IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.11.2024
COM(2024) 525 final
2024/0291(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fis-17-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika b’rabta mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-proċedura għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet fl-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u
l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-17-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet (“CoP”) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni ta’ Istanbul” jew “il-Konvenzjoni”) fis-17 ta’ Diċembru 2024, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-proċedura l-ġdida tal-Kumitat għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni, abbażi tal-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika mill-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (“GREVIO”) intitolat “Building trust by delivering support, protection and justice” (Nibnu l-fiduċja bl-għoti ta’ appoġġ, protezzjoni u ġustizzja).
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul
Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul għandha l-għan li tistabbilixxi sett komprensiv u armonizzat ta’ regoli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fl-Ewropa u lil hinn minnha. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2014.
L-UE ffirmat il-Konvenzjoni f’Ġunju 2017 u lestiet il-proċedura tal-adeżjoni bid-depożitu ta’ żewġ strumenti ta’ approvazzjoni fit-28 ta’ Ġunju 2023, li skattaw id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għall-UE fl-1 ta’ Ottubru 2023. L-UE ssieħbet mal-Konvenzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, jiġifieri fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni u fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement. L-Istati Membri kollha tal-UE ffirmaw il-Konvenzjoni u 22 minnhom irratifikawha.
2.2.Il-Kumitat tal-Partijiet
Is-CoP huwa magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet għall-Konvenzjoni. Il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex, bħala r-rappreżentanti tagħhom, jinnominaw l-aħjar esperti fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika. Il-kompiti fdati lis-CoP huma elenkati fir-Regola 1 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. Fl-1 ta’ Ottubru 2023 l-UE saret Parti għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul, u għalhekk membru tas-CoP (l-Artikolu 67(1) tal-Konvenzjoni).
2.3. Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul
Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ li jiżgura li l-Partijiet jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tagħha b’mod effettiv. L-għan huwa li ssir valutazzjoni kif id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jitħaddmu fil-prattika u li tingħata gwida lill-Partijiet. Dan il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ jikkonsisti f’żewġ korpi distinti, li jinteraġixxu bejniethom: GREVIO u s-CoP. GREVIO huwa grupp indipendenti ta’ esperti bil-kompitu li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fuq bażi ta’ pajjiż b’pajjiż, f’konformità mal-Artikolu 66(1) tal-Konvenzjoni.
Il-proċedura ta’ monitoraġġ hija stabbilita fl-Artikolu 68 tal-Konvenzjoni. F’konformità mal-Artikolu 68(1), il-Partijiet huma meħtieġa jippreżentaw rapport, ibbażat fuq kwestjonarju mħejji mill-GREVIO, li jagħti dettalji dwar il-miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra meħuda biex id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni jiġu implimentati. Din il-proċedura, imsejħa l-proċedura ta’ evalwazzjoni tax-xenarju ta’ referenza, tipprovdi l-ewwel ħarsa ġenerali komprensiva tal-implimentazzjoni tal-Parti ta’ kważi d-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni. Abbażi tal-kwestjonarju u informazzjoni addizzjonali minn atturi rilevanti oħra, GREVIO jabbozza rapport li jinkludi proposti għal miżuri li l-Parti għandha tieħu biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni.
Abbażi tar-rapporti ta’ GREVIO u l-konklużjonijiet tiegħu, is-CoP, f’konformità mal-Artikolu 68(12) tal-Konvenzjoni, jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Parti kkonċernata dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u jiffissa data sa meta tkun trid titressaq informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, is-CoP kien qed jadotta rakkomandazzjonijiet lill-Istati Partijiet li jiddifferenzjaw bejn dawk l-azzjonijiet li jqis li l-Parti kkonċernata għandha tieħu malajr kemm jista’ jkun, b’rekwiżit li tirrapporta lura lilu dwar il-passi meħuda f’dan ir-rigward fi żmien perjodu ta’ tliet snin, u dawk li, filwaqt li jkunu importanti, is-CoP iqis li jistgħu jitħallew f’livell sekondarju ta’ immedjatezza.
Il-proċedura applikabbli għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq ir-rapporti ta’ referenza ta’ GREVIO ġiet stabbilita mill-Kumitat fir-raba’ laqgħa tiegħu fit-30 ta’ Jannar 2018 u hija deskritta fid-dokument IC-CP (2018)6. Fil-qosor, ġie maqbul li r-rakkomandazzjonijiet għandhom jiffukaw fuq in-nuqqasijiet identifikati mill-GREVIO bħala li jeħtieġu azzjoni immedjata, indikati mill-verb “iħeġġeġ”, u dawk fil-Kapitoli I u II tal-Konvenzjoni li jeħtieġu azzjoni ta’ rimedju fil-futur qrib, kif indikat mill-verb “jinkoraġġixxi bil-qawwa.”
Filwaqt li GREVIO jqis il-proposti kollha tiegħu bħala importanti, huwa stabbilixxa skala ta’ urġenza, espressa permezz tal-użu ta’ verbi differenti: “iħeġġeġ,” “jinkoraġġixxi bil-qawwa,” “jinkoraġġixxi,” u “jistieden.” Il-Kumitat tal-Partijiet iddeċieda speċifikament li jinkludi fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu il-proposti “jinkoraġġixxu bil-qawwa” mill-Kapitoli I u II tal-Konvenzjoni minħabba l-importanza partikolarment kbira tagħhom, peress li dawn jipprovdu l-pedament għall-implimentazzjoni effettiva tal-bqija tal-Konvenzjoni. GREVIO kien identifika wkoll lakuni sinifikanti fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-Kapitoli. Ġie miftiehem ukoll li l-Partijiet għandhom jingħataw tliet snin biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tas-CoP u jirrapportaw lura. Fl-aħħar nett, il-Konferenza tal-Presidenti ddeċidiet li tistieden b’mod espliċitu lill-Parti biex timplimenta l-proposti li fadal mingħand GREVIO, mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar rappurtar dwar dawk il-kwistjonijiet inqas urġenti, bħala mod kif jiġu approvati l-proposti ta’ GREVIO fl-intier tagħhom.
2.4.Iċ-ċikli tematiċi ta’ evalwazzjoni
Peress li l-proċedura ta’ evalwazzjoni tax-xenarju ta’ referenza tlestiet għal kważi l-Partijiet kollha għall-Konvenzjoni, lejn l-aħħar tal-2022, GREVIO ddeċieda li jgħaddi għall-fażi li jmiss fl-evalwazzjoni tal-konformità tal-Istati Partijiet mal-Konvenzjoni. F’konformità mal-Artikolu 68(3) tal-Konvenzjoni, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ GREVIO wara l-evalwazzjoni tax-xenarju ta’ referenza għandhom jinqasmu f’ċikli. Fil-bidu ta’ kull sessjoni, GREVIO għandu jagħżel dispożizzjonijiet speċifiċi biex jevalwa u jibgħat kwestjonarju biex jiġbor informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom. GREVIO se joħroġ rapporti abbażi tal-informazzjoni miġbura. Dan il-proċess jissejjaħ ċikli ta’ evalwazzjoni tematiċi ta’ GREVIO.
L-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika huwa intitolat “Nibnu l-Fiduċja bl-għoti ta’ Appoġġ, Protezzjoni u Ġustizzja” u se jopera mill-2023 sal-2031. Filwaqt li l-proċedura ta’ evalwazzjoni kopriet madwar 60 artikolu tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, il-proċedura ta’ evalwazzjoni tematika l-ġdida tindirizza 19-il dispożizzjoni speċifika. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu standards għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-atturi tal-ġustizzja kriminali, il-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ ġenerali u speċjalizzati għall-vittmi, u approċċ ġenerali ċċentrat fuq il-vittmi. L-għan huwa li tiġi pprovduta valutazzjoni aktar fil-fond ta’ dawn l-oqsma, li tiffoka fuq il-progress li sar taħt kull dispożizzjoni.
Sabiex jiġu adottati rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet abbażi tal-evalwazzjoni tematika l-ġdida ta’ GREVIO, jeħtieġ li l-CoP jistabbilixxi proċedura ddedikata. Saret diskussjoni preliminari dwar din il-kwistjoni fil-laqgħa tas-CoP fit-3 ta’ Mejju 2024, abbażi ta’ dokument ta’ diskussjoni mħejji mis-Segretarjat [IC-CP(2024)6]. Wara din id-diskussjoni, f’Settembru 2024, is-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet iċċirkola abbozz ta’ deċiżjoni [IC-CP (2024)10] dwar il-proċedura għall-ħruġ ta’ tali rakkomandazzjonijiet, flimkien ma’ mudell li jiddeskrivi l-istruttura proposta tar-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati lill-Partijiet. L-abbozz ta’ deċiżjoni huwa fil-biċċa l-kbira bbażat fuq il-proċedura applikabbli għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq ir-rapporti tax-xenarju ta’ referenza.
2.5.L-att previsti tal- Kumitat tal-Partijiet
Matul is-17-il laqgħa tiegħu fis-17 ta’ Diċembru 2024, huwa previst li s-COP jipproċedi bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-proċedura l-ġdida tal-Kumitat għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul abbażi tal-ewwel rapporti tematiċi ta’ evalwazzjoni ta’ GREVIO, flimkien ma’ mudell li jiddeskrivi l-istruttura ta’ tali rakkomandazzjonijiet futuri (“l-att previst”).
Il-proċedura kif proposta mis-Segretarjat tas-CoP fid-dokument IC-CP(2024)10 tista’ tinġabar fil-qosor kif ġej:
–Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikopru l-proposti fir-rapporti ta’ evalwazzjoni tematiċi li GREVIO jqis li għandhom jiġu rimedjati b’urġenza partikolari (“iħeġġeġ”) u dawk li GREVIO jqis li għandhom jiġu rimedjati fil-futur qarib (“jinkoraġġixxi bil-qawwa”), fir-rigward tal-kapitoli kollha tal-Konvenzjoni.
–Is-CoP għandu jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, f’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu billi jitlob li l-Parti tippreżenta rapport bil-miktub dwar kif implimentat ir-rakkomandazzjonijiet fi żmien tliet snin mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Minn hemm ’il quddiem, is-CoP jista’ jagħżel li ma jieħu l-ebda pass ulterjuri fis-superviżjoni tiegħu biex jevita d-duplikazzjoni ma’ kwalunkwe ċiklu ta’ evalwazzjoni futura minn GREVIO.
–Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jirrakkomandaw b’mod espliċitu li l-Parti timplimenta l-proposti li fadal mingħand GREVIO, mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar rappurtar dwar dawn il-kwistjonijiet inqas urġenti, bħala mod kif jiġu approvati l-konklużjonijiet ta’ GREVIO fl-intier tagħhom, u tistieden lill-Parti għal djalogu kontinwu ma’ GREVIO.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
L-att previst jikkonċerna l-proposta tas-Segretarjat tas-CoP għall-kamp ta’ applikazzjoni u l-proċedura għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul abbażi tal-ewwel rapporti ta’ evalwazzjoni tematiċi ta’ GREVIO, flimkien ma’ mudell li jiddeskrivi l-istruttura ta’ tali rakkomandazzjonijiet futuri. Iċ-ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika jikkonċerna l-implimentazzjoni mill-Partijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-amministrazzjonijiet pubbliċi rispettivi tal-Partijiet, inklużi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-amministrazzjoni pubblika. Ir-rakkomandazzjonijiet adottati mis-CoP jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni fis-sens li jistgħu jaffettwaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni fil-futur. L-att previst jiddetermina l-proċedura għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa lill-Partijiet u se jkun vinkolanti għall-Unjoni. Għalhekk, jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-CoP dwar l-att previst, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni.
Qed jiġi propost li l-UE taqbel mal-proposta tas-Segretarjat, peress li l-proċedura ssuġġerita tallinja mal-proċedura ta’ evalwazzjoni tax-xenarju ta’ referenza li kienet effettiva u tiżgura implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet kollha magħżula għall-evalwazzjoni tematika, filwaqt li tevita proċessi ta’ monitoraġġ li jikkoinċidu.
Bidla proposta meta mqabbla mal-proċedura ta’ evalwazzjoni tax-xenarju ta’ referenza tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Il-proposta l-ġdida twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni biex jinkludi l-konklużjonijiet kollha li GREVIO jqis li jeħtieġu azzjoni urġenti (“jinkoraġġixxi bil-qawwa”), aktar milli tillimita r-rakkomandazzjonijiet għall-Kapitoli I u II tal-Konvenzjoni skont il-proċedura preċedenti. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni usa’ għandu jkun aċċettabbli, peress li l-għadd globali ta’ konklużjonijiet x’aktarx li jitnaqqas meta mqabbel mar-rapporti ta’ evalwazzjoni bażi tal-GREVIO, peress li r-rapport tematiku jindirizza biss dsatax-il Artikolu tal-Konvenzjoni.
Barra minn hekk, bidla żgħira fil-proposta hija li tiddikjara b’mod espliċitu li s-CoP jista’ jagħżel li ma jiħux passi superviżorji ulterjuri wara li jirċievi rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, biex jiġi evitat trikkib ma’ ċikli ta’ evalwazzjoni futuri minn GREVIO. Dan jindirizza t-tħassib imqajjem mill-Partijiet rigward proċessi ta’ monitoraġġ li jikkoinċidu, peress li kellhom jiġġestixxu kemm l-evalwazzjonijiet tax-xenarju ta’ referenza u dawk tematiċi fl-istess ħin. Dan għandu jkun aċċettabbli wkoll, minħabba l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-proċeduri u jitnaqqas il-piż fuq il-Partijiet.
Bidla żgħira oħra hi li huwa ddikjarat b’mod espliċitu li s-CoP jistieden lill-Parti biex ikompli d-djalogu dwar il-progress ma’ GREVIO. Jenħtieġ li dan ikun aċċettabbli wkoll peress li tali djalogu huwa volontarju u jista’ jkun ta’ għajnuna għall-Parti inkwistjoni.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’ isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat tal-Partijiet huwa korp stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul. L-abbozz ta’ deċiżjoni li l-Kumitat tal-Partijiet huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti legali peress li se jiddetermina l-proċedura għall-adozzjoni u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet abbażi taċ-ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, li jistgħu jaffettwaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni fil-futur, u għalhekk jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi simultanjament, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE se jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet legali korrispondenti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni tal-att previst huwa li jiġu stabbiliti l-proċeduri li jippermettu lis-CoP jadotta rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet abbażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tematiċi l-ġodda ta’ GREVIO. Iċ-ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika jikkonċerna l-implimentazzjoni mill-Partijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-amministrazzjonijiet pubbliċi rispettivi tal-Partijiet, inklużi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-amministrazzjoni pubblika. L-UE ssieħbet mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, jiġifieri fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni u fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement. L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul seħħet permezz ta’ żewġ Deċiżjonijiet distinti tal-Kunsill biex jittieħed kont tal-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka u tal-Irlanda fir-rigward tat-Titolu V tat-TFUE. B’konsegwenza ta’ dan, anki d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet fir-rigward tal-att previst għandha tinqasam f’żewġ deċiżjonijiet paralleli.
Il-bażi legali għal din id-deċiżjoni tikkonċerna kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għal din id-deċiżjoni hija l-Artikolu 336 TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali għad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 336 TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
2024/0291 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fis-17-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika b’rabta mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-proċedura għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet fl-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u
l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 336, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075, fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, sa fejn dawn jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u daħlet fis-seħħ għall-Unjoni fl-1 ta’ Ottubru 2023.
(2)F’konformità mal-Artikolu 66(1) tal-Konvenzjoni, il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (“GREVIO”) ingħata l-kompitu li jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni mill-Partijiet. F’konformità mal-Artikolu 68(3) tal-Konvenzjoni, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni sussegwenti wara l-proċedura ta’ evalwazzjoni tax-xenarju ta’ referenza ta’ GREVIO, għandhom jinqasmu f’ċikli, li jissejħu sessjonijiet ta’ evalwazzjoni tematiċi ta’ GREVIO. Skont l-Artikolu 68(11) tal-Konvenzjoni, GREVIO għandu jadotta r-rapporti u l-konklużjonijiet tiegħu dwar il-miżuri meħuda mill-Parti kkonċernata biex timplimenta d-dispożizzjonijiet relevanti tal-Konvenzjoni. Abbażi tar-rapporti ta’ GREVIO, il-Kumitat tal-Partijiet għall-Konvenzjoni jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Parti kkonċernata, f’konformità mal-Artikolu 68(12) tal-Konvenzjoni.
(3)L-ewwel ċiklu ta’ evalwazzjoni tematika, intitolat “Nibnu l-Fiduċja bl-għoti ta’ Appoġġ, Protezzjoni u Ġustizzja” tnieda fl-2022 u se jopera mill-2023 sal-2031. Dan jindirizza 19-il dispożizzjoni speċifika tal-Konvenzjoni u jikkonċerna l-implimentazzjoni mill-Partijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li japplikaw ukoll għall-Unjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tagħha stess.
(4)F’Settembru 2024, is-Segretarjat tal-Kumitat tal-Partijiet ikkondivida abbozz ta’ deċiżjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat tal-Partijiet fid-dawl tar-rapporti ta’ GREVIO adottati bħala parti mill-ewwel ċiklu tematiku ta’ evalwazzjoni tiegħu [IC-CP (2024)10], li jipprevedi proċedura għall-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet u s-superviżjoni sussegwenti tagħhom mill-Kumitat tal-Partijiet u fih mudell ta’ rakkomandazzjoni. L-emendi għandhom jiġu diskussi u, jekk possibbli, adottati fis-17-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet fis-17 ta’ Diċembru 2024.
(5)L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva li taċċetta l-obbligi stabbiliti fil-Konvenzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tagħha stess, fl-ambitu tal-Artikolu 336 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fl-Opinjoni 1/19 (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) tas-6 ta’ Ottubru 2021, EU:C:2021:832, il-punt 305, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, essenzjalment, parti sinifikanti mill-obbligi tal-Konvenzjoni dwar l-adozzjoni ta’ miżuri preventivi u ta’ protezzjoni huma vinkolanti għall-Unjoni fir-rigward tal-persunal tal-amministrazzjoni tagħha u fir-rigward tal-membri tal-pubbliku li jżuru l-bini u l-bini tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tagħha.
(6)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet peress li l-att previst se jiddetermina l-proċedura għall-adozzjoni u s-superviżjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Partijiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet se jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni fis-sens li jistgħu jaffettwaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni fil-futur.
(7)Skont l-abbozz ta’ deċiżjoni, ir-rakkomandazzjonijiet jenħtieġ li jkunu limitati għall-aktar tħassib urġenti identifikat mill-GREVIO fir-rapporti tiegħu. Dawn jinkludu nuqqasijiet li GREVIO jikkunsidra li jeħtieġu azzjoni immedjata, fejn juża l-verb “iħeġġeġ”, kif ukoll dawk il-kwistjonijiet li GREVIO jemmen li jenħtieġ li jiġu rimedjati fil-futur qrib, indikati mill-verb “jinkoraġġixxi bil-qawwa”, li jkopru l-kapitoli kollha tal-Konvenzjoni.
(8)Fir-rigward tas-superviżjoni, l-abbozz ta’ deċiżjoni jipprevedi li l-Kumitat tal-Partijiet jenħtieġ li jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet billi jitlob lill-Parti tippreżenta rapport bil-miktub dwar il-miżuri meħuda fi żmien perjodu ta’ 3 snin wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Minn hemm ’il quddiem, il-Kumitat tal-Partijiet jista’ jagħżel li ma jieħu l-ebda pass ulterjuri fis-superviżjoni tiegħu biex jevita d-duplikazzjoni ma’ kwalunkwe sessjoni ta’ evalwazzjoni futura minn GREVIO.
(9)Fl-aħħar nett, l-abbozz ta’ deċiżjoni jipprevedi li r-rakkomandazzjonijiet jenħtieġ li jirrakkomandaw lill-Parti biex timplimenta l-proposti inqas urġenti li fadal mingħand GREVIO, bħala mod kif jiġu approvati l-konklużjonijiet ta’ GREVIO fl-intier tagħhom, u biex il-Parti tiġi mistiedna għal djalogu kontinwu ma’ GREVIO.
(10)Qed jiġi propost li l-Unjoni taqbel mal-abbozz ta’ deċiżjoni, peress li l-proċedura ssuġġerita tallinja mal-proċedura ta’ evalwazzjoni tax-xenarju ta’ referenza li kienet effettiva u tiżgura implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet kollha magħżula għall-evalwazzjoni tematika, filwaqt li tevita proċessi ta’ monitoraġġ li jikkoinċidu.
(11)Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-abbozz ta’ deċiżjoni fid-dokument IC-CP(2024)10, inkluża r-rakkomandazzjoni mudell proposta fl-Appendiċi I tagħha.
(12)Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa matul il-laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet, jenħtieġ li jiġi previst li bidliet żgħar fl-abbozz ta’ deċiżjoni jkunu jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-17-il laqgħa tal-Kumitat tal-Partijiet, stabbilit skont l-Artikolu 67 tal-Konvenzjoni, għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat tal-Partijiet fid-dawl tar-rapporti ta’ GREVIO adottati bħala parti mill-ewwel ċiklu tematiku ta’ evalwazzjoni tiegħu [IC-CP (2024) 10], inkluż il-mudell ta’ rakkomandazzjoni propost fl-Appendiċi I.
Artikolu 2
Bidliet żgħar fl-abbozz tad-deċiżjoni IC-CP(2024)10, inkluż l-Appendiċi 1 tagħha, jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President