|
23.7.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 195/46 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1204
tat-22 ta' Lulju 2015
dwar deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali li hemm fil-Kenja fir-rigward tal-flettijiet tat-tonn
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) previsti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(1)(a) tal-Anness II tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fid-19 ta' Diċembru 2011 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/861/UE (2) li tagħti deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali li hemm l-Kenja fir-rigward tal-flettijiet tat-tonn. Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/716/UE (3) ingħatat estensjoni għal dik id-deroga temporanja sat-30 ta' Settembru 2014. |
|
(2) |
Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kenja talbet biex tingħata deroga ġdida, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015, għal 2 000 tunnellata ta' flettijiet tat-tonn. Fit-13 ta' Marzu 2015, il-Kenja ppreżentat informazzjoni addizzjonali relatata mat-talba li għamlet. |
|
(3) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Kenja, il-qabdiet tat-tonn nej tal-oriġini għadhom ferm inqas mis-soltu, anke meta mqabbla mal-varjazzjonijiet staġonali normali, u dan wassal għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-flettijiet tat-tonn. Barra minn hekk, il-Kenja ġibdet l-attenzjoni tar-riskju involut minħabba l-piraterija fil-perjodu tal-forniment tat-tonn nej. Minħabba din is-sitwazzjoni anormali, il-Kenja qed issibha temporanjament impossibbli li tikkonforma mar-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007. |
|
(4) |
Il-Kenja se tibbenefika minn deroga awtomatika mir-regoli tal-oriġini għall-flettijiet tat-tonn taħt l-Intestatura HS 1604 f'konformità mal-Artikolu 40(7) tal-Protokoll tal-Oriġini mehmuż mal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-EAC u l-UE meta dak il-Ftehim jidħol fis-seħħ jew meta jiġi applikat provviżorjament. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, ir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II ta' dan ir-Regolament u d-derogi minnhom għandhom jiġu sostitwiti mir-regoli tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-EAC u l-UE, li d-dħul fis-seħħ tiegħu jew l-applikazzjoni provviżorja tiegħu mistennija jkunu fl-2016. Minħabba li s-sitwazzjoni globali, inkluż l-istat tar-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-EAC u l-UE, se tiġi rivalutata fl-2016, id-deroga għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2015. |
|
(6) |
Meta jitqiesu l-importazzjonijiet konċernati, deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 ma għandhiex tikkawża ħsara serja f'industrija Komunitarja diġà stabbilita, dejjem jekk jiġu mħarsa ċerti kundizzjonijiet relatati mal-kwantitajiet, is-sorveljanza u t-tul ta' żmien. |
|
(7) |
Kif xieraq, għandha tingħata deroga lill-Kenja għal 2 000 tunnellata metrika flettijiet tat-tonn għall-perjodu ta' sena. |
|
(8) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (4) jistipula r-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Dawk ir-regoli għandhom jiġu applikati għall-ġestjoni tal-kwantità li għaliha qed tingħata d-deroga permezz ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(9) |
Sabiex ikun hemm monitoraġġ effiċjenti ta' kif qed titħaddem id-deroga, l-awtoritajiet tal-Kenja għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni d-dettalji taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 li jkunu nħarġu, b'mod regolari. |
|
(10) |
Sabiex jiġu żgurat il-forniment regolari ta' flettijiet tat-tonn mill-Kenja lejn l-Unjoni u anki l-użu ottimali tal-kwota tad-deroga, u sabiex tiġi limitata l-possibbiltà ta' tfixkil fil-kummerċ wara l-iskadenza tad-deroga ta' qabel, għandha tingħata deroga ġdida b'effett retroattiv mill-1 ta' Jannar 2015. |
|
(11) |
Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'deroga mill-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 u skont l-Artikolu 36(1)(a) ta' dak l-Anness, il-flettijiet tat-tonn taħt l-intestatura HS 1604 manifatturati minn tonn mhux tal-oriġini taħt l-Intestatura HS 0303 għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw mill-Kenja skont it-termini stipulati f'din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-oġġetti u l-kwantitajiet stipulati fl-Anness li huma dikjarati għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni mill-Kenja matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015.
Artikolu 3
Il-kwantitajiet stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu ġestiti skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.
Artikolu 4
L-awtoritajiet doganali tal-Kenja għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex iwettqu l-kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-oġġetti msemmija fl-Artikolu 1.
Qabel tmiem ix-xahar ta' wara kull perjodu ta' tliet xhur, l-awtoritajiet kompetenti tal-Kenja għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni ta' kull tliet xhur tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati tal-moviment EUR.1 skont din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta' dawk iċ-ċertifikati.
Artikolu 5
Il-kaxxa Nru 7 taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 li jinħarġu skont din id-Deċiżjoni għandha tinkludi dan li ġej:
“Derogation — Commission Implementing Decision 2015/…/EU”.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha.
Tapplika mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Lulju 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/861/UE tad-19 ta' Diċembru 2011 dwar deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali li hemm fil-Kenja fir-rigward tal-flettijiet tat-tonn (ĠU L 338, 21.12.2011, p. 61)
(3) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/716/UE tal-4 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2011/861/UE dwar deroga temporanja mir-regoli tal-oriġini stipulati fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 biex titqies is-sitwazzjoni speċjali li hemm fil-Kenja fir-rigward tal-flettijiet tat-tonn (ĠU L 326, 6.12.2013, p. 45)
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1)
ANNESS
|
Nru tal-Ordni |
Kodiċi tan-NM |
Deskrizzjoni tal-oġġetti |
Perjodu |
Kwantitajiet |
|
09.1667 |
1604 14 36 |
Flettijiet tat-tonn |
1.1.2015 sa 31.12.2015. |
2 000 tunnellata |