European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6668

11.12.2025

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(C/2025/6668)

Fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Sapin de Noël du Morvan”

Nru tal-UE: PGI-FR-03379 – 16.12.2024

1.   Isem/Ismijiet

“Sapin de Noël du Morvan”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP ☐ IĠP ☒

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Franza

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

06 – SIĠAR ĦAJJIN U PJANTI OĦRAJN; BASAL, GĦERUQ U BĦALHOM; FJURI MAQTUGĦIN U WERAQ ORNAMENTALI

0604 – Faxxina, friegħi u partijiet oħrajn tal-pjanti, mingħajr fjuri jew blanzuni, u ħaxix, ħażiż u likeni, li huma oġġetti adattati għall-bukketti jew għal finijiet ornamentali, friski, imnixxfin, miżbugħin, ibbliċjati, imprenjati jew ippreparati mod ieħor

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

Is-“Sapin de Noël du Morvan” hija siġra ornamentali, maqtugħa jew fil-qsari, li tradizzjonalment tintuża biex iżżejjen id-djar tal-konsumaturi matul il-perjodu tal-Milied.

Is-“Sapin de Noël du Morvan” hija ppreżentata maqtugħa jew fil-qsari. Tiġi mill-ispeċi:

—

Abies nordmanniana (żnuber ta’ Nordmann)

—

Abies procera (syn. nobilis) (żnuber nobbli)

—

Picea abies (abit)

Is-“Sapin de Noël du Morvan” tissodisfa l-kriterji estetiċi li ġejjin:

—

qagħda bbilanċjata u simetrika;

—

friegħi regolari u densi;

—

weraq għall-ponta ta’ kulur “aħdar skur” għall-abit u għaż-żnuber ta’ Nordmann, u “aħdar jagħti fil-blu” għaż-żnuber nobbli;

—

stat tajjeb ta’ freskezza assoċjat mat-tqaċċit jew mal-qlugħ tard.

Id-daqs huwa bejn 40 cm u 15 m għas-siġar tal-Milied maqtugħin, u bejn 60 cm u 2 m għal dawk fil-qsari.

Is-siġar fi blokok tal-ħamrija jew dawk li jkunu ġew applikati t-trab, il-ġlata jew is-silġ fuqhom, jew li jkunu ġew ittrattati b’sustanza kuluranti, huma pprojbiti.

Definizzjoni ta’ kriterji estetiċi

“Sapin de Noël du Morvan” ta’ bejn 40 cm u 3 m għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

Kriterji

Valur fil-mira

Kulur

Konsistenti mas-siġra kollha

Forma

Proporzjon ta’ wisa’/għoli bejn 0,5 u 1

Densità

Iċ-ċrieki tal-weraq tal-friegħi u l-internodi jridu jkunu mqassma b’mod uniformi tul l-għoli kollu tas-siġra, u jkunu biżżejjed fin-numru biex jiżguraw densità tajba.

Zokk ewlieni

Zokk ewlieni wieħed fiċ-ċentru tas-siġra

Rimja terminali

Rimja terminali [il-parti ta’ fuq nett] dritta, għalkemm tista’ tkun ikkurvata jew ta’ forma irregolari sakemm il-kurva ma taqbiżx l-20° b’referenza mal-linja vertikali. It-tul ivarja minn daqs it-tul tal-friegħi taċ-ċirku tal-weraq ta’ fuq nett sad-doppju ta’ dak it-tul.

Simetrija

Dehra ġeneralment simetrika bil-friegħi mqassmin tul iz-zokk ewlieni

Mill-inqas erba’ fergħat tal-istess tul f’kull ċirku tal-weraq, sakemm ma jkunx hemm numru ta’ friegħi intermedjarji bl-istess effett [viżiv]

Għas-siġar itwal minn 3 metri u mhux itwal minn 15-il metru, is-“Sapin de Noël du Morvan” għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

Kriterji

Valur fil-mira

Kulur

Konsistenti mas-siġra kollha

Forma

Proporzjon ta’ wisa’/għoli bejn 0,4 u 0,9

Densità

Iċ-ċrieki tal-weraq tal-friegħi u l-internodi jridu jkunu mqassma b’mod uniformi tul l-għoli kollu tas-siġra, u jkunu biżżejjed fin-numru biex jiżguraw densità tajba.

Zokk ewlieni

Zokk ewlieni wieħed fiċ-ċentru tas-siġra

Simetrija

Dehra ġeneralment simetrika bil-friegħi mqassmin tul iz-zokk ewlieni

“Sapin de Noël du Morvan” jista’ jkollha ħsara żgħira f’post wieħed u difett żgħir wieħed.

Il-klassifikazzjoni tal-ħsara u tad-difetti bħala kbar jew żgħar hija stabbilita hawn taħt.

Għas-“Sapins de Noël du Morvan” ta’ bejn 40 cm u 3 m.

Kriterji

Difetti/Ħsara

Kbar/żgħar

Il-friegħi jkollhom fuqhom likeni u/jew muski

Ħsara

Żgħira

Il-weraq għall-ponta ma jkunux spazjati b’mod regolari

Ħsara

Żgħira

Xi friegħi jkunu miksura jew mejta

Ħsara

Kbira

Traċċi ta’ alka jew preżenza ta’ ħsara minuri kkawżata minn insetti jew annimali

Ħsara

Żgħira

Biex tiġi żgurata distribuzzjoni regolari tal-friegħi u tan-nodi, l-internodi ma jistgħux ikunu aktar mid-doppju tat-tul tat-tkabbir tas-sena ta’ qabel.

Difett

Kbir

Siġra ta’ kulur inkonsistenti

Difett

Żgħir

Proporzjon ta’ wisa’/għoli bejn 1 u 1,33 jew bejn 0,3 u 0,5

Difett

Żgħir

Preżenza ta’ aktar minn zokk ewlieni wieħed

Difett

Kbir

L-inklinazzjoni tar-rimja terminali taqbeż l-20° mill-vertikali

Difett

Kbir

Ir-rimja terminali ma tissodisfax ir-rekwiżit għat-tul

Difett

Żgħir

Siġra ma jkollhiex simetrija b’inqas minn erba’ fergħat f’kull ċirku tal-weraq, fejn ma jkunx hemm biżżejjed fergħat internodali biex jaħbu d-difett.

Difett

Kbir

Għas-“Sapins de Noël du Morvan” ta’ aktar minn 3 m iżda mhux aktar minn 15 m

Kriterji

Difetti/Ħsara

Kbar/żgħar

Siġra ta’ kulur inkonsistenti

Difett

Żgħir

Proporzjon ta’ wisa’/għoli mhux bejn 0,4 u 0,9

Difett

Kbir

Preżenza ta’ aktar minn zokk ewlieni wieħed

Difett

Kbir

Iċ-ċrieki tal-weraq tal-fergħat u l-internodi ma jkunux imqassma b’mod uniformi tul l-għoli kollu tas-siġra u ma jkunux biżżejjed fin-numru biex jiżguraw densità tajba.

Difett

Kbir

Id-dehra ġenerali tas-siġra ma tkunx simetrika u l-friegħi ma jkunux distribwiti kif suppost tul iz-zokk ewlieni.

Difett

Kbir

Xi friegħi jkunu miksura bħala riżultat tat-tqaċċit u tat-trasport

Ħsara

Żgħira

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)

__

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

L-azzjonijiet relatati mal-produzzjoni tas-siġar tal-Milied bit-tikketta tal-IĠP (it-tħawwil, il-kultivazzjoni, l-immarkar, it-tqaċċit jew il-qlugħ) isiru fiż-żona ġeografika tal-IĠP.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

L-imballaġġ irid isir fiż-żona ġeografika sabiex tiġi evitata ħsara lill-prodott matul id-dispaċċ, u b’hekk jinżamm fi stat mingħajr ħsara. Tabilħaqq, l-imballaġġ jagħmilha possibbli li l-friegħi jiġu rranġati tul iz-zokk ewlieni, u b’hekk jiġi evitat li dawn jitħabblu u jitħassru (ksur, telf tal-weraq għall-ponta) matul it-trasport.

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Is-“Sapins de Noël du Morvan” huma identifikati b’tikketta li tinkludi:

—

referenza għall-IĠP “Sapin de Noël du Morvan”

—

id-dettalji ta’ kuntatt tal-korp tal-kwalità Excellence Végétale

—

l-isem tal-ispeċi mqiegħda fis-suq (l-isem komuni u dak Latin)

—

referenza għall-identità tal-produttur

—

it-tul tas-siġra

5.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Muniċipalitajiet fid-dipartimenti li ġejjin:

Côte-d’Or

Aisy-sous-Thil, Bard-le-Régulier, Blanot, Brazey-en-Morvan, Champeau-en-Morvan, Dompierre-en-Morvan, Juillenay, Lacour-d'Arcenay, Liernais, Ménessaire, Molphey, (La) Motte-Ternant, Montigny-Saint-Barthemy, Montlay-en-Auxois, Précy-sous-Thil, (La) Roche-en-Brenil, Rouvray, Saint-Andeux, Saint-Didier, Saint-Germain de Modéon, Saint-Martin-de-la-Mer, Saulieu, Savilly, Sincey-les-Rouvray, Thoisy-la-Berchère, Vianges, Vic-sous-Thil, Villargoix u Villiers-en-Morvan.

Nièvre

Alligny-en-Morvan, Arleuf, Avrée, Bazoches, Blismes, Brassy, Cervon, Chalaux, Château-Chinon (Campagne), Château-Chinon (Ville), Châtin, Chaumard, Chiddes, Corancy, Dommartin, Dun-les-Places, Dun-sur-Grandry, Empury, Fâchin, Fléty, Gâcogne, Gien-sur-Cure, Glux-en-Glenne, Gouloux, Larochemillay, Lavault-de-Frétoy, Lormes, Luzy, Marigny-l'Église, Mhère, Millay, Montigny-en-Morvan, Montreuillon, Montsauche-les-Settons, Moulins-Engilbert, Mouron-sur-Yonne, Moux-en-Morvan, Onlay, Ouroux-en-Morvan, Planchez, Poil, Pouques-Lormes, Préporché, Saint-Agnan, Saint-André-en-Morvan, Saint-Brisson, Saint-Hilaire-en-Morvan, Saint-Honoré-Les-Bains, Saint-Léger-de-Fougeret, Saint-Martin-du-Puy, Saint-Péreuse, Sémelay, Sermages, Vauclaix u Villapourçon.

Saône-et-Loire

Anost, Autun, Barnay, Brion, Broye, (La) Celle-en-Morvan, (La) Chapelle-Sous-Uchon, Charbonnat, Chissey en Morvan, (La) Comelle, Cussy en Morvan, Dettey, Étang-sur-Arroux, (La) Grande-Verrière, Laizy, Lucenay-l'Évêque, Mesvres, (La) Petite-Verrière, Roussillon-en-Morvan, Saint-Didier-sur-Arroux, Saint-Léger-sous-Beuvray, Saint-Nizier-sur-Arroux, Saint-Prix, Sommant, (La) Tagnière, Thil-sur-Arroux u Uchon.

Yonne

Avallon, Beauvilliers, Bussières, Chastellux-sur-Cure, Cussy-les-Forges, Domecy-sur-Cure, Island, Magny, Pontaubert, Quarré-les-Tombes, Saint-Brancher, Saint-Germain-des-Champs, Saint-Léger-Vauban u Sainte-Magnance.

6.   Rabta maż-żona ġeografika

Fatturi naturali

Ir-rabta bejn is-“Sapin de Noël du Morvan” u ż-żona ġeografika hija bbażata fuq il-kwalità speċifika tagħha marbuta maż-żona

Id-demarkazzjoni taż-żona ġeografika tas-“Sapin de Noël du Morvan” hija bbażata fuq kriterji relatati mal-ħamrija, mal-klima u mal-istorja. Iż-żona hija l-massif tal-granit tal-Morvan, jiġifieri n-naħa tat-Tramuntana tal-Massif Central. L-elevazzjoni tar-reġjun tiżdied gradwalment mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, u tilħaq il-quċċata f’Haut Folin, l-ogħla punt fil-Morvan, b’901 metru. L-elevazzjoni medja hija ta’ 600 metru.

Il-formazzjoni kurrenti tal-ħamrija hija marbuta mal-iżvilupp ta’ ħamrija aċiduża kannella fuq ramel granitiku. Din il-ħamrija hija fqira f’termini agrikoli u għandha l-karatteristiċi li ġejjin:

—

sawra ta’ trab tafli ramli ġulġlieni

—

aċiduża, pH: 4 sa 5

—

defiċjenzi kimiċi sinifikanti ta’ aċidu fosforiku u ta’ katjoni

—

kapaċità għolja ta’ skambju fil-wiċċ ta’ 20 mg/100 g, li tonqos malajr aktar ma jiżdied il-fond, u taqa’ għal ftit milliekwivalenti fis-saff ramli

—

riżerva tal-ilma ta’ aktar minn 1 mm ilma għal kull ċentimetru ħamrija.

Il-Morvan għandha “xitwa twila u ħarxa, rebbiegħa li tibda tard u sajf sħun iżda qasir” (Sirugue (2008), Le Morvan, inventaire cartographique des paysages et du patrimoine naturel [Il-Morvan, l-immappjar tal-pajsaġġi u tal-wirt naturali]). Ikun hemm varjazzjoni sinifikanti bejn sena u oħra. L-ammont ta’ xita hu għoli, b’temperaturi moderati u b’riskji frekwenti ta’ ġlata.

Il-preċipitazzjoni fil-Morvan tista’ tirdoppja minn sena għall-oħra. Bħala l-ewwel żona elevata li kapaċi timblokka s-sħab milli jgħaddi mill-kosta tal-Atlantiku, il-Morvan tirċievi medja ta’ 1 000 mm preċipitazzjoni fis-sena, imqassma fuq 200 jum.

Il-preċipitazzjoni tiżdied mal-elevazzjoni: minn medja ta’ 800 mm/sena f’elevazzjoni ta’ bejn 300 u 400 metru, taqbeż l-1 600 mm/sena f’elevazzjoni ogħla minn 900 metru. Id-distribuzzjoni staġunali tagħha hija mmarkata wkoll, bi staġun aktar xott minn Marzu sa Ottubru, u staġun aktar imxarrab minn Novembru sa Frar.

It-temperaturi medji huma moderati, minħabba l-influwenzi marittimi. Dawn ivarjaw minn –2 °C sa +4 °C fix-xitwa, u minn +10 °C sa +25 °C fis-sajf. Madankollu, dawn il-medji jaħbu meded wisgħin, li xi kultant jaqbżu l-20 °C f’ġurnata waħda. Il-ġlata xi kultant tkun intensa u frekwenti ħafna, b’medja ta’ 100 jum ta’ ġlata fis-sena. Ma huwiex rari li f’Awwissu jiġu rreġistrati temperaturi kemxejn taħt il-punt tal-iffriżar fil-qigħan tal-wied.

Fatturi umani

L-idea tas-“siġra tal-Milied” storikament ġejja mill-kultura tal-Protestanti, speċjalment fil-Ġermanja u fl-Iskandinavja, fejn diġà kienet mifruxa fis-seklu 16. Fi Franza, din it-tradizzjoni żviluppat wara t-Tieni Gwerra Dinjija u l-okkupazzjoni Ġermaniża, b’mod partikolari f’Pariġi. Minħabba r-rabtiet kummerċjali mill-qrib tagħha mal-belt kapitali permezz tat-trasport fuq ix-xmajjar, il-Morvan gawdiet minn din id-domanda l-ġdida fi żmien meta s-siġar kienu qed jiġu prodotti fi żmien li altrimenti kien diffiċli għall-agrikoltura. Is-siġar tal-abit mid-deforestazzjoni kienu jintbagħtu fis-suq ta’ Pariġi.

Id-domanda żdiedet malajr ħafna, u s-siġar miġjuba mid-deforestazzjoni ma kinux qed ilaħħqu mad-domanda. Il-kultivazzjoni tas-siġra tal-Milied, kif nafuha llum, bdiet f’dak iż-żmien u żviluppat malajr. Aktar u aktar sidien ta’ rqajja’ tal-foresti ħadu vantaġġ minn din l-opportunità, jew biex jissupplimentaw sorsi oħra ta’ introjtu, jew bħala l-attività ewlenija tagħhom. Il-bdiewa fil-Morvan iddiversifikaw ukoll l-attività tagħhom u bdew jipproduċu siġar tal-Milied fuq l-aktar biċċiet raba’ diffiċli tagħhom, li kienu adattati għat-tkabbir tas-siġar tal-Milied.

Tul, f’xi każijiet, ħames ġenerazzjonijiet ta’ produtturi, it-tekniki tal-kultivazzjoni tjiebu gradwalment. Akkumula għarfien prattiku ġenwin u dan ingħadda minn ġenerazzjoni għal oħra. L-istadji kollha tal-produzzjoni tas-siġar tal-Milied, l-ewwel fosthom it-tħawwil, isiru fil-Morvan. Xi mxietel speċjalizzaw ukoll fil-produzzjoni ta’ pjanti żgħar, għalkemm, sal-lum, għadu ma huwiex possibbli li l-produtturi fiż-żona jkunu kompletament awtonomi. Ġie stabbilit settur sħiħ, u ħafna intrapriżi huma bbażati fuq il-produzzjoni tas-siġar tal-Milied, eż. il-manifatturi ta’ stands tal-injam, il-fornituri tal-inputs, il-magni, eċċ.

Speċifiċità tal-prodott

Is-“Sapin de Noël du Morvan” hija kkaratterizzata minn:

—

qagħda bbilanċjata u simetrika b’zokk ewlieni wieħed u dritt;

—

friegħi regolari u densi b’rimja terminali dritta u proporzjonata;

—

kulur konsistenti tul is-siġra kollha: aħdar skur għall-abit u għaż-żnuber ta’ Nordmann, u aħdar jagħti fil-blu għaż-żnuber nobbli;

—

stat tajjeb ta’ freskezza u żamma tajba tal-weraq għall-ponta wara t-tqaċċit.

Rabta kawżali

Is-sitwazzjoni ġeografika tal-għoljiet tal-Morvan, bil-ħamrija u bil-klima, tipprovdi lis-siġar b’kundizzjonijiet tat-tkabbir ideali. Il-produtturi ilhom ikabbru s-siġar tal-Milied għal kważi seklu fuq dan il-massif tal-granit ta’ Bourgogne. L-għarfien prattiku tagħhom, flimkien mal-konfigurazzjoni ġeografika, jippermetti l-produzzjoni ta’ siġar ta’ kwalità għolja. L-għarfien prattiku tal-produtturi huwa rifless fl-operazzjonijiet ta’ żbir matul il-ħajja tas-siġar: it-tneħħija ta’ rimjiet terminali doppji, it-traqqiq fil-bażi, iż-żieda fid-densità permezz ta’ żbir laterali tas-siġar, jew saħansitra tneħħija tar-raħs. Hija wkoll l-għajn imħarrġa tal-produttur li tagħżel is-siġar bl-immarkar individwali.

L-implimentazzjoni ta’ prattiki ekoloġiċi hija wkoll kunsiderazzjoni għall-produtturi bħala riżultat tal-post tagħhom fil-Park Naturali Reġjonali tal-Morvan. Sabiex tiġi ppreżervata l-ekosistema tal-Morvan, u speċjalment il-ħamrija, is-siġar fil-blokok tal-ħamrija huma pprojbiti. Dan sabiex jiġu evitati t-tneħħija u t-tfaqqir tal-ħamrija fil-Morvan. Jintuża l-kompost għall-produzzjoni tas-siġar fil-qsari. Barra minn hekk, dan l-ambjent ġeografiku jiffavorixxi l-produzzjoni ta’ siġar kbar ħafna. Żviluppat ġabra ta’ għarfien relatata dwar il-ġestjoni tas-siġar, li wasslet għall-istabbiliment ta’ rqajja’ għall-produzzjoni ta’ siġar kbar ħafna. Tul is-snin, u bl-operazzjonijiet tat-tqaċċit, il-produtturi jagħżlu s-siġar li jsiru kbar ħafna.

Is-siġar jikbru b’rata moderata minħabba l-ħamrija relattivament fqira. Is-siġar prodotti huma konsistenti, bi ċrieki tal-weraq spazjati qrib xulxin. Id-densità tista’ tiżdied bit-tekniki ta’ żbir xierqa. Il-kwalità tas-“Sapins de Noël du Morvan” hija dovuta b’mod speċjali għar-reżistenza tagħhom.

Ir-reżistenza tagħhom għall-ġlata hija mekkaniżmu ta’ akklimatizzazzjoni kkawżat mill-jiem li jiqsaru u mit-tnaqqis fit-temperaturi fil-ħarifa: taħt il-5 °C. Din tintensifika meta t-temperaturi jaqgħu ftit taħt iż-żero. Dan il-fenomenu jibbenefika ħafna mill-kundizzjonijiet klimatiċi ħorox li huma tipiċi tal-Morvan.

Dawn il-kundizzjonijiet iwasslu biex is-siġar jidħlu fi stat ta’ raqda fi stadju bikri ħafna, qabel ma jitqaċċtu. Dan l-istat ta’ raqda għandu impatt partikolarment ta’ benefiċċju fuq iż-żamma tal-weraq għall-ponta u tal-kulur maż-żmien. It-tqaċċit jew il-qlugħ tard tas-siġar jippermetti wkoll li jinżamm dan l-istat ta’ freskezza.

Illum, il-Morvan hija l-akbar reġjun ta’ produtturi fi Franza b’1 500 ettaru ta’ pjantaġġuni. Jiġu prodotti madwar 1,2 miljun siġra tal-Milied kull sena minn madwar 100 produttur li żviluppaw għarfien prattiku eċċellenti u sinerġija unika billi għaqqdu r-riżorsi tagħhom.

Ekonomikament, din l-attività hija essenzjali għal din iż-żona rurali żvantaġġata. Il-wirja tas-siġar Sapin Expo ssir kull 4 snin f’Saulieu, f’Ġunju. Illum saret laqgħa mhux ta’ min jitlifha għall-professjonisti kollha mis-settur tas-siġar tal-Milied, mill-Morvan u lil hinn minnha.

Is-“Sapin de Noël du Morvan” saret simbolu b’saħħtu tar-reġjun. Is-“Sapins de Noël du Morvan” iżejnu l-aktar siti prestiġjużi f’Pariġi, bħas-Senat u l-Opra ta’ Pariġi. Għal ħafna snin, l-Assoċjazzjoni Franċiża tas-Siġar tal-Milied Naturali (AFSNN, Association Française du Sapin de Noël Naturel) ippreżentat siġra taż-żnuber ta’ Nordmann biex iżżejjen il-ġardina interna ewlenija tal-Palazz tal-Elysée, bħala ambaxxatriċi kburija tal-Morvan.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-indikazzjoni ġeografika:

https://extranet.inao.gouv.fr/fichier/CDCSapinNoelMorvan-250702.pdf


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6668/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)