Brussell, 6.12.2024

COM(2024) 571 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

IS-SEBA' RAPPORT SKONT IL-MEKKANIŻMU TA' SOSPENSJONI TAL-VIŻA


Werrej

INTRODUZZJONI

I.IL-VIĊINAT TAL-UE

1.mingħajr viża għal inqas minn 7 snin

IL-GEORGIA

L-UKRAJNA

IL-KOSOVO 1 *

2.vjaġġar mingħajr viża għal aktar minn 7 snin

L-ALBANIJA

IL-BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA

IR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA

IL-MONTENEGRO

IL-MAĊEDONJA TA’ FUQ

IS-SERBJA

II.IL-KARIBEW TAL-LVANT

III.L-AMERIKA LATINA

KONKLUŻJONI


INTRODUZZJONI

Il-liberalizzazzjoni tal-viża kienet parti importanti mis-sett ta’ għodod tal-UE għall-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġustizzja ma’ pajjiżi terzi. Hija tiffaċilita l-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni. Tista’ tagħti spinta lis-settur tal-ivvjaġġar u tat-turiżmu u tippromwovi skambji kulturali u akkademiċi. Tista’ trawwem ukoll relazzjonijiet diplomatiċi u kooperazzjoni internazzjonali, li idealment iwasslu għal aktar interazzjonijiet politiċi f’oqsma differenti li jvarjaw mill-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika, is-sigurtà, l-innovazzjoni u t-teknoloġija.

Fl-istess ħin, il-monitoraġġ mill-Kummissjoni tar-reġimi mingħajr viża tal-UE wera li l-ivvjaġġar mingħajr viża jista’ jkun ukoll is-sors ta’ sfidi sinifikanti ta’ migrazzjoni u sigurtà, li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Dan ir-rapport ikompli jagħti attenzjoni speċifika lill-allinjament tal-politika dwar il-viżi, l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment, il-kooperazzjoni fir-riammissjoni, u l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi. L-għan ewlieni tal-eżenzjonijiet mill-viża li l-UE tat lil pajjiżi terzi huwa li jiffaċilitaw l-ivvjaġġar billi jiżguraw dħul mingħajr viża u soġġorni qosra fiż-żona Schengen għal perjodu massimu ta’ 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Il-persuni li jirrappreżentaw riskju għas-sigurtà għall-UE u l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jitħallew jivvjaġġaw mingħajr viża lejn iż-żona Schengen, u l-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali jew li jistabbilixxu ruħhom għal perjodu itwal fl-UE għandhom jużaw il-perkorsi legali disponibbli.

F’Ottubru 2023, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża 2 biex tindirizza aħjar l-isfidi marbuta ma’ skemi mingħajr viża u kwalunkwe abbuż possibbli ta’ vjaġġar mingħajr viża billi tagħmel il-mekkaniżmu aktar faċli biex jiskatta u jżid l-effett deterrenti tiegħu. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jikkonkludu malajr in-negozjati dwar il-proposta u jiżguraw l-adozzjoni tagħha.

Kamp ta’ applikazzjoni tar-Rapport – approċċ strateġiku u globali ġdid

Il-monitoraġġ kontinwu mill-Kummissjoni tar-reġimi mingħajr viża tal-UE huwa kompitu ewlieni għall-funzjonament tajjeb tal-politika tal-UE dwar il-viżi u s-sigurtà ġenerali taż-żona Schengen. L-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2018/1806 (ir-“Regolament dwar il-Viża”) 3 jirrikjedi li l-Kummissjoni tiżgura monitoraġġ xieraq tal-issodisfar kontinwu tar-rekwiżiti għall-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża minn dawk il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom kisbu aċċess mingħajr viża għaż-żona Schengen wara l-ikkompletar b’suċċess ta’ djalogu dwar liberalizzazzjoni tal-viża, u li tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Għal dan l-għan, mill-2017 ’l hawn, il-Kummissjoni adottat sitt rapporti taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża 4 , li jkopru s-sħab mingħajr viża fil-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja) u fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant (il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova – imsemmija hawn taħt bħala “il-Moldova” – u l-Ukrajna). 

B’segwitu għal Komunikazzjoni ta’ Mejju 2023 5 , is-sitt rapport adotta approċċ usa’, sabiex jiġi żgurat li l-monitoraġġ u r-rappurtar ikunu aktar komprensivi u strateġiċi, u għalhekk imorru lil hinn mill-viċinat tal-UE u jkopru l-pajjiżi terzi kollha mingħajr viża li jippreżentaw sfidi speċifiċi li, jekk ma jiġux indirizzati, jistgħu jwasslu għall-iskattar tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni wessgħet l-ambitu ġeografiku għall-ewwel darba billi rrappurtat ukoll dwar sitt pajjiżi terzi mingħajr viża li joperaw skemi taċ-ċittadinanza b’investiment, jiġifieri Antigua u Barbuda, Dominica, Grenada, Saint Kitts u Nevis, Saint Lucia, u Vanuatu 6 .

Il-viċinat tal-UE

Dan is-seba’ rapport, kif meħtieġ mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament dwar il-Viża, ikompli jinkludi valutazzjoni sħiħa tal-konformità kontinwa mar-rekwiżiti ta’ liberalizzazzjoni tal-viża għall-Georgia u l-Ukrajna, peress li kkompletaw id-djalogi rispettivi tagħhom dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża inqas minn seba’ snin ilu. Barra minn hekk, wara l-konklużjoni b’suċċess tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża bejn l-UE u l-Kosovo u l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għall-Kosovo mill-1 ta’ Jannar 2024 7 , dan ir-rapport jinkludi wkoll l-ewwel analiżi prospettiva dwar il-konformità kontinwa tal-Kosovo mar-rekwiżiti ta’ liberalizzazzjoni tal-viża.

Fir-rigward tal-pajjiżi li kkompletaw djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża aktar minn seba’ snin ilu 8 (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja), ir-rapport ikompli jindika sfidi speċifiċi li jirriżultaw mill-ivvjaġġar mingħajr viża u/jew li jirrappreżentaw riskji speċifiċi għall-migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE, bħall-allinjament tal-politika dwar il-viżi, l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment, il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, jew l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi.

Għas-sħab tat-tkabbir kollha, il-kwistjonijiet relatati mal-parametri referenzjarji li ġew indirizzati permezz tad-djalogi kkompletati dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża huma vvalutati bħala parti mill-proċess ta’ tkabbir, skont il-Kapitolu 23, Ġudikatura u Drittijiet Fundamentali, u l-Kapitolu 24, Ġustizzja, Libertà u Sigurtà, u huma rrappurtati fil-fond fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir. Mill-2024, erba’ pajjiżi tat-tkabbir (l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja) ġew inklużi wkoll fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt.

Bħala parti mill-Aġenda għar-Riforma tagħhom skont il-Pjan ta’ Tkabbir għall-Balkani tal-Punent, is-sħab tal-Balkani tal-Punent impenjaw ruħhom li jagħmlu riformi dwar l-“elementi fundamentali” tal-proċess ta’ adeżjoni, li jinkludu impenji konkreti dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-allinjament tal-politika dwar il-viżi.

Fir-rigward tal-Balkani tal-Punent, ir-rapport jibni fuq l-implimentazzjoni kontinwa tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni skont il-pjan ippreżentat mill-Kummissjoni fil-5 ta’ Diċembru 2022 9 . Il-Pjan ta’ Azzjoni wieġeb, fost sfidi oħra, għaż-żieda fil-migrazzjoni irregolari lejn l-UE permezz tar-rotta tal-Balkani tal-Punent fl-2022. Din iż-żieda fil-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri mir-reġjun kienet parzjalment dovuta għal movimenti sekondarji minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu waslu mingħajr viża fil-Balkani tal-Punent, waqt li kienu qed jivvjaġġaw lejn l-UE. L-implimentazzjoni konġunta tal-Pjan ta’ Azzjoni bejn l-UE u r-reġjun ikkontribwiet għat-tnaqqis fil-pressjoni migratorja bi kważi terz tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent fl-2023 meta mqabbel mal-2022, u bi tnaqqis ieħor ta’ 79 % skont id-data preliminari fl-ewwel 9 xhur tal-2024 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2023. Din l-implimentazzjoni konġunta kkontribwiet ukoll biex tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u s-sħab tal-Balkani tal-Punent dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni. Il-Pjan ta’ Azzjoni jkopri l-ġestjoni tal-fruntieri, il-kapaċitajiet ta’ ażil u ta’ akkoljenza, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u r-ritorni kif ukoll l-allinjament tal-politika dwar il-viżi.

B’mod ġenerali, inżamm pass tajjeb ta’ twettiq f’dawn l-oqsma ta’ politika kollha, bis-saħħa ta’ involviment u sensibilizzazzjoni mtejbin mas-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent fil-livelli kollha. Madankollu, jeħtieġ li titkompla l-ħidma. Il-migrazzjoni irregolari tibqa’ sfida għas-sħab tal-Balkani tal-Punent. Ir-rekwiżiti ta’ viża ġew introdotti mill-ġdid fir-reġjun – fl-aħħar tal-2022 u fil-bidu tal-2023 – għal xi nazzjonalitajiet ewlenin wara ż-żieda fil-wasliet irregolari fl-2022. Madankollu, l-iżgurar ta’ aktar allinjament tal-politika dwar il-viżi u t-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-wasliet mingħajr viża fir-reġjun jibqgħu meħtieġa. Il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar ta’ bnedmin kif ukoll l-iżgurar ta’ ritorni effettivi jibqgħu prijoritajiet ewlenin. Il-Kummissjoni żiedet l-appoġġ finanzjarju tagħha b’finanzjament totali għal attivitajiet relatati mal-migrazzjoni fir-reġjun taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) li jammonta għal EUR 351,9 miljun (2021-2024). Dan jinkludi l-programmi reġjonali “Appoġġ tal-UE għat-Tisħiħ tal-Ġlieda kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti u t-Traffikar ta’ Bnedmin fil-Balkani tal-Punent” (EUR 36 miljun), “Appoġġ Reġjonali tal-UE għas-Sistemi ta’ Ġestjoni tal-Migrazzjoni Li Jqisu l-Protezzjoni fil-Balkani tal-Punent – il-FAŻI III” (EUR 19,2 miljun), u “Appoġġ Reġjonali tal-UE għas-Sigurtà tal-Fruntieri fil-Balkani tal-Punent” (EUR 7 miljun).

Ir-rapport huwa bbażat fuq kontributi mis-sħab koperti, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mid-delegazzjonijiet tal-UE, mill-aġenziji rilevanti tal-UE għall-ġustizzja u l-affarijiet interni 10 u mill-Istati Membri 11 . Dawn il-kontributi ntużaw fil-valutazzjonijiet rilevanti li jinsabu fir-rapport. Dan is-seba’ rapport jivvaluta l-azzjonijiet meħuda mis-sħab ikkonċernati fl-2023, b’aġġornamenti għall-2024, li tqiesu li għandhom impatt sinifikanti fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din is-sena. Huwa jirrapporta wkoll dwar il-kooperazzjoni operazzjonali mal-UE u mal-Istati Membri 12 , u jinkludi ħarsa ġenerali lejn ix-xejriet tal-migrazzjoni 13 li jirriflettu d-data tal-Eurostat għas-sena statistika tal-2023, inklużi bidliet meta mqabbla mal-2022.

L-Amerka Latina u l-Karibew

Kif sar fis-sitt rapport, u diġà qed isegwi l-approċċ il-ġdid stabbilit fil-proposta leġiżlattiva dwar ir-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni 14 , dan ir-rapport ikopri wkoll żoni ġeografiċi oħra lil hinn mill-viċinat tal-UE, filwaqt li jiffoka fuq il-pajjiżi mingħajr viża fejn tfaċċaw kwistjonijiet speċifiċi u fejn tista’ tkun meħtieġa aktar kooperazzjoni biex jiġu indirizzati sfidi speċifiċi għall-migrazzjoni u/jew is-sigurtà li jistgħu jiġu vvalutati taħt il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża. F’dan ir-rigward, dan ir-rapport ikompli jivvaluta l-pajjiżi mingħajr viża li joperaw skemi taċ-ċittadinanza b’investiment fil-Karibew tal-Lvant u jippreżenta valutazzjoni tal-pajjiżi mingħajr viża fl-Amerka Latina.

Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni Konġunta tal-2023 dwar Aġenda Ġdida għar-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew 15 , l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew huma sħab naturali, li huma magħqudin permezz ta’ rabtiet storiċi u kulturali uniċi, rabtiet ekonomiċi u soċjali profondi u impenn konġunt għall-paċi, id-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-multilateraliżmu. In-nies huma fiċ-ċentru ta’ din is-sħubija: il-mobbiltà u l-kuntatti bejn il-persuni huma elementi ewlenin biex jissaħħu dawk ir-rabtiet. Fl-istess ħin, il-monitoraġġ mill-Kummissjoni tar-reġimi mingħajr viża tal-UE mas-sħab tal-Amerka Latina u tal-Karibew wera xi sfidi speċifiċi għall-migrazzjoni u s-sigurtà. Dawn l-isfidi jirriżultaw b’mod partikolari mill-operat ta’ skemi taċ-ċittadinanza b’investiment minn ħames pajjiżi fil-Karibew tal-Lvant, u mill-għadd dejjem jikber ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi li jiġu ppreżentati fl-UE minn ċittadini ta’ xi pajjiżi tal-Amerka Latina. L-aħħar żewġ taqsimiet ta’ dan ir-rapport jippreżentaw il-valutazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dawn l-isfidi u r-rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu indirizzati.



I.IL-VIĊINAT TAL-UE

1.mingħajr viża għal inqas minn 7 snin

IL-GEORGIA

1.Allinjament tal-politika dwar il-viżi

Il-Georgia għandha reġim mingħajr viża ma’ 25 pajjiż li jinsabu fil-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża 16 : L-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Bahrain, il-Belarussja, il-Belize, il-Botswana, iċ-Ċina (ftehim dwar l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża ffirmat f’April 2024), ir-Repubblika Dominicana, l-Ekwador, l-Iran, il-Ġordan, il-Każakistan, il-Kuwajt, il-Kirgistan, il-Libanu, l-Oman, il-Qatar, ir-Russja, l-Arabja Sawdija, l-Afrika t’Isfel, it-Taġikistan, it-Tajlandja, it-Turkija, it-Turkmenistan, u l-Użbekistan.

Il-Georgia ma għamlet l-ebda progress lejn aktar allinjament tal-politika dwar il-viżi; għall-kuntrarju, bl-iffirmar tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża maċ-Ċina f’April 2024, id-diverġenza mal-politika tal-UE dwar il-viżi żdiedet. Il-Georgia ssostni li, peress li ma taqsam l-ebda fruntiera diretta fuq l-art mal-UE, in-nuqqas ta’ allinjament tal-politika dwar il-viżi tagħha ma joħloqx riskju għall-UE f’termini ta’ migrazzjoni irregolari jew sigurtà. Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li l-allinjament tal-politika dwar il-viżi huwa objettiv ewlieni għall-pajjiżi kollha fil-viċinat tal-UE u mal-għanijiet ta’ sħubija fl-UE. B’hekk, il-Kummissjoni tistenna li l-Georgia tagħmel progress fl-allinjament tal-politika dwar il-viżi.

2.Sigurtà tad-dokumenti, inkluża l-bijometrika

Il-Georgia ilha toħroġ passaporti bijometriċi mill-2010. Il-passaporti mhux bijometriċi se jitneħħew kompletament sal-1 ta’ Jannar 2025, meta jiskadu l-aħħar passaporti li bħalissa jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni 17 . Bħala parti mill-kooperazzjoni mal-Interpol, il-Georgia tiskambja informazzjoni dwar passaporti mitlufa u misruqa.

F’Diċembru 2023, għaddiet liġi li tawtorizza l-irtirar sal-1 ta’ Lulju 2024 ta’ karti tal-identità mhux elettroniċi li nħarġu qabel it-28 ta’ Lulju 2011 u s-sostituzzjoni tagħhom b’karti tal-identità elettroniċi.

3.Ġestjoni integrata tal-fruntieri, ġestjoni tal-migrazzjoni, ażil

F’Marzu 2023, il-Georgia adottat l-Istrateġija għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għall-2023-2027 u, f’Awwissu 2023, adottat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Istrateġija għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għall-2023-2027. Il-Georgia kompliet tinvesti fl-iżvilupp tas-sigurtà tal-fruntieri, fost oħrajn, billi ħolqot Unità ta’ Rispons Rapidu fil-Muntanji fl-2023. Tnieda pjan ta’ kooperazzjoni dwar is-sorveljanza fil-fruntieri ma’ Stat Membru tal-UE, u ma’ Stat Membru ieħor tal-UE ġie ffirmat ftehim tekniku dwar il-kooperazzjoni navali li jinvolvi l-Gwardja tal-Kosta tal-Georgia.

Il-Georgia għandha rekord ta’ kooperazzjoni strutturata mal-Frontex. L-osservaturi tal-Frontex huma bbażati f’ħames punti ta’ qsim tal-fruntieri (l-ajruporti ta’ Tbilisi u ta’ Kutaisi, il-qsim tal-fruntiera fuq l-art ta’ Sarpi u staġjonalment fl-ajruport u l-port tal-baħar ta’ Batumi). Fl-2023, total ta’ 28 uffiċjal tal-Frontex ġew skjerati fil-Georgia. Uffiċjali tal-pulizija Georgjani ġew skjerati fi 12-il ajruport tal-Istati Membri (total ta’ 24 uffiċjal fl-2023). L-għan ewlieni ta’ din il-kooperazzjoni huwa li jiġi evitat l-abbuż tal-ivvjaġġar mingħajr viża miċ-ċittadini Georgjani, inkluż billi jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi (ara hawn taħt).

Il-Georgia hija membru tan-Network ta’ Analiżi tar-Riskju tas-Sħubija tal-Lvant, pjattaforma reġjonali mmexxija mill-Frontex għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-intelligence. L-Akkademja tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni tal-Georgia ilha li ngħatat l-Istatus ta’ Akkademja ta’ Sħubija tal-Frontex mill-2019. Il-Georgia pparteċipat fil-Punti ta’ Koordinazzjoni bl-Ajru, l-Art u l-Baħar tal-Operazzjonijiet Konġunti tal-2023 permezz ta’ skambju tal-aħjar prattiki u żjarat/skjerament ta’ esperti tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-Frontex. Il-kooperazzjoni mal-Frontex inkludiet ukoll programmi ta’ taħriġ (pereżempju Briefing Imfassal Apposta dwar il-Frodi tad-Dokumenti u l-Imposturi), żjarat ta’ studju, pariri minn esperti u skambji taħt il-programm Skambju tal-Persunal 2023.

Kompliet il-kooperazzjoni bilaterali/multilaterali mal-Istati Membri dwar il-ġestjoni tal-fruntieri/il-migrazzjoni, li kienet tinkludi kuntatti/żjarat ta’ livell għoli, skjerament ta’ uffiċjali ta’ kollegament tal-Istati Membri fil-Georgia, taħriġ speċjalizzat u pariri minn esperti b’enfasi fuq l-identifikazzjoni ta’ dokumenti falsifikati u l-ġlieda kontra n-networks tal-kriminalità organizzata li jispeċjalizzaw fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti.

Il-Georgia implimentat ir-rakkomandazzjoni tas-Sitt Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża u ngħaqdet mal-Pjan ta’ Azzjoni Operazzjonali tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) dwar il-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti għas-snin 2024–2025. Fl-2023, hija pparteċipat f’6 Pjanijiet ta’ Azzjoni Operazzjonali (OAPs, Operational Action Plans) u 77 Programm Operazzjonali (OP, Operational Actions). Il-kooperazzjoni fi ħdan l-iskema EMPACT irriżultat ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġett “Għotja ta’ Valur Baxx (LVG, Low Value Grant)” li jiffoka fuq il-ġlieda kontra l-gruppi Georgjani tal-kriminalità organizzata fl-UE.

Dwar ir-riammissjoni u r-ritorn, bosta Stati Membri tal-UE u l-Frontex indikaw kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Georgjani. Il-Georgia aċċettat regolarment operazzjonijiet ta’ ritorn kemm permezz ta’ titjiriet tat-tip charter kif ukoll skedati. Il-Georgia għamlet ukoll l-iskorti tagħha disponibbli, meta ġew mitluba, għall-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn bi ġbir. Barra minn hekk, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Ministeru għall-Affarijiet Interni tal-Georgia estendew il-kooperazzjoni tagħhom mal-Frontex dwar l-identifikazzjoni ta’ persuni ripatrijati li ma jkollhomx dokumenti tal-ivvjaġġar billi ħarrġu l-Korp Permanenti u l-Istati Membri dwar l-użu tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Każijiet ta’ Riammissjoni tal-Georgia għas-sottomissjoni elettronika ta’ talbiet għall-identifikazzjoni tagħhom.

Il-Georgia kompliet bl-isforzi tagħha biex tindirizza l-kwistjoni tal-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi li ġew ippreżentati miċ-ċittadini tagħha fl-Istati Membri tal-UE. Abbażi ta’ emendi tal-2021 għal-Liġi dwar ir-regoli għaċ-ċittadini Georgjani fir-rigward tat-tluq u d-dħul fil-Georgia, l-awtoritajiet Georgjani komplew iwettqu “verifiki ta’ kontroll tal-ħruġ” fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-Georgia. Mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-1 ta’ April 2024, total ta’ 7 910 ċittadini tal-Georgia, li kellhom l-intenzjoni li jivvjaġġaw lejn l-UE, twaqqfu fil-fruntiera. L-awtoritajiet Georgjani komplew jindirizzaw il-migrazzjoni irregolari bi prosekuzzjoni kriminali tal-persuni u l-gruppi li jkunu involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, inklużi dawk involuti fl-għoti ta’ informazzjoni falza għal talbiet għall-ażil fl-UE. Kien hemm 3 persuni ġew ikkundannati fl-2023 (11 fl-2022).

Il-Georgia kkooperat ukoll mal-IOM, fi sħubija mal-UNHCR, dwar il-proġett “Governanza Effettiva tal-Migrazzjoni għar-Ritorn u r-Riintegrazzjoni Sostenibbli taċ-Ċittadini Georgjani” biex tappoġġa ritorn u riintegrazzjoni sikuri, ordnati u sostenibbli taċ-ċittadini Georgjani, u mal-IOM/mad-WHO dwar il-migrazzjoni xprunata mis-saħħa mill-Georgia u l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi fiż-żona Schengen (taħt il-proġett “Georgia Cares”).

4.Monitoraġġ tax-xejriet fil-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, ir-ritorni u r-riammissjoni 

Fl-2023, l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati minn ċittadini tal-Georgia fl-Istati Membri naqas bi 8 % meta mqabbel mal-2022, b’24 375 applikazzjoni ppreżentata fl-2023 (26 555 fl-2022). Ir-rata ta’ rikonoxximent 18 ta’ 7 % fl-2023 baqgħet stabbli meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.

Fl-2023, kien hemm 10 qasmiet mhux awtorizzati tal-fruntieri minn ċittadini Georgjani lejn Stati Membri tal-UE, meta mqabbla ma’ 20 fl-2022. Fl-2023, l-għadd ta’ ċittadini Georgjani li nstabu li kienu qed joqogħdu irregolarment fl-Istati Membri żdied bi 12 %, b’24 595 persuna fl-2023 meta mqabbel ma’ 22 005 fl-2022. L-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul li nħarġu għaċ-ċittadini Georgjani naqas bi 8 %, minn 4 015 fl-2022 għal 3 680 fl-2023.

Fl-2023, l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn li nħarġu għaċ-ċittadini tal-Georgia kompla jiżdied, b’20 240 ordni maħruġa fl-2023 meta mqabbla ma’ 17 415 maħruġa fl-2022, li hija żieda ta’ 16 %. L-istess xejra kienet preżenti fir-rigward tal-għadd ta’ persuni ritornati (10 555 fl-2023 meta mqabbel ma’ 7 725 fl-2022, li hija żieda ta’ 37 %). Ir-rata ta’ ritorn tjiebet kemxejn, minn 44 % fl-2022 għal 52 % fl-2023.

Sors: L-Eurostat

5.Ordni pubbliku u sigurtà

Il-Georgia kompliet il-kooperazzjoni tagħha mal-Europol, żammet Uffiċjal ta’ Kollegament fil-Kwartieri Ġenerali tal-Europol u tipparteċipa f’seba’ proġetti analitiċi tal-Europol. Bejn Ġunju 2023 u Marzu 2024, 1 124 biċċa informazzjoni operattiva relatati ma’ aktar minn 13 161 persuna ġew kondiviżi mal-membri tal-Europol u l-pajjiżi sħab permezz tal- kanal tal-Applikazzjoni ta’ Network għall-Iskambju Sikur ta’ Informazzjoni (SIENA). Fil-qafas tal-kooperazzjoni mas-CEPOL, il-Georgia bbenefikat minn diversi programmi ta’ taħriġ speċjalizzat taħt il-proġett iffinanzjat mill-UE “Taħriġ u sħubija operattiva kontra l-kriminalità organizzata” (TOPCOP). Il-Georgia kompliet il-kooperazzjoni tagħha mal-Eurojust, u pparteċipat fi Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunti.

Il-Georgia kompliet timplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata għall-2021–2024 b’enfasi fuq il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u ċ-ċiberkriminalità. Wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-prevenzjoni tat-traffikar u ċ-ċirkolazzjoni illegali tal-armi u l-munizzjon ġiet indirizzata b’emendi legali. Il-Georgia kompliet tipparteċipa b’mod attiv fi gruppi ta’ ħidma u proġetti bħala membru tal-Interpol. Żewġ Stati Membri tal-UE offrew taħriġ lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi Georgjani dwar l-identifikazzjoni ta’ dokumenti falsifikati u l-identifikazzjoni ta’ vittmi ta’ sfruttament sesswali online.

Fi Frar 2023, il-Georgia adottat it-tieni Strateġija Nazzjonali dwar id-Drogi għall-2023-2030 (ispirata direttament mill-Istrateġija tal-UE dwar id-Drogi għall-2021-2025) u l-Pjan ta’ Azzjoni rispettiv tagħha għall-2023-2024. Il-Georgia kompliet il-kooperazzjoni tagħha mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi (EUDA, European Union Drugs Agency) abbażi ta’ arranġament ta’ ħidma tal-2022 kif ukoll fil-kuntest tal-proġett EU4MD II.

Il-Georgia kompliet timplimenta l-istrateġija nazzjonali kontra t-terroriżmu għall-2022-2026 u l-pjan ta’ azzjoni korrispondenti tagħha. Fl-2023, 12-il ċittadin Georgjan u 3 ċittadini ta’ pajjiżi terzi ġew arrestati fuq akkużi li kienu jagħmlu parti minn organizzazzjoni terroristika jew li kienu jappoġġawha. Fl-2023, il-Georgia ngħaqdet mal-programm tan-NU għall-Ġlieda Kontra l-Ivvjaġġar għall-iskop ta’ Terroriżmu “goTravel”. Il-Georgia kompliet tapplika wkoll l-istrateġija nazzjonali dwar il-Prevenzjoni, l-Identifikazzjoni u s-Soppressjoni tal-Ħasil tal-Flus, il-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (2023-2026) u l-pjan ta’ azzjoni tagħha. Fl-2023, il-Georgia espandiet il-kooperazzjoni tagħha mal-Europol dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, billi ngħaqdet mat-Tim ta’ Kollegament Konġunt Kontra t-Terroriżmu (CT JLT, Counter Terrorism Joint Liaison Team) tal-aġenzija u pparteċipat f’bosta proġetti ta’ analiżi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Is-Sitt Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża rrakkomanda li l-Georgia tadotta strateġija u pjan ta’ azzjoni ġodda kontra l-korruzzjoni, filwaqt li tiżgura riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tagħhom u tagħti attenzjoni speċjali għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, u l-aġġudikazzjoni ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. Il-Georgia għadha ma żviluppatx strateġija nazzjonali ġdida kontra l-korruzzjoni jew pjan ta’ azzjoni.

Is-Sitt Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża stipula li l-Georgia għandha tistabbilixxi Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi u Uffiċċju għall-Immaniġġjar tal-Assi u żżid l-isforzi tagħha għall-irkupru tal-assi. Minkejja l-kooperazzjoni tal-Georgia mal-Uffiċċji għall-Irkupru tal-Assi tal-UE, għad trid tiġi indirizzata rakkomandazzjoni biex jiġi stabbilit Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi. Lanqas ma hemm entità ddedikata li hija inkarigata speċifikament mill-immaniġġjar tal-assi rkuprati. L-assi sekwestrati huma mmaniġġjati mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Proprjetà tal-Istat.

Is-Sitt Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża rrakkomanda li l-Georgia tiżgura li l-leġiżlazzjoni dwar il-Bureau Kontra l-Korruzzjoni, is-Servizz Speċjali ta’ Investigazzjoni u s-Servizz ta’ Protezzjoni tad-Data Personali tindirizza rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni ta’ Venezja. L-emendi għal-Liġi dwar il-Bureau Kontra l-Korruzzjoni li ġew adottati f’Mejju 2024, jonqsu milli jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni ta’ Venezja, b’mod partikolari dawk relatati mal-indipendenza effettiva, in-newtralità politika u l-funzjonijiet tal-Bureau Kontra l-Korruzzjoni.

Il-Georgia tipparteċipa fil-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO, Group of States against Corruption). Wara r-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO, fl-2023 il-Georgia emendat il-Liġi dwar is-Servizz ta’ Prosekuzzjoni, filwaqt li estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ dikjarazzjoni tal-assi għall-prosekuturi kollha. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-GRECO dwar il-Georgia minn Lulju 2024 jinkludi rakkomandazzjonijiet rigward il-qafas strateġiku, il-verifiki tal-integrità u t-trasparenza.

6.Relazzjonijiet esterni u drittijiet fundamentali

Fil-perjodu ta’ rappurtar, il-Georgia adottat leġiżlazzjoni li l-applikazzjoni tagħha timmina d-drittijiet fundamentali. L-adozzjoni tal-Liġi “dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija” f’Mejju 2024, u l-adozzjoni tal-pakkett leġiżlattiv dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni” f’Settembru 2024 jimminaw il-qafas legali ġenerali għaż-żamma tad-drittijiet fundamentali. Iż-żewġ inizjattivi jiksru d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari d-drittijiet għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, espressjoni u privatezza.  Il-Liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija ġiet adottata f’Mejju 2024 minkejja opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja 19 u t-talbiet ripetuti tal-UE li jirrakkomandaw it-tħassir tal-liġi. Il-liġi timmina l-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ espressjoni, id-dritt għall-privatezza, id-dritt ta’ parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi kif ukoll il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni. Rekwiżiti ta’ rappurtar ikkumplikati u setgħat estensivi mogħtija lill-Ministeru tal-Ġustizzja fil-kontroll tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-media jżidu r-riskju ta’ applikazzjoni selettiva u arbitrarja.

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew issottolinja li l-liġi adottata “dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija” tirrappreżenta rigress fuq mill-inqas tlieta mid-disa’ passi stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għall-istatus ta’ kandidat (dwar id-diżinformazzjoni, dwar il-polarizzazzjoni, dwar id-drittijiet fundamentali u l-involviment tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili). Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li l-azzjoni tal-gvern tal-Georgia tipperikola l-perkors tal-Georgia lejn l-UE, li de facto twassal għal waqfien tal-proċess ta’ adeżjoni.

Fis-17 ta’ Settembru 2024, il-Parlament adotta pakkett leġiżlattiv li jikkonsisti fil-“Liġi dwar il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni” u 18-il emenda għal-liġijiet eżistenti, mingħajr konsultazzjonijiet pubbliċi minn qabel u analiżi bir-reqqa tal-konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Il-pakkett leġiżlattiv dwar il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni, li ġie ffirmat fit-3 ta’ Ottubru, jimmina d-drittijiet fundamentali tal-poplu Georgjan u jżid l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni. Bħala riżultat tal-attivitajiet leġiżlattivi u l-prevalenza kontinwa ta’ diskors ta’ mibegħda omofobika, il-persuni LGBTIQ fil-Georgia qed jiffaċċjaw atmosfera dejjem aktar ostili u stigmatizzanti.

Il-pjan ta’ azzjoni 2024-2026 għall-implimentazzjoni tal-istrateġija dwar id-drittijiet tal-bniedem ġie adottat wara proċess ta’ konsultazzjoni limitat u ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar il-persuni LGBTIQ u l-protezzjoni tal-privatezza. Il-pjan ta’ azzjoni jindirizza parzjalment il-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin. L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għadha ma bdietx, u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ma ġiex definit b’mod ċar.  Lakuni sinifikanti fil-qafas strateġiku fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi inkluża r-rappreżentanza tal-minoranzi għad iridu jiġu indirizzati.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2024 affermaw mill-ġdid li l-proċess ta’ adeżjoni tal-Georgia twaqqaf u stiednu lill-awtoritajiet Georgjani biex jadottaw riformi demokratiċi, komprensivi u sostenibbli, f’konformità mal-prinċipji ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija u l-pakkett leġiżlattiv dwar il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni peress li l-konformità mad-drittijiet fundamentali, inklużi l-implimentazzjoni effettiva u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni, huma rekwiżiti speċifiċi li abbażi tagħhom il-Georgia ngħatat il-liberalizzazzjoni tal-viża.

Wara r-rakkomandazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data tal-Ħames Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża, f’Ġunju 2023 ġiet adottata Liġi ġdida dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali li ġiet emendata f’Mejju 2024. Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni ta’ Venezja rigward l-indipendenza istituzzjonali, l-imparzjalità u s-setgħat tas-Servizz tal-Protezzjoni tad-Data Personali għadhom pendenti.

7.Rakkomandazzjonijiet

B’kont meħud tal-iżviluppi reċenti fil-Georgia, għaddejjin riflessjonijiet dwar l-attivazzjoni possibbli tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni. Sabiex tkompli tissodisfa l-parametri referenzjarji kollha tal-liberalizzazzjoni tal-viża u biex tevita l-attivazzjoni possibbli tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, jeħtieġ li l-Georgia tieħu azzjoni urġenti ulterjuri biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:

a)L-iżgurar u ż-żamma tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Georgjani kollha, inklużi l-libertajiet ta’ assoċjazzjoni, ta’ għaqda u ta’ espressjoni, id-dritt għall-privatezza, id-dritt ta’ parteċipazzjoni fl-affarijiet pubbliċi, kif ukoll il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

b)L-evitar u t-tħassir ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tista’ tirrestrinġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tikkontradixxi l-istandards Ewropej u internazzjonali rilevanti. B’mod partikolari, għandhom jitħassru l-Liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” u l-pakkett leġiżlattiv dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”, u tiġi emendata l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ jiġu sostnuti bis-sħiħ.

c)L-allinjament tal-politika tal-Georgia dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi bl-obbligu ta’ viża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pajjiżi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE.

d)Żieda fl-azzjoni biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi u soġġorni illegali fl-Istati Membri, bħal kampanji ta’ informazzjoni dwar ir-reġim mingħajr viża għal profili ta’ migranti rilevanti u verifiki aktar stretti fil-fruntieri.

e)L-istabbiliment ta’ Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi u Uffiċċju għall-Immaniġġjar tal-Assi, u t-tkomplija tal-isforzi fl-investigazzjoni, l-iffriżar, l-immaniġġjar, il-konfiska u d-disponiment tal-assi.

f)L-adozzjoni ta’ strateġija u pjan ta’ azzjoni ġodda kontra l-korruzzjoni, filwaqt li jiġu żgurati riżorsi adegwati għall-implimentazzjoni tagħhom u tingħata attenzjoni speċjali għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, u l-aġġudikazzjoni ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli.

g)    L-emendar tal-Liġi dwar il-Bureau Kontra l-Korruzzjoni biex jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni ta’ Venezja, b’mod partikolari dawk relatati mal-indipendenza effettiva, in-newtralità politika u l-funzjonijiet tal-Bureau Kontra l-Korruzzjoni.

h)L-allinjament tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali mal-acquis tal-UE.

L-UKRAJNA

1.Allinjament tal-politika dwar il-viżi

L-Ukrajna għandha reġim mingħajr viża ma’ 15-il pajjiż li jinsabu fil-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża: L-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Bahrain, il-Belarussja, l-Ekwador, il-Każakistan, il-Kuwajt, il-Kirgistan, il-Mongolja, l-Oman, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, it-Taġikistan, it-Turkija, u l-Użbekistan.

Ma sar l-ebda progress lejn aktar allinjament mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża fl-2023.

2.Sigurtà tad-dokumenti, inkluża l-bijometrika

L-Ukrajna ilha toħroġ passaporti bijometriċi mill-2015. L-aħħar passaporti mhux bijometriċi nħarġu fl-2016, u l-eliminazzjoni gradwali sħiħa tagħhom se sseħħ fl-2026, meta jiskadu. F’Mejju 2022, ġie żviluppat u operat software ta’ tneħħija tad-duplikazzjoni biex jiddefinixxi d-duplikati fis-Sistema Nazzjonali għall-Verifika u l-Identifikazzjoni Bijometrika ta’ ċittadini tal-Ukrajna, barranin, u persuni apolidi (NSBVI, National System for Biometric Verification and Identification), taħt l-amministrazzjoni tas-Servizz tal-Migrazzjoni tal-Istat tal-Ukrajna. Bħala riżultat tat-tneħħija tad-duplikazzjoni mwettqa, instabu 4 581 każ duplikat b’livell ta’ fiduċja għoli ħafna jew medju. Dan l-eżerċizzju kien kruċjali għall-identifikazzjoni ta’ frodi kif ukoll għall-ġestjoni xierqa tal-informazzjoni.

Kull ċittadin tal-Ukrajna jirċievi numru nazzjonali uniku, li qatt ma jinbidel (anke jekk il-persuna inkwistjoni tbiddel l-isem) u jiġi inkorporat f’kull dokument tal-identifikazzjoni, inklużi l-passaporti.

Minkejja l-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa kontra l-Ukrajna, fl-2023 kompla l-ħruġ ta’ dokumenti tal-identità, ħlief fit-territorji tal-Ukrajna li huma okkupati temporanjament mir-Russja, inkluża l-Krimea. Wara interruzzjoni temporanja fl-2022, fl-2023 l-Ukrajna reġgħet bdiet il-funzjonament tar-reġistru ta’ passaporti Ukreni invalidi; il-bażi tad-data tiġi aġġornata kuljum. L-iskambju ta’ informazzjoni dwar dokumenti misruqa u mitlufa bejn l-Ukrajna u l-Interpol qatt ma ġie interrott.

3.Ġestjoni integrata tal-fruntieri, ġestjoni tal-migrazzjoni, ażil

Sa mill-bidu tal-invażjoni fuq skala kbira tar-Russja, partijiet kbar tal-fruntieri internazzjonali Ukreni ġew okkupati mir-Russja. Total ta’ 110 punt ta’ qsim fil-fruntiera mar-Russja, il-Belarussja u s-segment Transnistrijan tal-fruntiera mal-Moldova baqgħu magħluqa. 49 punt ieħor f’territorji okkupati temporanjament mir-Russja ma għadhomx taħt il-kontroll tal-Ukrajna. Madankollu, fis-setturi taħt il-kontroll tal-gvern Ukren, il-ġestjoni tal-fruntieri kompliet mingħajr interruzzjoni.

L-Istrateġija għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għall-perjodu 2023-2025 ġiet emendata f’Lulju 2023. Il-pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ġie adottat f’Diċembru 2023. F’Ġunju 2023, ġiet adottata uffiċjalment metodoloġija nazzjonali għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-implimentazzjoni, maħsuba bl-assistenza ta’ esperti tal-UE. Sussegwentement ġie stabbilit grupp ta’ ħidma konġunt dwar il-kontroll tal-kwalità fil-ġestjoni tal-fruntieri, li jinkludi l-Frontex u l-Missjoni ta’ Konsulenza tal-UE (EUAM, European Union Advisory Mission) fl-Ukrajna fil-kapaċità ta’ osservatur.

Fl-2023, saru sforzi konsiderevoli biex jiġi aġġornat it-tagħmir tekniku tal-punti kollha ta’ qsim tal-fruntieri li baqgħu taħt il-kontroll tal-Ukrajna. Is-servizzi tal-fruntieri Ukreni rċevew minn xi Stati Membri tal-UE kwantitajiet sinifikanti ta’ tagħmir u taħriġ speċjalizzat. L-għotja tal-Frontex ta’ EUR 12 miljun b’appoġġ għas-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Istat tal-Ukrajna ġiet implimentata b’suċċess matul l-2023. It-tagħmir akkwistat kien kontribut tekniku solidu għaż-żamma tal-funzjonijiet ewlenin tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBM) tas-sħab istituzzjonali Ukreni. L-għotja ppermettiet kapaċitajiet akbar, b’mod partikolari fil-fruntieri tal-Punent tal-pajjiż, u wittiet it-triq għal attivitajiet operazzjonali konġunti mġedda. 

Kompliet il-viġilanza konġunta mas-servizzi tal-fruntieri ta’ xi Stati Membri tal-UE. 

F’Ġunju 2023, l-Ukrajna adottat żewġ liġijiet ġodda dwar il-migrazzjoni, li jaġġornaw, fost l-oħrajn, il-proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-permessi ta’ residenza u l-penali għal soġġorn irregolari.

Peress li l-aċċess bl-ajru u bil-baħar għall-Ukrajna huwa limitat, u t-territorju kollu, inklużi l-fruntieri, huma taħt il-liġi marzjali, tnaqqset kemm il-migrazzjoni regolari kif ukoll irregolari lejn, minn, u ġewwa l-Ukrajna. Fl-2023, ġew interċettati total ta’ 5 467 migrant irregolari fil-fruntieri mal-Ukrajna (12 094 fl-2022) u ġew skoperti 3 389 migrant irregolari fit-territorju tal-Ukrajna (5 062 fl-2022); fost dawn tal-aħħar, 45 % kienu ċittadini tar-Russja, l-Ażerbajġan u l-Moldova.

L-Ukrajna kompliet tiġġieled it-traffikar ta’ bnedmin u baqgħet involuta fl-implimentazzjoni tal-Pjan Komuni Kontra t-Traffikar biex tindirizza r-riskji tat-traffikar ta’ bnedmin u tappoġġa lill-vittmi potenzjali fost dawk li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. L-Ukrajna tieħu sehem attiv fil-laqgħat regolari tan-Network tal-UE ta’ Koordinaturi u Relaturi Nazzjonali u fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja mal-Istati Membri u l-Aġenziji tal-UE. Fl-2024, ipparteċipat f’19-il azzjoni operazzjonali li ġew organizzati fil-qafas tal-EMPACT (European Multi-disciplinary Platform Against Criminal Threats) u f’bosta skwadri ta’ investigazzjoni konġunti kontra gruppi tal-kriminalità organizzata li huma involuti fit-traffikar ta’ bnedmin. Minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi u l-aggressjoni militari Russa, iċ-ċittadini Ukreni għadhom vulnerabbli għat-traffikar. Għalhekk, l-azzjonijiet stabbiliti fil-Pjan Komuni Kontra t-Traffikar iridu jkomplu japplikaw.

Il-kooperazzjoni bejn l-Ukrajna u l-Frontex hija bbażata fuq l-arranġament ta’ ħidma li ġie ffirmat fl-2007. Fl-2023, il-Frontex kompliet tipprovdi pariri rilevanti fi ħdan il-mandat tagħha, filwaqt li tassisti lill-awtoritajiet Ukreni fir-rispons għal ħtiġijiet urġenti fir-rigward tal-bini tal-kapaċitajiet u għal proċess ta’ riflessjoni dwar il-qafas pluriennali l-ġdid tal-IBM.

Fl-2023, ma kien hemm l-ebda laqgħa tal-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni bejn l-UE u l-Ukrajna. Madankollu, l-iżvilupp tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni mal-Istati Membri tal-UE kompla fl-2023, bl-iffirmar ta’ protokolli dwar l-implimentazzjoni mar-Rumanija u l-Latvja.

L-Ukrajna kompliet il-kooperazzjoni mal-IOM, l-ICMPD u l-UNHCR.

L-applikazzjonijiet għall-ażil komplew jiġu eżaminati fl-Ukrajna. Madankollu, minn meta bdiet l-invażjoni fuq skala kbira Russa fl-24 ta’ Frar 2022, l-għadd ta’ applikazzjonijiet naqas b’mod sinifikanti; fl-2021, kien hemm 1198 applikazzjoni, iżda 205 biss fl-2022, u 109 fl-2023. Id-deċiżjonijiet pożittivi naqsu minn 157 fl-2021 għal 46 fl-2022, u 53 fl-2023. Sa tmiem l-2023, kien hemm 2 520 rifuġjat rikonoxxut jew persuna taħt protezzjoni sussidjarja li kienu residenti fl-Ukrajna.

4.Monitoraġġ tax-xejriet fil-migrazzjoni, il-protezzjoni temporanja, l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u r-riammissjoni

Wara l-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja 20 fl-2022, mill-5 ta’ Novembru 2 024l-għadd stmat ta’ reġistrazzjonijiet attivi għall-protezzjoni temporanja fis-27 Stat Membru, fin-Norveġja, fl-Iżlanda u fl-Iżvizzera, skont id-data mtella’ fuq il-Pjattaforma ta’ Protezzjoni Temporanja u mgħoddija permezz tan-Network tal-Blueprint, huwa ta’ 4 569 496, li minnhom 4 424 322 fl-Istati Membri tal-UE ġew irreġistrati 436 095 inattivi fuq il-pjattaforma. Il-Ġermanja, il-Polonja u ċ-Ċekja jibqgħu l-Istati Membri li jospitaw l-ogħla għadd ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja (aktar minn 1,13 miljun fil-Ġermanja, kważi miljun fil-Polonja, u kważi 400 000 fiċ-Ċekja). 21  Fl-2023, kien hemm 1 056 020 deċiżjoni li jagħtu protezzjoni temporanja fl-UE, li jikkorrispondu għal kwart tal-għadd ta’ deċiżjonijiet meħuda fl-2022. 22

Fl-2023, in-numru ta’ applikanti Ukreni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri kien ta’ 16 145, 46 % inqas milli fl-2022 (29 790). Ir-rata ta’ rikonoxximent baqgħet stabbli fl-2023 (88 %).

L-għadd ta’ ċittadini Ukreni li qasmu b’mod irregolari l-fruntiera tal-UE fl-2023 naqas bi 11 % (4 579 fl-2023 meta mqabbel ma’ 5 148 fl-2022). Fl-2023, 40 815-il ċittadin Ukren instabu li kienu qed joqogħdu irregolarment fl-UE (43 360 fl-2022, tnaqqis ta’ 6 %). L-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul għaċ-ċittadini Ukreni naqas b’37 %, minn 28 795 fl-2022 għal 18 235 fl-2023.

Sors: l-Eurostat

5.Ordni pubbliku u sigurtà

F’Mejju 2023, l-Ukrajna adottat il-Pjan Strateġiku Globali għar-Riforma tas-Settur Kollu tal-Infurzar tal-Liġi għall-2023-2027, b’objettivi ambizzjużi. F’Settembru u Ottubru 2023, l-Ukrajna adottat leġiżlazzjoni riveduta dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. F’Diċembru 2023, l-Ukrajna adottat leġiżlazzjoni ġdida dwar il-ġlieda kontra l-kuntrabandu ta’ merkanzija u l-evitar ta’ taxxi tas-sisa/dazji doganali; f’dan il-qasam, il-kuntrabandu tat-tabakk huwa meqjus bħala problema partikolarment serja mill-awtoritajiet Ukreni. F’Awwissu 2024, l-Ukrajna adottat il-Pjan ta’ Azzjoni, li se jimplimenta l-Istrateġija Globali għar-riforma tas-settur tal-infurzar tal-liġi.

Il-kooperazzjoni mal-UE dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata kompliet, inkluż permezz ta’ ħames Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta (SIK) mal-Istati Membri tal-UE fl-2023; fil-bidu tal-2024, inħolqu tmien SIK oħra mal-Istati Membri tal-UE. Saret ukoll kooperazzjoni intensiva taħt l-EMPACT (122 azzjoni operazzjonali). Il-kooperazzjoni mal-UE permezz tal-Europol kompliet b’aktar minn 28 000 messaġġ li ġew skambjati permezz tas-SIENA u b’bosta azzjonijiet operazzjonali, kontra diversi attivitajiet kriminali bħaċ-ċiberkriminalità (inkluża l-frodi fiċ-ċibermuniti), il-kuntrabandu ta’ prekursuri tad-droga, il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, it-traffikar ta’ bnedmin, il-kummerċ illeċitu tal-armi tan-nar.

Saru sforzi biex jittejbu r-reġistrazzjoni u l-kontroll taċ-ċirkolazzjoni tal-armi; f’Ġunju 2023 beda jopera Reġistru Unifikat tal-Armi.

Fil-5 ta’ Lulju 2024, il-Kabinett tal-Ministri approva abbozz ta’ regolament li ġie żviluppat mill-Ministeru għall-Affarijiet Interni biex jinħoloq Ċentru ta’ Koordinazzjoni għall-Ġlieda kontra ċ-Ċirkolazzjoni Illegali tal-Armi tan-Nar, il-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom biex iservi bħala korp konsultattiv temporanju taħt il-Kabinett tal-Ministri. L-objettivi primarji taċ-Ċentru jinkludu l-koordinazzjoni tal-isforzi ta’ diversi aġenziji tal-Istat involuti fiċ-ċirkolazzjoni tal-armi tan-nar, l-iffaċilitar tal-iskambju ta’ informazzjoni, u l-iżvilupp ta’ regolamenti bbażati fuq l-aħjar prattiki internazzjonali. Din l-inizjattiva hija allinjata mar-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea, kif deskritt fil-Pakkett tat-Tkabbir tal-2023.

Hemm ukoll kooperazzjoni operazzjonali bejn l-UE u l-Ukrajna f’dan il-qasam, inkluż minn grupp ta’ ħidma fil-Grupp ta’ Esperti Ewropej tal-Armi tan-Nar (EFE, European Experts on Firearms) li huwa magħmul mill-Ukrajna, ħames Stati Membri tal-UE u l-Europol. L-UE pprovdiet taħriġ u pariri minn esperti taħt il-koordinazzjoni tal-EUAM. Is-suġġett tat-traffikar tal-armi tan-nar u armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW, small arms and light weapons) oħra ilu jiġi indirizzat mill-2019 mis-SEAE, inkluż permezz ta’ proġett li ġie implimentat mill-OSKE (“B’appoġġ għall-isforzi tal-Ukrajna għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi, il-munizzjon u l-isplussivi”). Il-proġett jibni fuq l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW” tal-2018 u jsaħħaħ il-kapaċitajiet tas-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntieri tal-Istat tal-Ukrajna, il-Ministeru għall-Affarijiet Interni tal-Ukrajna u s-Servizz Fiskali tal-Istat/is-Servizz Doganali tal-Istat tal-Ukrajna fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi, munizzjon u splussivi fl-Ukrajna. It-traffikar tal-armi tan-nar huwa diskuss ukoll fil-qafas tad- “djalogu dwar is-sigurtà interna bejn l-UE u l-Ukrajna”, mill-2023, wara l-istatus ta’ kandidat tal-Ukrajna.

F’konformità mal-“Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom” tal-2018, l-UE taħdem kontinwament mal-Ukrajna biex tipprevjeni d-devjazzjoni tal-armi tan-nar u s-SALW, il-munizzjon u l-isplussivi tagħhom. L-involviment tal-UE fl-indirizzar tar-riskju ta’ traffikar illeċitu tas-SALW u l-munizzjon tagħhom kien iffukat fuq l-oqsma li ġejjin: a) appoġġ ipprovdut permezz ta’ Deċiżjonijiet li għaddejjin tal-Kunsill tal-PESK, implimentati mill-OSKE, l-UNDP SEESAC, u l-Conflict Armament Research; b) l-implimentazzjoni tal- “Lista ta’ Azzjonijiet biex jiġu miġġielda l-armi tan-nar u devjazzjoni oħra tas-SALW fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna” tal-UE; c) il-monitoraġġ tal-użu aħħari tal-assistenza militari pprovduta taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi. L-UE taħdem ukoll flimkien mal-Ukrajna u mas-sħab internazzjonali fil-qafas tad-djalogu dwar is-sigurtà interna bejn l-UE u l-Ukrajna; Quad + laqgħat tal-UE mal-Ukrajna; Grupp ta’ Diretturi għan-Nonproliferazzjoni tal-G7; u djalogi regolari ma’ pajjiżi terzi dwar il-kontroll tal-armi konvenzjonali.

Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tad-droga, l-Istrateġija Politika tal-Istat dwar id-Drogi għall-perjodu 2023–2030, għadha ma ġietx adottata. L-Ukrajna kompliet il-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam mal-EUDA abbażi ta’ arranġament ta’ ħidma tal-2022, kif ukoll fil-kuntest tal-proġett EU4MD II, l-Europol, fi ħdan l-EUBAM, u fil-qafas tal-EMPACT.

Fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità (speċjalment is-serq ta’ fondi permezz ta’ qerq u/jew hacking), l-Ukrajna kkooperat b’mod intensiv mal-Istati Membri tal-UE, l-Europol u l-Eurojust, iżda wkoll mal-aġenziji tal-Istati Uniti u ma’ pajjiżi terzi (pereżempju l-Georgia).

B’konsegwenza tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, is-sistema tal-ġustizzja ffaċċjat għadd mingħajr preċedent ta’ każijiet marbuta ma’ delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità. Waħda mill-konsegwenzi kienet il-ħolqien, f’April 2023, taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għall-Appoġġ tal-Vittmi u x-Xhieda. Konsegwenza oħra tal-aggressjoni militari Russa kienet żieda fl-għadd ta’ atti ta’ sabotaġġ u terroriżmu (187 fl-2023), speċifikament immirati lejn l-infrastrutturi kritiċi Ukreni, li komplew ixekklu r-riżorsi tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà, kif ukoll dawk tas-sistema ġudizzjarja kollha kemm hi.

Fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-Ukrajna kompliet tapplika l-Istrateġija Kontra l-Korruzzjoni għall-2021-2025 u l-Programm Statali Kontra l-Korruzzjoni għall-2023-2025. F’Awwissu 2023, ġiet adottata l-Istrateġija għall-Irkupru tal-Assi għall-2023-2025 u l-pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha ġie adottat mill-gvern f’Awwissu 2024.

F’Diċembru 2023, ġiet adottata liġi ġdida dwar it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-Bureau Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni tal-Ukrajna (NABU, National Anti-Corruption Bureau of Ukraine), li żiedet il-persunal tan-NABU minn 700 għal 1 000 persuna. Min-naħa l-oħra, minkejja r-rakkomandazzjoni maħruġa fir-Rapporti preċedenti dwar il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża, kien għadu ma sar l-ebda progress fl-istabbiliment ta’ kapaċitajiet awtonomi ta’ interċettazzjoni telefonika min-NABU. F’Lulju 2023, in-NABU ffirma ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).

Fl-1 ta’ Jannar 2024, ġiet adottata l-liġi dwar it-tisħiħ tal-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat Kontra l-Korruzzjoni (SAPO, Specialised Anti-Corruption Prosecutor’s Office); hija tipprovdi lis-SAPO bl-istatus ta’ entità legali separata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali u tiddefinixxi l-proċedura għall-għażla kompetittiva għall-ħatra għal pożizzjonijiet amministrattivi fis-SAPO u għall-karigi ta’ prosekuturi, inkluż il-kap tas-SAPO.

F’Marzu 2023, l-Ukrajna emendat il-leġiżlazzjoni dwar l-għażla u t-tħejjija tal-prosekuturi, filwaqt li tejbet il-mekkaniżmu għar-reklutaġġ u l-proċeduri dixxiplinari.

Miżuri leġiżlattivi oħra relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni li ġew adottati fl-2023 kienu jinkludu xi emendi għal-leġiżlazzjoni dwar ir-regolamentazzjoni tal-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali, u r-restawr tal-obbligi ta’ rappurtar dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi kif ukoll emendi legali għar-restawr tad-dikjarazzjoni tal-assi minn uffiċjali pubbliċi.

Fl-2023, in-NABU fetaħ 257 investigazzjoni (meta mqabbla ma’ 187 fl-2022). Abbażi tar-riżultati tal-investigazzjoni tan-NABU, u taħt il-gwida proċedurali tas-SAPO, fl-2023 kien hemm 100 att tal-akkuża li ġew ippreżentati lill-Qorti Għolja Kontra l-Korruzzjoni (meta mqabbel ma’ 54 fl-2022); il-qorti ħarġet 44 kundanna finali (inkluż kontra 4 mħallfin, 1 Membru tal-Parlament, 2 viċi ministri u 1 impjegat taċ-ċivil tal-ogħla kategorija (A)

F’Ġunju 2024, il-liġi li tirrevedi l-bażi legali tal-Bureau tas-Sigurtà Ekonomika tal-Ukrajna daħlet fis-seħħ filwaqt li żviluppat proċess miftuħ, trasparenti u kompetittiv għall-għażla tal-maniġment u l-persunal, l-iskrutinju fuq il-persunal kif ukoll awditu indipendenti tal-prestazzjoni, u għalhekk ikkontribwiet għat-tisħiħ tal-akkontabilità, l-integrità u l-professjonaliżmu fil-ġlieda kontra r-reati ekonomiċi.

6.Relazzjonijiet esterni u drittijiet fundamentali

B’mod ġenerali, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa żgurat u l-Ukrajna wriet l-impenn tagħha li tipproteġihom u tkompli tallinja mal-istandards tal-UE, minkejja r-restrizzjonijiet minħabba l-gwerra kontinwa u l-liġi marzjali. Il-liġi marzjali wasslet għal xi restrizzjonijiet ta’ drittijiet u libertajiet, iżda dawn baqgħu fil-biċċa l-kbira proporzjonati mas-sitwazzjoni tas-sigurtà u ġeneralment ġew applikati b’kawtela.

L-Ukrajna għamlet progress sinifikanti lejn ir-ratifika tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali billi adottat il-liġi dwar ir-ratifika għall-Istatut ta’ Ruma u għamlet passi lejn l-allinjament tal-leġiżlatura domestika mal-obbligi internazzjonali.

L-Ukrajna tkompli timplimenta l-proġett tal-Kunsill tal-Ewropa “Il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda fl-Ukrajna” għall-2023-2025. L-għan tal-proġett huwa li jsaħħaħ ir-rimedji legali nazzjonali kontra d-diskriminazzjoni u l-mibegħda, inkluż it-titjib tal-forom ta’ kumpens għall-vittmi.

Wara r-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul), l-Ukrajna adottat emendi għall-Kodiċi dwar ir-Reati Amministrattivi f’Mejju 2024 biex il-leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza domestika ssir konformi mal-Konvenzjoni.

Bħala riżultat tal-invażjoni fuq skala kbira tar-Russja u l-immirar intenzjonat tal-popolazzjoni ċivili u l-infrastruttura ċivili, l-għadd ta’ persuni b’diżabbiltà qed ikompli jiżdied fost il-forzi militari u l-popolazzjoni ċivili. F’Ġunju 2023, l-Ukrajna adottat liġi ġdida dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà li kienu jeħtieġu assistenza minn fondi speċjalizzati. Il-liġi l-ġdida kienet akkumpanjata minn sforz baġitarju biex tiġi ffinanzjata l-assistenza lill-persuni b’diżabbiltà.

Fit-8 ta’ Diċembru 2023, l-Ukrajna emendat il-leġiżlazzjoni dwar il-minoranzi nazzjonali, billi introduċiet bidliet sostanzjali fil-Liġijiet dwar il-minoranzi nazzjonali (Komunitajiet), dwar il-media, dwar il-lingwa tal-istat, dwar il-pubblikazzjoni u dwar l-edukazzjoni, segwita minn bosta liġijiet ta’ implimentazzjoni, pjanijiet direzzjonali u metodoloġiji.

Bħala riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, hemm 3,7 miljun persuna spostata internament fl-Ukrajna. F’April 2023, l-Ukrajna adottat Strateġija ta’ Politika tal-Istat dwar l-Ispostament Intern u l-pjan ta’ azzjoni ta’ akkumpanjament għall-perjodu 2023-25. Fost l-objettivi ewlenin, minbarra l-akkomodazzjoni u l-impjieg, hemm li tiġi żgurata l-edukazzjoni kontinwa tat-tfal li jkunu ġejjin minn familji spostati.

7.Rakkomandazzjonijiet

B’mod ġenerali, l-Ukrajna tkompli tissodisfa r-rekwiżiti ta’ liberalizzazzjoni tal-viża u ħadet azzjoni biex tindirizza wħud mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi, fejn possibbli fil-kuntest attwali. B’mod partikolari, jeħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:

a)L-allinjament tal-politika tal-Ukrajna dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi bl-obbligu ta’ viża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pajjiżi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE.

b)It-tkomplija tat-tisħiħ tal-isforzi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b’fokus speċjali fuq il-ġlieda kontra l-kuntrabandu tal-armi tan-nar u d-drogi, il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin u d-dimensjoni finanzjarja tal-kriminalità organizzata, minkejja l-isfidi relatati mal-gwerra.

c)It-tkomplija tat-tisħiħ tal-qafas kontra l-korruzzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni jkunu kompletament indipendenti u kapaċi jagħtu output reali u sinifikanti, anke fid-dawl tal-isforzi ta’ rikostruzzjoni fit-tul.

IL-KOSOVO

Il-Kummissjoni nediet djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo fid-19 ta’ Jannar 2012 u fl-14 ta’ Ġunju 2012 ippreżentat pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża 23 li kien jidentifika l-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra li l-Kosovo kien jeħtieġ li jadotta u jimplimenta. Wara dan, il-Kummissjoni adottat erba’ rapporti li jivvalutaw il-progress tal-Kosovo 24 . Fl-4 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew 25 biex ineħħu r-rekwiżiti ta’ viża għall-Kosovo. Wara li l-Kosovo ssodisfa ż-żewġ rekwiżiti li qabel kienu pendenti, 26 fit-18 ta’ Lulju 2018 27 il-Kummissjoni kkonfermat li l-Kosovo ssodisfa l-95 parametru referenzjarju kollha kif stabbiliti fil-pjan direzzjonali u pproponiet il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Kosovo.

Wara n-negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2023/850 ġie adottat fid-19 ta’ April 2023 28 , li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 billi jittrasferixxi l-Kosovo mill-Parti 2 tal-Anness I għall-Parti 4 tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament. L-eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ viża bdiet tapplika fl-1 ta’ Jannar 2024, u tapplika biss għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa mill-Kosovo f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organisation).

Minn meta ġie kkompletat il-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża fl-2018, il-Kosovo kompla jadotta u jimplimenta leġiżlazzjoni fl-oqsma koperti mill-pjan direzzjonali, fejn fil-biċċa l-kbira kien jikkonforma mal-istandards tal-UE u dawk internazzjonali f’konformità mal-parametri referenzjarji tal-pjan direzzjonali.

1.Allinjament tal-politika dwar il-viżi

Il-Kosovo għandu reġim mingħajr viża ma’ 16-il pajjiż li jinsabu fil-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża: il-Bahrain, il-Belize, l-Eswatini, Fiġi, il-Guyana, il-Ġordan, il-Kuwajt, il-Lesoto, il-Malawi, il-Maldivi, l-Oman, Papua New Guinea, il-Qatar, São Tomé u Príncipe, l-Arabja Sawdija, u t-Turkija. F’Awwissu 2024, il-Kosovo reġa’ daħħal rekwiżit ta’ viża għaċ-ċittadini tal-Botswana, in-Namibja u l-Afrika t’Isfel.

Kif iddikjarat fil-preambolu tar-Regolament li ta lill-Kosovo l-istatus mingħajr viża 29 , sabiex jiġi żgurat li l-migrazzjoni tkun ġestita tajjeb u sabiex jiġi żgurat ambjent sigur, jenħtieġ li l-Kosovo jfittex li jkompli jallinja l-politika tiegħu dwar il-viżi ma’ dik tal-UE. In-nuqqas ta’ allinjament tal-politika tal-Kosovo dwar il-viżi mal-politika tal-UE dwar il-viżi jikkontribwixxi għal riskju akbar ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE permezz tar-rotta tal-Balkani tal-Punent.

Bħala parti mill-Aġenda għar-Riforma tiegħu skont il-Pjan ta’ Tkabbir, il-Kosovo impenja ruħu li jkompli jallinja mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża. Sakemm isir allinjament sħiħ, l-iskrinjar aktar rigoruż tal-wasliet mingħajr viża ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk minn pajjiżi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari, ikun miżura temporanja minima mistennija mill-Kosovo.

2.Sigurtà tad-dokumenti, inkluża l-bijometrika

Il-Kosovo joħroġ dokumenti tal-ivvjaġġar personali bijometriċi li jinqraw minn magna f’konformità mal-istandards tal-ICAO u tal-UE għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u l-bijometrika fid-dokumenti tal-ivvjaġġar. Dokumenti tal-ivvjaġġar personali bijometriċi li jinqraw minn magna ilhom jinħarġu mill-2011. L-aħħar passaporti mhux bijometriċi li nħarġu fl-2011 skadew fl-2021. Għalhekk, ma għadx hemm passaporti mhux bijometriċi validi li qed jiċċirkolaw. Stat Membru wieħed semma li, għalkemm id-dokument tal-ivvjaġġar bażiku ġdid li nħareġ mill-Kosovo (bijometriku biċ-ċippa) għandu karatteristiċi ta’ sigurtà tajbin, id-dokumenti huma personalizzati bit-teknoloġija inkjet, li tagħmilhom aktar faċli biex jiġu falsifikati.

Fl-2023, il-Kosovo nieda żewġ inizjattivi biex itejjeb is-sigurtà tad-dokumenti: l-ewwel, il-gvern approva liġi ġdida għall-karti tal-identità u bagħatha lill-Assemblea għall-approvazzjoni; It-tieni, huwa approva Struzzjoni Amministrattiva ġdida għall-Ħruġ ta’ Karti tal-Identità li tissimplifika l-proċess ta’ applikazzjoni u ssaħħaħ il-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-karti tal-identità.

Il-Pulizija tal-Kosovo tirrapporta regolarment passaporti li jkunu ġew mitlufin u misruqin lill-Interpol. Fl-2022, hija rrappurtat 4 440 Dokument tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (SLTDs, Stolen and Lost Travel Documents), filwaqt li fl-2023 irrappurtat 4 531 SLTDs lill-Interpol.

3.Ġestjoni integrata tal-fruntieri, ġestjoni tal-migrazzjoni, ażil

F’termini ta’ ġestjoni tal-fruntieri, f’Diċembru 2023, il-Kosovo approva Liġi ġdida dwar il-kontroll fil-fruntieri biex ikompli jallinja mal-acquis rilevanti tal-UE, speċifikament il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u d-Direttivi dwar l-Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri (API, Advanced Passenger Information) u r-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR, Passenger Name Record). Il-Kosovo jkompli jimplimenta l-ġestjoni integrata tal-fruntieri (IBM) fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera (BCP) tiegħu, imtejba fl-2013 permezz tal-istabbiliment taċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ġestjoni tal-Fruntieri (NCBM), inkarigat li jqassam l-informazzjoni u jaġixxi bħala ċentru konġunt ta’ analiżi tar-riskju b’diversi aġenziji. Il-Kosovo abbozza u approva tliet strateġiji konsekuttivi għall-IBM matul il-perjodu 2009–2024. Bħalissa hemm strateġija fis-seħħ għall-perjodu 2020–2025.

Il-bażi għall-kooperazzjoni mal-Kosovo hija l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo, li daħal fis-seħħ fl-2016. Il-Kosovo ffirma wkoll għadd ta’ ftehimiet bilaterali relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri ma’ pajjiżi ġirien, bħall-ftehim tal-2018 mal-Albanija, relatati ma’ kontrolli konġunti fil-fruntieri fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera ta’ Morine-Kukes.

Il-Kosovo ffirma arranġament ta’ ħidma mal-Frontex fl-2016. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kosovo kkoopera mill-qrib mal-Frontex peress li l-awtoritajiet tal-Kosovo bbenefikaw mill-għarfien espert tal-uffiċjali tal-Frontex fil-verifika tad-dokumenti u fil-ġestjoni tal-fruntieri. Wieħed mill-eżiti mistennija tal-proġett “Appoġġ Reġjonali tal-UE għat-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta’ Sigurtà tal-Fruntieri fil-Balkani tal-Punent” huwa li l-Kosovo jikseb aċċess għall-programmi u t-tagħmir tal-bini tal-kapaċitajiet, javvanza ċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni, kif ukoll jallinja l-istrateġija għall-IBM tiegħu mal-kunċett u l-istrateġija Ewropea għall-IBM.

Fir-rigward tal-ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari, f’Diċembru 2023, jiem qabel id-dħul fis-seħħ tal-liberalizzazzjoni tal-viża, il-Kosovo stabbilixxa mekkaniżmu ta’ twissija bikrija għall-monitoraġġ tax-xejriet tal-migrazzjoni tar-residenti tal-Kosovo fiż-żona Schengen. Il-Ministeru għall-Affarijiet Interni rreveda l-pjan ta’ azzjoni tal-istrateġija dwar il-migrazzjoni, sabiex jallinjah mal-iżviluppi riċenti tal-UE. Il-pjan ta’ azzjoni ġie approvat f’Ġunju 2024.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, sal-2022, il-Kosovo ffirma ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ 24 pajjiż, inklużi 20 Stat Membru taż-żona Schengen. Fl-2023, il-Kosovo beda jinnegozja ftehimiet bilaterali ta’ riammissjoni mal-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja. B’mod ġenerali, l-Istati Membri rrappurtaw kooperazzjoni mill-qrib ħafna dwar ir-riammissjoni mal-Kosovo. Stat Membru wieħed enfasizza li huwa meħtieġ titjib fir-rigward ta’ ċerti talbiet għar-riammissjoni li ilhom jiġu rrifjutati dejjem aktar mill-2018, inter alia minħabba nuqqas ta’ reġistrazzjoni f’bażijiet tad-data bijometriċi jew reġistru ċivili mhux preċiż.

Wara t-tnedija tas-sejħa annwali tal-Frontex lill-istituzzjonijiet sħab tal-Balkani tal-Punent biex jieħdu sehem bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Pajjiż (CWG, Country Working Group) immaniġġjati mill-Frontex, il-Kosovo ngħata status ta’ osservatur fuq is-CWG tal-Alġerija, il-Marokk u l-Iraq.

F’Marzu 2022, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) u l-Ministeru għall-Affarijiet Interni ffirmaw pjan direzzjonali għall-kooperazzjoni bejn il-Kosovo u l-EUAA, rigward it-tisħiħ tas-sistema tal-ażil u l-akkoljenza f’konformità mal-istandards komuni tas-sistema tal-ażil u l-istandards tal-UE. F’Marzu 2024, l-iskadenza għall-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali ġiet estiża b’sena, b’kont meħud li xi wħud mill-objettivi previsti fil-pjan direzzjonali għadhom rilevanti.

4.Monitoraġġ tax-xejriet fil-migrazzjoni, il-protezzjoni temporanja, l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u r-riammissjoni

L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati fl-Istati Membri minn ċittadini tal-Kosovo naqas kemxejn (b’4,5 %) bejn l-2022 u l-2023, bi 3 220 applikazzjoni ppreżentata fl-2022 meta mqabbla ma’ 3 075 applikazzjoni fl-2023. Ir-rata ta’ rikonoxximent ta’ 14 % fl-2022 naqset għal 10 % fl-2023.

Fl-2023, l-Istati Membri rrappurtaw 176 każ ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri minn ċittadini tal-Kosovo, li jirrappreżentaw titjib sinifikanti ta’ 48 % inqas milli fl-2022 (339), u l-istess xejra tapplika għall-għadd ta’ ċittadini tal-Kosovo li nstabu li kienu qed joqogħdu irregolarment fl-Istati Membri – tnaqqis ta’ 13 % meta mqabbel mal-2022 (minn 5 025 fl-2022 għal 4 360 fl-2023). L-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul għaċ-ċittadini tal-Kosovo fl-Istati Membri naqas bi 3 % fl-2023 (minn 1 830 fl-2022 għal 1 780 fl-2023) li jimmarka bidla pożittiva fix-xejra mis-sena li għaddiet.

L-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn li nħarġu fl-2023 (4 565) baqa’ stabbli meta mqabbel mal-2022 (4 455) li jirrappreżenta żieda minuri ta’ 2 %. Fl-2023, ġew irrappurtati 1 465 ritorn ta’ ċittadini tal-Kosovo, meta mqabbla ma’ 1 540 fl-2022 (tnaqqis ta’ 5 %). L-istess xejra kkaratterizzat ir-rata ta’ ritorn li naqset minn 35 % fl-2022 għal 32 % fl-2023.

Sors: l-Eurostat

Peress li d-data sħiħa tal-Eurostat għas-sena 2024 se tkun disponibbli biss f’nofs l-2025, għadu mhuwiex possibbli li jiġi vvalutat bis-sħiħ l-impatt tad-dħul fis-seħħ tal-liberalizzazzjoni tal-viża fuq ix-xejriet tal-migrazzjoni u l-ażil fiż-żona Schengen.

Madankollu, xi Stati Membri rrappurtaw żieda sostanzjali fl-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi li ġew ippreżentati minn ċittadini tal-Kosovo mill-bidu tal-2024. Fl-ewwel 7 xhur tal-2024, ġew ippreżentati 3 905 applikazzjoni minn residenti tal-Kosovo fl-Istati Membri tal-UE (+108 % meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2023). Bħala parti mill-inizjattivi meħuda biex tiġi indirizzata l-kwistjoni, il-Kosovo u l-grupp ta’ kooperazzjoni lokali ta’ Schengen bdew diskussjonijiet biex jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri (inklużi missjonijiet diplomatiċi lokali) u l-awtoritajiet tal-Kosovo għall-fini tal-monitoraġġ tal-migrazzjoni irregolari u x-xejriet tal-ażil. Din l-inizjattiva tinvolvi wkoll l-iskattar mill-ġdid tal-kampanja ta’ komunikazzjoni interna tal-Kosovo biex jinforma dwar id-drittijiet u l-obbligi li japplikaw għall-ivvjaġġar lejn iż-żona Schengen, u l-involviment bilaterali tal-Kosovo mal-Istati Membri tal-UE l-aktar affettwati.

5.Ordni pubbliku u sigurtà

Minn Ġunju 2023, minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni deċiżiva biex jitnaqqsu t-tensjonijiet fit-Tramuntana tal-Kosovo, l-UE kienet qed timplimenta għadd ta’ miżuri fir-rigward tal-Kosovo, li għandhom impatt ukoll fuq l-appoġġ finanzjarju. Fl-2023, il-Kosovo beda jimplimenta l-emendi li saru fl-2022 għall-qafas legali dwar kwistjonijiet kriminali u ġudizzjarji, inklużi l-Kodiċi Kriminali, il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-Liġi dwar l-Aġenzija għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, u l-Liġi dwar id-Dikjarazzjoni, l-Oriġini u l-Kontroll tal-Assi u r-Rigali. Il-Kosovo emenda wkoll il-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali fl-2023. Dawn l-emendi kkontribwew biex il-qafas legali tal-Kosovo jkompli jiġi allinjat mal-acquis tal-UE f’dawn l-oqsma. Il-Kosovo nieda wkoll l-abbozzar tal-Istrateġija l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni. L-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni nazzjonali għall-2023-2028 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu ġew adottati f’Ġunju 2023.

Liġi dwar il-Prosekuzzjoni Speċjali ġiet adottata f’Ottubru 2023, li notevolment tipprovdi bażi legali għal unità speċjali ta’ investigazzjoni fi ħdan il-Pulizija tal-Kosovo biex tappoġġa l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali. Din il-liġi toħloq ukoll il-bażi għall-Iskwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta biex jinvestigaw u jipprosekwixxu reati kriminali li għalihom l-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali huwa kompetenti.

Il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà bejn il-Kosovo u l-UE hija appoġġata minn Arranġament ta’ Ħidma li ġie ffirmat fl-2020 bejn il-Kosovo u l-Europol, li huwa kkomplementat minn ftehimiet speċifiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata u l-użu tal-kanal SIENA. Il-Kosovo skjera uffiċjal ta’ kollegament mal-Europol minn Marzu 2023. Il-Pulizija tal-Kosovo tipparteċipa wkoll f’attivitajiet tal-EMPACT, fejn fiċ-ċiklu tal-EMPACT 2024-2025, il-Kosovo kkonferma l-parteċipazzjoni fi 12-il pjan ta’ azzjoni operazzjonali u 70 Azzjoni Operazzjonali. L-awtoritajiet komplew jimplimentaw l-arranġament bilaterali ta’ implimentazzjoni mal-UE għall-pjan ta’ azzjoni konġunt dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu għall-Balkani tal-Punent.

Il-Kosovo jżomm ukoll arranġament ta’ ħidma mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL, Collège européen de police), li ġie ffirmat fl-2017. Il-Kosovo jipparteċipa f’attivitajiet tas-CEPOL, inkluż permezz tal-proġett iffinanzjat mill-UE “Sħubija tal-Balkani tal-Punent kontra l-kriminalità u t-terroriżmu”.

Il-Kosovo kompla l-kooperazzjoni tiegħu mal-EUDA abbażi ta’ arranġament ta’ ħidma tal-2020 kif ukoll fil-kuntest tal-proġett IPA8.

6.Drittijiet fundamentali

B’mod ġenerali, il-qafas kostituzzjonali u legali tal-Kosovo jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Il-Kosovo ħatar koordinatur nazzjonali għall-vjolenza domestika u stabbilixxa segretarjat ċentrali għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-Kosovo stabbilixxa programm ġdid għar-riabilitazzjoni tal-awturi u adotta emendi fil-leġiżlazzjoni kriminali li jżidu l-piena u jistabbilixxu salvagwardji għall-applikazzjoni tal-liġi. L-emendi għall-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali indirizzaw ukoll xi nuqqasijiet relatati mal-konformità mal-iskadenzi proċedurali u mar-rappreżentanza tad-difiża. Il-kwistjonijiet ta’ tħassib li fadal jinkludu proċedimenti tal-qorti mdewma u mtawla b’mod eċċessiv. L-adozzjoni tal-Kodiċi Ċivili, li jsaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet ċivili u fundamentali, għadha pendenti.

Il-gvern adotta Strateġija għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-komunitajiet, li għandha l-għan li ssaħħaħ id-drittijiet tal-minoranzi. Madankollu, bosta azzjonijiet affettwaw b’mod negattiv id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-komunitajiet mhux maġġoritarji b’mod sproporzjonat fit-Tramuntana tal-Kosovo, bħall-proċessi ta’ esproprjazzjoni li twettqu mingħajr ma ġew segwiti proċeduri legali, regolament tal-Bank Ċentrali li jirrestrinġi t-tranżazzjonijiet fi flus fi kwalunkwe munita oħra għajr l-euro, u l-għeluq ta’ banek Serbi, uffiċċji postali Serbi u fornituri ta’ servizzi pubbliċi appoġġati mis-Serbja fil-Kosovo, li kienu joperaw barra mill-qafas legali tal-Kosovo. Il-Kosovo huwa mistenni jissalvagwardja l-mekkaniżmi eżistenti li jipproteġu d-drittijiet ta’ komunitajiet mhux maġġoritarji u jtejjeb l-implimentazzjoni tagħhom, b’mod koordinat u miftiehem, bl-użu tad-Djalogu ffaċilitat mill-UE dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mas-Serbja. F’deċiżjoni tant mistennija, il-Kosovo implimenta s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali dwar is-sjieda tal-art tal-Monasteru ta’ Dečani/Deçan.

F’Lulju 2024, Liġi ġdida dwar ir-regolatur tal-media ġiet adottata mill-Assemblea. Hija tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-regolamentazzjoni tal-media u l-prestazzjoni tar-regolatur. Madankollu, l-emendi tal-Assemblea naqsu milli jirriflettu maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet tal-UE u ta’ sħab internazzjonali oħra. Għad hemm tħassib dwar l-indipendenza, is-setgħat u l-finanzjament tar-regolatur u dwar in-nuqqas ta’ ċarezza u proporzjonalità tal-liġi. L-oppożizzjoni rreferiet il-Liġi lill-Qorti Kostituzzjonali għal eżami mill-ġdid.

7.Rakkomandazzjonijiet

B’mod ġenerali, il-Kosovo jkompli jissodisfa r-rekwiżiti ta’ liberalizzazzjoni tal-viża. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi. B’mod partikolari, jeħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:

a)L-allinjament tal-politika tal-Kosovo dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi terzi bl-obbligu ta’ viża. Sakemm isir allinjament sħiħ, għandu jiġi introdott skrinjar aktar rigoruż tal-wasliet mingħajr viża ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk minn pajjiżi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari, permezz ta’ inizjattivi operazzjonali u/jew amministrattivi (pereżempju, fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri) jew inkella permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħala miżura temporanja minima mistennija mill-Kosovo.

b)It-tkomplija u t-tisħiħ tal-inizjattivi li tnedew dan l-aħħar f’kooperazzjoni mal-Istati Membri biex tiġi mmonitorjata l-kwistjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi minn residenti tal-Kosovo fl-Istati Membri, inkluż billi jiġu rinfurzati l-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex jinfurmaw dwar ir-regoli li japplikaw għall-ivvjaġġar lejn iż-żona Schengen u billi jiġi applikat skrinjar aktar strett mat-tluq.

c)It-tkomplija tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet bilaterali ta’ riammissjoni biex jinżamm il-livell tajjeb attwali ta’ kooperazzjoni, u ssir ħidma lejn il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni ġodda.

d)It-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-qafas legali u ta’ politika dwar kwistjonijiet ġudizzjarji u kriminali.

e)It-tisħiħ ulterjuri tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-komunitajiet mhux maġġoritarji u tittejjeb l-implimentazzjoni tagħhom.


f)

2.vjaġġar mingħajr viża għal aktar minn 7 snin

L-ALBANIJA

1.Allinjament tal-politika dwar il-viżi

L-Albanija għandha reġim mingħajr viża ma’ 13-il pajjiż li jinsabu fil-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża, li 7 minnhom igawdu minn eżenzjoni permanenti mill-ħtieġa ta’ viża (l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, iċ-Ċina, il-Każakistan, il-Kuwajt, u t-Turkija) u 6 għandhom eżenzjoni staġjonali mill-ħtieġa ta’ viża biex jidħlu fl-Albanija (il-Bahrain, l-Oman, il-Qatar, l-Arabja Sawdija u t-Tajlandja – mis-16 ta’ Marzu sal-31 ta’ Diċembru 2024, u l-Indoneżja – mill-1 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru 2024). Barra minn hekk, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess ta’ residenza ta’ 10 snin fl-Emirati Għarab Magħquda, li jkun validu għal mill-inqas sena fil-mument tad-dħul, jistgħu jidħlu wkoll fl-Albanija mingħajr viża.

F’April 2023, l-Albanija neħħiet lir-Russja, l-Indja u l-Eġittu mil-lista tagħha ta’ eżenzjonijiet staġjonali mill-ħtieġa ta’ viża. Madankollu, f’Marzu 2024, hija żiedet l-Indoneżja mal-lista. F’Mejju 2024, l-Albanija ssospendiet parzjalment l-eżenzjoni tagħha ta’ vjaġġar mingħajr viża mal-Belarussja għad-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi u ta’ servizz. Madankollu, dan ir-reġim mingħajr viża nżamm għad-detenturi Belarussi kollha ta’ passaport ordinarju. F’Lulju 2024, l-Albanija ssospendiet ir-reġim mingħajr viża mal-Guyana għad-detenturi tal-passaporti kollha.

In-nuqqas ta’ allinjament tal-politika tal-Albanija dwar il-viżi mal-politika tal-UE dwar il-viżi jikkontribwixxi għal riskju akbar ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE permezz tar-rotta tal-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni tistenna li l-Albanija tagħmel aktar progress fl-allinjament tal-politika dwar il-viżi. Bħala parti mill-Aġenda għar-Riforma tagħha skont il-Pjan ta’ Tkabbir, l-Albanija impenjat ruħha li tkompli tallinja mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża. Sakemm isir allinjament sħiħ, l-iskrinjar aktar rigoruż tal-wasliet mingħajr viża ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk minn pajjiżi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari, ikun miżura minima temporanja utli.

2.Monitoraġġ tax-xejriet fil-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, ir-ritorni u r-riammissjoni 

L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati fl-Istati Membri minn ċittadini Albaniżi naqas bi 30 % bejn l-2022 u l-2023, b’9 100 applikazzjoni ppreżentata fl-2023 meta mqabbla ma’ 13 020 applikazzjoni fl-2022. Ir-rata ta’ rikonoxximent ta’ 9 % fl-2022 żdiedet kemxejn fl-2023 (10 %).

Fl-2023, l-Istati Membri rrappurtaw 639 każ ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri minn ċittadini Albaniżi, 14 % inqas milli fl-2022 (746). L-istess xejra kkaratterizzat l-għadd ta’ ċittadini Albaniżi li nstabu li kienu qed joqogħdu illegalment fl-Istati Membri fl-2023 (32 975) meta mqabbel mal-2022 (38 930) jew tnaqqis ta’ 15 %. L-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul għaċ-ċittadini Albaniżi fl-Istati Membri naqas bi 12 % fl-2023 (minn 15 265 fl-2022 għal 13 440 fl-2023).

L-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn li nħarġu fl-2023 (17 415) naqas bi 28 % meta mqabbel mal-2022 (24 165). Fl-2023, ġew irrappurtati 8 235 ritorn ta’ ċittadini Albaniżi, meta mqabbla ma’ 10 020 fl-2022 (tnaqqis ta’ 18 %). Ir-rata ta’ ritorn żdiedet kemxejn minn 41 % fl-2022 għal 47 % fl-2023 u kompliet ix-xejra pożittiva mill-aħħar snin.

Sors: l-Eurostat

3.Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u r-riammissjoni 

L-Albanija kompliet tkun involuta b’mod pożittiv fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Balkani tal-Punent. L-Albanija kompliet timplimenta Strateġija Intersettorjali għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għall-2021-2027 u l-Pjan ta’ Azzjoni relatat tagħha għall-2021-2023. F’Mejju 2024, l-Albanija adottat ukoll Strateġija Nazzjonali għall-Migrazzjoni ġdida għall-2024-2030 u l-Pjan ta’ Azzjoni relatat tagħha għall-2024-2026. Il-ħidma fuq dawn l-inizjattivi ffukat fuq iż-żieda tal-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni u l-kooperazzjoni interistituzzjonali u internazzjonali, b’sitt proġetti li qed jitwettqu f’dan il-qasam.

Fir-rigward tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, qed jitwettqu Operazzjonijiet Konġunti (JOs, Joint Operations) mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex). L-Albanija ffirmat Ftehim ġdid dwar l-Istatus fil-15 ta’ Settembru 2023 li daħal fis-seħħ f’Ġunju 2024, u ppermettiet skjeramenti ġodda tal-uffiċjali tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta mill-Frontex fil-fruntieri tal-Albanija ma’ pajjiżi mhux tal-UE flimkien ma’ skjeramenti li ilhom jeżistu mill-2019 u l-2021 fil-fruntiera fuq l-art tal-Albanija mal-Greċja u l-fruntiera marittima mal-Italja. B’mod ġenerali, l-Istati Membri rrappurtaw kooperazzjoni mill-qrib mal-Albanija. Hemm Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Frontex ibbażat f’Tirana b’mandat reġjonali li jkopri l-Albanija, il-Kosovo u l-Maċedonja ta’ Fuq.

Fil-qasam tar-riammissjoni, l-Albanija kompliet timplimenta l-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u l-Albanija kif ukoll ftehimiet bilaterali ta’ riammissjoni. Ġew ipproċessati 407 talba għar-riammissjoni ta’ ċittadini Albaniżi mill-Istati Membri tal-UE (jiġifieri 33 aktar mill-2022). B’mod ġenerali, huwa rrappurtat li l-Albanija kkooperat b’mod sodisfaċenti mal-Istati Membri dwar ir-riammissjoni. Żewġ Stati Membri biss irrappurtaw li, għalkemm l-isforzi dwar ir-ritorn żdiedu, jistgħu jkunu meħtieġa sforzi addizzjonali biex jiżdied il-livell ta’ kooperazzjoni.

Fl-2023, l-Istati Membri ma kienu jeħtieġu l-ebda assistenza ulterjuri tal-Frontex dwar l-identifikazzjoni u l-akkwist ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar għal ċittadini preżunti Albaniżi. Fl-2024, wara s-sejħa tal-Frontex lill-Balkani tal-Punent biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Pajjiż (CWG) immaniġġjati mill-Frontex bħala osservaturi, l-Albanija ngħatat status ta’ osservatur fuq is-CWG tal-Alġerija, il-Bangladesh, il-Marokk u s-Somalja.

L-Albanija kompliet il-kooperazzjoni tagħha mal-EUAA. It-tieni Pjan Direzzjonali li jfassal din il-kooperazzjoni u li jkopri l-2024-2027 ġie approvat mill-Ministru Albaniż f’Ottubru 2024.

4.Azzjonijiet meħuda dwar applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi   

L-Albanija wettqet segwitu tal-miżuri meħuda fl-2022 u li jissemmew fis-sitt rapport taħt il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża. Wara l-adozzjoni fl-2022 ta’ Pjan ta’ Azzjoni Interistituzzjonali “dwar il-Prevenzjoni tal-Fenomenu tat-Tiftix għall-Ażil taċ-Ċittadini tal-Albanija fil-pajjiżi Schengen/tal-UE”, fl-2023, l-Albanija bdiet timplimentah, filwaqt li tibni fuq esperjenza pożittiva preċedenti fl-indirizzar tal-fenomenu. L-Albanija kompliet ukoll timplimenta l-pjan ta’ azzjoni bilaterali ddedikat biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-applikanti għall-ażil Albaniżi fi Franza. L-Albanija kompliet ukoll issaħħaħ il-kontrolli fuq iċ-ċittadini Albaniżi li jaqsmu l-fruntieri nazzjonali tagħhom biex jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen. Fi ħdan dawn l-isforzi, sar fokus speċifiku fuq il-kontrolli li jsiru fuq il-minorenni li jkunu qed jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, inklużi dikjarazzjonijiet notarizzati tal-minorenni fil-fruntiera.

L-Albanija kompliet ukoll timplimenta l-pjan ta’ azzjoni biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-minorenni Albaniżi mhux akkumpanjati fl-Italja.

Il-pulizija tal-fruntieri u l-migrazzjoni tal-Albanija kienet involuta wkoll f’kooperazzjoni intensiva u fi skambju ta’ informazzjoni mal-kontropartijiet tagħha fir-reġjun biex tindirizza l-fenomenu tal-Albaniżi li jivvjaġġaw minn ġol-pajjiżi ġirien bl-għan li jfittxu ażil fl-UE, u għalhekk jevitaw verifikazzjonijiet dettaljati li jiġu imposti fuq iċ-ċittadini Albaniżi meta jivvjaġġaw mill-Albanija.

5.Ċittadinanza b’investiment

Fis-sitt rapport taħt il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża, ġie rrappurtat li fl-2023, l-Albanija ħabbret id-deċiżjoni tagħha li tissospendi l-inizjattiva relatata mal-istabbiliment ta’ skema taċ-ċittadinanza b’investiment. Tabilħaqq, l-Albanija ma stabbilietx skema taċ-ċittadinanza b’investiment u ma ġie rrapportat l-ebda żvilupp ġdid mill-Albanija dwar din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja din il-kwistjoni.

6.Kooperazzjoni dwar is-sigurtà

Fl-2023, l-Albanija ħadet sehem f’20 skwadra ta’ investigazzjoni konġunta, iddedikati għall-ġlieda kontra diversi kategoriji ta’ kriminalità organizzata, prinċipalment it-traffikar tad-droga, il-ħasil tal-flus, u r-reati ibbażati fuq il-kompjuter. B’mod ġenerali, l-Albanija offriet livell tajjeb ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi kollha involuti. Fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, l-Albanija tat importanza speċjali lill-kooperazzjoni mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-UE, filwaqt li saħħet u żiedet il-kooperazzjoni mal-istrutturi tal-kontroparti fil-livell reġjonali u internazzjonali. Din il-kooperazzjoni kienet tikkonsisti fl-iskambju ta’ informazzjoni tal-pulizija fl-oqsma ta’ investigazzjoni ta’ reati kriminali relatati man-narkotiċi, it-traffikar illegali, il-ħasil tal-flus, il-kriminalità ekonomika u finanzjarja, il-kriminalità permezz tal-kompjuter u reati serji, fejn l-informazzjoni ġiet skambjata prinċipalment permezz tal-kanali tal-Interpol, l-Europol, u n-Network CARIN. L-Albanija skjerat it-tieni uffiċjal ta’ kollegament mal-Europol fl-2023.

Fl-2023, il-Pulizija tal-Istat Albaniż intensifikat l-iskambju ta’ informazzjoni billi żiedet l-għadd ta’ messaġġi SIENA kondiviżi mas-sħab internazzjonali.

L-Albanija għadha l-aktar pajjiż terz attiv li qed jipparteċipa fl-EMPACT. Il-Pulizija tal-Istat Albaniż hija komexxejja tal-Azzjoni tal-Operazzjoni “Task Force dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti mill-Balkani tal-Punent”. Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Pulizija tal-Istat Albaniż ipparteċipat f’sitt Ijiem ta’ Azzjoni Konġunta (JADs, Joint Action Days) dwar il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, it-traffikar ta’ bnedmin u t-traffikar tal-armi. Dawn l-operazzjonijiet u l-iskambji ta’ informazzjoni mas-sħab taw riżultati pożittivi dwar is-sekwestri u l-arrest tal-awturi. Ir-riżultati kollha tal-JADs ġew irrappurtati lill-Europol.

Il-kooperazzjoni mas-CEPOL seħħet fil-qafas tas-Sħubija tal-Balkani tal-Punent kontra l-Kriminalità u t-Terroriżmu (WB PaCT, Western Balkans Partnership against Crime and Terrorism). Matul l-2023, 52 impjegat tal-Pulizija tal-Istat Albaniż mid-Dipartiment tal-Pulizija tal-Qasam Kriminali, id-Dipartiment tal-Fruntieri u l-Migrazzjoni, u d-Direttorat għal Kontra t-Terroriżmu pparteċipaw fl-attivitajiet tas-CEPOL taħt dan il-proġett.

L-Albanija implimentat b’suċċess il-miżuri previsti fil-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu taħt il-ħames objettivi tagħha. L-ewwel rapport ta’ sitt xhur għall-2023 dwar l-implimentazzjoni ġie ppreżentat lill-Kummissjoni f’Ottubru 2023.

L-Albanija kompliet il-kooperazzjoni tagħha mal-EUDA abbażi ta’ arranġament ta’ ħidma tal-2019 kif ukoll fil-kuntest tal-proġett IPA8.

7.Rakkomandazzjonijiet

L-Albanija ħadet azzjoni biex tindirizza l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, huwa meħtieġ aktar progress, u jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:

a)L-allinjament tal-politika tal-Albanija dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża. Sakemm isir allinjament sħiħ, l-iskrinjar aktar rigoruż tal-wasliet mingħajr viża ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk minn pajjiżi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari, għandu jiġi introdott permezz ta’ inizjattivi operazzjonali u/jew amministrattivi (pereżempju, fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri) jew inkella permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħala miżura temporanja minima mistennija mill-Albanija.

b)It-tkomplija u t-tisħiħ ta’ inizjattivi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi fl-UE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ minorenni mhux akkumpanjati.



IL-BOŻNIJA-ĦERZEGOVINA

1.Allinjament tal-politika dwar il-viżi

Il-Bożnija-Ħerzegovina għandha reġim mingħajr viża ma’seba’ pajjiżi li jinsabu fil-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża: L-Ażerbajġan, iċ-Ċina, il-Kuwajt, il-Qatar, ir-Russja, l-Arabja Sawdija (staġjonali) u t-Turkija.

Biex tkompli tallinja mal-politika tal-UE dwar il-viżi, f’Settembru 2023, il-Bożnija-Ħerzegovina introduċiet rekwiżit ta’ viża għaċ-ċittadini tal-Bahrain u, f’Marzu 2024, għaċ-ċittadini tal-Oman, u għalhekk naqqset il-lista tagħha ta’ reġimi mingħajr viża li mhumiex f’konformità mal-politika tal-UE dwar il-viżi. Madankollu, il-Bożnija-Ħerzegovina ġeddet ukoll ir-reġim tagħha mingħajr viża, staġjonali ta’ 3 xhur, minn Ġunju sa Settembru 2024, għal massimu ta’ 30 jum, għaċ-ċittadini tal-Arabja Sawdija.

In-nuqqas ta’ allinjament tal-politika tal-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-viżi mal-politika tal-UE dwar il-viżi jikkontribwixxi għal riskju akbar ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE permezz tar-rotta tal-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni tistenna li l-Bożnija-Ħerzegovina tagħmel aktar progress fl-allinjament tal-politika dwar il-viżi u li jsiru impenji stretti fil-kuntest tal-Aġenda għar-Riforma tal-Bożnija-Ħerzegovina skont il-Pjan ta’ Tkabbir. Sakemm isir allinjament sħiħ, l-iskrinjar aktar rigoruż tal-wasliet mingħajr viża ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk minn pajjiżi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari, huwa miżura minima temporanja meħtieġa.

2.Monitoraġġ tax-xejriet fil-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, ir-ritorni u r-riammissjoni

Fl-2023, 1 620 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġew ippreżentati minn ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-Istati Membri, 28 % inqas milli fl-2022 (2 245), fejn kompliet ix-xejra pożittiva ta’ tnaqqis mill-2021. Ir-rata ta’ ritorn naqset minn 8 % fl-2022 għal 6 % fl-2023.

Fl-2023, l-Istati Membri rrapportaw 20 każ ta’ qsim irregolari tal-fruntieri minn ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-fruntieri esterni tal-UE, meta mqabbla ma’ 22 fil-2022. Fl-2023, l-għadd ta’ ċittadini mill-Bożnija-Ħerzegovina li nstab li kienu qegħdin jgħixu b’mod irregolari fl-Istati Membri naqas bi 23 %, bi 3 790 soġġorn irregolari fl-2023 meta mqabbla ma’ 4 930 fl-2022. L-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul naqas b’mod notevoli fl-2023 (b’24 %), minn 5 265 każ fl-2022 għal 3 985 fl-2023.

L-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa lil ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina (2 430 fl-2023 meta mqabbel ma’ 2 885 fl-2022) u l-għadd ta’ persuni rritornati (1 210 fl-2023 meta mqabbel ma’ 1 280 fl-2022) naqas b’ 16 % u 5 % rispettivament. Ir-rata ta’ ritorn kompliet tiżdied minn 44 % fl-2022 għal 50 % fl-2023.

Sors: L-Eurostat

3.Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u r-riammissjoni

Liġi ġdida dwar il-barranin daħlet fis-seħħ f’Settembru 2023. Il-Bożnija-Ħerzegovina qed timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tagħha dwar il-migrazzjoni u l-ażil 2021–2025 u l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri għall-2019–2023. Sa minn nofs l-2024, għadha trid tiġi adottata strateġija ġdida għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri għall-2024-2029. Sa minn nofs l-2024, għadu jrid jiġi adottat abbozz ta’ Liġi dwar il-kontroll tal-fruntieri, immirat lejn l-allinjament mal-acquis tal-UE.

In-negozjati bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kummissjoni Ewropea għall-Ftehim dwar l-Istatus tal-Frontex bdew fi Frar 2024 u ġew iffinalizzati f’Settembru 2024. L-iffirmar tal-Ftehim se jsir dalwaqt. L-uffiċjal ta’ kollegament tal-Frontex ibbażat f’Belgrad ikompli jkopri wkoll lill-Bożnija-Ħerzegovina.

Il-Bożnija-Ħerzegovina kompliet il-kooperazzjoni ġenerali mill-qrib dwar ir-riammissjoni abbażi ta’ ftehim mal-UE, li huwa implimentat b’mod effiċjenti sa fejn huma kkonċernati l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Xi Stati Membri indikaw kooperazzjoni insuffiċjenti mill-Bożnija-Ħerzegovina dwar ir-riammissjoni fl-2023 (għalkemm tjiebet mill-2022), li rriżultat fi trattament pożittiv ta’ 55 % tat-talbiet.

Minkejja tnaqqis ġenerali fl-għadd ta’ każijiet ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri lejn l-UE permezz tar-rotta tal-Balkani tal-Punent, ir-rotta sekondarja mill-Bożnija-Ħerzegovina lejn il-Kroazja esperjenzat xejra dejjem akbar, b’bejn wieħed u ieħor 30 % aktar każijiet ta’ qsim fl-ewwel 9 xhur tal-2024 meta mqabbla mal-istess perjodu tal-2023. Fl-ewwel 9 xhur tal-2024, kważi 90 % tal-każijiet kollha ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent ġie rreġistrat tul din il-fruntiera. Wara l-għeluq tar-rotta sekondarja mis-Serbja għall-Ungerija, in-networks kriminali rrilokaw l-operazzjonijiet tagħhom għal dik mill-Bożnija-Ħerzegovina lejn il-Kroazja.

L-għadd ta’ migranti irregolari li ġew interċettati mill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-2023 żdied b’25 % meta mqabbel mal-2022. L-aktar numerużi kienu ċittadini tal-Afganistan, il-Marokk, is-Sirja, il-Pakistan, it-Turkija (inklużi dawk li jużaw il-possibbiltà li jivvjaġġaw lejn il-Bożnija-Ħerzegovina mingħajr viża), il-Bangladesh u l-Iran.

Il-Kroazja, l-unika Stat Membru bi fruntiera mal-Bożnija-Ħerzegovina, hija partikolarment affettwata minn wasliet irregolari. Il-Kroazja tikkoopera b’mod intensiv dwar il-ġestjoni tal-fruntieri mal-Bożnija-Ħerzegovina, inkluż permezz ta’ viġilanzi konġunti. Iż-żewġ pajjiżi jipparteċipaw ukoll fit-Task Force ZeBRA appoġġata mill-Europol, li għandha fil-mira gruppi tal-kriminalità organizzata li huma involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Stati Membri oħra tal-UE pprovdew ukoll appoġġ lill-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż taħriġ (pereżempju dwar l-użu tal-bijometrika) u għarfien espert tekniku għall-istabbiliment li jmiss ta’ sistema ta’ Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri u ta’ Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (API/PNR) u ta’ bażi tad-data ta’ dokumenti biex tittejjeb l-identifikazzjoni ta’ dokumenti falsifikati (it-tnejn li huma jinsabu għaddejjin).

Il-Bożnija-Ħerzegovina kompliet il-kooperazzjoni produttiva mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA), għalkemm għadu ma ġiex adottat pjan direzzjonali għall-perjodu 2024-2025.

4.Kooperazzjoni dwar is-sigurtà

Il-Bożnija-Ħerzegovina kompliet il-kooperazzjoni tagħha mal-Europol. F’Ġunju 2023, beda jopera il-punt ta’ kuntatt u f’Lulju uffiċjal ta’ kollegament ġie skjerat f’The Hague. Dan huwa pass importanti. L-użu li l-Bożnija-Ħerzegovina tagħmel mill-prodotti u s-servizzi tal-Europol żdied minn dak iż-żmien ’l hawn, bi skambju intensiv ta’ informazzjoni permezz tas-sistema ta’ komunikazzjoni SIENA, prinċipalment dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, ir-reati finanzjarji, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u l-prevenzjoni tat-terroriżmu. Il-Bożnija-Ħerzegovina żiedet il-parteċipazzjoni tagħha fl-EMPACT, bi 12-il azzjoni operazzjonali fl-2023. Twettqet kooperazzjoni intensiva dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi u l-munizzjon permezz tal-prijorità tal-armi tan-nar tal-EMPACT. Kompliet ukoll il-kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE permezz tal-Interpol.

Il-Bożnija-Ħerzegovina kompliet timplimenta l-istrateġija tagħha kontra t-terroriżmu għall-2021-2026; fl-2023 ġew adottati pjanijiet ta’ azzjoni fil-livelli kollha tal-gvern. L-implimentazzjoni tal-arranġament bilaterali mal-UE fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu mxiet ’il quddiem.

Strateġija kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti ilha fis-seħħ minn Novembru 2022, bi pjanijiet ta’ azzjoni li ġew adottati fl-2023. Fi Frar 2024, il-Bożnija-Ħerzegovina adottat Liġi dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (AML/CTF, Anti-Money Laundering and Counterterrorism Financing), li ttejjeb id-dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tar-riskju u tipprevedi korp ta’ koordinazzjoni permanenti, li għandu l-għan li jallinja mal-acquis tal-UE, kif ukoll valutazzjoni tar-riskju għall-AML/CFT dwar l-assi virtwali u pjan ta’ azzjoni għall-2024-2027.

Il-Bożnija-Ħerzegovina kompliet il-kooperazzjoni tagħha mal-EUDA fil-kuntest tal-proġett IPA8.

5.Rakkomandazzjonijiet

Il-Bożnija-Ħerzegovina ħadet xi azzjonijiet biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar progress, u jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:

a)L-allinjament tal-politika tal-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża. Sakemm isir allinjament sħiħ, għandhom jiġu introdotti miżuri ta’ sigurtà addizzjonali inkluż skrinjar aktar rigoruż tal-wasliet mingħajr viża ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk minn pajjiżi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari, permezz ta’ inizjattivi operazzjonali u/jew amministrattivi (pereżempju, fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri) jew inkella permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħala miżura temporanja minima mistennija mill-Bożnija-Ħerzegovina.

b)L-iffirmar u r-ratifikazzjoni malajr il-ftehim dwar l-istatus tal-Frontex mal-UE.

c)It-titjib tal-koordinazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri, filwaqt li tiġi indirizzata b’mod urġenti l-kwistjoni tal-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri tul ir-rotta sekondarja li tgħaddi mill-Bożnija-Ħerzegovina.


IR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA

1.Allinjament tal-viża

Il-Moldova għandha reġim mingħajr viża ma’ 11-il pajjiż li jinsabu fil-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża: L-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, Kuba, il-Każakistan, il-Kirgistan, il-Qatar, ir-Russja, it-Taġikistan, it-Turkija u l-Użbekistan.

Ma sar l-ebda progress għal aktar allinjament mal-politika tal-UE dwar il-viżi fl-2023, iżda f’April 2024 ġie tterminat il-Ftehim bejn il-Moldova u l-Ekwador dwar l-ivvjaġġar mingħajr viża. Fil-kontribut tagħha għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport, il-Moldova ddikjarat li se tallinja bis-sħiħ il-politika tagħha dwar il-viżi mal-politika tal-UE dwar il-viżi sad-data tal-adeżjoni.

Il-Kummissjoni tistenna li l-Maldova tagħmel aktar progress fl-allinjament tal-politika dwar il-viżi. Sakemm isir allinjament sħiħ, l-iskrinjar aktar rigoruż tal-wasliet mingħajr viża ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk minn pajjiżi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari, ikun miżura temporanja minima mistennija mill-Moldova.

2.Monitoraġġ tax-xejriet fil-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, ir-ritorni u r-riammissjoni

L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati minn ċittadini Moldovani fl-Istati Membri naqas kemxejn b’29 % bejn l-2022 u l-2023, bi 8 385 applikazzjoni ppreżentata fl-2022 meta mqabbla ma’ 5 945 applikazzjoni fl-2023. Ir-rata ta’ rikonoxximent kienet ta’ 3 % fl-2023, meta mqabbla ma’ 2 % fl-2022.

Fl-2023, it-tentattivi miċ-ċittadini Moldovani biex jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE b’mod irregolari baqgħu baxxi ħafna (20), (29 fl-2022). L-għadd ta’ ċittadini Moldovani li nstabu li kienu qed joqogħdu irregolarment naqas minn 45 835 fl-2022 għal 40 170 fl-2023 (tnaqqis ta’ 12 %). Fl-2023, l-għadd ta’ ċittadini Moldovani li ġew rifjutati milli jidħlu fl-Istati Membri kien ta’ 9 805, li huwa 26 % aktar milli fl-2022 (7 785).

Fl-2023, l-għadd ta’ ordnijiet ta’ ritorn li nħarġu għaċ-ċittadini Moldovani baqa’ stabbli (9 120 fl-2023 meta mqabbel ma’ 9 125 fl-2022), filwaqt li l-għadd ta’ ritorni żdied b’37,5 % (3 610 fl-2023 meta mqabbel ma’ 2 725 fl-2022) li kkontribwixxa għar-rata ta’ ritorn ogħla ta’ 40 % fl-2023 meta mqabbel ma’ 29 % fl-2022.

Sors: l-Eurostat

3.Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u r-riammissjoni

Il-Moldova kompliet trawwem il-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera fil-qafas tal-EMPACT. Il-Moldova kompliet il-kooperazzjoni mill-qrib ma’ atturi differenti tal-UE- il-Frontex, l-Europol, is-CEPOL, l-EUDA u l-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukrajna (EUBAM, European Union Border Assistance Mission to Moldova and Ukraine) - inkluż permezz taċ-Ċentru ta’ Appoġġ tal-UE għas-Sigurtà Interna u l-Ġestjoni tal-Fruntieri fil-Moldova.

Dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, fl-2023, il-Moldova kompliet il-kooperazzjoni msaħħa mal-Frontex fuq il-bażi tal-Ftehim dwar l-Istatus minn Marzu 2022, li jippermetti lill-aġenzija tiskjera uffiċjali tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta b’setgħat eżekuttivi. Fost ir-riżultati konkreti kien hemm l-Operazzjonijiet Konġunti (JO) Moldova tal-2023 (intemmet) u tal-2024 (għadha għaddejja), fil-fruntiera tal-ajru (l-Ajruport ta’ Chisinau) u l-fruntieri tal-art mar-Rumanija u l-Ukrajna. Dan huwa l-ewwel Ftehim dwar l-Istatus u l-ewwel operazzjoni konġunta b’setgħat eżekuttivi f’pajjiż tas-Sħubija tal-Lvant. L-iskambju regolari ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-intelligence jitwettqu permezz tal-pjattaforma reġjonali mmexxija mill-Frontex, Network ta’ Analiżi tar-Riskju tas-Sħubija tal-Lvant (EaP-RAN, Eastern Partnership Risk Analysis Network). Barra minn hekk, 10 osservaturi Moldovani ġew skjerati għal perjodi estiżi f’ajruporti magħżula fl-UE. Inizjattivi relatati mal-bini tal-kapaċitajiet tal-IBM ġew introdotti bejn il-Moldova u l-Frontex abbażi tal-Pjan ta’ Kooperazzjoni bilaterali għall-2022-2024.

Minn Lulju 2022, l-Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Frontex għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li inizjalment kien maħsub biex ikun ibbażat fi Kiev, minflok ġie skjerat temporanjament f’Chisinau.

Kompliet ukoll il-kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE fuq bażi bilaterali, inkluż l-iskjerament ta’ aġenti tal-pulizija tal-fruntieri Moldovani f’ajruport ta’ Stat Membru tal-UE u fil-fruntiera esterna tal-art ta’ Stat Membru ieħor tal-UE, it-taħriġ, l-għarfien espert tekniku u l-forniment ta’ kwantitajiet sinifikanti ta’ tagħmir tekniku li ġie implimentat permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE.

Fl-2023, EUR 4 miljun ġew riallokati lill-awtoritajiet nazzjonali taħt proġett iffinanzjat mill-UE li kien jindirizza l-impatt tal-kriżi ta’ spostament, sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri lokali permezz tal-forniment ta’ tagħmir, infrastruttura u taħriġ rilevanti.

Il-kooperazzjoni tal-Moldova dwar ir-riammissjoni u r-ritorni ġiet ikklassifikata bħala eċċellenti kemm mill-Frontex, kif ukoll minn bosta Stati Membri. Id-dokumenti tal-ivvjaġġar ġew ikkonsenjati malajr u b’mod effiċjenti; L-awtoritajiet Moldovani offrew ukoll kooperazzjoni sħiħa u effettiva fl-operazzjonijiet ta’ ritorn, inkluż permezz ta’ titjiriet tat-tip charter. F’Novembru 2023, l-iskorti tal-Moldova rċevew it-taħriġ tal-Operazzjoni ta’ Ritorn bi Ġbir biex, mill-2024, ikunu jistgħu jipparteċipaw f’din l-attività operazzjonali.

4.Kooperazzjoni dwar is-sigurtà

Fil-qasam tas-sigurtà, fl-2023, il-Moldova għat-tieni sena konsekuttiva kellha tiffaċċja effetti konsegwenzjali tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll żieda fil-gwerra ibrida, l-attakki taċ-ċibersigurtà u diversi forom ta’ kriminalità transfruntiera. Fl-2024, il-Moldova kompliet tiffaċċja interferenza barranija mingħajr preċedent mir-Russja u l-prokuri tagħha, speċjalment fil-kuntest tal-elezzjonijiet presidenzjali u r-referendum dwar l-adeżjoni mal-UE tal-2024.

Matul l-2023, il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Moldova dwar is-sigurtà kompliet tintensifika. Element wieħed ta’ din il-kooperazzjoni kien iċ-Ċentru tal-UE għas-sigurtà interna u l-ġestjoni tal-fruntieri fil-Moldova (“Ċentru tal-UE għas-Sigurtà”), li tnieda fl-2022. Fl-2023, iċ-Ċentru tal-UE għas-Sigurtà indirizza l-oqsma ta’ prijorità li ġejjin: il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, it-theddid ibridu u t-traffikar tad-droga. F’Mejju 2023, tnediet Missjoni ta’ Sħubija tal-UE (EUPM, European Union Partnership Mission) - PSDK ċivili. Il-mandat tagħha huwa li jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur tas-sigurtà Moldovan fl-oqsma tal-immaniġġjar ta’ kriżijiet u t-theddid ibridu. Minbarra l-pariri u t-taħriġ, il-Missjoni għandha Ċellula ta’ Proġetti li toffri appoġġ operazzjonali mmirat.

Kompliet il-kooperazzjoni mal-Europol u l-Moldova hija mħeġġa tieħu aktar vantaġġ mill-għodod eżistenti. Uffiċjal ta’ kollegament tal-Moldova huwa skjerat fil-kwartieri ġenerali tal-Europol u, minn Marzu 2023, ġew skjerati uffiċjali magħżula tal-Europol fil-Moldova biex jipprovdu appoġġ operazzjonali u jiskambjaw l-aħjar prattiki, speċjalment fil-qasam tal-kriminalità organizzata transfruntiera. Twettqu azzjonijiet operazzjonali kontra l-armi tan-nar, id-drogi u t-traffikar ta’ bnedmin mal-Europol, taħt l-EMPACT u ċ-Ċentru tal-UE għas-Sigurtà. Il-Moldova użat il-metodoloġija tal-Europol għall-Valutazzjoni ta’ Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA, Serious and Organised Crime Threat Assessment) biex toħloq valutazzjonijiet nazzjonali ta’ theddid mill-kriminalità serja u organizzata fis-snin 2022-23. L-iskambju ta’ informazzjoni mal-Europol intensifika fl-2023. Il-Moldova bħalissa qed teżegwixxi l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Operazzjonali tal-EMPACT għall-2024–2025.

Bejn Marzu 2023 u Marzu 2024, ħames Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta magħmula minn persunal tal-Moldova u tal-Istati Membri tal-UE, bl-involviment tal-Eurojust, wettqu azzjonijiet operazzjonali kemm fil-Moldova kif ukoll fl-Istati Membri tal-UE kkonċernati. F’Lulju 2023, il-Moldova ħatret Prosekutur ta’ Kollegament fil-Eurojust għal perjodu ta’ sitt xhur u sussegwentement ġie estiż sal-31 ta’ Lulju 2024.

Fl-2023, il-Moldova kellha skambju intensiv ħafna ta’ informazzjoni mal-Interpol. L-Aġenzija wettqet ukoll bosta programmi ta’ taħriġ għall-persunal tal-pulizija tal-Moldova.

Kompliet il-kooperazzjoni fuq bażi bilaterali mal-Istati Membri tal-UE. L-assistenza offruta lill-Moldova kienet tinkludi t-taħriġ tal-infurzar tal-liġi, l-għarfien espert tekniku, il-kondiviżjoni tal-għarfien u t-twassil ta’ software speċjalizzat. Tliet Stati Membri tal-UE kkooperaw mal-Moldova bħala parti mill-kooperazzjoni taċ-Ċentru tal-Infurzar tal-Liġi tax-Xlokk tal-Ewropa (SELEC, Southeast European Law Enforcement Centre), mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà li jwettqu bosta azzjonijiet/investigazzjonijiet konġunti.

Fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, f’Ottubru 2023 daħlet fis-seħħ liġi ġdida dwar il-protezzjoni tal-informaturi u f’Diċembru 2023 il-Moldova adottat Programm Nazzjonali għall-Integrità u l-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni għall-perjodu 2024 – 2028.

Il-Moldova kompliet il-kooperazzjoni tagħha mal-EUDA abbażi ta’ Memorandum ta’ Qbil tal-2012 kif ukoll fil-kuntest tal-proġett EU4MD II.

5.Rakkomandazzjonijiet

Il-Moldova ħadet azzjoni biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar progress, u jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:

a)L-allinjament tal-politika tal-Moldova dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pajjiżi li jippreżentaw riskji ta’ migrazzjoni irregolari jew għas-sigurtà għall-UE.

b)It-tkomplija tal-isforzi għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b’attenzjoni partikolari għall-indirizzar tal-kuntrabandu tal-armi tan-nar u d-drogi, il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin u l-aspetti finanzjarji tal-kriminalità organizzata.



IL-MONTENEGRO

1.Allinjament tal-politika dwar il-viżi

Il-Montenegro għandu reġim mingħajr viża ma’ 11-il pajjiż li jinsabu fil-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża, li 7 minnhom igawdu minn eżenzjoni permanenti mill-ħtieġa ta’ viża (l-Ażerbajġan, il-Belarussja, iċ-Ċina 30 , il-Kuwajt, il-Qatar, ir-Russja 31 , it-Turkija) u 4 għandhom eżenzjoni staġjonali mill-ħtieġa ta’ viża biex jidħlu fil-Montenegro għal raġunijiet turistiċi bejn April u Ottubru (l-Armenja, l-Eġittu, il-Każakistan, l-Arabja Sawdija).

L-eżenzjonijiet staġjonali mill-ħtieġa ta’ viża, li ġew introdotti f’April 2023 mal-Armenja, l-Eġittu, il-Każakistan, l-Arabja Sawdija u l-Użbekistan, ma baqgħux fis-seħħ fil-31 ta’ Ottubru 2023. Kollha ħlief dik għall-Użbekistan ġew imġedda fl-2024 u huma effettivi mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Ottubru 2024. L-eżenzjonijiet staġjonali mill-ħtieġa ta’ viża jippermettu liċ-ċittadini tal-erba’ pajjiżi msemmija hawn fuq jidħlu fil-Montenegro mingħajr viża għal 30 jum taħt ċerti kundizzjonijiet. Barra minn hekk, eżenzjoni staġjonali mill-ħtieġa ta’ viża għal perjodu massimu ta’ 10 ijiem ġiet introdotta wkoll għal ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess ta’ residenza tal-Emirati Għarab Magħquda għal mill-inqas 3 snin qabel.

In-nuqqas ta’ allinjament tal-politika tal-Montenegro dwar il-viżi mal-politika tal-UE dwar il-viżi jikkontribwixxi għal riskju akbar ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE permezz tar-rotta tal-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni tistenna li l-Montenegro jagħmel aktar progress fl-allinjament tal-politika dwar il-viżi. Bħala parti mill-Aġenda għar-Riforma tiegħu skont il-Pjan ta’ Tkabbir, il-Montenegro impenja ruħu li jkompli jallinja mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża, jilħaq l-interoperabbiltà bejn is-sistemi tiegħu u l-bażijiet tad-data użati fis-sistema attwali ta’ approvazzjoni tal-viża, jibda jaħdem fuq il-ġbir ta’ data bijometrika kif ukoll jintroduċi miżuri addizzjonali ta’ sigurtà biex jiskrinja l-wasliet mingħajr viża ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Sakemm isir allinjament sħiħ, l-iskrinjar aktar rigoruż tal-wasliet mingħajr viża ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk minn pajjiżi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari, ikun miżura temporanja minima mistennija mill-Montenegro.

2.Monitoraġġ tax-xejriet fil-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, ir-ritorni u r-riammissjoni 

L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati fl-Istati Membri minn ċittadini tal-Montenegro naqas bi 11 % bejn l-2022 u l-2023, bi 375 applikazzjoni ppreżentata fl-2023 meta mqabbla ma’ 420 fl-2022. Ir-rata ta’ rikonoxximent ta’ 3 % fl-2023 baqgħet stabbli meta mqabbla mas-sena preċedenti (4 %).

L-Istati Membri rrappurtaw erba’ każijiet ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri fl-2023 minn ċittadini tal-Montenegro meta mqabbla ma’ wieħed fl-2022. L-għadd ta’ ċittadini Montenegrini li nstabu li kienu qed joqogħdu irregolarment fl-2023 naqas bi 12 % (minn 1 100 fl-2022 għal 970 fl-2023). Fl-2023, l-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul għaċ-ċittadini tal-Montenegro fl-Istati Membri naqas b’29,5 % (370 rifjut fl-2023 meta mqabbla ma’ 525 fl-2022).

L-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn li nħarġu għaċ-ċittadini tal-pajjiż naqas b’7 % (425 fl-2023 meta mqabbel ma’ 465 fl-2022), u l-għadd ta’ persuni li ġew irritornati naqas b’26 % (215 fl-2023 meta mqabbel ma’ 290 fl-2022). Ir-rata ta’ ritorn naqset rispettivament minn 62 % fl-2022 għal 51 % fl-2023 li reġġgħet lura x-xejra pożittiva tal-aħħar snin.

Sors: l-Eurostat

3.Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u r-riammissjoni 

Il-Montenegro kkoopera b’mod sodisfaċenti mal-UE dwar ir-riammissjoni. Fl-2023, ma ġiet irrappurtata l-ebda problema u ma ġiet ippreżentata l-ebda talba mill-Istati Membri fir-rigward tal-identifikazzjoni u l-akkwist ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u l-Montenegro huma meqjusa li ġew implimentati b’mod effiċjenti sa issa u l-ebda assistenza ulterjuri dwar dan l-aspett ma hija meħtieġa mill-Frontex.

Wara t-tnedija tas-sejħa kull sena tal-Frontex lill-istituzzjonijiet sħab tal-Balkani tal-Punent biex jieħdu sehem bħala osservaturi fil-laqgħat 32 tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Pajjiż (CWG)immaniġġjati mill-Frontex, il-Montenegro ngħata status ta’ osservatur fuq is-CWG tal-Alġerija, il-Bangladesh, il-Marokk u l-Iraq.

Kooperazzjoni mill-qrib dwar ir-riammissjoni hija rrappurtata wkoll ma’ pajjiżi terzi fil-Balkani tal-Punent. Attwalment, il-Montenegro ma għandux ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ xi wieħed mill-pajjiżi ewlenin ta’ oriġini tal-migranti, minkejja l-isforzi riċenti ta’ outreach.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Frontex, f’Mejju 2023, ġie ffirmat Ftehim ġdid dwar l-Istatus bejn il-Montenegro u l-Unjoni Ewropea dwar l-attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Frontex. Il-ftehim jippermetti l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet konġunti u l-iskjerament ta’ skwadri ta’ ġestjoni tal-fruntieri tal-Frontex fil-Montenegro. Dan jinkludi t-twettiq ta’ attivitajiet operazzjonali fi kwalunkwe punt ta’ qsim tal-fruntieri u fi kwalunkwe post fit-territorju tal-Montenegro (mhux biss fil-fruntiera esterna tal-UE, bħal qabel), fejn l-uffiċjali tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jaħdmu flimkien mal-uffiċjali tal-pulizija tal-fruntieri tal-Montenegro biex iwettqu dmirijiet ta’ kontroll fil-fruntieri, bil-possibbiltà li jeżerċitaw setgħat eżekuttivi. Jinsab għaddew Arranġament ta’ Ħidma biex jiddefinixxi l-governanza għall-użu tal-qafas tal-EUROSUR għall-attivitajiet operazzjonali. L-implimentazzjoni tal-Ftehim il-ġdid bdiet fl-1 ta’ Novembru 2023, permezz tal-Operazzjoni Konġunta estiża “JO Art tal-Montenegro 2023”. Il-JO tal-2024 iżid il-possibbiltà li jiġu attivati punti ta’ qsim ad hoc tal-fruntieri tal-art u tal-baħar f’kooperazzjoni mal-Frontex.

Il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Frontex kompliet issaħħaħ il-kapaċità taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tal-Montenegro. L-organizzazzjoni interna taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tal-Montenegro ġiet żviluppata aktar, u nkisbu għadd ta’ vetturi u dgħajjes tal-għassa, li wassal għal żieda tal-kapaċità operazzjonali taċ-Ċentru.

Il-Montenegro kompla jimplimenta l-istrateġija tiegħu dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-“pjan ta’ azzjoni ta’ Schengen” tiegħu. It-tagħmir għall-ġestjoni tal-fruntieri kompla jiġi aġġornat progressivament f’konformità mal-“pjan ta’ azzjoni ta’ Schengen”.

Il-Montenegro kompla l-kooperazzjoni mal-EUAA fil-qafas tal-Pjan Direzzjonali Konġunt tal-2021, li t-tul tal-ħajja tiegħu ġie estiż sakemm jiġi konkluż dak li jmiss. Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet għat-tieni Pjan Direzzjonali saret fir-rebbiegħa tal-2024. Il-kooperazzjoni intensiva bejn il-Montenegro u l-EUAA diġà tat riżultati sinifikanti permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u huwa maħsub li saħħet is-sistema tal-ażil tal-Montenegro.

Fir-rigward ta’ aktar ħidma fil-qasam tal-ażil, il-Montenegro qed jaħdem biex jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni elettronika tal-migranti permezz tal-Proġett “Miżura individwali biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri fil-Montenegro”, iffinanzjat mill-UE, u implimentat mill-IOM.

4.Kooperazzjoni dwar is-sigurtà

Il-Montenegro kompla jikkoopera b’mod attiv mal-Interpol, l-Europol, is-CEPOL u l-Istati Membri tal-UE. Fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali tal-pulizija mal-Europol, matul l-2023, l-isforzi kienu ffukati fuq il-ġlieda kontra t-traffikar transnazzjonali tal-kokaina, il-gruppi tal-kriminalità organizzata, inklużi r-reati serji u l-korruzzjoni. Fl-2023, il-Montenegro pparteċipa f’54 azzjoni operazzjonali f’10 Pjanijiet ta’ Azzjoni Operazzjonali tal-EMPACT. Kompla l-iskambju regolari ta’ informazzjoni mal-Europol permezz tas-SIENA. Uffiċjal ta’ kollegament mill-Montenegro ilu li ġie skjerat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Europol mill-2015.

Sabiex jiġu żviluppati data analitika u intelligence dwar networks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, ġie stabbilit Grupp għas-Soppressjoni tal-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Bnedmin u l-Kriminalità Transfruntiera fid-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Intelligence u l-Analiżi tar-Riskju tal-Pulizija tal-Fruntieri. Fl-2023, il-pulizija tal-fruntieri bdiet azzjonijiet investigattivi operazzjonali, f’kooperazzjoni mal-prosekuturi kompetenti u l-pulizija tal-qasam kriminali, li wasslu għall-ftuħ ta’ bosta każijiet ġodda tas-SIENA mmirati lejn l-investigazzjoni ta’ gruppi ta’ persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta’ migranti li joperaw mit-territorju tal-Montenegro.

Il-Montenegro jkompli jimplimenta miżuri tal-Arranġament ta’ Implimentazzjoni bejn l-UE u l-Montenegro tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu għall-Balkani tal-Punent.

F’Novembru 2023, ġie ffirmat Arranġament Bilaterali aġġornat bejn il-Montenegro u l-UE għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt tal-isħab tal-Balkani tal-Punent għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Montenegro jkompli l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet konġunti fost is-sħab individwali tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Il-Montenegro kompla l-kooperazzjoni tiegħu mal-EUDA fil-kuntest tal-proġett IPA8.

5.Skemi ta’ ċittadinanza b’investiment 

Kif irrappurtat fis-sitt rapport taħt il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża, l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment tal-Montenegro ġiet itterminata fil-31 ta’ Diċembru 2022, iżda l-awtoritajiet Montenegrini komplew jipproċessaw l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza li ġew ippreżentati qabel id-data tat-terminazzjoni.

Il-Montenegro pproċessa 423 applikazzjoni fl-2023 (għal 423 applikant u 927 membru tal-familja) u ta ċ-ċittadinanza lil 701 individwu. Minn dawn is-701 individwu, 396 għandhom iċ-ċittadinanza tal-Federazzjoni Russa u 65 tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Iċ-ċittadinanza ngħatat lil individwi li għandhom in-nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi oħra bl-obbligu ta’ viża (l-Afrika t’Isfel, it-Turkija, il-Libanu, il-Pakistan, l-Indja, il-Belarussja, il-Filippini, l-Indoneżja, il-Kambodja, il-Każakistan, il-Malażja, in-Niġerja, l-Arabja Sawdija, it-Tuneżija, l-Użbekistan). Il-Montenegro rrapporta li għall-persuni kollha li sussegwentement jinstabu li jkunu ngħataw ċittadinanza Montenegrina u li jkunu fil-lista ta’ persuni soġġetti għal miżuri restrittivi internazzjonali, il-gvern huwa impenjat li jibda proċedimenti għat-telf taċ-ċittadinanza Montenegrina bis-saħħa tal-liġi.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja kwalunkwe żvilupp f’dan ir-rigward sakemm l-applikazzjonijiet pendenti kollha jkunu ġew ipproċessati.

6.Rakkomandazzjonijiet

Il-Montenegro ħa azzjoni biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar progress, u jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:

a)L-allinjament tal-politika tal-Montenegro dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża. Sakemm isir allinjament sħiħ, għandhom jiġu introdotti miżuri ta’ sigurtà inkluż skrinjar aktar rigoruż tal-wasliet mingħajr viża ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk minn pajjiżi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari, permezz ta’ inizjattivi operazzjonali u/jew amministrattivi (pereżempju, fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri) jew inkella permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħala miżura temporanja minima mistennija mill-Montenegro.

b)L-iżgurar li l-applikazzjonijiet pendenti skont l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment li tkun ġiet itterminata dan l-aħħar jiġu skrinjati u pproċessati f’konformità mal-ogħla standards ta’ sigurtà possibbli u li ċ-ċittadinanza mogħtija permezz ta’ dik l-iskema lil persuni soġġetti għal miżuri restrittivi internazzjonali tiġi revokata.



IL-MAĊEDONJA TA’ FUQ

1.Allinjament tal-politika dwar il-viżi

Għad hemm biss pajjiż terz wieħed li huwa mingħajr viża għall-Maċedonja ta’ Fuq u li għandu l-obbligu ta’ viża għall-UE, jiġifieri t-Turkija. Din is-sitwazzjoni ma nbidlitx meta mqabbla mas-sitt rapport taħt il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża. Il-miżuri l-oħra kollha meħuda fl-2023 biex isir progress fl-allinjament tal-politika dwar il-viżi nżammu fl-2024. B’mod partikolari, f’Jannar 2023, il-Maċedonja ta’ Fuq introduċiet mill-ġdid rekwiżit ta’ viża għaċ-ċittadini tal-Botswana u ta’ Kuba. Id-deċiżjoni li ċ-ċittadini tal-Ażerbajġan jitħallew jidħlu temporanjament fil-Maċedonja ta’ Fuq mingħajr viża, skadiet f’Marzu 2023 u ma ġietx estiża.

2.Monitoraġġ tax-xejriet fil-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, ir-ritorni u r-riammissjoni 

Fl-2023, l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati fl-Istati Membri minn ċittadini tal-Maċedonja ta’ Fuq żdied bi 2 %, b’6 855 applikazzjoni ppreżentata fl-2023 meta mqabbla ma’ 6 715 fl-2022. Ir-rata ta’ rikonoxximent kienet ta’ 1 % (meta mqabbla ma’ 2 % fl-2022).

Fl-2023, 12-il każ ta’ qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri minn ċittadini tal-Maċedonja ta’ Fuq ġew irrappurtati fil-livell tal-UE meta mqabbla ma’ 9 fl-2022. Fl-2023, l-għadd ta’ ċittadini tal-Maċedonja ta’ Fuq li nstabu li kienu qed joqogħdu illegalment baqa’ stabbli meta mqabbel mas-sena preċedenti, b’7 055 soġġorn illegali fl-2023 meta mqabbla ma’ 7 035 fl-2022. L-għadd ta’ rifjuti ta’ dħul naqas b’19 %, minn 3 080 rifjut fl-2022 għal 2 495 fl-2023.

Is-sena li għaddiet kienet ikkaratterizzata għall-ewwel darba minn xejra ta’ tnaqqis fl-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn li nħarġu għaċ-ċittadini tal-Maċedonja ta’ Fuq (3 015 fl-2023 meta mqabbel ma’ 3 150 fl-2022, tnaqqis ta’ 4 %), filwaqt li l-għadd ta’ persuni li ġew irritornati żdied b’20,5 % (1 965 fl-2023 meta mqabbel ma’ 1 630 fl-2022). L-Istati Membri rrappurtaw kooperazzjoni tajba dwar ir-ritorn u r-riammissjoni u r-rata ta’ ritorn żdiedet fl-2023 b’65 % tar-ritorni meta mqabbla ma’ 52 % fl-2022.

Sors: l-Eurostat

3.Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u r-riammissjoni 

Wara l-Ftehim dwar l-Istatus tal-2022, il-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri bejn il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Frontex tinsab f’livell għoli mingħajr bidliet fil-perjodu ta’ rappurtar (l-uffiċjali tal-Frontex ġew skjerati fil-Maċedonja ta’ Fuq fl-2023 wara l-ftehim). Il-ftehim dwar l-istatus qed jiġi implimentat mingħajr xkiel permezz tat-twettiq tal-“Operazzjoni Konġunta l-Maċedonja ta’ Fuq” tal-Frontex. Hemm ukoll parteċipazzjoni regolari f’Operazzjonijiet Konġunti oħra tal-Frontex kif ukoll f’Jiem ta’ Azzjoni Konġunta.

B’mod ġenerali, l-Istati Membri rrappurtaw kooperazzjoni tajba dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u r-riammissjoni, anke jekk il-prestazzjoni fil-fruntieri tal-art tista’ tittejjeb u r-riammissjoni tista’ tittejjeb kemm f’termini ta’ eżitu kif ukoll ta’ twaqqit.

Fl-2023, l-Istati Membri ma rrikjedew l-ebda assistenza ulterjuri mill-Frontex dwar l-identifikazzjoni u l-akkwist ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar. Dan jista’ jkun indikazzjoni li l-aspetti rilevanti tal-Ftehim ta’ Riammissjoni bejn l-UE u l-Maċedonja ta’ Fuq qed jiġu implimentati b’mod effiċjenti. Wara t-tnedija tas-sejħa annwali tal-Frontex lill-istituzzjonijiet sħab tal-Balkani tal-Punent biex jieħdu sehem bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Pajjiż (CWG) immaniġġjati mill-Frontex, il-Maċedonja ta’ Fuq ingħatat status ta’ osservatur fuq is-CWG tal-Alġerija, il-Bangladesh, il-Marokk u l-Iraq.

It-tielet ġenerazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għall-Kooperazzjoni li ġie maqbul bejn l-EUAA u l-Maċedonja ta’ Fuq għall-perjodu 2023 – 2025 hija fis-seħħ u tibqa’ għodda importanti biex tissaħħaħ is-sistema tal-ażil u l-akkoljenza.

F’Ottubru 2024, il-Maċedonja ta’ Fuq ingħaqdet man-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni (network ta’ esperti tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil) fil-kapaċità ta’ pajjiż osservatur.

4.Kooperazzjoni dwar is-sigurtà

Il-livell ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni mal-Europol huwa tajjeb u żdied matul l-2023. Uffiċjal ta’ kollegament mill-Maċedonja ta’ Fuq ilu li ġie skjerat mal-Europol mill-2015. L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Maċedonja ta’ Fuq qed jipprovdu informazzjoni dwar l-armi li ġew sekwestrati u l-persuni suspettati li ġew arrestati, u qed jipprovdu feedback meta jiġi mitlub f’attivitajiet operazzjonali. Il-Maċedonja ta’ Fuq qed tipparteċipa wkoll fl-EMPACT.

Matul l-2023, l-iskambju regolari ta’ informazzjoni minn oqsma kriminali bejn il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Europol irreġistra żieda sinifikanti meta mqabbel mal-2022. L-iskambju ta’ informazzjoni permezz ta’ SIENA u CT SIENA żdied ukoll (dan tal-aħħar bi 38 % meta mqabbel mal-2022). Il-Maċedonja ta’ Fuq kompliet tipparteċipa fi proġetti analitiċi tal-Europol imnedija fis-snin preċedenti u ngħaqdet ma’ tliet proġetti oħra bejn l-2023 u l-2024.

Fil-perjodu attwali, l-uffiċjal ta’ kollegament tal-Maċedonja ta’ Fuq assenjat lill-Europol attenda b’mod attiv laqgħat ta’ kull ġimgħa relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Il-Maċedonja ta’ Fuq kompliet il-kooperazzjoni tagħha mal-EUDA fil-kuntest tal-proġett IPA8.

5.Skemi ta’ ċittadinanza b’investiment 

Il-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza tal-Maċedonja ta’ Fuq tippermetti l-akkwist taċ-ċittadinanza mingħajr ebda rekwiżit preċedenti ta’ residenza għal persuni li jirrappreżentaw “interess ekonomiku speċjali” għall-pajjiż. Ma saret l-ebda emenda għal din il-liġi fl-2023 u l-2024. Fl-2023, ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza ta’ interess ekonomiku partikolari, filwaqt li ġew ippreżentati ħames talbiet u l-valutazzjoni tagħhom għadha għaddejja. Il-Kummissjoni ttenni li l-implimentazzjoni ta’ din il-liġi ma għandhiex twassal għal għoti sistematiku taċ-ċittadinanza bi skambju għall-investiment, peress li tista’ tintuża biex tiġi evitata l-proċedura ta’ viża għal soġġorn qasir tal-UE u l-valutazzjoni fil-fond ta’ riskji individwali ta’ migrazzjoni u għas-sigurtà li din tinvolvi, u għalhekk jista’ jkollha impatt fuq ir-reġim mingħajr viża.

6.Rakkomandazzjonijiet

Il-Maċedonja ta’ Fuq ħadet azzjoni biex tindirizza l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar progress, u jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin: 

a)It-tkomplija tal-allinjament sħiħ tal-politika dwar il-viżi tal-Maċedonja ta’ Fuq mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża. Sakemm isir allinjament sħiħ, għandu jiġi introdott skrinjar aktar rigoruż tal-wasliet mingħajr viża ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi permezz ta’ inizjattivi operazzjonali u/jew amministrattivi (pereżempju, fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri) jew inkella permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħala miżura temporanja minima mistennija mill-Maċedonja ta’ Fuq.

b)L-iżgurar li l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza skont il-liġi dwar l-“interess ekonomiku speċjali” jiġu ttrattati bi skrutinju bir-reqqa tal-isfond tal-applikanti u mingħajr ma jiġi permess l-akkwist sistematiku taċ-ċittadinanza għal interess ekonomiku speċjali.



IS-SERBJA

1.Allinjament tal-politika dwar il-viżi

Is-Serbja għandha reġim mingħajr viża ma’ 16-il pajjiż li jinsabu fil-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Bahrain, il-Belarussja, iċ-Ċina, l-Indoneżja, il-Ġamajka, il-Kirgistan, il-Kuwajt, il-Każakistan, il-Mongolja, l-Oman, il-Qatar, ir-Russja, is-Suriname u t-Turkija.

Fi sforz biex tallinja aħjar il-politika tagħha dwar il-viżi ma’ dik tal-UE, bejn Ottubru 2022 u April 2023, is-Serbja ddeċidiet li tintroduċi reġim sħiħ tal-viża għaċ-ċittadini tal-Bolivja, il-Burundi, il-Guinea-Bissau, Kuba, l-Indja u t-Tuneżija.

F’Novembru 2023, is-Serbja adottat “pjan għall-armonizzazzjoni tar-reġim tal-viża mal-politika tal-UE dwar il-viżi” li kien jispeċifika li l-allinjament fir-rigward tal-pajjiżi bl-obbligu ta’ viża fl-UE se jseħħ sena jew sitt xhur qabel l-adeżjoni tas-Serbja mal-UE. Minkejja dan, peress li n-nuqqas ta’ allinjament tal-politika dwar il-viżi jikkontribwixxi għal riskju akbar ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-UE tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, il-Kummissjoni tistenna li s-Serbja tagħmel progress aktar mgħaġġel fl-allinjament tal-politika dwar il-viżi. Bħala parti mill-Aġenda għar-Riforma tagħha skont il-Pjan ta’ Tkabbir, is-Serbja impenjat ruħha li tkompli tallinja mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża. Sakemm isir allinjament sħiħ, skrinjar aktar rigoruż tal-wasliet mingħajr viża ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk minn pajjiżi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari, huwa miżura temporanja minima mistennija mis-Serbja.

2.Monitoraġġ tax-xejriet fil-migrazzjoni irregolari, l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, ir-ritorni u r-riammissjoni

Fl-2023, 4 690 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ġew ippreżentati minn ċittadini Serbi fl-Istati Membri, żieda ta’ 9,5 % meta mqabbla mal-2022 (4 280) li jżomm ix-xejra mis-snin preċedenti. Ir-rata ta’ ritorn naqset minn 5 % fl-2022 għal 2 % fl-2023.

Il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri esterni tal-UE minn ċittadini Serbi naqas b’34 %, minn 32 fl-2022 għal 21 fl-2023. L-għadd ta’ ċittadini Serbi li nstabu li kienu qed joqogħdu illegalment fl-Istati Membri kompla x-xejra ’l isfel bi 13 025 persuna fl-2023 meta mqabbla ma’ 13 625 fl-2022 (tnaqqis ta’ 4 %). Fl-2023, l-għadd ta’ ċittadini Serbi li ġew rifjutati milli jidħlu wera l-istess xejra u naqas bi 13 % (6 550 fl-2022 meta mqabbel ma’ 5 675 fl-2023).

L-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn li nħarġu għaċ-ċittadini Serbi żdied b’4 % (5 835 fl-2023 meta mqabbel ma’ 5 630 fl-2022). Bl-istess mod, l-għadd ta’ persuni li ġew irritornati żdied b’5 % (3 505 fl-2023 meta mqabbel ma’ 3 245 fl-2022) u r-rata ta’ ritorn żdiedet minn 58 % fl-2022 għal 60 % fl-2023.

Sors: l-Eurostat

3.Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u r-riammissjoni

Is-Serbja kompliet tkun involuta b’mod pożittiv fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Balkani tal-Punent. Fl-2023, is-Serbja kompliet timplimenta strateġija ġdida għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri għall-perjodu 2022-2027 u pjan ta’ azzjoni għall-2022-2024. L-isforzi tas-Serbja biex tiżgura l-fruntieri tagħha u biex tindirizza l-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta’ migranti permezz ta’ operazzjonijiet speċjali ddedikati tal-pulizija minn Ottubru 2023 ipproduċew effett deterrenti ġenerali fir-reġjun kollu, li attwalment qed jimmitiga l-pressjoni u jinfluwenza r-rotot tal-migrazzjoni. Ġiet osservata bidla lejn il-kuritur tal-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kroazja, fil-biċċa l-kbira minħabba d-diffikultajiet fit-tranżitu minn ġos-Serbja u l-adattament gradwali tal-operazzjonijiet tal-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta’ migranti għar-realtajiet il-ġodda fuq il-post.

Is-Serbja kompliet il-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri mal-Frontex abbażi ta’ Arranġament ta’ Ħidma u Ftehim dwar l-Istatus; dan tal-aħħar jippermetti l-iskjerament ta’ uffiċjali tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta b’setgħat eżekuttivi permezz ta’ operazzjonijiet konġunti. Fil-25 ta’ Ġunju 2024 ġie ffirmat Ftehim dwar l-Istatus ġdid. Hemm Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Frontex ibbażat f’Belgrad b’mandat reġjonali li jkopri s-Serbja, il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Montenegro. Il-Frontex u l-Istati Membri parteċipanti tal-UE komplew l-iskjerament ta’ uffiċjali tal-Korp Permanenti fis-sezzjonijiet tal-fruntiera tal-art Serbi mal-Bulgarija u l-Ungerija.

Is-Serbja kompliet il-kooperazzjoni mal-EUAA. Il- “Pjan Direzzjonali” rilevanti ġie estiż għas-sena 2023, bħala l-bażi għall-kooperazzjoni mal-EUAA. It-tielet Pjan Direzzjonali għall-kooperazzjoni għall-perjodu 2024–2026 ġie żviluppat u l-approvazzjoni finali tiegħu għadha pendenti.

F’Marzu 2023, is-Serbja ingħaqdet man-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni (network ta’ esperti tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil) fil-kapaċità ta’ pajjiż osservatur.

Is-Serbja kompliet il-kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri fuq il-bażi ta’ ftehimiet bilaterali/multilaterali. Eżempji ta’ kooperazzjoni kienu jinkludu tagħmir/assistenza teknika, skambju ta’ informazzjoni/statistika (inklużi rapporti dwar id-dokumenti kontrafatti u l-kriminalità transfruntiera), analiżi tar-riskju, viġilanzi konġunti tal-fruntieri (1 342 viġilanza ta’ dan it-tip mal-Bulgarija, il-Kroazja, l-Ungerija u r-Rumanija), korsijiet ta’ taħriġ , eċċ. Fl-2023, tnediet l-Inizjattiva Trilaterali bejn is-Serbja, l-Awstrija u l-Ungerija (ibbażata fuq ftehim minn Novembru 2022), biex jiġu rinfurzati l-kontrolli fil-fruntiera tas-Serbja mal-Maċedonja ta’ Fuq bil-ħolqien ta’ task force komuni magħmula minn persunal Awstrijak, Ungeriż u Serb, u billi jinġabar flimkien it-tagħmir ipprovdut mit-tliet pajjiżi.

Dwar ir-riammissjoni, il-Frontex u l-Istati Membri tal-UE rrappurtaw kooperazzjoni ġeneralment tajba mas-Serbja. Madankollu, fir-rigward tar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (l-aktar numerużi kienu ċittadini tal-Afganistan, il-Marokk u s-Sirja), kienu biss nofs it-talbiet ippreżentati mill-Istati Membri tal-UE (1 090 minn 2 198) li ġew aċċettati mill-awtoritajiet Serbi.

4.Kooperazzjoni dwar is-sigurtà

Is-Serbja kompliet il-kooperazzjoni mill-qrib tagħha mal-Europol, speċjalment fl-oqsma tar-reati serji, il-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Is-Serbja żżomm Uffiċjal ta’ Kollegament fil-kwartieri ġenerali tal-Europol. Il-kooperazzjoni operazzjonali mal-Istati Membri tal-UE li hija kkoordinata mill-Europol kienet intensiva, inkluż permezz ta’ Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta u task forces multinazzjonali ddedikati, pereżempju t-Task Force Operazzjonali RAPAX, iddedikata għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin għall-isfruttament sesswali bejn l-Ewropa u l-Amerka Latina.

Is-Serbja kompliet il-parteċipazzjoni tagħha fl-EMPACT. Parti importanti mill-kooperazzjoni mal-Europol tinkludi l-iskambju regolari ta’ informazzjoni permezz tas-SIENA. Il-pulizija Serba kompliet ukoll tipprovdi informazzjoni lill-bażijiet tad-data u l-Proġetti Analitiċi tal-Europol; l-għadd ta’ kontributi Serbi żdied b’10 % fl-2023 meta mqabbel mal-2022.

Il-kooperazzjoni tas-Serbja mas-CEPOL kienet intensiva ħafna fl-2023, kemm permezz ta’ taħriġ kif ukoll fi skambji tal-persunal, b’fokus fuq iċ-ċiberkriminalità, il-kriptovaluti, l-aħbarijiet foloz/id-diżinformazzjoni u l-ħiliet diġitali għall-persunal tal-pulizija.

L-Eurojust u s-Serbja komplew il-kooperazzjoni mill-qrib tagħhom fi kwistjonijiet kriminali, notevolment permezz tal-Prosekutur ta’ Kollegament Serb. Is-Serbja pparteċipat ukoll fi Skwadri ta’ Investigazzjoni Konġunta appoġġati mill-Eurojust.

Is-Serbja kompliet il-kooperazzjoni mill-qrib dwar is-sigurtà mal-Interpol. Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri ġirien tal-UE, speċjalment il-Kroazja u r-Rumanija, kienet intensiva fir-rigward tar-reati serji f’żoni tal-fruntiera, inklużi l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u l-kuntrabandu tad-drogi, l-armi u l-munizzjon.

Is-Serbja kompliet il-kooperazzjoni tagħha mal-EUDA abbażi ta’ arranġament ta’ ħidma tal-2020 kif ukoll fil-kuntest tal-proġett IPA8.

5.Rakkomandazzjonijiet

Is-Serbja ħadet azzjoni biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar progress, u jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin:

a)L-allinjament tal-politika tas-Serbja dwar il-viżi mal-lista tal-UE ta’ pajjiżi bl-obbligu ta’ viża. Sakemm isir allinjament sħiħ, għandu jiġi introdott skrinjar aktar rigoruż tal-wasliet mingħajr viża ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk minn pajjiżi li jippreżentaw riskji għas-sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari, permezz ta’ inizjattivi operazzjonali u/jew amministrattivi (pereżempju, fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri) bħala miżura temporanja minima mistennija mis-Serbja.

b)L-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-klawżola taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u s-Serbja.



II.IL-KARIBEW TAL-LVANT

Il-Kummissjoni ilha mill-2020 involuta mal-ħames pajjiżi tal-Karibew tal-Lvant mingħajr viża li jħaddmu skemi ta’ ċittadinanza b’investiment (Antigua u Barbuda, Dominica, Grenada, Saint Kitts u Nevis, u Saint Lucia) biex tikseb informazzjoni u data rilevanti dwar dawk l-iskemi.

Il-ħames pajjiżi kollha joperaw skemi differenti ta’ ċittadinanza b’investiment, li jikkonsistu prinċipalment f’kontribuzzjonijiet diretti għall-baġit tal-Istat jew f’investimenti f’infrastruttura kbira, utilitajiet jew proġetti immobiljari. L-ewwel għażla normalment tkun irħas, filwaqt li l-għażla tal-proprjetà immobbli normalment tkun aktar għalja. Il-proċess għall-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza u d-diliġenza dovuta u l-iskrinjar ta’ sigurtà użati huma simili fil-ħames pajjiżi kollha, b’ħames passi ewlenin:

1)l-aġenti tal-kummerċjalizzazzjoni liċenzjati jiġu fdati biex isibu investituri interessati f’pajjiżi terzi.

2)l-investituri interessati jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom permezz ta’ aġenti lokali awtorizzati, li jissottomettu l-applikazzjonijiet u d-dokumenti ta’ sostenn lill-unità taċ-Ċittadinanza b’investiment (CBI, Citizenship by Investment).

3)jitwettaq proċess ta’ skrutinju fuq tliet livelli dwar l-oriġini tal-fondi (mill-banek), dwar l-identità, is-sigurtà u l-profil reputazzjonali tal-applikanti (minn ditti internazzjonali tad-diliġenza dovuta) u dwar ir-riskji għas-sigurtà u ta’ immigrazzjoni (miċ-Ċentru Konġunt ta’ Komunikazzjoni Reġjonali (JRCC, Joint Regional Communications Centre) tal-Aġenzija ta’ Implimentazzjoni CARICOM għall-Kriminalità u s-Sigurtà).

4)abbażi tal-kontrolli msemmija hawn fuq, l-unità tas-CBI tapprova jew tirrifjuta l-applikazzjoni.

5)għall-applikazzjonijiet approvati, id-deċiżjoni finali dwar l-għoti taċ-ċittadinanza tittieħed mill-Ministru kompetenti. 

Kif ippreżentat fis-Sitt rapport taħt il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża ta’ Ottubru 2023, hemm bosta elementi li jirriżultaw mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni, li jissuġġerixxu li l-proċeduri ta’ skrinjar u skrutinju tal-ħames pajjiżi jistgħu ma jkunux bir-reqqa biżżejjed biex jiżguraw ir-rifjut ta’ applikazzjonijiet minn individwi li jistgħu jkunu riskju potenzjali għas-sigurtà għall-UE ladarba jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ dawk il-pajjiżi u konsegwentement l-aċċess mingħajr viża għall-UE.

L-ebda wieħed mill-ħames pajjiżi ma jirrikjedi residenza jew imqar preżenza fiżika fil-pajjiż qabel ma tingħata ċ-ċittadinanza 33 . Dan jimplika li l-bijometrika tal-applikanti li mexxew ma tkunx irreġistrata. Barra minn hekk, b’modijiet differenti, il-ħames pajjiżi kollha jippermettu lill-applikanti li mexxew il-possibbiltà li jibdlu isimhom wara li jkunu kisbu ċ-ċittadinanza b’investiment. F’Antigua u Barbuda u Dominica, dan huwa permess minn 5 snin wara li tkun inkisbet iċ-ċittadinanza; fi Grenada wara sena. Madankollu, l-isem antik jinżamm fil-passaport taħt l-intestatura “osservazzjonijiet”.

Minn meta ġie ppubblikat is-sitt rapport, għall-iskemi tal-pajjiżi kollha, l-għadd ta’ applikanti li mexxew kompla jiżdied, filwaqt li l-għadd ta’ rifjuti għadu relattivament baxx, minkejja xi xejriet dejjem akbar għal xi pajjiżi. It-tabella ta’ hawn taħt tinkludi d-data pprovduta lill-Kummissjoni mill-ħames pajjiżi 34 .

Antigua u Barbuda

Dominica

Grenada

Saint Kitts u Nevis

Saint Lucia

Total ta’ applikazzjonijiet riċevuti

3 719 

(2014-2022)

685 (2023)

739 (2024 sat-30/6)

13 161 (2015-2022)

4 068 fl-2023

2 981 in 2024 (sat-30/6)

3 151 (2014-2022)

1 251 (2022)

2 297 (2023)

138 (2024 sal-31/07)

17 668 (2015-2022)

1 987 (2023)

98 (2024 sat-30/6)

2 013 (2015-2022)

4 076 (2023)

1 226 (2024 sat-30/4)

Rifjuti

157 (2014-2022)

24 (2023)

23 (2024)

420 (2019-2022)

210 (2023)

180 (2023)

204 (2015-2022)

59 (2023)

34 (2024)

532 (2015-2022)

207 (2023)

4 (2024)

70 (2015-2022)

28 (2023)

81 (2024)

Total ta’ passaporti maħruġa

7 205

(2014-2022)

1 191 (2023)

198 (2024 sat-30/6)

34 596
(2018-2022, id-data tal-2022 qed tiġi vverifikata)

9 539 (2023)

5 484 (2024 sat-30/6)

6 479 (2014-2022)

2023-2024: M/A

35 577 (2015-2022)

2023-2024: M/A

M/A

L-applikanti li jirnexxu jkomplu jinkludu l-aktar ċittadini li kieku jkunu jeħtieġu viża biex jidħlu fl-UE. In-nazzjonalitajiet ewlenin tal-applikanti li rnexxew fl-2023–2024, skont l-informazzjoni li waslet, jinkludu l-Iran (1 918), iċ-Ċina (1 099), is-Sirja (747), l-Iraq (425), in-Niġerja (308) u l-Libanu (149), fost l-oħrajn. 35 Wara l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-ħames pajjiżi kollha ssospendew l-eżami tal-applikazzjonijiet minn ċittadini Russi u Belarussi. Madankollu, fl-2023 Grenada kien għad kellha għadd konsiderevoli (madwar 2 300) ta’ applikazzjonijiet pendenti minn ċittadini Russi li ġew ipproċessati fl-2024 36 .

Wara l-pubblikazzjoni tas-sitt rapport, il-Kummissjoni kompliet tkun involuta mal-ħames pajjiżi, kemm fil-livell politiku kif ukoll tekniku. Fit-12 ta’ Jannar 2024, il-Kummissjoni kellha laqgħa ta’ livell għoli mal-Prim Ministri tal-ħames pajjiżi, li ġiet segwita minn missjoni teknika ta’ tiftix tal-fatti tas-servizzi tal-Kummissjoni fir-reġjun li saret f’Jannar 2024 u skambji ta’ informazzjoni bil-miktub.

Il-missjoni u l-informazzjoni aġġornata riċevuta kkonfermaw il-biċċa l-kbira tat-tħassib ewlieni li ġie ppreżentat fis-sitt rapport, jiġifieri, li l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment ma jistgħux ikunu ta’ riskju żero għas-sigurtà, kif ukoll l-importanza ekonomika u politika ta’ dawk l-iskemi għall-ħames pajjiżi.

Fl-istess ħin, matul dawn l-aħħar xhur il-ħames pajjiżi kollha wrew aktar sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa li jsaħħu d-diliġenza dovuta u s-sistemi tal-iskrinjar ta’ sigurtà tagħhom, u r-rieda għal titjib sostanzjali bl-appoġġ tas-sħab internazzjonali tagħhom. B’mod partikolari, fl-ewwel xhur tal-2024, il-ħames pajjiżi ffirmaw Memorandum ta’ qbil li jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-iskemi tagħhom. F’konformità mal-memorandum, il-ħames pajjiżi ddeċidew li jarmonizzaw it-tariffa minima għall-investiment għal USD 200 000. Għal Antigua u Barbuda, Dominica, Grenada u Saint Lucia dan kien jikkostitwixxi żieda ta’ 100 % (minn livell limitu preċedenti ta’ USD 100 000). Il-memorandum kien jinkludi wkoll impenn biex tiġi kondiviża informazzjoni dwar l-applikanti, jiġu implimentati miżuri ta’ trasparenza msaħħa, tiġi stabbilita awtorità ta’ regolamentazzjoni reġjonali, jissaħħu l-oqfsa tal-iskrinjar ta’ sigurtà tagħhom, u jiġu stabbiliti standards komuni dwar l-aġenti, il-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-iskemi.

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ħames pajjiżi tal-Karibew tal-Lvant u tivvaluta l-implimentazzjoni tar-riformi msemmija hawn fuq, skont il-qafas legali attwali tal-Artikolu 8(2)(d) tar-Regolament dwar il-Viża li jipprevedi l-iskattar tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża f’każijiet ta’ riskju akbar jew theddida imminenti għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tal-Istati Membri. Ladarba jiġi adottat il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża rivedut, il-Kummissjoni tadatta l-valutazzjoni tagħha fuq il-bażi tar-regoli l-ġodda. Fi kwalunkwe ċirkostanza, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni se tkompli tqis kif xieraq ir-relazzjonijiet ġenerali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi kkonċernati kif ukoll il-kuntest politiku ġenerali.



III.L-AMERIKA LATINA 

Fil-Komunikazzjoni dwar il-Viża ta’ Mejju 2023 37 , waħda mill-isfidi enfasizzati ewlenin kienet l-għadd dejjem jikber ta’ applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżenti mill-ħtieġa ta’ viża. L-applikazzjonijiet għall-ażil minn ċittadini ta’ pajjiżi mingħajr viża spiss ikollhom rata baxxa ta’ rikonoxximent u b’hekk joħolqu piż sinifikanti għas-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri: madwar 20 % (aktar minn 1,2 miljun) tal-applikazzjonijiet għall-ażil li ġew ippreżentati fl-UE bejn l-2015 u l-2023, ġew ippreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw mingħajr viża lejn l-UE. Dan qed iseħħ f’mument meta l-kapaċità ta’ akkoljenza ta’ xi Stati Membri tinsab fil-limiti tagħha minħabba s-sitwazzjoni ta’ bosta kriżijiet fil-front ġeopolitiku, u b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġi integrat l-għadd kbir ta’ persuni bi protezzjoni temporanja li sabu rifuġju fl-UE minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-wasliet irregolari kontinwi ta’ migranti minn partijiet oħra tad-dinja.

Minbarra l-pajjiżi fil-viċinat tal-UE li jiġu koperti b’mod regolari mir-rapporti taħt il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża, matul l-aħħar snin xi Stati Membri tal-UE qed jiffaċċjaw xejra dejjem akbar ta’ applikanti għall-ażil mill-pajjiżi mingħajr viża fl-Amerka Latina, kif jintwera mit-tabelli ta’ hawn taħt. Bejn l-2015 u l-ewwel tliet xhur tal-2024, l-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi mingħajr viża fir-reġjun tal-Amerika Latina żdiedu b’mod sinifikanti, u dan wassal għal sitwazzjoni fejn dawn jirrappreżentaw nofs it-total tal-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw mingħajr viża (madwar 600 000 minn madwar 1,2 miljun).

Tabella 1 – applikazzjonijiet għall-ażil għall-ewwel darba 2015-Jannar-Lulju 2024 — Sors: l-Eurostat

Pajjiż

2015

2016

2017

2018

2019

2020

2021

2022

2023

Jannar-Lulju 2024

Il-Costa Rica

10

5

15

20

60

40

20

80

115

120

El Salvador

555

1 765

2 965

5 040

9 070

4 230

1 830

3 580

2 880

1540

Il-Gwatemala

20

40

85

230

620

500

265

440

545

260

Il-Honduras

220

475

1 325

2 770

7 245

5 670

2 360

3 260

4 030

1580

Il-Messiku

75

50

80

125

200

160

135

260

335

195

In-Nikaragwa

45

65

165

1 890

6 530

3 900

1 365

2 780

3 235

1545

Il-Panama

5

5

10

15

55

50

60

125

170

85

L-Arġentina

15

20

35

100

340

450

325

810

1 475

985

Il-Brażil

90

205

290

670

1 605

1 650

795

1 555

1 775

1245

Iċ-Ċilì

35

50

50

105

225

300

195

370

600

385

Il-Kolombja

270

1 050

3 935

10 045

31 850

29 055

13 140

42 420

62 015

31845

Il-Paragwaj

15

15

30

80

375

370

250

740

1 085

735

Il-Perù

145

150

550

1 515

6 810

6 140

3 055

12 685

23 035

16135

L-Urugwaj

0

10

20

30

110

170

140

110

200

110

Il-Venezwela

775

4 690

12 985

22 195

44 770

30 325

17 380

50 050

67 085

41740

TOTAL

2 275

8 595

22 540

44 830

109 865

83 010

41 315

119 265

168 580

98505

Pajjiż

Sena

Rifjuti ta’ dħul

Soġġorni illegali

Applikazzjonijiet għall-ażil għall-ewwel darba

Rata ta’ rikonoxximent 38

L-Arġentina

2022

350

1 110

810

2 %

2023

335

1 285

1 475

4 %

Il-Brażil

2022

2 825

4 565

1 555

8 %

2023

2 380

4 990

1 775

9 %

Iċ-Ċilì

2022

180

620

370

5 %

2023

210

700

600

4 %

Il-Kolombja

2022

3 600

9 800

42 420

6 %

2023

3 655

14 260

62 015

6 %

Il-Costa Rica

2022

20

75

80

0 %

2023

20

85

115

11 %

El Salvador

2022

165

650

3 580

31 %

2023

130

720

2 880

31 %

Il-Gwatemala

2022

115

285

440

17 %

2023

105

260

545

32 %

Il-Honduras

2022

515

2 405

3 260

17 %

2023

475

2 490

4 030

23 %

Il-Messiku

2022

190

695

260

12 %

2023

235

730

335

18 %

In-Nikaragwa

2022

425

1 325

2 780

25 %

2023

370

1080

3 235

52 %

Il-Panama

2022

25

35

125

14 %

2023

25

40

170

6 %

Il-Paragwaj

2022

725

1 265

740

5 %

2023

460

1800

1 085

3 %

Il-Perù

2022

1 155

3 650

12 685

5 %

2023

990

4 755

23 035

5 %

L-Urugwaj

2022

30

190

110

3 %

2023

25

220

200

5 %

Il-Venezwela

2022

250

2 000

50 050

4 %

2023

405

2 175

67 085

3 % 39

TOTAL/MEDJA (%)

2022

10 555

28 670

119 265

10 %

2023

9 835

35 590

168 580

14 %

Fl-2023, kien hemm 168 580 applikazzjoni ppreżentata minn ċittadini tal-15-il pajjiż ikkonċernat, meta mqabbla ma’ 119 265 applikazzjoni fl-2022. Dan jirrappreżenta żieda ta’ aktar minn 40 % f’sena waħda. 

Filwaqt li kien hemm talbiet għall-ażil ippreżentati minn ċittadini tal-15-il pajjiż kollha fir-reġjun li għandhom eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża, il-Venezwela, il-Kolombja u l-Perù jippreżentaw l-akbar għadd u xejriet dejjem jikbru, segwiti mill-Honduras, in-Nikaragwa, u El Salvador. Il-pajjiżi l-oħra jippreżentaw għadd aktar baxx u xejriet dejjem jikbru li huma inqas sinifikanti, u għalhekk għalissa ma jagħtux lok għal tħassib speċifiku 40 .

Sors: l-Eurostat

Fir-rigward tal-Venezwela, l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati minn ċittadini Venezwelani fl-Istati Membri matul l-aħħar 3 snin qed jiżdied b’mod kostanti b’aktar minn 50 000 applikazzjoni kull sena. Kien hemm 69 540 applikazzjoni li ġew ippreżentati fl-2023 meta mqabbla ma’ 52 075 applikazzjoni fl-2022. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dawn ix-xejriet huma marbuta mas-sitwazzjoni politika u ekonomika attwali tal-Venezwela u tfakkar l-impenn tal-UE li tappoġġa, flimkien mas-sħab internazzjonali tagħha, soluzzjoni paċifika, demokratika u inklużiva mmexxija mill-Venezwela biex tintemm il-kriżi fil-pajjiż.

Fir-rigward tal-Kolombja, fl-2023, iċ-ċittadini Kolombjani ppreżentaw 63 310 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri, żieda ta’ 46 % meta mqabbla mal-2022 (43 370). Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dawn ix-xejriet huma wkoll marbuta mal-fatt li l-Kolombja qed tospita kważi 3 miljun rifuġjat u migrant mill-Venezwela. Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni Konġunta, l-UE se tkompli tappoġġa lill-Kolombja u lir-reġjun biex jiffaċċjaw din il-kriżi ta’ migrazzjoni.

Fir-rigward tal-Perù, kien hemm żieda qawwija ta’ 81 % fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati fl-Istati Membri bejn l-2022 u l-2023, bi 23 280 applikazzjoni ppreżentata fl-2023 meta mqabbal ma’ 12 880 fl-2022.

Fir-rigward tal-Honduras, fl-2023 kien hemm 4 065 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati fl-Istati Membri, meta mqabbla ma’ 3 335 fl-2022, li jirrappreżentaw żieda ta’ 18 %.

Fir-rigward tan-Nikaragwa, fl-2023 kien hemm 3 340 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati fl-Istati Membri, meta mqabbla ma’ 2 855 fl-2022, li jirrappreżentaw żieda ta’ 15 %.

Fir-rigward ta’ El Salvador, fl-2023 kien hemm 3 060 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati fl-Istati Membri, meta mqabbla ma’ 3 770 fl-2022, li jirrappreżentaw tnaqqis ta’ 19 %.

Sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża, jenħtieġ li l-ivvjaġġar mingħajr viża jintuża strettament għal soġġorni qosra. Is-servizzi tal-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mas-SEAE, se jkunu involuti fi djalogu mal-pajjiżi l-aktar ikkonċernati fir-reġjun biex jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki, jappoġġaw l-isforzi tal-awtoritajiet fl-implimentazzjoni ta’ kontrolli xierqa fil-fruntieri mat-tluq, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi taħt ir-reġimi mingħajr viża, u azzjonijiet xierqa oħra biex jiġu indirizzati r-raġunijiet sottostanti għall-għadd kbir ta’ applikazzjonijiet għall-ażil. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija hawn fuq u l-impatt fuq l-għadd ta’ soġġorni irregolari u applikazzjonijiet għall-ażil, skont il-qafas legali attwali tal-Artikolu 8(2)(a) u (b) tar-Regolament dwar il-Viża li jipprevedi l-iskattar tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viża f’każijiet ta’ żieda sostanzjali fil-migrazzjoni irregolari jew fl-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi.

Fir-rigward ta’ soġġorni twal, iż-żewġ partijiet għandhom iżidu l-kooperazzjoni dwar il-perkorsi legali u jrawmu arranġamenti ta’ mobbiltà li huma ta’ benefiċċju reċiproku, kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni Konġunta Aġenda Ġdida għar-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew.



KONKLUŻJONI

L-Istati Membri jirrapportaw b’mod ġenerali kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab kollha fil-viċinat tal-UE kemm dwar il-migrazzjoni kif ukoll dwar is-sigurtà. Bosta minn dawn is-sħab jeħtieġ li jkomplu jindirizzaw l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi, u kollha għandhom ikomplu jagħmlu progress fl-allinjament tal-politika dwar il-viżi, biex jiġi evitat ir-riskju li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jidħlu mingħajr viżi fit-territorji tagħhom u mbagħad ikomplu jivvjaġġaw b’mod irregolari lejn l-UE.

Għall-viċinat tal-UE, is-segwitu għall-ikkompletar tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża għadu għodda b’saħħitha biex jiġu appoġġati r-riformi u tingħata spinta lill-kooperazzjoni mal-UE dwar il-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà. Il-Kummissjoni tqis li l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, u s-Serbja ħadu azzjoni biex jindirizzaw għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li saru fis-Sitt Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża. Għall-Ukrajna u l-Kosovo, li ċ-ċittadini tagħhom kisbu l-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża inqas minn seba’ snin ilu u li għalihom għadu meħtieġ rappurtar dwar l-issodisfar tar-rekwiżiti ta’ liberalizzazzjoni tal-viża, il-Kummissjoni tqis li dawk ir-rekwiżiti għadhom qed jiġu ssodisfati. Madankollu, jeħtieġ li t-tnejn li huma jieħdu azzjoni ulterjuri biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Għall-Georgia, li ċ-ċittadini tagħha kisbu wkoll l-eżenzjoni mill-viża inqas minn seba’ snin ilu u li għaliha għadu meħtieġ rapportar dwar l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-liberalizzazzjoni tal-viża, il-Kummissjoni tqis li, sabiex ikompli jissodisfa l-parametri referenzjarji kollha tal-liberalizzazzjoni tal-viża u biex tiġi evitata l-attivazzjoni possibbli tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni, il-pajjiż jeħtieġ li jieħu azzjoni urġenti ulterjuri biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

Il-monitoraġġ mill-qrib ta’ dan il-proċess se jkompli, inkluż permezz ta’ laqgħat bejn uffiċjali għolja, u l-laqgħat regolari tas-sottokumitat dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà. Il-monitoraġġ ta’ kwistjonijiet relatati mar-rekwiżiti ta’ liberalizzazzjoni tal-viża se jkompli jiġi indirizzat ukoll fir-rapporti annwali tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir.

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tkun involuta mal-pajjiżi mingħajr viża fil-Karibew tal-Lvant li joperaw skemi taċ-ċittadinanza b’investiment bil-ħsieb li jiġi evitat kwalunkwe riskju possibbli għas-sigurtà għall-UE u l-Istati Membri tagħha, u mal-pajjiżi kkonċernati tal-Amerka Latina sabiex jiġi evitat li l-ivvjaġġar mingħajr viża jintuża biex jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi.

(1)

*    Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(2)

     Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 fir-rigward tar-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni COM/2023/642 final.

(3)

   Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39.

(4)

   COM(2017) 815 final (l-ewwel rapport); COM(2018) 856 final (it-tieni rapport); COM (2020) 325 final (it-tielet rapport); COM (2021) 602 final (ir-raba’ rapport), COM/2022/715 final (il-ħames rapport), COM/2023/730 final (is-sitt rapport).

(5)

     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-monitoraġġ tas-sistemi tal-UE ta’ vjaġġar mingħajr viża, COM/2023/297 final.

(6)

     Dan ir-rapport ma jkoprix lil Vanuatu, peress li l-valutazzjoni finali tal-Kummissjoni dwar ir-riskji għas-sigurtà li jirriżultaw mill-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu ġiet ippreżentata fil-31 ta’ Mejju 2024 fir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu, COM/2024/366 final.

(7)

   Ir-Regolament (UE) 2023/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (Il-Kosovo (Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.)) (ĠU L 110, 25.4.2023, p. 1–4).

(8)

   L-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2018/1806 jirrikjedi biss li l-Kummissjoni tirrapporta għal perjodu ta’ seba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-liberalizzazzjoni tal-viża għal dawk il-pajjiżi terzi; minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni tista’ tkompli tirrapporta kull meta tqis li jkun meħtieġ, jew fuq talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

(9)

      https://home-affairs.ec.europa.eu/system/files/2022-12/Western%20Balkans_en.pdf  

(10)

   L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA, European Union Agency for Asylum), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol).

(11)

     Kien hemm 20 Stat Membru li pprovdew kontributi dwar eżempji rilevanti ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi inkwistjoni, fl-oqsma tal-migrazzjoni u s-sigurtà.

(12)

   Għal dan ir-rapport, it-terminu “Stati Membri” jirreferi għall-Istati Membri li japplikaw ir-Regolament (UE) 2018/1806 (“ir-Regolament dwar il-Viża”), jiġifieri l-Istati Membri kollha tal-UE (ħlief l-Irlanda) u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen.

(13)

   Filwaqt li l-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża relatati mal-migrazzjoni huma limitati għall-politiki dwar il-migrazzjoni tal-pajjiżi terzi kkonċernati, it-taqsima dwar ix-xejriet tal-migrazzjoni tirrifletti l-migrazzjoni irregolari lejn l-Istati Membri, ir-rifjuti ta’ dħul maħruġa mill-Istati Membri, u l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li ġew ippreżentati fl-Istati Membri minn ċittadini tal-pajjiżi koperti fir-rapport.

(14)

     L-Artikolu 8d(2) tal-proposta.

(15)

     JOIN(2023) 17 final.

(16)

     L-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1806.

(17)

     Fl-1 ta’ Jannar 2024, l-għadd ta’ passaporti mhux bijometriċi validi li kien fadal kien ta’ 2012.

(18)

   Għall-fini ta’ dan ir-rapport, ir-rata ta’ rikonoxximent hija kkalkulata bħala s-sehem ta’ deċiżjonijiet pożittivi fil-prima istanza (inklużi    l-istatus ta’ rifuġjat, l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, kif ukoll l-istatus umanitarju nazzjonali) fl-għadd totali ta’ deċiżjonijiet fil-prima istanza. Għal definizzjoni, ara https://home-affairs.ec.europa.eu/pages/glossary/recognition-rate-procedures-international-protection_mt

(19)

      CDL-PI(2023) (coe.int) : Opinjoni urġenti dwar il-Liġi dwar it-Trasparenza tal-Influwenza Barranija maħruġa mill-Kummissjoni ta’ Venezja fl-21 ta’ Mejju 2024

(20)

     Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja, ST/6846/2022/INIT, ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1–6.

(21)

      Statistika | Eurostat (europa.eu) .

(22)

      Statistika | Eurostat (europa.eu) .

(23)

      https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_12_605  

(24)

     COM (2013) 66 final, COM(2014) 488 final, COM(2015) 906 final, flimkien ma’ SWD(2015) 706 final, u COM(2016) 276 final.

(25)

     COM (2016) 277 final.

(26)

     Ir-ratifika tal-Ftehim ta’ Demarkazzjoni tal-Fruntieri mal-Montenegro (il-21 ta’ Marzu 2018) u l-istabbiliment u t-tisħiħ ta’ rekord kostanti ta’ investigazzjonijiet u deċiżjonijiet finali tal-qorti f’każijiet ta’ kriminalità organizzata u korruzzjoni.

(27)

     COM(2018) 543 final.

(28)

     Ir-Regolament (UE) 2023/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ April 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (Il-Kosovo (Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.))

(29)

     Ibid., il-Premessa 6.

(30)

     Iċ-ċittadini taċ-Ċina b’dokument tal-ivvjaġġar validu jistgħu joqogħdu fil-Montenegro għal mhux aktar minn 30 jum, bħala grupp turistiku organizzat li flimkien jidħol, joqgħod u joħroġ mill-Montenegro, dment li jkollhom prova ta’ arranġament turistiku mħallas u prova ta’ ritorn ipprovdut lejn il-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ tranżitu.

(31)

     Iċ-ċittadini tal-Belarussja u r-Russja jistgħu joqogħdu fil-Montenegro għal mhux aktar minn 30 jum, b’dokument tal-ivvjaġġar validu maħruġ minn dawk il-pajjiżi.

(32)

     It-tielet laqgħat speċifiċi għall-pajjiż magħmula minn u ppreseduti minn rappreżentanti tal-Istati Membri (u kopreseduti mill-Frontex) għall-iskambju ta’ informazzjoni fil-qasam tar-ritorn.

(33)

     Antigua u Barbuda introduċew obbligu li wieħed iżur il-pajjiż fi żmien 3 snin wara li tingħata ċ-ċittadinanza, u pajjiżi oħra qed jirriflettu dwar l-introduzzjoni ta’ obbligu simili.

(34)

     Is-sett ta’ data mhuwiex komplut u jippreżenta għadd ta’ inkonsistenzi. L-għadd ta’ applikazzjonijiet totali spiss ikun aktar baxx mill-għadd totali ta’ passaporti maħruġa minħabba li l-applikazzjonijiet jistgħu jkopru aktar minn persuna waħda (pereżempju, applikazzjoni li tintlaqa’ għal familja ta’ erba’ persuni tgħodd bħala applikazzjoni waħda, iżda erba’ passaporti maħruġa).

(35)

     Ta’ min jinnota li ċ-ċifri għal kull pajjiż terz ipprovduti f’dan il-paragrafu huma bbażati fuq data li ġiet ippreżentata mill-pajjiżi tal-Karibew tal-Lvant rigward l-aktar ħames nazzjonalitajiet li kellhom applikazzjonijiet li ntlaqgħu. Għalhekk huwa possibbli li ċ-ċifri reali għal kull pajjiż terz ikunu kemxejn ogħla minn dawk ipprovduti abbażi ta’ dan l-eżerċizzju ta’ ġbir tad-data (jiġifieri, xi wħud minn dawn in-nazzjonalitajiet jistgħu ma jkunux irnexxilhom ikunu mal-“aqwa ħamsa” f’wieħed mill-pajjiżi tal-Karibew tal-Lvant, jew aktar). L-applikazzjonijiet kollha ppreżentati minn ċittadini tal-Iran li ġew irrappurtati hawn, ġew ipproċessati biss minn Dominica.

(36)

     Grenada infurmat lill-Kummissjoni li mis-16 ta’ Settembru 2024, kien hemm 87 applikazzjoni Russa li kienu qed jistennew biex jiġu riveduti.

(37)

     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-monitoraġġ tas-sistemi tal-UE ta’ vjaġġar mingħajr viża, COM/2023/297 final.

(38)

     Ir-rata ta’ rikonoxximent tinkludi forom ta’ protezzjoni regolati mill-UE (status ta’ rifuġjat u protezzjoni sussidjarja) u teskludi forom ta’ protezzjoni nazzjonali (raġunijiet umanitarji). Din tiġi kkalkulata billi jiġi diviż l-għadd ta’ deċiżjonijiet pożittivi fil-prima istanza (l-għoti ta’ status ta’ rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja) bl-għadd totali ta’ deċiżjonijiet meħuda.

(39)

     Fl-2023, 91 % tad-deċiżjonijiet fil-prim’ istanza rriżultaw fl-għoti ta’ status umanitarju nazzjonali lill-applikanti Venezwelani, (72 % fl-2022).

(40)

     Għalkemm il-Brażil għandu fost l-akbar għadd fir-reġjun f’termini ta’ rifjuti ta’ dħul u soġġorni illegali, dan għandu jitqies fi proprozjon mal-popolazzjoni akbar tiegħu.