finanzjament għar-riċerka tas-settur tal-faħam jew tal-azzar fil-każ ta’ assorbiment insuffiċjenti tas-settur l-ieħor, jenħtieġ li s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni sabiex, jekk ikun meħtieġ, fl-2034 temenda din id-Deċiżjoni biex tibdel il-perċentwal ta’ finanzjament allokat għar-riċerka relatata mal-faħam u għar-riċerka relatata mal-azzar, biex ikun jista’ jsir użu sħiħ mill-assi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (4). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, jeħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u jenħtieġ li l-esperti tagħhom jkollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(16)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2003/76/KE tiġi mħassra. Madankollu, sakemm titlesta l-likwidazzjoni tal-KEFA, huwa xieraq li tinżamm l-applikazzjoni tal-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni sakemm jitlestew l-operazzjonijiet finanzjarji tal-KEFA f’likwidazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment tal-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Protokoll Nru 37 dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-“KEFA f’likwidazzjoni” u, mat-tlestija tal-likwidazzjoni tal-KEFA, tal-assi tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar (flimkien imsejħa “l-assi”).

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni għandha timmaniġġa l-assi b’tali mod li żżomm allokazzjoni annwali tal-Fond tar-Riċerka għall-Faħam u l-Azzar (“RFCS”) sa EUR 120 miljun għas-snin 2027 sa 2033 inklużi sabiex tiffinanzja r-riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar. Kwalunkwe assi mhux allokat li jifdal għandhom ikunu parti minn allokazzjoni għas-sena 2034 ugwali għall-valur tas-suq ta’ dawk l-assi fil-mument tat-trasferiment lill-Fond tar-RFCS, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-suq. Dik l-allokazzjoni għandha tintuża biex tiffinanzja r-riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar fl-2034 u s-snin sussegwenti.

2.   L-attivitajiet ta’ riċerka għall-azzar għandhom jiffukaw fuq proċessi ta’ produzzjoni u tlestija tal-azzar sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, il-ħolqien ta’ prodotti tal-azzar avvanzati, swieq ewlenin, il-konservazzjoni tar-riżorsi, l-ekonomija ċirkolari, l-iżvilupp tal-ħiliet, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-użu ta’ teknoloġiji diġitali. L-attivitajiet ta’ riċerka relatati ma’ proġetti ta’ riċerka dwar il-faħam għandhom jiffukaw fuq il-ġestjoni tat-tranżizzjoni ġusta, inkluż permezz tal-għoti ta’ skop ġdid, ta’ minjieri tal-faħam li kienu joperaw qabel jew minjieri tal-faħam fil-proċess tal-għeluq u l-infrastruttura relatata, inkluż ir-reġjuni li jinsabu fihom, f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2021/523 (5), (UE) 2021/1056 (6) u (UE) 2021/1229 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u f’konformità mal-Artikolu 4(2) ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   L-allokazzjoni annwali tal-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun magħmula mid-dħul nett mill-investimenti, u mill-ammont ta’ kontanti li jiġu ġġenerati bil-bejgħ ta’ parti mill-assi.

Artikolu 3

1.   Kull sena, għandhom jitfasslu kont tal-profitt u t-telf, karta tal-bilanċ u rapport finanzjarju biex juru, separatament mill-operazzjonijiet finanzjarji l-oħra tal-Unjoni, it-tranżazzjonijiet ta’ investiment u l-operazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-assi skont l-Artikolu 2.

Ir-rapporti finanzjarji msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu annessi mar-rapporti finanzjarji mfassla mill-Kummissjoni kull sena skont l-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 247 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

2.   Is-setgħat tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontroll u l-kwittanza kif stabbiliti fit-TFUE u fir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 japplikaw għat-tranżazzjonijiet u l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 4

1.   Id-dħul nett mill-investimenti previsti fl-Artikolu 2 u l-ammonti ta’ kontanti li għandhom jiġu ġġenerati mill-bejgħ ta’ parti mill-assi għandhom jikkostitwixxu dħul fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. Dak id-dħul u dawk l-ammonti ta’ kontanti għandhom jiġu mmarkati għall-iskop speċifiku tal-finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar li ma humiex koperti mill-programmi qafas għar-riċerka. Huma għandhom jiffurmaw l-RFCS u għandu jkun ġestit mill-Kummissjoni.

2.   Id-dħul nett u l-ammonti ta’ kontanti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqassmu permezz ta’ programmi ta’ ħidma, b’27,2 % allokati għar-riċerka relatata mal-faħam u 72,8 % allokati għar-riċerka relatata mal-azzar.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-atti delegati f’konformità mal-Artikolu 7 biex jinbidel il-perċentwal ta’ finanzjament allokat għar-riċerka relatata mal-faħam u għar-riċerka relatata mal-azzar imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jekk meħtieġ biex ikun jista’ jsir użu sħiħ tal-assi fl-2034.

3.   Id-dħul nett u l-ammonti ta’ kontanti allokati skont il-paragrafu 1 u li għadhom disponibbli fil-31 ta’ Diċembru fi kwalunkwe sena partikolari, kif ukoll l-ammonti rkuprati, għandhom jiġu riportati awtomatikament għas-sena ta’ wara.

4.   L-approprjazzjonijiet baġitarji li jikkorrispondu għall-kanċellazzjonijiet tal-impenji għandhom jiskadu awtomatikament fi tmiem kull sena finanzjarja. Id-dispożizzjonijiet għall-impenji rilaxxati minħabba l-kanċellazzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-RFCS.

Artikolu 5

Id-dħul nett u l-ammonti ta’ kontanti disponibbli għall-finanzjament tal-proġetti ta’ riċerka għas-sena n+1 għandhom jiġu rreġistrati fil-karta tal-bilanċ tal-KEFA f’likwidazzjoni tas-sena n u, mat-tlestija tal-likwidazzjoni, fil-karta tal-bilanċ tal-assi tal-RFCS tas-sena n, sal-allokazzjoni tal-assi li jifdal fl-2033 għall-2034.

Artikolu 6

In-nefqa amministrattiva li tirriżulta minn operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni, ta’ investiment u ta’ ġestjoni msemmija f’din id-Deċiżjoni għandha titħallas mill-Kummissjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Artikolu 7

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ tmien snin mis-6 ta’ Awwissu 2026.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu (4)2, it-tieni subparagrafu, tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta ma’ esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma għarrfu lill-Kummissjoni li ma humiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahar fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 8

Id-Deċiżjoni 2003/76/KE titħassar.

Madankollu, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/76/KE għandu jkompli japplika għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-KEFA f’likwidazzjoni sakemm titlesta l-likwidazzjoni.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ Ġunju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MOUSHOUTTAS


(1)  Il-kunsens tas-16 ta’ Ġunju 2026 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/76/KE tal-1 ta’ Frar 2003 li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Protokoll, anness mat-Trattat li tistabbilixxi l-Komunità, fuq il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-Fond ta’ Riċerka tal-Faħam u l-Azzar (ĠU L 29, 5.2.2003, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/76(1)/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2024/1787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/942 (ĠU L, 2024/1787, 15.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1787/oj).

(4)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2016/512/oj.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30, ELI: E http://data.europa.eu/eli/reg/2021/523/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1056/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1229 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 dwar il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku taħt il-mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 274, 30.7.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1229/oj).

(8)  Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1545/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)