IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.9.2021
COM(2021) 593 final
2021/0303(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li temenda il-Ftehim
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) dwar Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt biex jiġi emendat dak il-Ftehim.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika
Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jistipula l-arranġamenti għall-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni u l-Euratom. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.
2.2.Il-Kumitat Konġunt
Il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jinkludi rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Renju Unit. Huwa kopresedut mill-Unjoni u mir-Renju Unit. L-Anness VIII tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt. Il-Kumitat Konġunt jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena jew fuq talba tal-Unjoni jew tar-Renju Unit, u jistabbilixxi l-iskeda tal-laqgħat u l-aġenda permezz ta’ kunsens reċiproku.
Il-kompiti tal-Kumitat Konġunt huma stipulati fl-Artikolu 164 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u prinċipalment huma:
·is-sorveljanza tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim direttament jew permezz tal-ħidma tal-kumitati speċjalizzati li jirrapportaw lilu;
·l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet, inklużi emendi tal-Ftehim fil-każijiet previsti fih,
·il-prevenzjoni ta’ problemi u s-soluzzjoni ta’ tilwim li jistgħu jinqalgħu rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim,
2.3.Id-deċiżjoni prevista tal-Kumitat Konġunt
Il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta deċiżjoni li temenda l-Ftehim dwar il-Ħruġ, bis-saħħa tal-Artikolu 164(5)(d) tal-Ftehim, biex jikkoreġi żbalji, jindirizza ommissjonijiet jew nuqqasijiet oħra, jew biex jindirizza sitwazzjonijiet li ma kinux previsti meta ġie ffirmat il-Ftehim dwar il-Ħruġ, dment li l-modifiki ma jemendawx l-elementi essenzjali tal-Ftehim.
L-għan tad-deċiżjoni prevista huwa li tindirizza ommissjonijiet u nuqqasijiet li ma jemendawx l-elementi essenzjali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
Id-deċiżjoni prevista se ssir vinkolanti għall-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. F’konformità mar-Regola 9 tar-Regoli ta’ Proċedura, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt jispeċifikaw id-data li fiha se jidħlu fis-seħħ.
3.Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni
3.1.Il-Parti I tal-Anness I għall-Ftehim dwar il-Ħruġ dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali
Il-Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fiha d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali li l-Unjoni u r-Renju Unit iridu jqisu kif xieraq meta japplikaw ir-regoli ta-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (ara l-Artikolu 31 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ).
Fit-18 ta’ Ottubru 2017 il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali approvat ir-Rakkomandazzjoni Nru A1 rigward il-ħruġ tal-attestazzjoni tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Madankollu, din ir-Rakkomandazzjoni ma ġietx elenkata fl-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u jenħtieġ li tiżdied.
Fit-19 ta’ Ottubru 2017 il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali approvat id-Deċiżjoni Nru E6 dwar id-determinazzjoni ta’ meta messaġġ elettroniku jitqies li legalment wasal fis-sistema ta’ Skambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (Electronic Exchange of Social Security Information, EESSI). Madankollu din id-Deċiżjoni ma ġietx elenkata fl-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u jenħtieġ li tiżdied.
Fis-17 ta’ Ġunju 2020 il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali approvat id-Deċiżjoni Nru H9 rigward il-posponiment tal-iskadenzi msemmija fl-Artikoli 67 u 70 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll fid-Deċiżjoni No S9 minħabba l-Pandemija tal-COVID-19. Madankollu din id-Deċiżjoni ma ġietx elenkata fl-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u jenħtieġ li tiżdied.
Fil-21 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali approvat id-Deċiżjoni Nru H10 dwar il-metodi ta’ ħidma u l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Teknika għall-Ipproċessar ta’ Data tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali. Madankollu din id-Deċiżjoni ma ġietx elenkata fl-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u jenħtieġ li tiżdied. Id-Deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjoni H8 li tikkonċerna l-metodi ta’ ħidma u l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Teknika għall-Ipproċessar tad-Data tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Nru H8 se titneħħa mill-Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
Fit-9 ta’ Diċembru 2020,il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali approvat id-Deċiżjoni Nru H11 tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali rigward il-posponiment tal-iskadenzi msemmija fl-Artikoli 67 u 70 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 kif ukoll fid-Deċiżjoni Nru S9 minħabba l-Pandemija tal-COVID-19. Madankollu din id-Deċiżjoni ma ġietx elenkata fl-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u jenħtieġ li tiżdied.
Fl-10 ta’ Ottubru 2018,il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali approvat ir-Rakkomandazzjoni Nru H2 dwar l-inklużjoni ta’ karatteristiċi ta’ awtentikazzjoni fid-Dokumenti Portabbli maħruġa mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru u li juru l-pożizzjoni ta’ persuna għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Madankollu, din ir-Rakkomandazzjoni ma ġietx elenkata fl-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u jenħtieġ li tiżdied.
Fid-9 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali approvat id-Deċiżjoni Nru S11 dwar il-proċeduri ta’ rifużjoni għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 35 u 41 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Din id-Deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru S9 dwar il-proċeduri ta’ rifużjoni għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 35 u 41 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Nru S9 se titneħħa mill-Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
4.Bażi ġuridika
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Id-deċiżjoni li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta tikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti għall-Partijiet skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim.
L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
L-għan waħdieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati ma’, minn naħa, l-emendar tal-Ftehim biex jiġu indirizzati l-iżbalji, l-ommissjonijiet u n-nuqqasijiet, filwaqt li ma jiġux emendati l-elementi essenzjali tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l-Ftehim jiġi emendat f’każ speċifikament previst minn dawn tal-aħħar.
Il-konklużjoni tal-Ftehim kienet ibbażata fuq l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Għaldaqstant, u f’konformità mal-prinċipju bażiku li att jista’ jiġi emendat biss b’att tal-istess tip, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
4.1.Konklużjoni
Jentħieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi d-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ se temenda l-Ftehim dwar il-Ħruġ, huwa xieraq li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li tiġi adottata.
2021/0303 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li temenda il-Ftehim
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135tat-30 ta’ Jannar 2020 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.
(2)L-Artikolu 164(5)(d) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jagħti s-setgħa lill-Kumitat Konġunt li jadotta deċiżjonijiet li jemendaw lil dan il-Ftehim, dment li tali emendi jkunu meħtieġa biex jikkoreġu żbalji, biex jindirizzaw l-ommissjonijiet jew nuqqasijiet oħrajn, jew biex jindirizzaw sitwazzjonijiet li ma kinux previsti meta ġie ffirmat il-Ftehim, u dment li tali deċiżjonijiet ma jemendawx l-elementi essenzjali tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 166(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt huma vinkolanti għall-Unjoni u għar-Renju Unit, u l-Unjoni u r-Renju Unit iridu jimplimentaw dawn id-deċiżjonijiet, li għandu jkollhom l-istess effett legali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ..
(3)Permezz ta’ sorveljanza, deċiżjoni waħda u rakkomandazzjoni waħda tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni tas-Sistemi tas-Sigurtà Soċjali ma ġewx elenkati fil-Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Erba’ deċiżjonijiet oħra u rakkomandazzjoni waħda ġew adottati qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Għaldaqstant jenħtieġ li dawn id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiżdiedu ma’ dawk l-annessi.
(4)Jenħtieġ li l-Kumitat Konġunt jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 164(5)(d) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ biex jiġu indirizzati dawn l-ommissjonijiet u nuqqasijiet.
(5)Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 164(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, dwar deċiżjoni li għandha tittieħed f’konformità mal-Artikolu 164(5)(d) tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
F’isem il-Kunsill
Il-President