European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1442

21.7.2025

DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1442

tat-18 ta’ Lulju 2025

li temenda d-Direttiva 2006/111/KE dwar l-obbligu ta’ rappurtar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 106(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE (1) tiggverna t-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji tal-impriżi pubbliċi u tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw it-trasparenza tal-fondi pubbliċi disponibbli għal tali impriżi. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva jirrikjedi lill-Istati Membri biex jissottomettu ċerta informazzjoni finanzjarja lill-Kummissjoni dwar l-impriżi pubbliċi li joperaw fis-settur tal-manifattura b’fatturat li jaqbeż il-EUR 250 miljun għall-aktar sena finanzjarja reċenti fuq bażi annwali.

(2)

Barra minn hekk, l-Istati Membri huma meħtieġa skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/111/KE, li jżommu informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi pubbliċi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni għal ħames snin mit-tmiem tas-sena finanzjarja li fiha l-fondi pubbliċi jkunu saru disponibbli għal impriżi pubbliċi.

(3)

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tiġi infurzata b’mod korrett, iżda jenħtieġ li jiġu ssimplifikati biex jiġi żgurat li jissodisfaw l-għan maħsub tagħhom u ma joħolqux piż amministrattiv eċċessiv. Il-Komunikazzjoni (2) tal-Kummissjoni “Ewropa aktar sempliċi u rapida” tistabbilixxi mira li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għan-negozji u l-amministrazzjonijiet b’25 %, u tikkontribwixxi għall-għan li jitħaffef il-piż regolatorju li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

(4)

L-obbligu ta’ rapportar skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/111/KE jpoġġi piż amministrattiv sproporzjonat fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-impriżi pubbliċi soġġetti għal dawk l-obbligi. Għalhekk jenħtieġ li jitħassar f’konformità mal-mira tal-Kummissjoni li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi b’mill-inqas 25 %.

(5)

It-tħassir tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/111/KE jippermetti lill-Istati Membri jirrevokaw kwalunkwe miżura ta’ traspożizzjoni li tkun ġiet adottata fil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom.

(6)

L-Artikolu 2, il-punt (c), tad-Direttiva 2006/111/KE, li jiddefinixxi l-impriżi pubbliċi li joperaw fis-settur tal-manifattura, jenħtieġ li jitħassar flimkien mal-Artikolu 8 peress li dik id-definizzjoni tintuża biss għall-finijiet tal-Artikolu 8.

(7)

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/111/KE jirrikjedii lill-Kummissjoni li tinforma regolarment lill-Istati Membri bir-riżultati tal-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva. Peress li l-Kummissjoni ma tiġborx b’mod sistematiku informazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva flimkien mal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 8, isegwi li dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni ma għadux ġustifikat. L-Artikolu 9 jenħtieġ li jitħassar ukoll.

(8)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2006/111/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 2, il-punt (c), u l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2006/111/KE jitħassru.

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (ĠU L 318, 17.11.2006, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/111/oj).

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Ewropa Aktar Sempliċi u Rapida: Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni u s-simplifikazzjoni, COM/2025/47 final (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52025DC0047).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/1442/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)